This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0342
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL assessing progress reported by Italy to the Commission and the Council on recovery of additional levy due by milk producers for the periods 1995/96 to 2001/02(pursuant to Article 3 of Council Decision 2003/530/EC)
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL li jivvaluta l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru ta' imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/96 sal-2001/02(skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL li jivvaluta l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru ta' imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/96 sal-2001/02(skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)
/* KUMM/2011/0342 finali */
/* KUMM/2011/0342 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL li jivvaluta l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru ta' imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/96 sal-2001/02(skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL li jivvaluta l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru ta' imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/96 sal-2001/02 (skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE) Dan ir-rapport ta' valutazzjoni qed isir mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE tas-16 ta' Lulju 2003 dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lill-produtturi tal-ħalib tagħha [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Artikolu 1 ta' dik id-Deċiżjoni, l-għajnuna, li tikkonsisti f'pagament min-naħa tar-Repubblika Taljana nfisha, tal-ammont dovut mill-produtturi tal-ħalib lill-Unjoni b'riżultat tal-imposta addizzjonali fuq il-ħalib għall-perjodu mill-1995/96 sal-2001/02 u billi tippermetti lil dawn il-produtturi jħallsu d-dejn tagħhom fil-forma ta' pagament diferit imqassam fuq għadd ta' snin mingħajr imgħax, hija meqjusa eċċezzjonalment kompatibbli mas-suq komuni, bil-kundizzjoni li: - il-produtturi jħallsu lura l-ammont kollu, f'pagamenti annwali tal-istess daqs, u - il-perjodu ta' ripagament ma jaqbiżx l-erbatax-il (14) sena, li jibdew mill-1 ta' Jannar 2004. Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, l-għajnuna tingħata biss bil-kundizzjoni li l-Italja tiddikjara l-imposta addizzjonali totali għall-perjodi kkonċernati lill-FAEGG u billi tnaqqas id-dejn li jifdal permezz ta' tliet pagamenti annwali tal-istess daqs min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, Novembru 2004 u Novembru 2005 rispettivament. Id-dikjarazzjoni tal-Italja, tal-imposta addizzjonali totali għall-perjodi kkonċernati twettqet kif suppost permezz ta' ittra fis-26 ta' Awwissu 2003. It-tnaqqisijiet tad-dejn li jifdal saru kif suppost min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, 2004 u 2005. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti Taljani jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kull sena dwar il-progress li jkunu għamlu fl-irkupru tal-ammont dovut mill-produtturi b'riżultat tal-imposta addizzjonali għall-perjodu mill-1995-96 sal-2001-02. L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw is-sitt rapport tagħhom skont din id-dispożizzjoni lill-Kummissjoni permezz ta' ittra mill-AGEA fil-15 ta' Novembru 2010 li tikkonċerna l-pagament parzjali tal-2009. Pagament tal-imposta skont il-faċilità tal-pagament parzjali. Minn total ta' madwar 23,200 produttur li issa jridu jħallsu l-imposta għas-7 perjodi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, imma li ngħataw ordni mill-qrati nazzjonali biex jitwaqqfu l-pagamenti sakemm tittieħed deċiżjoni finali, 15,384 minnhom għażlu li jħallsu permezz tal-iskema tal-pagament parzjali. L-għażla li jħallsu permezz tal-iskema tal-pagament parzjali fissret li ġew irtirati l-kawżi kollha li kienu għadhom pendenti. Barra minn hekk, jekk produttur jonqos milli jħallas xi wieħed mill-pagamenti parzjali fis-sena jiġi eskluż mill-iskema u, konsegwentament jesponi lill-produtturi għat-teħid tal-ammont totali dovut bl-imgħax. Il-15,384 produttur parteċipanti kellhom jagħtu madwar EUR 345 miljun bejniethom fl-2004 qabel ma tħallas l-ewwel pagament parzjali, li jirrappreżenta madwar kwart mill-ammont totali tal-imposta dovut fil-livell tal-produtturi. B'hekk jidher li l-maġġoranza tal-produtturi responsabbli għal-livelli aktar baxxi ta' kunsinji individwali eċċessivi għażlu li jidħlu f'din l-iskema. Min-naħa l-oħra, il-produtturi li kellhom kunsinji individwali eċċessivi li kienu aktar sinifikanti (madwar 8000 produttur li nħarġilhom kont minħabba li kienu għadhom iridu jagħtu xi EUR 1 biljun f'imposta dovuta fuq is-seba' perjodi) minflok ippreferew li ma jidħlux fl-iskema ta' pagament parzjali. Madankollu jekk jogħġbok innota li matul l-2009, l-awtoritajiet Taljani laqgħu madwar 58 applikazzjoni ġdida għal pagamenti parzjali, li kienu jammontaw għal bejn wieħed u ieħor EUR 1.7 miljun. Is-sitt pagament parzjali kellu jitħallas minn 11 502 produttur għal ammont totali ta' EUR 24 501 645.02 miljun qabel il-31 ta' Diċembru 2009. Il-verifiki li twettqu mill-awtoritajiet Taljani juru li matul l-2009, 11 354 produttur ħallsu kif xieraq l-ammonti li t-total tagħhom huwa EUR 23 580 227.82 miljun. Dan ifisser li għas-sitt pagament parzjali, 99 % tal-produtturi ħallsu 96.2 % tal-imposta fil-ħin. Kien ġie irreġistrat li l-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba' u l-ħames pagamenti parzjali kienu saru fil-ħin għal 99.6 %, 97.9 %, 99.5 %, 99.7 % u 96.4 % tal-ammonti dovuti rispettivament. Għalhekk, l-imposta totali miġbura fl-ewwel ħames pagamenti parzjali tammonta għal madwar EUR 151 miljun (madwar 98 % tal-ammont totali dovut). Filwaqt li dawn il-livelli juru b'mod ċar impenn min-naħa tal-produtturi parteċipanti sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni ta' segwitu meħuda f'dawk il-każijiet fejn il-pagament ma sarx fil-limitu taż-żmien stipulat hija sinjal ċar tal-livell ta' impenn min-naħa tal-awtoritajiet sabiex jiżguraw li jitħarsu l-kundizzjonijiet tal-iskema kif suppost u li fl-aħħar nett tinġabar l-imposta kollha dovuta. Fir-rigward tas-sitt pagament parzjali, il-pagamenti ma ġewx identifikati għall-148 produttur li fadal għal valur ta' EUR 921 417.20. Għall-ħames perjodu tal-pagament parzjali 166 produttur naqsu milli jagħmlu l-pagament li jikkorispondi għal EUR 908 072.62 sal-aħħar tal-2008. Skont informazzjoni li waslet mill-awtoritajiet Taljani dawn il-każijiet kollha kienu notifikati mill-awtoritajiet ċentrali lill-awtoritajiet reġjonali rilevanti sabiex jiġi infurzat il-pagament tal-ammont sħiħ dovut mar-rata tal-imgħax 'il barra mill-iskema tal-faċilità tal-pagament parzjali. Mill-166 produttur li għall-ewwel kienu maħsuba li ma ħallsux, wara ntwera li 54 minnhom biss kienu fil-fatt għadhom ma ħallsux. Dan irriżulta fir-revoka tal-possibbiltà biex il-pagament jitħallas b'mod parzjali għal dawn il-produtturi u t-tnedija tal-proċeduri ta' rkupru inforzati. Imposta dovuti għall-perjodi mill-1995-96 sal-2001-02 li ma ddaħlux fl-iskema tal-pagament parzjali Saret referenza għall-fatt li l-faċilità tal-pagament parzjali intużat relattivament ftit f'termini tal-ammont ta' imposta imdaħħal. Madwar tliet kwarti tal-ammonti kumplessivi li kien għad fadal mill-imposti mhux imħallsa għall-perjodu konċernat għadhom ma ddaħlux fl-iskema tal-faċilità tal-pagament parzjali. L-imposta li mhix koperta bl-iskema tal-2003 tikkorispondi għal EUR 767 miljun u madwar 91 % ta' dan l-ammont, madwar EUR 701 miljun, qiegħed minflok jiġi kkontestat fil-qrati Taljani. Fir-rapporti preċedenti ta' valutazzjoni li kienu ppreżentati lill-Kunsill, il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li r-rapporti annwali ppreżentati mill-Italja għandhom jindirizzaw b'mod speċifiku l-kawżi marbuta mas-seba' perjodi konċernati u għandhom jipprovdu dettalji li jikkonfermaw il-pagament min-naħa tal-produtturi li tilfu l-kawża tagħhom fil-qorti. Mingħajr tali indikazzjonijiet il-Kummissjoni mhijiex f'pożizzjoni li tagħmel monitoraġġ korrett tal-progress fil-ġbir ta' dik il-parti tal-imposta li ma ddaħħlitx fil-faċilità tal-pagament parzjali. Madankollu, b'differenza mir-rapport tal-Italja dwar ir-raba' pagament parzjali, ir-rapporti dwar il-ħames u s-sitt pagament attwali ma fihomx informazzjoni dwar dawn il-proċeduri tal-qorti. Minkejja dan, xi informazzjoni addizzjonali li rċevew l-awtoritajiet Taljani bħala risposta għal talba tal-Kummissjoni turi li l-amministrazzjoni Taljana kienet rebbieħa f'għadd ta' każijiet li jikkorrispondu għal madwar EUR 13 miljun. Il-ġbir reali ta' dawn l-ammonti jikkorispondi għal EUR 6.8 miljun. L-informazzjoni li waslet f'Mejju 2010 tiżvela wkoll li madwar EUR 580 miljun għadhom qed jiġu kkontestati quddiem il-qrati Taljani. F'April 2009, l-Italja adottat liġi li tipprovdi għal sistema ta' rimbors tal-imposti dovuti b'imgħax daqs ir-rata ta' referenza għall-Unjoni miżjuda b'diversi punti perċentwali. F'Lulju 2010, ġie adottat ir-riport tal-pagamenti dovuti b'riżultat ta' din il-liġi. Ġie previst li dan ir-riport jingħata fil-kuntest tal-iskema ' de minimis' . Il-Kummissjoni tesprimi dispjaċir kbir li ma sarx biżżejjed progress fil-ġbir tal-parti tal-imposta li ma kenitx iddaħħlet fil-faċilità tal-pagament parzjali u fil-livell ta' informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, li mhuwiex suffiċjenti. Il-progress bil-mod huwa marbut kemm mat-tul tal-proċeduri tal-qorti u, minħabba f'hekk, it-tul tal-irkupru tas-somom fejn il-każijiet tal-qorti tlestew (ir-rapport Taljan dwar is-sitt pagament parzjali ma fihx informazzjoni dwar l-irkupru, iżda informazzjoni preċedenti mressqa bħala tweġieba għal talba tal-Kummissjoni turi li kienu nġabru biss xi EUR 6.8 miljun sal-2010 wara proċeduri tal-qorti li kellhom suċċess). Barra minn hekk, iċ-ċifri li jirrapreżentaw il-ġbir tal-imposta li fil-fatt qatt ma kienet ikkontestata, u għalhekk immedjatament rekuperabbli, jirriflettu nuqqas fil-proċess reali tal-ġbir (madwar EUR 18 miljun minn EUR 66 miljun imposta li qatt ma kienu kkontestati, għadhom ma nġabrux). Il-Kummissjoni qed tkompli ssegwi mill-qrib il-proċess ta' rkupru fl-Italja, partikolarment l-irkupru tal-imposta li mhijiex koperta mill-iskema tal-faċilità tal-pagament parzjali. F'diversi okkażjonijiet is-servizzi tal-Kummissjoni esprimew l-osservazzjonijiet tagħhom (inkluż ir-rimarki negattivi) lill-awtoritajiet Taljani u talbu informazzjoni dettaljata dwar aspetti differenti li jikkonċernaw l-irkupru tal-imposta tal-ħalib. Konklużjoni Il-Kummissjoni tqis li l-progress li sar mill-awtoritajiet Taljani fl-irkupru tal-ammont dovut mill-produtturi li għażlu li jissieħbu fl-iskema tal-pagament parzjali approvata mill-Kunsill fl-2003 għall-perjodi mill-1995-96 sal-2001-02 juri ġestjoni xierqa ta' dan l-irkupru. Madanakollu, il-Kummissjoni tilmenta li, minħabba n-nuqqas ta' kwalunkwe indikazzjoni tal-ammonti verament miġbura mill-produtturi parteċipanti li naqsu milli jagħmlu l-pagamenti parzjali u li għalhekk ġew esklużi milli jkomplu jipparteċipaw, mhix f'pożizzjoni li tivvaluta d-diliġenza eżerċitata jew il-progress li sar fil-ġbir tal-imposta korrispondenti. Il-Kummissjoni tqis li huwa indispensabbli li r-rapporti mill-awtoritajiet Taljani fil-ġejjieni jkun fihom biżżejjed informazzjoni dettaljata dwar dan il-ġbir. Fir-rigward tal-ammonti ta' imposta li ma ddaħħlux fl-iskema tal-pagament parzjali, u li dwarhom hemm kawża għaddejja quddiem il-qrati Taljani, il-Kummissjoni diġà esprimiet, fir-rapport ta' valutazzjoni tagħha ppreżentat lill-Kunsill fl-2010, id-dispjaċir tagħha dwar il-progress estremament bil-mod li qed isir fl-irkupru tal-imposta tal-kwota tal-ħalib u kkunsidrat li l-irkupru tal-imposti b'dan il-mod jeħtieġ li jittejjeb b'mod sinifikanti. Madankollu, iċ-ċifri juru li ma ġewx innutati żviluppi kbar ġodda u l-effikaċja tal-liġi tal-UE f'dan il-każ hija sew il-bogħod milli tinkiseb b'ammont daqshekk kbir ta' imposti li għadhom ma tħallsux fuq perjodu ta' żmien daqshekk twil. Il-Kummissjoni tistenna li r-rapporti annwali fil-ġejjieni jiddokumentaw l-evoluzzjoni tal-każijiet tal-qorti esperjenzati matul il-perjodi 1995/96 sal-2001/02 u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi finali li jikkonfermaw l-imposta dovuta.