This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0002
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS on the results achieved and on qualitative and quantitative aspects of implementation of the European Refugee Fund for the period 2005-2007
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu 2005-2007
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu 2005-2007
/* KUMM/2011/0002 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 14.1.2011 KUMM(2011) 2 finali R APPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOċJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REġJUNI dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu 2005-2007 (rapport sottomess skont l-Artikolu 54 (5) tad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007) EVALWAZZJONI FINALI L-evalwazzjoni finali tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu 2005-2007 Introduzzjoni Il-Fond Ewropew għar-Refuġjati, li kien stabbilit fl-2000 għall-perjodu mill-2000 sal-2004, tkompla minn dak iż-żmien ’il quddiem permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/904/KE tat-2 ta’ Diċembru 2004. Filwaqt li l-perjodu ġdid ta’ implimentazzjoni fil-bidu kien intiż li jkopri l-perjodu mill-2005 sal-2010, dan ġie limitat sussegwentement sal-2007 minħabba l-introduzzjoni ta’ bażi legali u finanzjarja ġdida bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar “ Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni ” li ħaddan il-Fond Ewropew għar-Refuġjati u tliet Fondi oħra għall-bqija tal-perjodu inizjali u lil hinn minnu. Filwaqt li jibni fuq l-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Fond mill-2000 sal-2004, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu 2005-2007 jkompli “jappoġġa u jinkoraġġixxi l-isforzi magħmula mill-Istati Membri meta jirċievu u jitgħabbew bil-konsegwenzi tar-riċeviment ta' refuġjati u persuni spostati, b'kont meħud tal-leġislazzjoni Komunitarja fuq dawn il-materji”. Il-Fond huwa maħsub bħala strument biex jalloka r-riżorsi b’mod ġust u b’mod proporzjonali għall-piż fuq kull Stat Membru minħabba l-isforzi tiegħu talli jirċievi refuġjati u persuni spostati. Il- gruppi fil-mira għall-operazzjonijiet tal-Fond huma: - - kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi li għandhom status definit mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u li għandhom il-permess għal residenza bħala refuġjati f’wieħed mill-Istati Membri - - kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi li għandhom forma ta’ protezzjoni sussidjarja mogħtija minn Stat Membru skont il-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli - - kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi li applikaw għal waħda mill-forom ta’ protezzjoni deskritti hawn fuq - - kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi li qed jibbenefikaw minn arranġamenti ta’ protezzjoni temporanja fi Stat Membru, skont il-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli. Azzjonijiet intitolati għal appoġġ mill-Fond ikopru wieħed jew iżjed mit-tliet oqsma li ġejjin: - il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza u l-proċeduri tal-asil - l-integrazzjoni ta’ persuni ta’ grupp fil-mira li l-waqfa tagħhom fl-Istat Membru hija ta’ natura dejjiema jew stabbli - ir-ritorn volontarju ta’ persuni ta’ grupp fil-mira, sakemm ma jkunux kisbu nazzjonalità ġdida u ma telqux mit-territorju tal-Istat Membru. L-azzjonijiet appoġġati mill-Fond għandhom, b’mod partikolari, jippromwovu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti u futuri rilevanti fil-qasam tas-sistema tal-asil Ewropea komuni. Barra minn hekk, dawn għandhom jikkunsidraw is-sitwazzjoni speċifika tal-persuni vulnerabbli, bħal minorenni, nies anzjani, persuni li ġew soġġetti għal tortura, stupru jew forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali, eċċ. Tlieta u disgħin fil-mija tal-approprjazzjonijiet tal-baġit ġew allokati lill-Istati Membri talli wettqu programmi nazzjonali kofinanzjati mill-Unjoni u implimentati taħt ġestjoni kondiviża. Il-bqija, jiġifieri sa 7% tal-approprjazzjonijiet, kienu disponibbli għal azzjonijiet tal-Komunità implimentati direttament mill-Kummissjoni biex tiffinanzja azzjonijiet transnazzjonali jew azzjonijiet ta’ interess lill-Unjoni Ewropea kollha li jikkonċernaw politika u miżuri tal-asil applikabbli għar-refuġjati u persuni spostati. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni pparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-Fond, minbarra d-Danimarka skont il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Bulgarija u r-Rumanija, li saru membri tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007, ipparteċipaw biss matul is-sena finali, 2007. Wara t-tlestija tal-programmi tal-2005-2007, kull Stat Membru ssottometta rapport ta’ evalwazzjoni dwar ir-riżultati u l-impatt tal-azzjonijiet kofinanzjati mill-Fond. Fl-Istati Membri kollha, l-evalwazzjoni twettqet fil-livell tal-proġetti ffinanzjati; din kopriet il-proġetti kollha kemm huma jew – fejn kien hemm numru kbir ta’ proġetti – kampjun rappreżentattiv. Minħabba li l-maġġoranza tal-Istati Membri rrikorrew għal kompetenza esterna għall-evalwazzjoni, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni nazzjonali jipprovdu fehma ġusta u indipendenti tal-kisbiet tal-programmi u n-nuqqasijiet possibbli. Dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni huwa bbażat fuq is-sottomissjonijiet mill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali. Dan jibni wkoll fuq dejta addizzjonali u informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni. Għandu jiġi enfasizzat li l-figuri miġbura f’dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni huma valuri medji li mhux dejjem jirriflettu d-devjazzjonijiet mit-tendenzi. Fejn kien possibbli, il-varjazzjonijiet jew id-diverġenzi mir-riżultati medji ġew immarkati. IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAġIT TAL-FOND MILL-2005 SAL-2007 Id-deskrizzjoni sommarja li ġejja tal-implimentazzjoni tal-baġit hija bbażata fuq il-fondi impenjati, għaliex mhux l-operazzjonijiet kollha tal-ħlas ġew kompletati. Programmi nazzjonali Ħarsa ġenerali lejn il-baġit L-approprjazzjonijiet tal-baġit mill-Fond għall-programmi nazzjonali ammontaw għal €43 200 593 fl-2005, €46 288 323 fl-2006 u €63 302 688 fl-2007. L-ammonti impenjati għall-programmi kif approvati mill-Kummissjoni kienu €43 169 204 fl-2005, €45 200 066 fl-2006 u €63 302 688 fl-2007 (il-figuri kollha huma mqarrba). Intużaw kważi r-riżorsi tal-baġit kollha disponibbli għall-programmi nazzjonali. Id-differenza minima bejn l-approprjazzjonijiet tal-baġit u l-ammonti użati hija minħabba l-fatt li, fl-2005, ir-Repubblika Slovakka ma użatx parti żgħira mill-allokazzjoni tagħha, u l-istess ġara fil-każ tal-Irlanda u r-Renju Unit fl-2006. L-ispejjeż totali tal-operazzjonijiet kollha ffinanzjati mill-programmi nazzjonali matul il-perjodu 2005-2007 ammontaw għal kważi €300 miljun. Il-kontribuzzjoni tal-Fond ammontat għal ftit aktar minn nofs dak l-ammont.[1]. Ir-riżorsi addizzjonali ġew ipprovduti mill-baġits nazzjonali u mill-benefiċjarji. Tabella 1 – Spejjeż totali tal-programmi tal-FER u sorsi tal-fondi, 2005-2007 fil-livell tal-UE (Konsolidazzjoni tal-pjanijiet finanzjarji tal-programmi nazzjonali tal-Istati Membri kollha) Sors tal-iffinanzjar | Ammonti f’€ | % | Allokazzjoni tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati | A | 151 671 959.34 | 51.1 % | Allokazzjonijiet Statali | B | 88 331 906.23 | 29.8 % | Allokazzjonijiet minn Reġjuni | Ċ | 10 360 468.64 | 3.5 % | Allokazzjonijiet minn Awtoritajiet Lokali | D | 16 295 722.46 | 5.5 % | Allokazzjonijiet pubbliċi Nazzjonali | B+Ċ+D | 114 988 097.33 | 38.7 % | Allokazzjonijiet pubbliċi Totali | A+ B+Ċ+D | 266 660 056.67 | 89.9 % | Allokazzjonijiet Privati | E | 30 125 122.27 | 10.1 % | Spiża Totali | A+B+Ċ+D+E | 296 785 178.94 | 100 % | [pic] Distribuzzjoni tal-fondi tal-FER bejn l-Istati Membri u bejn l-azzjonijiet Il-Kummissjoni allokat il-fondi disponibbli għall-programmi nazzjonali lill-Istati Membri skont dijagramma ta’ distribuzzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati. Din id-dijagramma hija bbażata fuq in-numru ta’ persuni fil-gruppi fil-mira tal-Fond bil-koeffiċjenti peżati applikabbli. Din hija espressjoni tanġibbli tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ kondiviżjoni tal-piż, liema prinċipju huwa l-bażi tal-Fond. Kif jidher fil-Figura 1 hawn taħt, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u Franza kienu t-tliet benefiċjarji ewlenin tal-Fond matul il-perjodu 2005-2007, b’ishma li jvarjaw minn madwar 12% (Franza) għal 17% (ir-Renju Unit); huma kienu segwiti mill-Isvezja u l-Awstrija (7.7 % kull wieħed) u l-Pajjiżi l-Baxxi (5.4%). It-tliet l-akbar Stati Membri benefiċjarji kienu l-istess matul il-perjodu ta’ programmar preċedenti (2000-2004) u fl-istess ordni, filwaqt li l-klassifikazzjoni tal-Istati Membri l-oħra tista’ tvarja minn sena għal oħra, b’mod partikolari skont il-flussi tal-asil f’sena partikolari. Figura 1 – Distribuzzjoni tal-fondi tal-FER bejn l-Istati Membri (UE26) 2005-2007 [pic] | Fost l-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 u 2007, l-Istati Membri benefiċjarji ewlenin matul il-perjodu 2005-2007 kienu r-Repubblika Ċeka, il-Polonja u s-Slovakkja, segwiti mill-Ungerija. Fl-2004, l-ewwel sena tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri ġodda, l-Ungerija kienet l-akbar benefiċjarju, qabel il-Polonja u s-Slovakkja. Madankollu, ir-Repubblika Ċeka ddeċidiet li ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni tal-Fond fl-2004. Meta mqabbel mal-perjodu tal-programm preċedenti (2000-2004), il-perjodu 2005-2007 juri bidliet sinifikanti fit-tqassim tal-fondi tal-FER fuq it-tliet Azzjonijiet (Proċeduri ta’ akkoljenza u ta’ asil, Integrazzjoni u Ritorn volontarju) kif ipprogrammat mill-Istati Membri (ara l-Figura 2). Kien hemm tnaqqis fis-sehem tal-ewwel qasam (minn 46 % għal 41 %), tnaqqis żgħir fis-sehem tat-tieni qasam u żieda relattivament kbira fis-sehem tat-tielet qasam (minn 22% għal 28%). Għalkemm ir-ritorn volontarju kien l-iżgħar mit-tliet oqsma u anki jekk l-implimentazzjoni tiegħu kienet iżjed diffiċli mill-oħrajn, kien hemm żieda fl-attenzjoni tal-istrateġiji tal-Istati Membri fuq dak il-qasam. Din it-tendenza hija relatata mas-sehem ta’ kull qasam; għalhekk, l-Istati Membri ma naqsux il-baġits tagħhom allokati jew għall-akkoljenza jew inkella għall-integrazzjoni - minflok żiedu b’mod sinifikanti l-ammonti allokati għar-ritorn volontarju. Figur a 2 – Distribuzzjoni tal-fondi tal-UE fil-livell tal-UE għal kull Azzjoni (ċifri mqarrba għall-eqreb numru sħiħ) [pic] Kien hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fis-sehem għal kull qasam, li kienu relatati mas-sitwazzjoni u l-istrateġija ta’ kull Stat Membru, kif jidher fit-Tabella 2 hawn taħt. Filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri allokaw ammonti ta’ fondi sinifikanti għat-titjib tal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil u għall-proċeduri tal-asil, f’diversi Stati Membri bi flussi tal-asil paragunabbilment kbar (Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja u speċjalment Malta) jidher ċar li kien hemm ishma ogħla mill-medja. Bl-istess mod, f’ħafna Stati Membri li saru parti mill-UE fl-2004, ammonti paragunabbilment ogħla tal-FER ġew indirizzati għat-titjib tal-faċilitajiet tal-akkoljenza għal persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil u għall-proċeduri tal-asil sal-istandards meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli. Għalkemm l-ammonti allokati għall-azzjonijiet li għandhom bħala għan l-integrazzjoni tar-refuġjati u ta’ persuni li jkunu qed igawdu minn forma oħra ta’ protezzjoni internazzjonali ma urewx differenzi kbar b’mod ġenerali, kienu ovvjament enfasizzati f’uħud mill-programmi nazzjonali (il-Finlandja u l-Irlanda). Azzjonijiet dwar ir-ritorn volontarju, li twettqu minn ftit Stati Membri biss matul l-ewwel perjodu ta’ programmar tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati, 2000-2004, kienu karatteristika komuni għall-programmi tal-Istati Membri kollha minbarra tlieta matul it-tieni perjodu ta’ programmar. Fir-Renju Unit, proġett wieħed kbir u li kien ta’ suċċess f’dan il-qasam fil-fatt uża l-maġġoranza tal-approprjazzjonijiet tiegħu. Dan ipprovda għal approċċ iżjed ibbilanċjat li jinkludi titjib fl-akkoljenza ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil, l-integrazzjoni ta’ dawk li jingħataw status ta’ protezzjoni u, fl-aħħar, l-għoti ta’ prospettivi ta’ rintegrazzjoni aħjar fil-pajjiż ta’ oriġini għal dawk li l-applikazzjoni tagħhom kienet ġiet miċħuda. Iżjed dettalji huma pprovduti fil-kapitoli sussegwenti ta’ dan ir-rapport. Tab ella 2 – Distribuzzjoni tal-fondi tal-FER fil-livell tal-Istati Membri skont l-Azzjoni (2005-2007) (Ara l-Figura 2 hawn fuq għad-definizzjoni tal-Azzjonijiet A, B u Ċ) [pic] Azzjonijiet tal-Komunità L-Azzjonijiet tal-Komunità ġew implimentati permezz ta’ tliet programmi ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni, li jirreferu għal dokumenti ta’ politika - b’mod partikolari l-Programm tal-Aja u l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni prattika (COM(2006)67 finali). Il-programmi ta’ ħidma pprovdew għall-kofinanzjament tal-miżuri għall-istabbiliment ta’ strutturi li ġabu flimkien is-servizzi nazzjonali tal-asil, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni prattika lejn tliet objettivi ewlenin: il-kisba ta’ Proċedura Unika madwar l-Ewropa kollha; il-kumpilazzjoni, il-valutazzjoni u l-applikazzjoni konġunta tal-Informazzjoni tal-Pajjiż ta’ Oriġini; u metodi kif l-Istati Membri jistgħu jaħdmu aktar flimkien biex jindirizzaw pressjonijiet partikolari fuq is-sistemi ta’ asil jew il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza minn fatturi bħall-pożizzjoni ġeografika. Il-proġetti magħżula b’mod ġenerali ffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità, il-prassi t-tajba u l-istabbiliment ta’ netwerks ta’ kooperazzjoni transnazzjonali. Il-maġġoranza tal-mexxeja tal-proġetti kienu organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-gruppi fil-mira kienu ż-żgħażagħ, persuni vulnerabbli u persuni li kienu ġew risistemati. Il-proġetti kienu kkaratterizzati mill-aspetti innovattivi tagħhom, f’termini ta’ kontenut, grupp fil-mira u sħubija. It-Tabella 3 hawn taħt turi sommarju tal-proġetti magħżula u l-implikazzonijiet tagħhom għall-baġit. Tabella 3 – Azzjonijiet tal-Komunità tal-FER fl-2005, 2006 u 2007 Num ru ta’ proġetti magħżula u implikazzjonijiet għall-baġit Azzjonijiet tal-Komunità tal-FER | Sena | Total tal-baġit disponibbli (għall-għotjiet) € | Nru ta’ proposti rċevuti | Nru ta’ proposti ffinanzjati | Għall-proġetti magħżula | % tal-eżekuzzjoni baġitarja | % tal-proposti magħżula mit-total riċevut | Total tal-ispejjeż eliġibbli € | Kontibuzzjoni tal-FER € | Ko-finanzjament % | 2005 | 2 250 000 | 26 | 8 | 31% | 2 067 166 | 1 576 038 | 76% | 70% | 2006 | 3 144 067 | 18 | 10 | 56% | 2 685 093 | 1 820 310 | 68% | 58% | 2007 | 4 204 996 | 35 | 17 | 49% | 5 278 476 | 4 150 101 | 78% | 99% | L-ammonti mhux impenjati huma minħabba l-kwalità insuffiċjenti tal-proposti. Ġie deċiż li ma jintgħażlux proġetti li huma taħt ċertu livell ta’ kwalità teknika; għalhekk, ċertu approprjazzjonijiet ma ntużawx fil-ħin. Għad hemm ftit skop għal użu iżjed effiċjenti tal-Azzjonijiet tal-Komunità. Pereżempju, il-mekkaniżi għall-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-Azzjonijiet tal-Komunità għandhom jiġu mtejba fi ħdan id-dipartimenti tal-Kummissjoni responsabbli għall-Fond u fl-Awtoritajiet Responsabbli f’kull Stat Membru. Barra minn hekk, hemm bżonn li tiġi stabbilta konnessjoni aħjar bejn l-Azzjonijiet tal-Komunità u l-programmi nazzjonali. Minbarra l-għotjiet deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni użat ċertu riżorsi għall-akkwisti pubbliċi, bħal studju tal-fattibilità dwar l-Uffiċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (€138 800) fl-2007. 2. IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI NAZZJONALI MILL-2005 SAL-2007 2.2 Implimentazzjoni tal-Linji Gwida Strateġiċi tal-Kummissjoni Il-programmi nazzjonali tal-Istati Membri kellhom jikkonformaw mal-Linji Gwida Strateġiċi tal-Kummissjoni. Il-Linji Gwida, li nkludew ħames Prijoritajiet, ippovdew qafas għall-implimentazzjoni skont ċerti objettivi stabbiliti fil-livell Ewropew, iżda ma rrestrinġewx l-eliġibilità tal-miżuri previsti mill-Istati Membri, sakemm dawn kienu jikkonformaw mal-bażi legali tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati. Dan li ġej huwa valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għeluq tal-programm. - Prijorità 1: implimentazzjoni tal-prinċipji u l-miżuri, inkużi dawk relatati mal-għanijiet ta’ integrazzjoni, stabbiliti fl- acquis tal-Komunità tal-politika dwar l-asil L-iskop tal-Prijorità 1 kien l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal- acquis tal-Komunità tal-politika dwar l-asil permezz ta’ miżuri u proġetti ffinanzjati mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati. Din ġiet implimentata fl-Istati Membri kollha mingħajr eċċezzjoni. - Prijorità 2: il-preparazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti u l-miżuri provduti fid-Direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat Il-Prijorità 2 ġiet implimentata sa estent sinifikanti fl-Istati Membri kollha minbarra fil-Lussemburgu u fir-Renju Unit. Suġġett importanti għall-implimentazzjoni tal-Prijorità 2 kienet l-assistenza legali mogħtija lil persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil, li kienet waħda mill-kategoriji ewlenin tal-operazzjonijiet iffinanzjati bħala parti mill-Azzjoni “Kondizzjonijiet ta’ akkoljenza u proċeduri tal-asil”. - Prijorità 3: l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-proċeduri għall-eżami tal-pretensjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri Il-Prijorità 3 ġiet implimentata fl-Istati Membri kollha minbarra fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Ungerija, fl-Irlanda, fil-Lussemburgu, f’Malta u fil-Portugall. Il-proġetti indirizzaw il-Prijorità minn diversi angoli: titjib tal-proċeduri; bidla tal-metodi tax-xogħol tal-awtoritajiet involuti; tmexxija ta’ riċerka biex jiġu identifikati l-pressjonijiet fuq is-sistema tal-asil; xiri ta’ tagħmir, bħal sistemi kompjuterizzati, għat-titjib tal-kwalità tal-proċeduri, eċċ. - Prijorità 4: l-implimentazzjoni tal-miżuri relatati ma’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil, refuġjati jew benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jew sussidjarja u minorenni, li jirrispettaw il-prinċipju tal-aħjar interess tat-tfal Għaxar Stati Membri (il-Bulgarija, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovenja u Spanja) kellhom proġetti li kienu ddedikati kompletament għall-minorenni, u erba’ Stati Membri (il-Belġju, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja) kellhom proġetti differenti mmirati għal persuni li kienu qegħdin ifittxu asil jew refuġjati fejn ingħatat attenzjoni partikolari lit-tfal. Il-Ġermanja, il-Greċja u l-Irlanda taw xi ftit enfasi lil din il-Prijorità. - Prijorità 5: għall-Istati Membri li stabbilixxew jew li huma lesti jistabbilixxu skemi ta’ risistematizzazzjoni, azzjonijiet li jindirizzaw, b’mod partikolari, l-akkoljenza u l-orjentazzjoni tal-persuni li jiġu ammessi fl-Istati Membri taħt tali skemi u l-ġestjoni ta’ tali skemi. Huma biss tliet Stati Membri li indirizzaw il-Prijorità 5: il-Finlandja (l-integrazzjoni ta’ persuni risistematizzati taħt l-iskema ta’ risistematizzazzjoni tal-UNHCR), il-Portugall (rilokazzjoni ta’ tnax-il refuġjat trasferiti minn Malta) u Spanja (analiżi fil-fond tal-proċeduri ta’ risistematizzazzjoni). 2.2 Dejta prinċipali B’mod ġenerali, il-programmi nazzjonali ġew implimentati permezz ta’ sejħiet għal proposti miftuħin (fil-maġġoranza tal-Istati Membri ġiet organizzata sejħa waħda kull sena) li attiraw total impressjonanti ta’ 2 492 proposta. Minn dawn, intgħażlu u ġew iffinanzjati 1 403. In-numru totali ta’ proġetti ffinanzjati f’kull Stat Membru varjaw minn wieħed fir-Rumanija u sitta fil-Bulgarija (għaliex dawn ipparteċipaw biss fil-Fond fl-2007) għal 441 fil-Ġermanja. In-numru medju ta’ proġetti ffinanzjati annwalment (467 fl-UE) huwa ogħla minn dak taħt il-perjodu tal-programm preċedenti (410 matul il-perjodu 2000-2004), iżda ż-żieda fin-numru ta’ proġetti hija inqas miż-żieda fl-approprjazzjonijiet tal-baġit. Għaldaqstant, matul il-perjodu 2005-2007 kien hemm bħala medja numru akbar ta’ proġetti komparattivament iżgħar: il-kontribuzzjoni medja tal-UE ammontat għal madwar €108 000 għal kull proġett. Il-maġġoranza tal-benefiċjarji tal-proġetti kienu organizzazzjonijiet mhux governattivi u awtoritajiet lokali (82 % tal-proġetti kollha). L-awtoritajiet tal-Istat kienu wkoll benefiċjarji importanti (9 % tal-proġetti kollha), speċjalment f’dawk l-Istati Membri fejn il-Fond appoġġa l-aġġornament tal-faċilitajiet taħt il-pussess tal-Istat, bħal ċentri ta’ akkoljenza għal persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil. Mill-bqija tal-kategoriji ta’ benefiċjarji, l-iżjed sinifikanti hija l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, li rċeviet l-iffinanzjar mill-programmi nazzjonali fi 15-il Stat Membru għal total ta’ 31 proġett. Il-bażi legali tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu 2005-2007 introduċiet żewġ bidliet importanti fir-rigward tal-karatteristiċi tal-proġetti eliġibbli għall-appoġġ, notevolment il-possibbiltà ta’ appoġġ għal proġetti multiannwali u l-possibbiltà ta’ finanzjament ta’ proġetti li jkopru aktar minn Azzjoni waħda. Disa’ Stati Membri (il-Belġju, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, l-Isvezja u r-Renju Unit) appoġġaw proġetti multiannwali, u għaxra (il-Belġju, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, Malta u l-Polonja) iffinanzjaw proġetti li jkopru diversi azzjonijiet. L-Italja, b’mod partikolari, għamlet użu mill-possibbiltà li tiffinanzja proġetti li jkopru diversi azzjonijiet, bi kważi l-proġetti kollha jkopru kemm it-titjib tal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil kif ukoll l-integrazzjoni tar-refuġjati fil-livell tal-muniċipalità. Il-Ġermanja tispikka fiż-żewġ każijiet, b’terz tal-proġetti kollha li huma multiannwali, kważi żewġ terzi tal-proġetti kollha jkopru iżjed minn Azzjoni waħda u 45 % tal-proġetti kollha Ġermaniżi jkopru t-tliet Azzjonijiet kollha eliġibbli taħt il-Fond. Aktar milli jkunu limitati għal attività waħda; ħafna proġetti ħafna drabi ħaddnu diversi attivitajiet (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘operazzjonijiet’), taħt l-istess Azzjoni jew taħt iżjed minn Azzjoni waħda. Għalhekk, in-numru totali tal-operazzjonijiet iffinanzjati (3 259) qabeż b’mod sinifikanti n-numru ta’ proġetti. Fil-kapitoli li ġejjin, l-analiżi tal-implimentazzjoni ta’ kull waħda mit-tliet Azzjonijiet hija bbażata fuq id-deskrizzjoni dettaljata ta’ dawn l-operazzjonijiet kif ġew irrapportati fir-rapporti dwar l-implimentazzjoni sottomessi mill-benefiċjarji tal-proġetti mal-għeluq tal-proġetti. 2.3 Implimentazzjoni tal-Azzjoni “Kondizzjonijiet ta’ akkoljenza u proċeduri ta’ asil” Mit-tliet Azzjonijiet eliġibbli għall-appoġġ, l-Azzjoni “Kondizzjonijiet ta’ akkoljenza u proċeduri ta’ asil” kienet l-iżjed importanti f’termini tan-numru ta’ operazzjonijiet finanzjati. Din kopriet firxa wiesgħa ta’ suġġetti li jaqgħu fi tmien kategoriji vasti: infrastruttura jew servizzi ta’ akkomodazzjoni; għajnuna materjali; kura medika u psikoloġika; assistenza soċjali, assistenza fil-formalitajiet amministrattivi u għajnuna legali; assistenza oħra, inkluż assistenza fil-lingwa, interpretazzjoni; edukazzjoni, taħriġ fil-lingwa, inizjattivi oħrajn konsistenti mal-istatus tal-persuna; informazzjoni lill-komunitajiet lokali li sejrin jinterraġġixxu ma’ dawk li jiġu milqugħin fil-pajjiż ospitanti; titjib fl-effiċjenza u l-kwalità tal-proċeduri tal-asil. L-Azzjoni “Kondizzjonijiet ta’ akkoljenza u proċeduri ta’ asil” ġiet irrappreżentata sew fl-Istati Membri kollha, iżda b’enfasi differenti. L-Istati Membri bin-numru l-iżjed baxx ta’ operazzjonijiet li jaqgħu taħt din l-Azzjoni kienu r-Renju Unit, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Estonja. Fil-każ tal-Bulgarija u r-Rumanija, ir-raġuni kienet li dawn ħadu parti biss fi programm annwali wieħed. Ir-Renju Unit għażel li jiffoka l-programm tiegħu fuq l-Azzjonijiet l-oħrajn eliġibbli għall-appoġġ, “Integrazzjoni” u speċjalment “Ritorn Volontarju”. Il-Ġermanja, l-Italja u Franza, mill-banda l-oħra, kellhom fokus ċar ħafna fuq din l-Azzjoni. Assistenza soċjali, assistenza fil-formalitajiet amministrattivi u għajnuna legali kienet il-kategorija inkluża fil-maġġoranza tal-proġetti ffinanzjati fil-perjodu. Din inkludiet konsulenza legali, amministrattiva u soċjali għan-nies li jfittxu asil fil-kuntest tal-proċedura tal-asil, individwalment jew f’laqgħat fi gruppi jew wiċċ imb’wiċċ, kif ukoll it-tixrid ta’ materjal ta’ informazzjoni. Il-kategorija ta’ wara kienet il-kura medika u psikoloġika, li kienet implimentata f’wieħed u għoxrin Stat Membru u li kibret dejjem aktar fl-importanza ma’ numru dejjem ikbar ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil li jsofru minn problemi mediċi u psikoloġiċi bħala riżultat ta’ vjolenza u tortura. Mill-bqija tal-kategoriji, l-infrastruttura tal-akkomodazzjoni u s-servizzi kienu appoġġati fi ħmistax-il Stat Membru. B’mod speċjali fi Stati Membri li daħlu fl-Unjoni mill-2004, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati kellu rwol importanti ħafna biex jiġu aġġornati l-faċilitajiet fil-pussess tal-Istat fejn persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil jiġu akkomodati skont standards tal-UE, fejn appoġġa mhux biss l-estensjoni jew l-arranġament mill-ġdid iżda wkoll it-titjib tas-servizzi pprovduti lil persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil (ikel, l-għoti ta’ ħwejjeġ, attivitajiet, assistenza amministrattiva/legali, eċċ). Kien hemm tendenza dejjem ikbar fil-maġġoranza tal-Istati Membri għal organizzazzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti biex jipprovdu lil persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil b’pakkett ta’ miżuri, li fihom tipi differenti ta’ assistenza (soċjali, legali, amministrattiva, medika, materjali, edukattiva, eċċ) u l-possibbiltà li dawn ikunu magħmula skont is-sitwazzjoni ta’ kull persuna jew grupp ta’ persuni. L-inqas operazzjonijiet komuni kienu dawk relatati mat-titjib tal-effiċjenza u l-kwalità tal-proċeduri tal-asil, li fi ħdax-il Stat Membru ġew iffinanzjati minn riżorsi nazzjonali waħidhom, jiġifieri barra mill-programmi. Madankollu, fl-Istati Membri fejn tali operazzjonijiet ġew implimentati, huma twettqu b’suċċess: eżempji kienu jinkludu l-iżvilupp ta’ databases tal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ sistemi ta’ informazzjoni meħtieġa għall-proċedura tal-asil, it-titjib tal-operat tar-Regolament ta’ Dublin II u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u kif ukoll it-titjib ġenerali u t-tqassir tal-proċeduri tal-asil. [pic] 2.4 Implimentazzjoni tal-Azzjoni “Integrazzjoni” Abbażi tan-numru ta’ operazzjonijiet finanzjati, l-Azzjoni “Integrazzjoni” - li hija mmirata biss lejn persuni li l-waqfa tagħhom hija ta’ natura stabbli jew dejjiema (refuġjati rikonoxxuti, persuni mogħtija forom oħrajn ta’ protezzjoni internazzjonali) - ġiet ikklassifikata t-tieni fost it-tliet Azzjonijiet eliġibbli għall-appoġġ taħt il-Fond. Is-suġġetti koperti minn din l-Azzjoni jistgħu jiġu raggruppati fil-kategoriji li ġejjin: assistenza fl-akkomodazzjoni u l-għoti ta’ mezzi ta’ sussistenza; kura medika u psikoloġika; assistenza soċjali, assistenza fil-formalitajiet amministrattivi, għajnuna legali, assistenza fil-lingwa; edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali, akkwist ta’ ħiliet; azzjonijiet oħrajn mmirati lejn l-aċċess għall-impjiegi; azzjonijiet oħrajn maħsuba għall-promozzjoni tal-kisba awtonoma ta’ kapaċitajiet; azzjonijiet li jippermettu lir-riċevituri jaddattaw għas-soċjetà tal-Istat Membru; azzjonijiet oħra li jippromwovu l-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivili u kulturali u l-promozzjoni tal-ugwaljanza ta’ aċċess u l-ugwaljanza tar-riżultati meta jittrattaw mal-istituzzjonijiet pubbliċi. L-operazzjonijiet taħt din l-Azzjoni kienu rrappreżentati sew fl-Istati Membri kollha. L-Italja kien l-Istat Membru bl-aktar operazzjonijiet (aktar minn 40 % tal-operazzjonijiet ta’ Integrazzjoni kollha ffinanzjati fl-UE), dan minħabba li l-maġġoranza tal-proġetti Taljani fil-livell lokali kkombinaw ir-riċeviment ta’ persuni li jfittxu l-asil mal-integrazzjoni ta’ dawk il-persuni mogħtija stejtus ta’ protezzjoni. In-numru ta’ operazzjonijiet ħareġ li kien komparattivament baxx f’ċerti Stati Membri għaliex is-sistema ta’ assistenza nazzjonali, li ma kinietx tinvolvi l-fondi tal-UE, kienet diġà qed tipprovdi l-appoġġ lin-nies fil-bżonn, bħar-refuġjati. Mill-oqsma kollha ta’ appoġġ, kien l-aċċess għall-impjiegi, inkluż l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, l-akkwist ta’ ħiliet, azzjonijiet maħsuba biex jippromwovu l-kisba awtonoma ta’ kapaċitajiet u l-forom kollha neċessarji ta’ assistenza, li spikkaw bħala l-aktar importanti. F’ħafna Stati Membri, assistenza fl-akkomodazzjoni sinifikanti ngħatat ukoll permezz ta’ tipi differenti ta’ appoġġ. Huwa rikonoxxut li wieħed ikollu xogħol u akkomodazzjoni kemm jista’ jkun kmieni possibbli wara r-rikonoxximent tal-istatus huma prerekwiżiti essenzjali għar-refuġjati u persuni mogħtija protezzjoni internazzjonali sabiex tiġi mgħaġġla l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-pajjiż ospitanti. Il-kura medika u psikoloġika, li hi fattur essenzjali tal-miżuri għall-persuni li jfittxu l-asil, kompliet tkun meħtieġa wara r-rikonoxximent ta’ status ta’ protezzjoni. Fl-aħħar, l-operazzjonijiet immirati lejn il-parteċipazzjoni fi u l-komunikazzjoni mas-soċjetà ospitanti u li jinvolvu din tal-aħħar kienu wkoll appoġġjati. Kien hemm żieda fl-appoġġ għall-kisba awtonoma ta’ kapaċitajiet tar-refuġjati u persuni mogħtija protezzjoni internazzjonali bħala mod effiċjenti għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tagħhom. L-idea kienet li r-refuġjati jkunu jistgħu jirrealizzaw il-potenzjal ekonomiku, soċjali, kulturali jew anki politiku tagħhom sabiex jintegraw fis-soċjetà ospitanti u jistabbilixxu mudell pożittiv. Fl-aħħar nett, bħall-operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-Azzjoni dwar “Kondizzjonijiet ta’ akkoljenza u titjib tal-proċedura tal-asil”, il-maġġoranza tal-proġetti ffinanzjati taħt l-Azzjoni ‘Integrazzjoni’ inkludew numru ta’ suġġetti (akkomodazzjoni, xogħol, assistenza soċjali u medika, eċċ). Dawn ġew ikkombinati f’pakketti ta’ integrazzjoni li jiffukaw fuq affarijiet differenti (impjiegi; komunikazzjoni bejn ir-refuġjati u l-komunità lokali; appoġġ dirett f’sitwazzjonijiet speċifiċi bħal akkomodazzjoni, għajnuna legali, eċċ), li b’hekk ifasslu l-appoġġ għall-integrazzjoni skont is-sitwazzjoni partikolari tal-persuni kkonċernati u għall-ambjent tagħhom permezz ta’ firxa ta’ miżuri xierqa. [pic] 2.5 Implimentazzjoni tal-Azzjoni “Ritorn volontarju” B’inqas minn 10% tal-operazzjonijiet kollha ffinanzjati mill-Fond, l-Azzjoni “Ritorn volontarju” kienet l-inqas waħda rrappreżentata mit-tlett Azzjonijiet. L-operazzjonijiet iffinanzjati kienu parti mill-kategoriji li ġejjin: informazzjoni u pariri dwar ir-ritorn volontarju; informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza preċedenti; assistenza fl-ivvjaġġar; appoġġ - inkluż appoġġ finanzjarju - għar-rintegrazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini; azzjonijiet oħra li jiffaċilitaw l-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ ritorn volontarju. Erba’ Stati Membri ma implimentawx ir-ritorn volontarju, iżda fl-Istati Membri fejn dawn l-operazzjonijiet kienu appoġġati, in-numru tagħhom żdied b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu inizjali ta’ implimentazzjoni (2000-2004). Meta l-programm kien fil-preparazzjoni, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jinkludu l-Azzjoni tar-Ritorn Volontarju. Huwa importanti l-fatt, li kien hemm żieda fir-rikonoxximent mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaġixxu biex jappoġġaw nies li jkunu qegħdin ifittxu asil tal-fatt li jkun utli li l-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil li l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu miċħuda jiġu pprovduti b’assistenza għar-rintegrazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, minbarra azzjonijiet li jassistu lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil matul il-proċedura ta’ asil u li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tar-refuġjati rikonoxxuti. Fost l-Istati Membri kollha, il-Ġermanja - b’45 % tal-operazzjonijiet kollha fil-qasam tar-ritorn volontarju fl-UE - kien l-Istati Membru fejn dan kien l-iżjed ovvju, għaliex il-maġġoranza tal-operazzjonijiet fil-qasam tar-ritorn volontarju ġew implimentati bħala parti minn proġetti li jkopru tnejn jew it-tlieta kollha mill-Azzjonijiet li huma eliġibbli taħt il-Fond. L-organizzazzjonijiet implimentattivi ħadmu bis-sħiħ sabiex jipprovdu lill-persuni li kienu qegħdin ifittxu asil li kienu fil-kura tagħhom bi prospettivi sodi, irrispettivament mir-riżultat tal-applikazzjoni tagħhom għall-asil: sew jekk ikun l-integrazzjoni fis-soċjetà Ġermaniża fil-każ li jingħata l-istatus ta’ refuġjat, jew bidu ġdid fil-pajjiż ta’ oriġini, u fi kwalunkwe każ, assistenza sat-tluq jekk il-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent ma jistgħux jintlaqgħu. L-operazzjonijiet tar-ritorn volontarju kienu l-iżjed diffiċli biex jiġu implimentati għaliex jiddependu fuq ir-rieda tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil biex jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u biex imorru oltre dik li kienu jqisu bħala ħajja aħjar f’pajjiż ospitanti prosperuż. Madanakollu, d-diffikultà ta’ implimentazzjoni tar-ritorn volontarju tista’ tkun ir-raġuni għaliex ċerti operazzjonijiet iffinanzjati li kellhom suċċess ġew ivvalutati bħala ppjanati sew kif ukoll innovattivi. Dan kien il-każ għall-proġett li l-aktar li kellu suċċess tar-Renju Unit tal-perjodu ta’ programmar 2005-2007, li ġie implimentat taħt din l-Azzjoni. F’ħafna Stati Membri, fattur ieħor ta’ suċċess kien l-involviment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, jew bħala organizzazzjoni implimentattiva jew bħala sieħba. [pic] 3. EFFIKAċJA, EFFIċJENZA U VALUR MIżJUD TAL-PROGRAMMI NAZZJONALI MILL-2005 SAL-2007 3.1 Effikaċja Fil-maġġoranza tal-Istati Membri ir-riżultati miksuba fil-livell tal-operazzjonijiet kienu sodisfaċenti meta mqabbel ma’ dak li kien ippjanat. Madankollu, l-operazzjonijiet tal-Integrazzjoni dehru li kellhom l-iżjed suċċess, segwiti b’dawk mmirati lejn l-akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil, filwaqt li l-operazzjonijiet fuq ir-ritorn volontarju pproduċew l-inqas riżultati sodisfaċenti. Ir-raġunijiet ewlenin għaliex ċerti operazzjonijiet kisbu riżultati li qabżu dawk ippjanati, jew ma kisbuhomx, kienu marbuta mhux mat-tip ta’ attività kkonċernata (minbarra għar-ritorn volontarju), iżda aktar ma’ fatturi esterni, speċjalment l-impreveddibltà tal-flussi tal-asil. Bħala riżultat, matul sena partikolari bi flussi kbar ta’ asil, proġetti għall-akkoljenza ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil jistgħu jilħqu numru ogħla minn dak previst u f’sena oħra fejn il-flussi tal-asil kienu inqas minn dawk mistennija, dawn jistgħu ma jilħqux l-aspettativi. Spjegazzjonijiet oħra għall-ilħuq eċċessiv tal-objettivi jew tan-nuqqas ta’ lħuq tal-objettivi, kellhom jinstabu f’dawn li ġejjin: il-kwalità tal-preparazzjoni, il-ġestjoni u l-organizzazzjoni tal-proġetti; il-fehim ċar mill-organizzazzjoni implimentattiva tal-ispeċifiċitajiet tal-grupp partikolari ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil; il-livell tas-sħubija ma’ organizzazzjonijiet oħra u, fl-aħħar, l-impenn personali tal-organizzaturi tal-proġett. Barra minn hekk, l-ammont kemm il-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil, ir-refuġjati u l-persuni li kienu ġew mogħtija forom oħra ta’ protezzjoni kienu involuti fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-proġetti, dehru li kienu fattur sinifikanti fis-suċċess jew falliment tagħhom. L-operazzjonijiet tar-ritorn volontarju kellhom jaffaċċjaw problemi differenti. Ħafna persuni li fittxew asil u persuni mogħtija protezzjoni internazzjonali, li kienu investew sforzi konsiderevoli sabiex jaslu fil-pajjiż ospitanti, ma kinux interessati li jirritornaw, minkejja t-tqassim ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ ritorn u ta’ appoġġ. Sitwazzjonijiet ta’ konflitt f’ċerti pajjiżi ta’ oriġini wkoll jistgħu jiskoraġġuhom milli japplikaw għall-assistenza għar-ritorn. Fil-livell tal-programmi nazzjonali, l-estent safejn ir-riżultati ppjanati nkisbu kien ivarja iżjed: l-objettivi stabbiliti fil-bidu tal-programmi ma ġewx sodisfatti kollha f’ċerti Stati Membri, iżda ġew superati f’oħrajn. L-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali rriżultaw pjuttost ta’ suċċess f’termini ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil, iżda dan ma tantx jista’ jingħad għall-integrazzjoni tar-refuġjati. Safejn huwa kkonċernat ir-ritorn volontarju, l-implimentazzjoni tal-istrateġiji kienet taħt l-aspettativi, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit. Għalkemm il-valutazzjoni kienet li azzjonijiet jew miżuri oħrajn minbarra dawk iffinanzjati ma setgħux kienu iżjed effettivi, huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li l-proġetti setgħu kienu iżjed effettivi. Żieda fil-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-esperjenzi bejn l-organizzazzjonijiet implimentattivi setgħet tippermetti sinerġiji u l-ġbir flimkien tar-riżorsi, u li tgħin biex tkun evitata d-duplikazzjoni. L-operazzjonijiet tar-ritorn volontarju setgħu kienu iżjed effettivi permezz tal-iżvilupp ta’ kuntatti mas-sħab mill-pajjiżi ta’ oriġini, permezz ta’ taħriġ tal-persunal jew permezz tal-iskambju tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri. Fir-rigward tal-ippjanar u l-ġestjoni tal-proġetti, l-appoġġ ta’ proġetti b’perjodu ta’ żmien itwal jew l-iżvilupp ulterjuri ta’ proġetti preċedenti setgħu kienu iżjed effettivi minflok il-bidu ta’ inizjattivi ġodda. Il-piż tax-xogħol amministrattiv tal-organizzazzjonijiet implimentattivi tal-proġetti ġie identifikat bħala ostaklu għall-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti, u għalhekk għandu jiġi eżaminat. 3.2 Effiċjenza B’mod ġenerali, ir-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġetti ġew ivvalutati bħala suffiċjenti. Matul il-proċess tal-għażla mwettaq fl-Istati Membri, il-kompetenza rilevanti ntużat għall-valutazzjoni tal-baġit għall-iffinanzjar tal-proposti, biex b’hekk ġie żgurat li l-ispejjeż mistennija kienu realistiċi u li r-riżorsi allokati kienu biżżejjed għall-proġetti magħżula. Madankollu, f’għadd ta’ Stati Membri, il-kofinanzjament tal-proġetti mill-baġit nazzjonali, li kien addizzjonali għall-fondi tal-UE, sar diffiċli jew saħansitra sparixxa għal kollox bħala riżultat tar-restrizzjonijiet tal-baġit; dan ħoloq sitwazzjonijiet diffiċli ħafna għall-organizzazzjonijiet ta’ daqs żgħir u medju. Il-perjodiċità tad-disponibbiltà tal-fondi kienet inqas sodisfaċenti. Inħass li l-fondi kienu disponibbli għall-organizzazzjonijiet implimentattivi aktar tard milli meta kien mistenni; dan seħħ minħabba l-fatt li mhux id-dispożizzjonijiet kollha tal-UE ġew stabbiliti sa sena wara l-bidu tal-perjodu ta’ programmar, iżda dewmien fuq livell nazzjonali kien ukoll fattur. Bħala riżultat, l-iffirmar tal-kuntratti u l-pagamenti inizjali wara l-iffirmar tal-kuntratti mal-organizzazzjonijiet implimentattivi ġew imdewma u dan kellu impatt konfliġġenti f’ħafna Stati Membri. F’ċertu każijiet, id-dewmien irriżulta fil-kanċellazzjoni tal-proġetti jew partijiet tal-proġetti, filwaqt li f’każijiet oħrajn, l-organizzazzjonijiet ġew obligati li jisselfu l-fondi sabiex jibdew l-attivitajiet. Bl-istess mod, matul l-implimentazzjoni tal-proġetti, id-differenza fiż-żmien bejn l-ewwel pagament u dawk li segwew tqieset twila wisq mill-organizzazzjonijiet implimentattivi u r-riżorsi tagħhom kienu limitati wisq biex iwettqu l-attivitajiet kollha matul dan il-perjodu. L-ispejjeż imġarrba għall-kisba tar-riżultati tal-proġetti dehru raġonevoli. Fejn dik il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq paraguni ma’ strumenti finanzjarji jew sorsi ta’ fondi oħra, jew ibbażati fuq prezzijiet ta’ unità magħrufa, instab li l-proġetti kienu effiċjenti daqs jew anki iktar minn proġetti simili ffinanzjati minn sorsi oħra. Pereżempju, fir-Renju Unit, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ikkonkluda li l-ispejjeż medji ta’ proġett ta’ skala kbira fuq ir-ritorn volontarju kienu ferm inqas mit-tneħħija infurzata, u dan ta riżultati aħjar, għaliex ipprovda għar-rintegrazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini skont il-bżonn. Madankollu, kien hemm lok għal titjib. Fil-livell tal-proġetti, ċerti spejjeż fuq l-assistenza teknika, l-ispejjeż għall-ġestjoni, workshops, seminars, laqgħat ta’ diskussjoni, eċċ. kienu dawk l-ispejjeż fejn seta’ jkun hemm iffrankar. Filwaqt li f’ċerti każijiet tqies li l-ispejjeż fuq il-persunal kellhom jinżammu għall-minimu, tqajjmu dubji fuq il-fatt jekk dawn l-ispejjeż setgħux jinżammu baxxi bl-użu ta’ volontiera. Minkejja l-livell għoli ta’ impenn, il-persunal li jaħdmu fuq bażi volontarja jistgħu mhux dejjem ikollhom il-ħin u l-opportunità li jiddedikaw ruħhom kompletament għall-implimentazzjoni tal-proġett, ħaġa li titqies neċessarja sabiex il-proġetti jkunu ta’ suċċess. Fil-kuntest tal-programmi kollha, iżjed iffrankar jista’ jinkiseb permezz tat-tnaqqis tal-kompiti amministrattivi li jingħataw lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi u r-rekwiżiti ta’ rappurtar għall-organizzazzjonijiet implimentattivi, li ħafna kienu jqisu bħala tqal. F’ċerti każijiet, l-akkwist pubbliku minflok is-sussidju ta’ proġett setgħet kienet possibbiltà alternattiva biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-programmi. Fl-aħħar nett, iżjed kooperazzjoni bejn il-proġetti, proġetti li jdumu iżjed u, fejn xieraq, proġetti akbar (f’termini ta’ baġit) setgħu jippermettu użu iżjed effiċjenti tar-riżorsi disponibbli. 3.3 Addizzjonalità u valur miżjud Ewropew L-użu tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati matul il-perjodu 2005-2007 wera li kien addizzjonali għall-finanzjament nazzjonali. Kien hemm biss ftit każijiet fejn il-proġetti setgħu ġew iffinanzjati permezz ta’ appoġġ nazzjonali. Barra minn hekk, fl-ebda każ wieħed ma l-Fond issostitwixxa l-finanzjament minn fondi Ewropej oħrajn, bħall-Fond Soċjali Ewropew jew il-programm EQUAL. Bħala riżultat, ftit, jekk kien ikun hemm, mill-1 403 proġetti ffinanzjati kienu jiġu implimentati fin-nuqqas tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati. Fis-sejħiet tagħhom għall-proposti, l-Istati Membru stipulaw li l-proġetti ffinanzjati diġà minn sorsi nazzjonali jew minn sorsi Ewropej oħrajn ma setgħux jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati. Fil-prattika, l-Istati Membri implimentaw strateġiji differenti biex jiżguraw l-addizzjonalità tal-Fond. Il-Fond intuża jew bħala suppliment għar-riżorsi nazzjonali, sabiex iżid il-volum tal-proġetti u l-attivitajiet eżistenti; jew, bħala kumpliment għall-attivitajiet finanzjarji marbuta mal-proġetti eżistenti, iżda ta’ natura differenti, li mhux neċessarjament iżid in-numru ta’ proġetti; jew, jissepara kompletament minn strumenti oħra ta’ finanzjament, għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ tip, kontenut jew daqs ġdid, li jinkludu proġetti innovattivi li ma jkunux ġew meqjusin fi skemi ta’ sussidju oħrajn. 4. EFFETTI U IMPATTI TAL-PROGRAMMI NAZZJONALI MILL-2005 SAL-2007 Huwa stmat li l-1 403 proġetti ffinanzjati provdew benefiċċju dirett għal grupp fil-mira totali ta’ iżjed minn 350 000 persuna. Minn dawn, 26 200 persuna rritornaw lejn il-pajjiżi ta’ oriġini taħt skemi ta’ ritorn volontarju. Minbarra dawk fil-grupp fil-mira, iżjed minn 6 500 persuna li jappartjenu għall-organizzazzjonijiet li implimentaw il-proġetti rċivew appoġġ mill-Fond, pereżempju għat-taħriġ jew bħala riżultat ta’ reklutaġġ ta’ persunal addizzjonali. Dawn huma kisbiet notevoli meta jitqiesu r-riżorsi relattivament limitati tal-Fond (madwar €50 miljun kull sena). Lil hinn mir-riżultati diretti tal-proġetti, ġew identifikati impatti sinifikanti fil-livell nazzjonali fl-oqsma li ġejjin. 4.1 Titjib tal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza u l-proċeduri tal-asil fl-Istati Membri Fil-maġġoranza tal-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni Ewropea mill-2004, kif ukoll fi Stati Membri oħrajn, il-proġetti kkontribwixxew speċifikament għar-rinovazzjoni jew l-estensjoni taċ-ċentri ta’ akkoljenza għall-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil jew għall-kwalità tas-servizzi li jipprovdu għall-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil. Minħabba li dawn iċ-ċentri b’mod ġenerali jakkomodaw il-persuni kollha li jfittxu asil f’dawn l-Istati Membri, ir-riżultat kien titjib ġenerali tal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, fil-Latvja, ġew stabbiliti l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza temporanja fil-każ ta’ fluss f’daqqa ta’ persuni li qed ifittxu l-asil. Fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn organizzazzjoni waħda hija responsabbli biex tilqa’ l-persuni li jfittxu asil, l-għarfien dwar is-sigurtà soċjali tqajjemt permezz ta’ proġett ta’ skala kbira fil-postijiet kollha ta’ akkoljenza. F’ħafna postijiet dan wassal biex dawk li jgħixu hemm jingħataw taħriġ fil-flessibilità u l-postijiet kollha rċevew materjal informattiv. Bl-istess mod, fi Franza, “il-pjattaformi ta’ akkoljenza” ġestiti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, fil-maġġoranza tar-reġjuni, ipprovdew lill-persuni li kienu qegħdin ifittxu asil fil-pajjiż, b’firxa ta’ servizzi ta’ kwalità li nżammu minkejja l-flussi kbar tal-asil matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni 2005-2007. Fi Spanja, kważi nofs il-persuni kollha li fittxew asil ibbenefikaw minn servizzi li jvarjaw minn titjib tal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għal assistenza medika/psikoloġika, appoġġ legali u kopertura tal-bżonnijiet bażiċi. Tpoġġiet enfasi partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli f’ħafna Stati Membri, b’riżultati sinifikanti fil-livell nazzjonali. Fl-Italja, ġew stabbiliti proċeduri ta’ riċeviment iddedikati. Fl-Awstrija u fil-Beljġu, ngħatat assistenza psikoloġika mal-pajjiż kollu, Ċipru stabbilixxi Unità ta’ Kura mit-Tortura. Fil-Belġju, fi Franza u fil-Portugall, l-organizzazzjonijiet implimentattivi bdew jittrattaw il-bżonnijiet speċifiċi tal-minorenni mhux akkompanjati li, skont rapporti, ma kinux qed jingħataw kura xierqa mill-iskemi eżistenti. F’ħafna Stati Membri, bħall-Bulgarija, il-Ġermanja, is-Slovakkja u Spanja, tjiebet l-assistenza legali fil-livell nazzjonali lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-programmi. Fil-Ġermanja, pereżempju, proġetti f’dan il-qasam kienu ta’ benefiċċju għal madwar terz tal-persuni kollha li fittxew asil. Minħabba n-numru komparattivament iżjed baxx ta’ operazzjonijiet li jinvolvu proċeduri tal-asil, l-impatti f’dan il-qasam kienu iżjed limitati. F’Ċipru twettqu ħafna operazzjonijiet. Fl-Awstrija, ġiet introdotta sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità għall-proċeduri tal-asil mal-pajjiż kollu. Fil-Polonja, ġiet stabbilita database bl-informazzjoni dwar il-pajjiżi ta’ oriġini. Fis-Slovenja, ġie ffinanzjat l-istabbiliment tas-sistema EURODAC u ta’ sistema li tistabbilixxi l-karti tal-identità, kif ukoll reġistru tal-applikanti għall-asil. Ir-Renju Unit ħatar Uffiċjal għall-Komunikazzjoni dwar l-Asil fl-Italja, li ġġestixxa b’mod effettiv relazzjonijiet bejn iż-żewġ Stati Membri taħt ir-Regolament ta’ Dublin. 4.2 Integrazzjoni mtejba tar-refuġjati fis-soċjetà tal-Istati Membri L-impatti fuq l-integrazzjoni tar-refuġjati fil-livell nazzjonali kienu jinħassu inqas u jidhru li huma speċifiċi għal ċerti Stati Membri. Fi Franza, pereżempju, il-proġetti tal-integrazzjoni kisbu importanza dejjem ikbar u minnhom ibbenefikaw madwar 9% tar-refuġjati kollha b’enfasi fuq l-aċċess għal akkomodazzjoni indipendenti flimkien mal-assistenza soċjali, bħala l-ewwel pass lejn l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Fil-Finlandja, fejn l-integrazzjoni tar-refuġjati saret suġġett importanti ta’ dibattitu politiku, mudelli li ġew żviluppati għall-integrazzjoni fil-livell lokali, u li jinvolvi l-popolazzjoni prinċpali, appoġġ bejn il-pari minn immigranti li jkunu waslu qabel u servizzi prodotti b’mod konġunt minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-muniċipalitajiet, għandhom il-potenzjal li jiksbu impatti nazzjonali diment li jiġu implimentati fuq skala kbira. F’Ċipru, il-proġetti qajmu s-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku ġenerali dwar il-kwistjonijiet tar-refuġjati, ippromwovew il-multikulturaliżmu u d-diversità. Impatti sinifikanti tal-proġetti ta’ integrazzjoni ġew irrapportati wkoll fl-Irlanda u fil-Latvja. 4.3 Żieda fir-ritorn volontarju ta’ persuni li jappartjenu għall-gruppi fil-mira Bħala l-inqas irrappreżentata mit-tliet Azzjonijiet, ir-ritorn volontarju hija l-qasam fejn l-impatti fil-livell nazzjonali kienu l-aktar baxxi. Fir-Renju Unit, programm kbir ta’ ritorn volontarju kien ta’ benefiċċju għal 11 262 persuna, li hija ċifra sinifikanti fuq livell nazzjonali. Fil-Lussemburgu, miżuri ta’ ritorn volontarju, implimentat għall-ewwel darba bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati, wasslu għal żieda ta’ 10 % fir-ritorn volontarju wara ħafna snin ta’ tnaqqis; dan kien dovut għal intervisti orjentati individwalment, li kienet fattur innovattiv.. Fl-Ungerija, l-eżistenza proprja ta’ ritorn volontarju deher li kien riżultat tal-programm u f’Malta setgħat tiġi stabbilita għall-ewwel darba sistema ta’ ritorn volontarju assistit. Fis-Slovakka, il-Fond ippermetta li tibda l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini fl-assistenza fir-ritorn volontarju u għall-ewwel darba persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil li jagħżlu li jirritornaw ġew mogħtija kontribuzzjoni finanzjarja. 4.4 Żvilupp ta’ miżuri politiċi fil-qasam tal-politika tal-asil, inkluż kontribuzzjoni għall-iżvilupp tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil Għalkemm l-ebda proġett wieħed ma kien jinvolvi l-iżvilupp ta’ miżuri politiċi fil-qasam tal-politika tal-asil b’mod dirett, kien hemm evidenza ta’ ċerti impatti speċifiċi, ħafna drabi indiretti, f’dawn l-oqsma f’ċerti Stati Membri. Fil-Portugall, il-proġetti għat-titjib tal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil ingħataw kunsiderazzjoni fit-tfassil tal-bidliet meħtieġa għall-addattament tal-liġi nazzjonali għad-Direttiva Ewropea dwar standards minimi għall-akkoljenza. Fil-Belġju, fejn ġew adottati tlett liġijiet ewlenin dwar il-proċedura tal-asil u dwar ir-riċeviment ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil, il-Fond kellu rwol importanti biex tingħata informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet legali ġodda u fit-taħriġ tal-partijiet interessati fl-implimentazzjoni korretta tagħhom. Fil-Lussemburgu, appoġġ kontinwu għall-proġetti implimentati minn organizzazzjoni mhux governattiva saħħaħ l-azzjoni ta’ lobbying tagħha u b’hekk iffaċilita l-approvazzjoni mill-Parlament ta’ liġi ġdida dwar l-asil u l-protezzjoni sussidjarja. Fil-Finlandja, il-proġetti għat-titjib tal-kwalità tas-sistema ta’ akkoljenza u għall-integrazzjoni tar-refuġjati pproduċiet mudelli ġodda li attiraw l-attenzjoni u l-interess ta’ Stati Membri oħra tal-UE. Bl-istess mod, l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni dwar l-Asil Taljan maħtur mir-Renju Unit iġġenera interess minn Stati Membri oħrajn. Fl-aħħar nett, fl-Estonja, bħala riżultat tal-proġetti għall-integrazzjoni tar-refuġjati, il-Ministru tal-Affarijiet Soċjali introduċa bidliet fil-liġi dwar il-Kura Soċjali. 4.5 Impatti oħra relatati mill-inqas parzjalment mal-implimentazzjoni tal-programmi Proġetti ta’ implimentazzjoni ffinanzjati mill-Fond Ewropew għar-Refuġjati pproduċew effetti tanġibbli u dewwiema għall-organizzazzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti fil-forma ta’ żieda fl-esperjenza, fil-kwalifiki u fil-kapaċità istituzzjonali, kif ukoll fir-relazzjoni mal-ġestjoni tal-fondi u tal-proġetti; kooperazzjoni u netwerking ma’ organizzazzjonijiet oħrajn, kemm domestikament kif ukoll ma’ Stati Membri oħra; u r-rikonoxximent mill-awtoritajiet nazzjonali bħala sħab fi kwistjonijiet relatati mal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil u r-refuġjati. Mhux biss l-organizzazzjonijiet mhux governattivi żviluppaw il-kooperazzjoni bejniethom; iżda bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-programmi, żviluppat ukoll il-kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet governattivi u dawk mhux governattivi fi kwistjonijiet ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil u tar-refuġjati. Fil-livell tal-organizzazzjonijiet governattivi, il-kwalità tax-xogħol tjiebet, kien hemm għarfien akbar dwar il-bżonnijiet tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil u tar-refuġjati, u l-istituzzjonijiet responsabbli għall-politika tal-asil tejbu l-metodu tax-xogħol tagħhom u setgħu jagħmlu aċċess għal informazzjoni diretta dwar il-persuni li jfittxu l-asil u r-refuġjati, kif ukoll dwar l-iżvantaġġi u l-punti kritiċi tal-politika tal-asil. F’ħafna Stati Membri (il-Polonja, Spanja u s-Slovakkja) inkisbet koordinazzjoni interistituzzjonali aħjar. Fl-Italja, l-implimentazzjoni tal-proġetti fil-livell tal-muniċipalitajiet ottimizzat l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-asil stabbiliti f‘livell nazzjonali. Fil-Belġju, permezz tal-konċentrazzjoni tal-appoġġ fuq żoni li kienu rilevanti fil-livell tal-UE, kien hemm titjib fil-konsistenza u l-attenzjoni tal-azzjonijiet imwettqa f’diversi livelli tal-gvern. 5 . VALUTAZZJONI TAL-PROGRAMMI U SUġġERIMENTI GħAT-TITJIB MILL-AWTORITAJIET RESPONSABBLI U L-ORGANIZZAZZJONIJIET IMPLIMENTATTIVI Bħala parti mir-rapporti ta’ evalwazzjoni nazzjonali, l-Awtoritajiet Responsabbli fl-Istati Membri fuq naħa waħda, u l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti min-naħa l-oħra, intalbu jipprovdu l-valutazzjoni tagħhom tal-programm tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati u biex jissuġġerixxu titjib. B’mod ġenerali, kemm l-awtoritajiet responsabbli kif ukoll l-organizzazzjonijiet implimentattivi kienu sodisfatti bil-Fond Ewropew għar-Refuġjati, li huma qisuh bħala strument ġenwinament utli għat-titjib tal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għal persuni li jkunu qegħdin ifittxu asil u l-integrazzjoni ta’ persuni mogħtija status ta’ protezzjoni, u għall-appoġġ tal-isforzi li jsiru fl-Istati Membri biex jikkonformaw mal- acquis tal-Komunità fil-qasam tal-politika tal-asil. Dawn ikkunsidraw ukoll li l-firxa tal-miżuri eliġibbli għall-assistenza kienet xierqa u li wara l-għeluq tal-programm, dawn kienu kapaċi jiksbu riżultati importanti fir-rigward tal-objettivi stabbiliti għall-Fond. L-Awtoritajiet Responsabbli u l-organizzazzjonijiet implimentattivi għamlu numru ta’ suġġerimenti għal titjib. Ir-rakkomandazzjoni l-iżjed importanti kienet tikkonċerna t-tnaqqis tar-rekwiżiti amministrattivi li kienu tpoġġew fuqhom. Saru proposti li jsir intervent f’għadd ta’ oqsma li dwar il-ġestjoni tal-programm: it-tnaqqis tad-domandi għad-dokumentazzjoni matul il-fażi tal-għażla tal-proġetti; is-simplifikazzjoni tar-regoli tal-eliġibilità, il-mekkaniżmi ta’ kontroll u sorveljanza; il-faċilitazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kontabilità finanzjarja; u t-tnaqqis tar-rekwiżiti ta’ rapportar. F’dan il-kuntest, l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti ħassew li l-burokrazija eċċessiva u l-kitba rikorrenti ta’ rapporti ta’ progress kienu qed jgħabbu żżejjed lill-organizzazzjonijiet fl-implimentazzjoni tal-proġett tagħhom u kienu jeħtieġu ammont sproporzjonat ta’ xogħol, għad-detriment tal-kontenut u l-attivitajiet tal-proġett. Madankollu, dan kien jikkonċerna lil dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jmorru lil hinn mir-rekwiżiti Ewropej. It-tieni rakkomandazzjoni kkonċernat il-perjodiċià tal-approvazzjoni tal-programmi matul l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni u l-perjodiċità tal-pagamenti. Fil-każ ta’ approvazzjonijiet li ħarġu tard, l-Istati Membri ma setgħux jimxu aktar mal-iskedi taż-żmien tagħhom, u l-organizzazzjonijiet implimentattivi ma kellhomx il-fondi meħtieġa fil-fażi tal-bidu tal-proġett, meta kienu l-iżjed meħtieġa. Barra minn hekk, matul l-implimentazzjoni u mal-għeluq tal-proġetti, il-flussi finanzjarji m’għandhomx jiddewwmu. Kien possibbli wkoll li tingħata akbar flessibilità matul l-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti. L-Awtoritajiet Responsabbli jistgħu jitħallew ibiddlu l-baġit u possibbilment il-kontenut tal-miżuri sa limitu raġonevoli, filwaqt li jżommu prinċipju strett ta’ addizzjonalità, u b’hekk ikollhom iżjed diskrezzjoni fil-ġestjoni ta’ kuljum. Fil-livell tal-proġett, l-organizzazzjonijiet implimentattivi jistgħu jingħataw iżjed flessibilità li jittrasferixxu r-riżorsi bejn il-partiti tal-proġett jew bejn is-snin tal-implimentazzjoni tal-proġett. Fl-aħħar nett, kemm l-Awtoritajiet Responsabbli kif ukoll l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti enfasizzaw li kooperazzjoni iżjed integrata u effettiva bejn l-Istati Membri u bejn l-organizzazzjonijiet implimentattivi jista’ jkollha effetti pożittivi, kemm għalihom kif ukoll għall-gruppi fil-mira. B’mod partikolari, it-twaqqif ta’ skemi ta’ kooperazzjoni fejn l-għarfien u l-aħjar prassi jistgħu jiċċirkolaw liberalment bejn l-Istati Membri jkun ta’ benefiċċju kbir fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet dwar l-asil u r-refuġjati. Dawn għandhom jiffavorixxu arranġamenti għall-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ esperjenzi u tal-aħjar prassi ma’ dawk li jaħdmu f’organizzazzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili minn mal-Ewropew kollha. 6. KONKLUżJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET L-istampa ġenerali tal-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati matul il-perjodu 2005-2007 hija sodisfaċenti. L-organizzazzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali kienu kapaċi jibnu fuq l-esperjenza miksuba mill-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Fond mill-2000 sal-2004, u jiksbu riżultati anki aħjar. Lil hinn mill-kisbiet tal-proġetti kollha ffinanzjati, ġew identifikati impatti sinifikanti fil-livell nazzjonali kontra l-objettivi ta’ politika ewlenin stabbiliti għall-Fond. Għalkemm għad hemm lok għal titjib, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati, wara żewġ perjodi ta’ implimentazzjoni, issa huwa stabbilit sew, bħala parti mill-Programm Ġenerali “Solidarjetà u ġestjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni”, bħala strument ta’ finanzjament Ewropew utli għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal- acquis Ewropew fil-qasam tal-politika tal-asil. Fost il-ħafna rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-evalwazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet iffinanzjati u tal-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni, għadd minnhom diġà ġew implimentati fit-tielet fażi tal-Fond, mill-2008 sal-2013, li fil-preżent qiegħed iseħħ fil-kuntest usa’ tal-Programm Ġenerali “Solidarjetà u ġestjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni”. Pereżempju, il-Kummissjoni ħarġet għadd ta’ dokumenti ta’ gwida li jiċċaraw ir-rekwiżiti legali f’diversi oqsma (regoli ta’ eliġibilità, programmi, rappurtar, għeluq tal-programmi, eċċ) bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet prattiċi, u kellha skambji regolari mal-Istati Membri dwar numru ta’ kwistjonijiet tal-implimentazzjoni mill-bidu tal-programmi ġodda; dan ġie apprezzat ħafna mill-Istati Membri. Sejra tingħata kunsiderazzjoni ulterjuri għar-rakkomandazzjonijiet kollha fil-kuntest ta’ dibattitu fil-Kummissjoni dwar il-proposti kollha li se jsiru għall-perjodu post-2013. [1] Il-kontribuzzjoni tal-Fond għall-proġetti appoġġati ma tistax taqbeż 50% tal-ispejjeż totali, minbarra għal proġetti innovattivi b’mod partikolari (sa 60 %) u għall-Pajjiżi tal-Koeżjoni, fejn din tiżdied għal mhux aktar minn 75%. Bħala riżultat, il-figura globali għall-Istati Membri tal-UE kollha flimkien kienet 51%.