This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0013
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS on the Thematic Strategy on the Prevention and Recycling of Waste SEC(2011) 70 final
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart SEG(2011) 70 finali
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart SEG(2011) 70 finali
/* KUMM/2011/0013 finali */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart SEG(2011) 70 finali /* KUMM/2011/0013 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 19.1.2011 KUMM(2011) 13 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart SEG(2011) 70 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart INTRODUZZJONI Il-politika tal-UE dwar l-iskart tikkontribwixxi għaż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi tal-UE u t-tnaqqis tal-impatti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa matul iċ-ċiklu tal-ħajja tar-riżorsi. L-Istrateġija Tematika għall-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart (“L-Istrateġija”)[1] adottata fl-2005 tistabbilixxi, bħala għan fit-tul għall-UE, li din issir soċjetà tar-riċiklaġġ li tfittex li tevita l-iskart u li tuża l-iskart bħala riżorsa. Għal dan il-għan, l-Istrateġija tistabbilixxi azzjonijiet prinċipali biex timmodernizza l-qafas legali eżistenti u biex tippromwovi l-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart, bir-rimi tal-iskart biss bħala l-aħħar rimedju. Din il-Komunikazzjoni tanalizza l-progress lejn l-ilħuq tal-għanijiet tal-Istrateġija u għandha tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni tas-Sitt (6) Programm ta’ Azzjoni Ambjentali[2]. Din hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jipprovdi iżjed tagħrif ta’ sfond dwar l-azzjonijiet prinċipali tat-Taqsima 2 u referenzi dettaljati għad-dejta użata fit-Taqsima 3 u għall-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni msemmija hawn taħt. Dan jinkludi wkoll sommarju tas-sejbiet prinċipali tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Progress DWAR L-AZZJONIJIET EWLENIN TAL-ISTRATEġIJA L-Istrateġija identifikat 7 azzjonijiet prinċipali għall-ilħuq tal-objettivi tagħha. Din it-taqsima tivvaluta l-progress li sar bl-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet. Implimentazzjoni u infurzar tal-leġislazzjoni tal-UE eżistenti dwar l-iskart Mill-2005, il-Kummissjoni żiedet l-azzjonijiet ta’ appoġġ għat-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-acquis tal-iskart tal-UE fuq livell nazzjonali. Organizzat iżjed minn 60 laqgħa, matul 40 avveniment ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni fl-Istati Membri kollha. Ġew ippubblikati 5 linji gwida tal-UE dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-kunċetti prinċipali tal-leġiżlazzjoni tal-iskart, biex jissolvew il-problemi ta’ interpretazzjoni kkontestati. Twettqu iżjed minn 10 000 ispezzjoni konġunta fuq vjeġġi ta’ skart b’kooperazzjoni mal-korpi tal-ispezzjoni nazzjonali, li nvolvew 22 Stat Membru u pajjiżi ġirien, li wrew li madwar 19% tal-vjeġġi transkonfinali kienu qegħdin jiksru l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. Appoġġ finanzjarju għat-titjib tal-ġestjoni tal-iskart kien disponibbli permezz tal-politika ta’ Koeżjoni. Bejn l-2005 u l-2006 ntefqu madwar EUR 4.1 biljun għall-appoġġ tal-għeluq u r-riabilitazzjoni tal-miżbliet mhux awtorizzati, l-iżvilupp ta’ infrastruttura għall-ġestjoni tal-iskart u l-appoġġ tal-iskemi ta’ ġbir u riċiklaġġ tal-iskart. Rapport tal-Kummissjoni riċenti jikkonferma li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni xierqa qiegħed ikompli jikkawża nuqqas, fuq livell wiesa', fl-ilħuq tal-għanijiet miftehma ta’ protezzjoni ambjentali fil-prattika u juri diskrepanzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. Fl-aħħar tal-2009, l-iskart kien jirrappreżenta medja ta’ 20% tal-każijiet kollha ta’ ksur ambjentali. Semplifikazzjoni u Modernizzazzjoni Mill-adozzjoni tal-Istrateġija, il-Kummissjoni ħadet azzjoni kontinwa biex tagħmel il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tal-UE iżjed kosteffikaċi sabiex tipprovdi l-bażi għal tkabbir sostenibbli. Ir-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart[3] daħal fis-seħħ fl-2007, u saħħaħ u ssemplifika l-proċeduri eżistenti għall-kontroll tal-vjeġġi tal-iskart u għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Id-Direttivi dwar l-iskart mill-industrija tad-dijossidu tat-titanju ġew inklużi fid-Direttiva ġdida dwar l-Emissjonijiet Industrijali[4] li tnaqqas il-piż amministrattiv fil-livell tal-UE bi EUR 32 miljun għall-attivitajiet fl-ambitu tagħha. Fl-2008, il-Kummissjoni pproponiet li timmodernizza u li tarmonizza iżjed id-Direttivi dwar l-Iskart elettroniku (WEEE[5] u RoHS[6]) u tiżgura l-koerenza ma’ leġislazzjoni iżjed riċenti bħal REACH[7] u d-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart[8], (WFD). Il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni fl-ambitu tal-WEEE jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-piż amministrattiv li jilħaq EUR 66 miljun. Il-WFD immodernizzat u ssemplifikat iżjed l-acquis tal-iskart. Pereżempju, id-Direttivi dwar Skart Perikoluż u Żjut Użati ġew inkorporati fil-WFD u r-rekwiżiti għall-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-iskart nazzjonali ġew issemplifikati. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta iżjed il-possibbiltà li ttejjeb il-konsistenza tal-acquis tal-iskart tal-UE permezz ta’ evalwazzjoni ex-post li għandha tiġi mnedija fl-2011. Fl-aħħar, ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għall-Piżijiet Amministrattivi ġew ikkunsidrati. Introduzzjoni tal-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja fil-politika dwar l-iskart Il-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja tħares lejn l-impatti ambjentali permezz taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott, mill-estrazzjoni tar-riżorsi sal-fażi tar-rimi tagħhom. Il-ġerarkija tal-iskart tiffavorixxi l-prevenzjoni tal-iskart, segwita bl-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, u l-irkupru, bir-rimi tal-iskart bħala l-aħħar rimedju. Madankollu, minħabba li l-metodi differenti ta’ trattament tal-iskart jista’ jkollhom riżultati ambjentali u tas-saħħa differenti, l-Istati Membri jistgħu jiddevjaw mill-ġerarkija tal-iskart jekk dan ikun iġġustifikat bil-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja. Il-Kummissjoni għandha tuża din l-għodda biex tivvaluta l-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni tal-iskart u fl-2011 għandha tippubblika sett ta’ dokumenti ta’ gwida dwar l-użu ta’ din l-għodda fil-politiki dwar l-iskart. Il-WFD immodernizzat ukoll il-kunċett ta’ ‘skart’ biex tinkoraġġixi l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja, pereżempju, billi ċċarat id-distinzjoni bejn skart u ‘prodotti sekondarji’ u introduċiet ‘kriterji tat-tmiem tal-iskart’ li ċċaraw meta l-iskart ma jibqax skart. Id-definizzjoni ta’ ‘rkupru ta’ enerġija’ ġiet issemplifikata u mmodernizzata bl-introduzzjoni ta’ limitu massimu ċar ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ħaġa li tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern. Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn[9] tapplika l-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja meta tistabbilixxi miżuri ta’ ekodisinn għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti. Prevenzjoni ta’ Skart Il-prevenzjoni tal-iskart tibqa’ prijorità ċara fil-ġestjoni tal-iskart. Mill-adozzjoni tal-Istrateġija, il-WFD tintroduċi għadd ta’ dispożizzjonijiet ġodda li għandhom bħala għan il-massimizzazzjoni tal-isforzi ta’ prevenzjoni, b’mod partikolari, permezz ta’ programmi nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart. Il-Kummissjoni se tippubblika linji gwida dwar il-prevenzjoni u se taġġorna s-sett ta’ eżempji tal-aħjar prattika minn madwar l-UE. Leġiżlazzjoni oħra bħad-Direttiva dwar Batteriji[10] u d-Direttiva dwar l-immaniġġjar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni[11] - it-tnejn adottati fl-2006 - REACH, id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u dwar l-Ekodisinn ukoll għandha l-potenzjal li ttejjeb il-prevenzjoni tal-iskart. Inizjattivi addizzjonali li jindirizzaw l-aspetti ta’ disinn, produzzjoni u konsum ġew varati permezz tal-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli[12] fl-2008. Fl-2009, il-Ġimgħa Ewropea għall-Prevenzjoni tal-Iskart ġiet varata fl-UE bl-appoġġ tal-Kummissjoni. Titjib tal-bażi tal-għarfien Il-politika bbażata fuq l-evidenza tibqa’ wieħed mill-prinċipji tal-Kummissjoni, anke fil-qasam kumpless ta’ politiki dwar il-ġestjoni tal-iskart. Il-kompetenzi meħtieġa fil-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja u l-valutazzjoni qegħdin jiġu pprovduti minn pjattaforma speċifika taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC). Il-Kummissjoni qiegħda tikkoopera wkoll mal-Eurostat, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), u Organizzazzjonijiet Internazzjonali. L-Eurostat tospita Ċentru ta’ Dejta tal-Iskart bħala l-punt tad-dħul ċentrali għar-rapportar u l-aċċess għad-dejta tal-iskart. L-EEA tippubblika regolarment dwar l-iżviluppi fl-iskart u r-riċiklaġġ, b’appoġġ miċ-Ċentru Topiku tagħha. Sabiex ittejjeb il-kwalità tar-rappurtar nazzjonali, il-Kummissjoni varat eżerċizzju fl-2010 li jiffoka fuq id-Direttiva dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw[13]. Eżerċizzji simili jistgħu jiġu varati fil-futur għall-obbligi ta’ rappurtar taħt biċċiet oħrajn ta’ leġiżlazzzjoni dwar l-iskart. Żvilupp ta’ standards għar-riċiklaġġ L-Istrateġija tipproponi għadd ta’ miżuri li jistabbilixxu standards minimi tal-UE għall-attivitajiet tar-riċiklaġġ sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern għar-riċiklaġġ u għat-tifrix tal-prattiki tajba madwar l-UE, b’mod partikolari għall-prodotti derivati mill-iskart bijoloġiku. Dokument ta’ referenza dwar l-aħjar tekniki disponibbli għall-Industrija tat-Trattament tal-Iskart ġie ppubblikat fl-2006[14]. Il-proposta tal-Kummissjoni fuq id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali[15] tal-2007 tinkludi speċifikazzjonijiet dettaljati dwar l-awtorizzazzjoni ta’ installazzjonijiet għat-trattament tal-iskart. Il-Kummissjoni bdiet tiżviluppa “kriterji għat-tmiem tal-iskart” għall-iskart li – wara l-irkupru - ma jibqax skart, u bdiet mill-iskart tal-azzar u tal-aluminju li għandu jiġi segwit mir-ramm, il-ħġieġ, il-karta, u l-kompost. Elaborazzjoni ulterjuri tal-politika dwar ir-riċiklaġġ tal-UE Mill-2005, miri ġodda jew riveduti ta’ ġbir u riċiklaġġ fil-livell tal-UE rawmu iżjed is-suq intern għar-riċiklaġġ. Il-miri ta’ 85% użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkupru tad-Direttiva dwar il-vetturi li m’għadhomx jintużaw, li huma kkumplimentati mir-rekwiżiti ta’ disinn leġiżlattiv dwar ir-riċiklabbiltà u l-użu mill-ġdid tal-vetturi mpoġġija fis-suq[16], ġew eżaminati fl-2006 u nżammu fil-livelli ambizzjużi tagħhom. Id-Direttiva dwar il-Batteriji adottata fl-2006 inkludiet miri ta’ ġbir u riċiklaġġ għat-tipi kollha ta’ batteriji. Fl-2008, il-WFD riveduta introduċiet mira ta’ 50% għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali li jinkludi għallinqas karti, metall, plastik u ħġieġ; u mira ta’ 70% għall-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ ta’ bini (it-tnejn għandhom jintlaħqu sal-2020). Fl-istess sena, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi l-miri tal-ġbir u r-riċiklaġġ għall-iskart elettroniku, inkluża mira għall-użu mill-ġdid. L-applikazzjoni tal-miri tad-Direttiva dwar il-Miżbliet[17] għenet biex tippromwovi l-irkupru tar-riżorsi mill-iskart permezz tat-tbegħid progressiv ta’ ċertu skart mill-miżbliet: sal-2006 (jew 4 snin wara għal ċerti Stati Membri li għandhom deroga), l-ammont ta’ skart bijodegradabbli li kien qed imur fil-miżbliet kellu jitnaqqas sa 75% tal-livelli tal-1995 u sa 50% sal-2009. Il-ġestjoni tal-iskart bijoloġiku fl-UE għadha ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha. Għalhekk, il-Komunikazzjoni tal-2010 dwar il-ġestjoni tal-iskart bijoloġiku fl-UE[18] tipproponi azzjoni ulterjuri b’mod partikolari l-produzzjoni ta’ linja gwida dwar il-prevenzjoni tal-iskart u dwar l-applikazzjoni tal-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja għall-ġestjoni tal-bijoskart. Ġie varat studju għall-analiżi ulterjuri tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti objettivi tal-UE għall-ġbir u/jew ir-riċiklaġġ tal-bijoskart. L-inizjattivi li jmiss jinkludu standards għall-kompost permezz tal-kriterji tat-tmiem tal-iskart u standards tal-kwalità għall-applikazzjoni tal-kompost fuq l-art permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħama tad-Drenaġġ[19]. Progress LEJN L-GħANIJIET FIT-TUL Waħda mill-kisbiet ewlenin mistennija tal-Istrateġija kienet li jsir progress lejn soċjetà tar-riċiklaġġ tal-UE li tfittex li tevita l-iskart u li tuża l-iskart bħala riżorsa. Iżjed riċiklaġġ u riċiklaġġ ta’ kwalità aħjar, inqas skart imur lejn il-miżbliet u iżjed kompost u rkupru ta’ enerġija mill-iskart kienu mistennija li jwasslu għal benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali sinifikanti. Din it-taqsima tivvaluta l-progress li sar lejn dawn l-għanijiet fit-tul tal-istrateġija. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-ġenerazzjoni totali tal-iskart tidher li qiegħda tiġi stabbilizzata jew li qiegħda tiżdied. Madankollu, minħabba tnaqqis b’saħħtu f’4 Stati Membri il-ġenerazzjoni totali annwali tal-iskart fl-UE 27 naqset b’10% bejn l-2006 u l-2008 . Hemm bżonn ta’ analiżi addizzjonali biex jiġi vverifikat sa liema punt dan it-tnaqqis huwa dovut għall-impatti tal-kriżi ekonomika, il-metodi ta’ rappurtar immodifikat u/jew il-progress f’termini ta’ prevenzjoni. Il-ġenerazzjoni tal-iskart solidu muniċipali (MSW) (7% tal-iskart totali) issa ġiet stabbilizzata għal madwar 524 kg fis-sena per capita (2008) fl-UE-27. Hemm diżakkoppjar relattiv bejn il-ġenerazzjoni tal-iskart u l-konsum (li żdied b’16.3 % bejn l-1999 u fl-2007. Jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri – minn madwar 400 għal 800 kg per capita. Dan huwa paragunabbli ma’ 750 kg fl-Istati Uniti tal-Amerika u 400 kg fil-Ġappun. Għalkemm jidher li sar biss ftit progress tanġibbli fil- prevenzjoni kwantitattiva tal-iskart, inkisbu ċerti riżultati fil- prevenzjoni kwalitattiva tal-iskart. Pereżempju, l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tas-sustanzi tad-Direttiva RoHS mill-2006 naqset l-ammont ta’ sustanzi potenzjalment perikolużi fl-elettronika mpoġġija fis-suq tal-UE b’madwar 110 000 tunnellati fis-sena. L-iskart perikoluż (3% tal-iskart totali) qed ikompli jonqos fl-UE-12, b’mod partikolari minħabba l-introduzzjoni ta’ teknoloġija iżjed nadifa u l-għeluq tal-minjieri għalkemm fil-livell tal-UE-27 xorta tista' tiġi osservata żieda annwali ta’ 0.5%. Dan jirrappreżenta wkoll diżakkoppjar relattiv mat-tkabbir tal-PDG. Il-ġenerazzjoni tal- iskart tal-manifattura (12% tal-iskart totali) naqset b’5.4% bejn l-2004 u l-2006. L-iskart mill- minjieri u l-barrieri (25% tal-iskart totali) żdied b’14% matul l-istess perjodu. Probabbilment li dan huwa l-konsegwenza tal-miżuri ta’ effiċjenza fl-industrija jew bħala riżultat tat-tibdil fl-ekonomija fi ħdan l-UE li jiffavorixxu lill-industriji tas-servizzi aktar milli l-attivitajiet industrijali bħall-manifattura u x-xogħol fil-minjieri. Fl-istess ħin, l-iskart mis-setturi ekonomiċi l-oħrajn ( servizzi ) żdied b’6.2%. F’għadd ta’ oqsma, is-swieq tal- użu mill-ġdid huma appoġġati mill-awtoritajiet pubbliċi. Definizzjoni ċara ta’ “użu mill-ġdid” ġiet introdotta fil-WFD, kif ukoll miri ġodda ta’ użu mill-ġdid fil-proposta dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva WEEE. Għalhekk, id-dejta għandha ssir disponibbli fis-snin li ġejjin. L-użu mill-ġdid jiġġenera wkoll benefiċċji oħrajn f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi, tnaqqis ta’ konsum żejjed u provvista ta’ prodotti użati bi prezzijiet aċċessibbli. Filwaqt li r-rati ta’ riċiklaġġ ivarjaw minn fluss tal-iskart wieħed għal ieħor, ir- riċiklaġġ tal-iskart totali fl-UE żdied. Fl-2008, ir-riċiklaġġ tal-iskart ġie stmat għal 38%, progress ta’ 5% meta mqabbel mal-2005 u 18 % meta mqabbel mal-1995. 40% tal-iskart muniċipali ġie riċiklat jew magħmul kompost fl-2008, progress ta’ 11.4 % bejn l-2005 u l-2008, b’diskrepanzi sinifikanti bejn l-Istati Membri (minn perċentwal żgħir għal 70%). L-irkupru tal-enerġija mill-iskart żdied (minn 96 kg għal kull ras fl-2005 għal 102kg fl-2008), li wassal għal żieda fil-produzzjoni tal-enerġija: madwar 1.3% tal-produzzjoni totali tal-enerġija tal-UE 27 tiġi mill-inċinerazzjoni tal-MSW. Ġie stmat li 50 sa 60% tal-inċineraturi tal-iskart muniċipali fl-UE għandhom jissodisfaw il-kriterji ġodda tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-WFD. Minn meta ġiet adottata l-Istrateġija, intbagħat inqas skart fil- miżbliet: madwar 40% fl-2008, meta mqabbel mal-49% fl-2005, u 65% fl-1995. Il-modernizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-acquis tal-iskart jagħmluh iżjed. Madankollu, għad baqa’ differenzi kbar ta’ implimentazzjoni u infurzar bejn l-Istati Membri. Skont il-miri u l-flussi tal-iskart, ċerti Stati Membri marru lil hinn mill-ilħuq tal-miri minimi Ewropej ta’ riċiklaġġ jew ta’ tbegħid mill-miżbliet, għalkemm oħrajn iridu jagħmlu sforzi addizzjonali biex jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-UE. Minbarra governanza tajba u rieda politika b’saħħitha, l-Istati Membri avvanzati ħolqu kundizzjonijiet aħjar għas-swieq tar-riċiklaġġ billi użaw fl-aħjar mod strumenti legali u ekonomiċi bħal projbizzjoni tal-miżbliet, l-applikazzjoni ta’ taxxi u imposti konsistenti mal-ġerarkija tal-iskart u l-applikazzjoni tal-kunċett tar-responsabbiltà tal-produttur lil diversi flussi tal-iskart. Dan wassal għal internalizzazzjoni progressiva tal-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart fil-prezz tal-prodotti u s-servizzi. It-titjib fil-ġestjoni tal-iskart inaqqas l-effetti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa minħabba l-emissjonijiet fl-arja, fil-ħamrija u fl-ilma kif ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) mir-rimi tal-iskart. L-emissjonijiet tal-GHG diretti mis-settur tal-iskart fl-UE-27 – li jirrappreżentaw 2.8% tal-emissjonijiet totali fl-2007 – naqsu b’iżjed minn 30% bejn l-1995 u l-2007. Minn meta ġiet adottata l-Istrateġija, l-għeluq ta’ miżbliet u l-inċineraturi li ma jissodisfawx l-istandards wassal għal tnaqqis sinifikati tat-tniġġis tal-ilma, tal-ħamrija u tal-arja. Numru għoli ta’ miżbliet li ma jissodisfawx l-istandards ingħalqu (madwar 3 300 bejn l-2004 u l-2006). Madankollu, il-Kummissjoni identifikat madwar 1000 miżbla li ma jissodisfawx l-istandards biex jiġu aġġornati jew inkella jingħalqu kemm jista’ jkun malajr. Ir-riċiklaġġ jipprovdi opportunitajiet ekonomiċi ġodda. Dan jikkontribwixxi f’livelli differenti għaż-żieda fil-provvista ta’ materja prima ta’ valur meħtieġa għall-ekonomija tal-UE. Pereżempju, l-iskart tal-metall issa jikkontribwixxi bejn 40% u 56% tal-input tal-produzzjoni tal-massa tal-metall tal-UE. Madankollu, ir-riċiklaġġ fl-UE ta’ metalli speċifiċi li huma essenzjali għal ċerti applikazzjonijiet prinċipali jibqa’ baxx. Fl-2009, ġie stmat li l-industriji tal-ġestjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart fl-UE għandhom introjtu ta’ EUR 95 biljun. Is-settur jipprovdi bejn 1,2 u 1,5 miljun impjieg li jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv tal-2020 tal-UE ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75% u jirrappreżenta madwar 1% tal-PDG. Minbarra l-evitar tal-iskart, l-użu mill-ġdid jiġġenera benefiċċji oħrajn f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi, tnaqqis ta’ konsum eċċessiv u jipprovdi prodotti użati għal prezzijiet aċċessibbli. ASPETTI INTERNAZZJONALI Il-kuntest internazzjonali sar dejjem iżjed importanti. Iż-żieda fil-globalizzazzjoni u l-bidliet fl-ekonomija tal-UE waslu għal żieda fl-importazzjonijiet ta’ materja prima u materjali semi-manifatturati. Fl-istess ħin, l-esportazzjonijiet ta' skart li jista' jinbidel f’materja sekondarja, u għaldaqstant inaqqsu id-domanda tagħna għal materja primarja, żdied wkoll. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar il-provvista tal-materja prima għall-UE u l-esportazzjoni potenzjali tal-problemi ambjentali lil terzi pajjiżi fil-każijiet fejn ir-riżorsi jew il-materjali semi-manifatturati jiġu importati minn faċilitajiet ta' produzzjoni li ma jissodisfawx l-istandards jew fejn l-iskart esportat jispiċċa f’faċilitajiet ta' ġestjoni tal-iskart li ma jissodisfawx l-istandards. Il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex tippromwovi ġestjoni tajba tal-iskart, b’mod partikolari permezz tal-Programm Tematiku għall-Ambjent u r-Riżorsi Naturali. Bosta azzjonijiet li jappoġġaw l-approssimazzjoni għall-acquis tal-UE relatat mal-iskart ġew iffinanzjati wkoll fil-Ġirien Ewropej. Il-Kummissjoni qiegħda tindirizza wkoll dawn il-kwistjonijiet permezz tal-Inizjattiva tas-Swieq tal-Materja Prima[20], fejn il-politiki tar-riċiklaġġ jilagħbu rwol importanti, kif ukoll permezz tal-appoġġ għal infurzar aħjar tar-Regolament tal-UE dwar Vjeġġi ta’ Skart. Minkejja dawn l-isforzi, l-esportazzjoni illegali tal-iskart hija problema kontinwa li hija, fl-essenza tagħha, diffiċli sabiex tiġi kkwantifikata. Il-Kummisjoni qiegħda tipparteċipa wkoll b’mod attiv fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-projbizzjoni ta’ Basel li tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ skart perikoluż lil pajjiżi mhux fl-OECD. Minn meta ġiet adottata l-Istrateġija, pajjiżi terzi qiegħdin jintroduċu politiki simili għal dawk tal-UE dwar l-iskart u r-riċiklaġġ, li joħloq vantaġġi biex l-industrija tal-UE tibqa’ minn ta’ quddiem nett. Pereżempju ċ-Ċina, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Indja introduċew dispożizzjonijiet simili dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ sustanzi perikolużi fl-apparat elettroniku. TENDENZI FUTURI Biż-żieda kontinwa tal-popolazzjoni dinjija, ikkombinata ma’ ekonomiji emerġenti iżjed b’saħħithom, il-konsum totali huwa mistenni li jiżdied b’mod sinifikanti. Dan għandu jwassal għal żieda fil-pressjoni fuq l-użu tar-riżorsi bl-impatti assoċjati fuq l-ambjent u s-saħħa, b’mod partikolari dawk relatati mal-materjali bijotiċi, il-minerali u l-metalli. Hekk kif id-domanda għall-materja prima fl-UE tkompli tikber, u minħabba d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni ta’ ħafna materja prima differenti, ir-rwol tar-riċiklaġġ għandu jsir dejjem iżjed importanti. Il-projezzjonijiet ta’ tendenzi futuri fil-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart jindikaw li mingħajr politiki addizzjonali ta’ prevenzjoni tal-iskart, il-ġenerazzjoni tal-iskart hija mistennija li tiżdied b’7% mill-2008 sal-2020. L-applikazzjoni ta’ REACH ikkombinata ma’ politiki ta’ prevenzjoni nazzjonali hija mistennija li tikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart perikoluż. Bl-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis eżistenti, ir-riċiklaġġ għandu jiżdied minn 40% fl-2008 għal 49% fl-2020. Ir-rimi tal-iskart fil-miżbliet għandu jonqos b’10% u jistabbilizza ruħu għal 28%. L-iskart bijoloġiku m’għandux jibqa’ jintrema fil-miżbliet matul is-snin li ġejjin u din toffri perspettivi ġodda ta’ tkabbir għall-produzzjoni tal-kompost u tal-gass. Minbarra l-effetti mistennija tad-Direttiva dwar il-Miżbliet, iżjed prevenzjoni u riċiklaġġ għandhom iwasslu għal benefiċċji addizzjonali sinifikanti. L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u ż-żieda fil-prevenzjoni u r-riċiklaġġ jistgħu jwasslu għal tnaqqis addizzjonali fl-emissjonijiet ta' GHG li jikkorrispondi għal parti sinifikanti tal-miri Ewropej għat-tnaqqis fit-tibdil tal-klima sal-2020. Ir-riċiklaġġ għandu jkompli joffri opportunitajiet ekonomiċi filwaqt li jikkontribwixxi għal effiċjenza fir-riżorsi tal-ekonomija tal-UE. Huwa stmat li l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur tar-riċiklaġġ tal-iskart jista' jammonta sa nofs miljun impjieg . Differenzi kbar fl-implimentazzjoni u fl-infurzar huma mistennija li jkomplu jippersistu bejn l-Istati Membri, sakemm ma jittieħdux miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE biex jappoġġaw lill-Istati Membri u biex jiżguraw kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd, b’mod partikolari fil-qasam tal-ispezzjonijiet nazzjonali. Il-konformità mal-miri tal-UE dwar il-ġbir, ir-riċiklaġġ u t-tbegħid mill-miżbliet għandha tibqa’ prijorità u xi Stati Membri jkollhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jissodisfaw dawk il-miri tal-UE. KONKLUżJONIJIET L-Istrateġija kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-politika ta’ gwida. Sar progress sinifikanti fuq għadd ta’ fronti, b’mod partikolari fit-titjib u s-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, fl-istabbiliment u d-diffużjoni tal-kunċetti prinċipali bħall-ġerarkija tal-iskart u l-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja, fl-iffukar fuq il-prevenzjoni tal-iskart, fil-koordinazzjoni tal-isforzi għat-titjib tal-għarfien, u fl-istabbiliment ta’ miri Ewropej ġodda ta’ ġbir u riċiklaġġ. B’mod ġenerali, ir-rati tar-riċiklaġġ tjiebu, l-ammont tal-iskart li jmur fil-miżbliet naqas u l-użu ta’ sustanzi perikolużi f’ċerti flussi tal-iskart naqas. Il-politiki attwali wasslu għal tnaqqis tal-impatti ambjentali relatati għal kull tunnellata ta’ skart trattat. Madankollu, dan huwa kkumpensat bl-impatti negattivi ambjentali kkawżati biż-żieda mistennija fil-ġenerazzjoni tal-iskart. Mingħajr inizjattivi oħrajn u kumplimentari, sejrin jintiflu l-opportunitajiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-impatti ambjentali b’mod ġenerali, għall-ħolqien ta’ xogħol u biex jiġu ssodisfati d-domandi għar-riżorsi. Hemm bżonn ta’ sforzi kontinwi għat- titjib tal-bażi tal-għarfien: hemm bżonn ta’ indikaturi ġodda biex jitkejjel il-progress lejn soċjetà ta’ riċiklaġġ u biex jiġu ntraċċati l-flussi tal-iskart u tal-materjali u l-flussi tar-riżorsi. Għandha tiġi żviluppata informazzjoni kif ukoll tbassir aħjar tal-impatti fuq l-ambjent u s-saħħa bbażati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-politiki tal-iskart b’attenzjoni speċifika fuq il-politiki dwar ir-riżorsi u l-klima. Implimentazzjoni u infurzar xierqa tal-acquis eżistenti tal-UE dwar l-iskart għandhom jibqgħu prijorità, b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-konformità mal-miri prinċipali tal-UE u għall-implimentazzjoni sħiħa tal-WFD u l-WSR. F’dan il-kuntest, għandha tiġi żviluppata proċedura ta’ verifika proattiva kkombinata ma’ sistema ta’ twissija bikrija dwar il-konformità mal-miri prinċipali tal-UE abbażi tal-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni tal-iskart. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri biex tappoġġja iżjed lill-politiki nazzjonali għall-prevenzjoni tal-iskart, inkluż il-prevenzjoni tal-iskart bijoloġiku u t-tnaqqis fil-ħela tal-ikel. Il-Kummissjoni għandha tesplora għodda ġdida biex tappoġġa l-attivitajiet ta’ implimentazzjoni u infurzar, b’mod partikolari fid-dawl tal-inċident riċenti fl-Ungerija. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-koordinazzjoni tal-UE tal-attivitajiet nazzjonali ta’ spezzjoni biex tkun ibbażata fuq strateġiji orjentati lejn ir-riżultati u fuq il-promozzjoni ta’ spezzjonijiet ta’ reviżjoni minn pari u skemi ta’ awditjar indipendenti, b’mod partikolari għal faċilitajiet b’impatt li jista’ jkun transkonfinali. Għad hemm marġni sinifikanti għall-progress lil hinn mill-miri minimi attwali tal-UE ta’ ġbir u riċiklaġġ. Għal dan il-għan, l-introduzzjoni ta’ strumenti wżati minn Stati Membri bi prestazzjoni tajba għandha tiġi mħeġġa b’mod partikolari fl-Istati Membri bl-agħar prestazzjoni. Il-kombinazzjoni ottimali tal- istrumenti ekonomiċi u legali għandha tiġi promossa b’mod partikolari permezz ta’ projbizzjoni tal-miżbliet u bl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ responsabbiltà tal-produttur għal flussi addizzjonali tal-iskart abbażi ta’ approċċ komuni Ewropew. It-titjib fil-kompetittività tal-industriji tal-UE tar-riċiklaġġ huwa essenzjali għall-ġenerazzjoni tal-impjiegi fl-UE. F’dak il-kuntest, l-iżgurar li l-kompetizzjoni sseħħ f’qafas li jżomm l-ogħla livelli ta’ ħarsien ambjentali huwa prijorità prinċipali għall-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tħares lejn prevenzjoni aħjar tal-esportazzjonijiet illegali ta’ skart u għandha tiżgura li l-iskart esportat lejn pajjiżi terzi jiġi trattat f’faċilitajiet bi standards għoljin, b’mod partikolari l-iżmantellar tal-vapuri. Il-politiki dwar l-iskart jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tas- swieq tal-materja prima sekondarja u jsaħħu l-provvista tagħhom fl-UE, u b’hekk itejbu l-effiċjenza tar-riżorsi tal-ekonomija tal-UE. Mekkaniżmi ġodda tas-suq li jiffavorixxu materja prima sekondarja għandhom jiġu esplorati, inklużi inċentivi ekonomiċi, b’mod partikolari biex tingħata kunsiderazzjoni aħjar tal-potenzjal sinifikanti f’termini ta’ tnaqqis fl-emissjoni tal-GHG permezz tar-riċiklaġġ. Id-definizzjoni ta’ miri ġodda u iżjed ambizzjużi ta’ prevenzjoni u riċiklaġġ kif ukoll l-avvanz għal miri speċifiċi għall-materjali jistgħu jikkontribwixxu direttament biex jintlaħaq l- għan ta’ Ewropa 2020 ta’ “promozzjoni ta’ ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi” u l- Inizjattiva Ewlenija . F’dak is-sens, il-materjali li għandhom impatti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tagħhom, inkluż l-użu tal-enerġija u t-tibdil fil-klima għandhom jiġu mmirati aħjar. Dawn il-miri għandhom jiġu nkorporati fil-monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri lejn iż-żieda fl-użu effiċjenti tar-riżorsi fir-rappurtar nazzjonali għal Ewropa 2020. Minħabba li l-ilħuq ta’ miri ambizzjużi ta’ riċiklaġġ u prevenzjoni jeħtieġ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili kollha, għandhom isiru sforzi kontinwi għat-titjib tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u għas- sensibilizzazzjoni pubblika. Inizjattivi ġodda li jappoġġaw l-innovazzjoni permezz tal-Programm ta’ Qafas u Sħubiji għall-Innovazzjoni u biex tiġi inkorporata aħjar il-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja fl-iżvilupp tal-politiki jkun jistħoqqilhom attenzjoni partikolari. Dan għandu jimplika konsistenza aħjar bejn politiki dwar l- iskart u d-disinn tal-prodotti , inkluż kunsiderazzjoni ta’ regoli dwar l-assorbiment tal-kontenut minimu ta’ materjali ta’ riċiklaġġ fil-prodotti ta’ prijorità, ir-riċiklabbiltà u d-durabilità tal-prodotti u t-tnaqqis tal-użu ta’ sustanzi perikolużi. Se jiġi mħeġġe l-użu ta’ fondi strutturali u ta’ koeżjoni tul il-ġerarkija tal-iskart u għall-adozzjoni tal-aħjar teknoloġiji disponibbli. Wara 5 snin, l-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija jibqgħu validi. L-intervent iffoka fuq implimentazzjoni u infurzar aħjar, aktar ma’ jitla’ l-ġerarkija tal-iskart, filwaqt li ppromwova l-prevenzjoni fl-aspetti kollha tagħha u ċ-ċaqliq lejn politiki dwar ir-riżorsi iżjed olistiċi u kkonsolidati li jinkludu l-ġestjoni tal-iskart bħala element essenzjali ta’ stampa usa’. Il-Kummissjoni tara l-bżonn għal iżjed konsolidazzjoni tal-politiki tagħha dwar l-iskart u għandha tagħmel iżjed proposti fl-2012, inkluż passi konkreti li għandha l-intenzjoni li tieħu sabiex tiċċaqlaq iżjed lejn soċjetà tal-UE li tirriċikla u li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. [1] COM (2005) 666 [2] Deċiżjoni 1600/2002/KE [3] Regolament 1013/2006. [4] COM (2007) 843. [5] 2002/96/KE. [6] 2002/95/KE. [7] Regolament 1907/2006. [8] 2008/98/KE. [9] 2009/125/KE. [10] 2006/66/KE. [11] 2006/21/KE. [12] COM/2008/0397. [13] 2000/53/KE. [14] Ara: http://eippcb.jrc.es/reference/wt.html [15] COM/2007/0844. [16] Direttiva 2005/64/KE. [17] 99/31/KE. [18] COM/2010/235. [19] 86/278/KE. [20] COM/2008/699.