Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AR0071

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Lejn aġenda Ewropea għad-djar soċjali”

    ĠU C 9, 11.1.2012, p. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.1.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 9/4


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Lejn aġenda Ewropea għad-djar soċjali”

    2012/C 9/02

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li kull ċittadin ikun jista' jkollu dar billi jieħdu ħsieb li ż-żieda fil-kera tkun ibbażata fuq sistema oġġettiva tal-prezzijiet – metodu li jawtorizza żieda moderata fil-prezzijiet tal-proprjetà – u billi l-politika fiskali tiġi adattata biex tillimita l-ispekulazzjoni;

    bi pjaċir jinnota li, bħalma kien irrakkomanda l-Kumitat tar-Reġjuni, fid-19 ta’ Settembru 2011 il-Kummissjoni pproponiet approċċ ġdid biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi lokali u soċjali ta’ interess ekonomiku ġenerali – fosthom id-djar soċjali – li huma eżentati mill-ħtieġa tan-notifikazzjoni; ifakkar f'dan ir-rigward li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiddefinixxu s-servizzi ta’ interess ġenerali fil-qafas tal-politika tad-djar soċjali, u l-mod kif dawn għandhom ikunu disponibbli, u jenfasizza wkoll li mhuwiex fl-ambitu tal-Kummissjoni li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ djar soċjali u lanqas li tiddefinixxi l-kategoriji ta’ familji li l-bżonnijiet soċjali bażiċi tagħhom ma jiġux issodisfati biss mill-forzi tas-suq;

    jappella għalhekk biex ir-rinnovazzjoni fil-qasam tal-enerġija tad-djar fil-kuntest tal-koeżjoni soċjali tibqa' eliġibbli għall-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li kull reġjun ikollu flessibbiltà akbar fl-ammont ta’ fondi allokati għal din l-attività; jemmen ukoll li l-Fondi Strutturali għandhom jagħmlu użu effettiv mill-prinċipju tas-sħubija u li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu biex jikkooperaw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu stabbiliti prijoritajiet u jiġi determinat kif għandhom jintużaw ir-riżorsi mill-Fondi Strutturali;

    jenfasizza li l-kundizzjonijiet inadegwati tad-djar għandhom impatt kbir fuq is-saħħa tan-nies, u li t-titjib fil-kwalità tad-djar tippermetti l-prevenzjoni tal-effetti negattivi ta’ djar li fihom jgħixu ħafna nies, li huma wisq umdi, kesħin u bla ċirkolazzjoni tal-arja tajba fuq is-saħħa ta’ min joqgħod fihom; iżid jgħid li n-nuqqas ta’ djar joħloq l-istress u d-dwejjaq li jolqot b'mod ħażin il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u l-benesseri tal-individwi, il-familji u s-soċjetà;

    Relatur

    Alain HUTCHINSON (BE/PSE), Membru tal-Parlament tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    itenni l-appoġġ tiegħu għall-Istrateġija Ewropa 2020 bil-għan li jitħeġġeġ tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli;

    2.

    jinnota b'interess li l-bilanċ tas-swieq tad-djar ġie rikonoxxut bħala wieħed mill-indikaturi potenzjali fit-tabella tal-monitoraġġ makroekonomiku fil-qafas tas-Semestru Ewropew il-ġdid, minħabba l-importanza ta’ dawn is-swieq għal stabbiltà finanzjarja u ekonomika akbar fil-livell Ewropew;

    3.

    ifakkar li d-djar affordabbli u ta’ kwalità huma bżonn fundamentali għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ spiss huma l-kuntatt ewlieni taċ-ċittadini biex jissodisfaw dan il-bżonn;

    4.

    jenfasizza għalhekk li minkejja li l-Unjoni Ewropea m'għandha l-ebda kompetenza speċifika fil-politika tad-djar, hemm bżonn li, fid-dawl tal-importanza tad-djar għall-ilħiq tal-għanijiet politiċi l-kbar tal-Unjoni Ewropea msemmijin hawn fuq (l-istabbiltà ekonomika, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-inklużjoni soċjali), tal-klawżola soċjali orizzontali prevista fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġi spjegat kif il-politiki Ewropej jistgħu jinfluwenzaw il-qasam d-djar;

    5.

    barra minn hekk, il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali li jiddefinixxu l-politika tagħhom stess għad-djar, b'mod partikolari għad-djar ta’ interess ġenerali, għandha tibqa' sħiħa b'konformità mal-Artikolu 14 tat-Trattat ta’ Lisbona u tal-Protokoll 26 tiegħu, sabiex il-politika tad-djar, bl-użu sħiħ tar-riżorsi finanzjarji disponibbli kollha, tkompli taqbel mal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni. B'hekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw il-possibbiltà li jwieġbu bl-aħjar mod possibbli għall-isfidi l-kbar komuni għall-Unjoni Ewropea kollha;

    6.

    jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jerfgħu r-responsabbiltà tal-politika tad-djar u li l-politiki tal-UE jipprovdu qafas sabiex dan il-għan jintlaħaq;

    7.

    jilqa' bi pjaċir f'dan ir-rigward il-ftuħ tal-eliġibbiltà għall-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea għar-rinnovazzjoni tal-enerġija tad-djar soċjali u għat-titjib tal-kundizzjonijiet tad-djar tal-gruppi marġinalizzati; għaldaqstant, jitlob li din tinżamm wara l-2014;

    8.

    bi pjaċir jinnota li, bħalma kien irrakkomanda l-Kumitat tar-Reġjuni (1), fid-19 ta’ Settembru 2011 (2) il-Kummissjoni pproponiet approċċ ġdid biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi lokali u soċjali ta’ interess ekonomiku ġenerali – fosthom id-djar soċjali – li huma eżentati mill-ħtieġa tan-notifikazzjoni; ifakkar f'dan ir-rigward li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiddefinixxu s-servizzi ta’ interess ġenerali fil-qafas tal-politika tad-djar soċjali, u l-mod kif dawn għandhom ikunu disponibbli, u jenfasizza wkoll li mhuwiex fl-ambitu tal-Kummissjoni li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ djar soċjali u lanqas li tiddefinixxi l-kategoriji ta’ familji li l-bżonnijiet soċjali bażiċi tagħhom ma jiġux issodisfati biss mill-forzi tas-suq;

    Il-bżonn li jiġu pprovduti djar affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd għall-istabbiltà ekonomika

    9.

    jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li hemm bżonn li jiġu evitati l-bżieżaq tas-settur tad-djar fil-ġejjieni minħabba l-impatt tagħhom fuq l-istabbiltà soċjali kif ukoll finanzjarja. F'dan ir-rigward, ir-regoli l-ġodda proposti mill-Kummissjoni għal suq uniku tas-self għad-djar, li minn naħa jkopru l-perjodu qabel l-iffirmar tal-kuntratt u min-naħa l-oħra huma intiżi biex joħolqu qafas adatt għall-atturi tas-suq involuti fis-self, għandhom jipprovdu protezzjoni aħjar lill-konsumaturi, b'mod partikolari lill-familji fqar, iżda mingħajr ma jiġu esklużi mill-possibbiltà li jkollhom aċċess għal dar. Diġà jeżistu mudelli għall-aċċess (akkumpanjat u monitorjat) għad-djar soċjali u dawn jiffurmaw parti integrali mill-politika soċjali tad-djar li din id-direttiva l-ġdida m'għandhiex tnaqqas (3);

    10.

    jenfasizza li l-iżbilanċi ekonomiċi kkawżati mill-prezzijiet għoljin wisq tad-djar ma jiqfux fis-settur finanzjarju u għandhom impatt sinifikanti fuq ix-xejriet ta’ konsum tal-familji. Il-familji fqar fl-Ewropa jonfqu medja ta’ 40 % tad-dħul tagħhom (4) fuq id-djar u t-tisħin, u dan il-proporzjon qiegħed dejjem jiżdied;

    11.

    jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li kull ċittadin ikun jista' jkollu dar billi jieħdu ħsieb li ż-żieda fil-kera tkun ibbażata fuq sistema oġġettiva tal-prezzijiet – metodu li jawtorizza żieda moderata fil-prezzijiet tal-proprjetà – u billi l-politika fiskali tiġi adattata biex tillimita l-ispekulazzjoni;

    12.

    jitlob li l-investimenti fid-djar soċjali jkunu appoġġjati, u għalhekk li l-valutazzjoni tar-riskji tal-investimenti fil-proprjetà tqis in-natura speċifika tad-djar soċjali, li m'għandhiex l-istess riskji bħall-bqija tas-settur tal-proprjetà;

    13.

    iħoss li l-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jżid b'mod konsiderevoli l-investimenti tiegħu f'dan is-settur meta jitqies li d-djar ta’ kwalità, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u affordabbli jiffurmaw infrastruttura ta’ żvilupp ekonomiku lokali, b'mod partikolari fl-Istati Membri fejn ma jeżistix bank tal-istat għad-djar; il-BEI għandu bżonn ukoll itejjeb il-kundizzjonijiet tas-self li jagħti, filwaqt li titqies il-ħtieġa speċjali li jitwaqqaf sors sinifikanti ta’ djar għall-kiri f'xi reġjuni, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ dik il-parti tal-popolazzjoni l-aktar fil-bżonn li ma tistax taċċessa l-proprjetà;

    Politika ambizzjuża ta’ appoġġ għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fid-djar biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija sal-2020

    14.

    ifakkar li s-settur tar-residenzi jipproduċi 40 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra u għalhekk huwa settur prijoritarju fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; iżid jgħid li sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu, huwa fundamentali li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-binjiet li ttellgħu aktar minn 30 sena ilu, li f'xi reġjuni jammontaw għal 'il fuq minn 70 % tal-bini eżistenti kollu; jisħaq ukoll fuq il-fatt li r-rinnovazzjoni fil-qasam tal-enerġija ta’ erbat idjar toħloq l-ekwivalenti ta’ impjieg wieħed, u għalhekk jinsisti fuq l-importanza tal-effetti pożittivi u strutturanti ta’ dan is-settur fuq l-impjiegi, fuq it-tkabbir ekonomiku u fuq l-ambjent fil-livell lokali;

    15.

    jappella għalhekk biex ir-rinnovazzjoni fil-qasam tal-enerġija tad-djar fil-kuntest tal-koeżjoni soċjali tibqa' eliġibbli għall-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li kull reġjun ikollu flessibbiltà akbar fl-ammont ta’ fondi allokati għal din l-attività; jemmen ukoll li l-Fondi Strutturali għandhom jagħmlu użu effettiv mill-prinċipju tas-sħubija u li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu biex jikkooperaw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu stabbiliti prijoritajiet u jiġi determinat kif għandhom jintużaw ir-riżorsi mill-Fondi Strutturali;

    16.

    jilqa' b'sodisfazzjon il-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea għall-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jemmen li d-Direttiva Ewropea dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (5) għandha tiġi kkonsolidata filwaqt li jitqies il-prinċipju tas-sussidjarjetà; jitlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jiżguraw li l-obbligi għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-prekarjetà tal-enerġija jkollhom impatt pożittiv fuq il-familji vulnerabbli u li l-politiki ta’ appoġġ għal dawn ir-rinnovazzjonijiet jiffukaw partikolarment fuq it-tnaqqis tal-faqar fl-enerġija billi jitwaqqfu fondi nazzjonali jew reġjonali speċifiċi;

    17.

    jisħaq ukoll li l-programmi għall-assistenza teknika bħal ELENA (appoġġ fit-tfassil ta’ pjani lokali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija) jew fondi speċjalizzati bħal JESSICA (għajnuna għal żvilupp urban integrat, bl-użu tal-Fondi Strutturali), li huma żewġ strumenti essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Patt tas-Sindki, li tnieda bl-għajnuna tal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jiġġeddu u jissaħħu fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

    18.

    jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li jimmira li jnaqqas l-impatt ambjentali tal-istil ta’ ħajja tagħna u tal-attivitajiet ekonomiċi kif spjegat fl-inizjattiva ewlenija tagħha “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza” (COM(2011) 21 finali), u jinnota li d-djar u l-politiki tal-ġestjoni tat-territorju u tar-riġenerazzjoni urbana għandu jkollhom rwol aktar attiv biex jintlaħaq dan il-għan;

    Tkabbir intelliġenti biex iwieġeb għal sfidi soċjali kbar billi jiġu adattati l-bliet u d-djar tal-lum

    19.

    bi pjaċir jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tinvesti fil-modernizzazzjoni tal-ekonomija u li toffri liċ-ċittadini kollha aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) li huma għodod għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà;

    20.

    jiġbed l-attenzjoni lejn id-domanda dejjem tikber għad-djar soċjali mill-gruppi ta’ età u dawk demografiċi kollha u lejn il-pressjonijiet li jitqiegħdu fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-gruppi varji ta’ popolazzjoni u jappella biex is-servizzi li qed jiġu żviluppati biex jilqgħu għall-ħtiġijiet tat-tixjiħ tal-popolazzjoni jiġu allinjati mill-qrib mal-bżonnijiet ta’ din il-popolazzjoni u li jkunu affordabbli teknikament u ekonomikament; jinnota li fil-pajjiżi Ewropej kollha, il-faqar fost l-anzjani qed jiżdied u għalhekk jitlob li fis-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu ġdida, li tikkoordina l-isforzi għar-riċerka f'dan il-qasam, ikun hemm taqsima speċifika li jkollha l-għan speċifiku li tiżviluppa soluzzjoni affordabbli biex il-persuni avvanzati fl-età jkunu jistgħu jibqgħu fi djarhom kemm jista' jkun, billi jitqies il-fatt li t-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-binjiet li jeżistu diġà huwa mod raġonevoli u vijabbli kif jitnaqqsu dawn il-ħtiġijiet ta’ għajnuna u dan jgħin biex in-nies jibqgħu fil-post ta’ residenza tagħhom u jiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali permezz tat-titjib tal-indipendenza personali tagħhom;

    21.

    itenni l-bżonn li ċ-ċittadini jitqiegħdu fil-qalba tal-programmi pilota għall-iżvilupp tal-bliet ta’ għada (“smart cities”), billi jiddaħħal element ta’ “inklużjoni soċjali” u billi titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-utenti fil-proġetti. B'hekk, jiġi rikonoxxut ir-rwol tagħhom ta’ atturi ewlenin fit-trasformazzjoni tal-bliet, li biex ikunu sostenibbli jridu jiżguraw il-koeżjoni soċjali;

    22.

    iħoss li għandhom jiġu żviluppati programmi usa' biex tiżdied is-sjieda mill-utenti tat-teknoloġiji għall-kostruzzjoni ta’ bini passiv u li, lil hinn mit-teknoloġija, hemm bżonn li l-finanzjamenti Ewropej jappoġġjaw dawn il-miżuri maħsuba biex iżidu l-viżibilità u l-inklużjoni tal-utenti/konsumaturi;

    23.

    jilqa' b'sodisfazzjon il-progress fit-teknoloġija tal-informazzjoni u t-telekura li huma ta’ għajnuna għar-residenti anzjani u dawk b'diżabilità fi djarhom;

    Aċċess għal kulħadd għal kundizzjonijiet tal-ħajja u djar deċenti biex ikun hemm parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u jiġu garantiti d-drittijiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha

    24.

    jappoġġja l-għan tal-Unjoni Ewropea għat-tnaqqis tal-faqar sal-2020 li jeħtieġ li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu programmi ta’ implimentazzjoni ambizzjużi;

    25.

    jenfasizza li l-kundizzjonijiet inadegwati tad-djar għandhom impatt kbir fuq is-saħħa, u li t-titjib fil-kwalità tad-djar tippermetti l-prevenzjoni tal-effetti negattivi ta’ djar li fihom jgħixu ħafna nies, li huma wisq umdi, kesħin u bla ċirkolazzjoni tal-arja tajba fuq is-saħħa ta’ min joqgħod fihom; iżid jgħid li n-nuqqas ta’ djar joħloq l-istress u d-dwejjaq li jolqot b'mod ħażin il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u l-benesseri tal-individwi, il-familji u s-soċjetà;

    26.

    jitlob li d-dimensjoni tad-djar isservi ta’ pilastru għal dawn il-programmi ta’ implimentazzjoni u li jiġu ddedikati għaliha investimenti u politiki maħsuba biex iżidu l-offerta ta’ djar affordabbli u deċenti, bl-inklużjoni kemm tas-sjieda tal-proprjetà kif ukoll tal-kiri;

    27.

    jinsisti li l-indikaturi tal-Eurostat (prezz, kwalità) dwar l-element tad-djar tal-inklużjoni soċjali jiġu ppubblikati regolarment biex tkun tista' ssir valutazzjoni tal-progress f'dan il-qasam, u li dawn l-indikaturi jiġu komplementati bi statistika reġjonali u lokali;

    28.

    jemmen li huwa urġenti li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-persuni mingħajr dar (6) u li f'dan ir-rigward hemm bżonn li tiġi kkoordinata l-applikazzjoni tal-politiki kollha li għandhom impatt fuq il-persuni mingħajr dar; f'dan ir-rigward jilqa' d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija tal-UE għall-Persuni Bla Dar (7) u jitlob lill-Kummissjoni timplimentaha mingħajr dewmien;

    29.

    jitlob li l-innovazzjoni soċjali tkun appoġġjata mill-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar iżda wkoll mill-programm qafas ta’ riċerka biex jiġu ttestjati forom ġodda ta’ governanza tal-politiki maħsuba għat-titjib tal-aċċess għad-djar u għall-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar (8);

    30.

    jinnota b'interess ir-rakkomandazzjonijiet tal-ġurija tal-Konferenza ta’ Kunsens dwar il-persuni mingħajr dar li saret taħt il-Presidenza Belġjana tal-Unjoni Ewropea, u jfakkar fir-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħolqien ta’ sħubijiet mal-atturi kkonċernati kif ukoll fiż-żieda tal-provvista ta’ djar affordabbli, li hi kundizzjoni neċessarja iżda mhux biżżejjed biex tissolva l-problema tal-persuni mingħajr dar;

    31.

    jisħaq li hemm bżonn tiġi żviluppata varjetà ta’ soluzzjonijiet għad-djar biex iwieġbu għal ħtiġijiet dejjem aktar differenti, u li jkun hemm alternattiva li tgħaqqad il-kiri u x-xiri, bħall-kooperattivi, l-ekwità konġunta, il-“land trust communities” u oħrajn; jitlob li l-Istati Membri jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fiż-żamma u t-tisħiħ tad-diversità tal-provvista tad-djar, billi jitqiesu l-mekkaniżmi neċessarji biex jiġu aġġornati l-binjiet residenzjali, mingħajr ma jiġi promoss ix-xiri tal-proprjetà għad-detriment ta’ forom oħra ta’ aċċess għad-djar;

    32.

    jinsisti li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-intraprenditorija soċjali mħabbra għal tmiem l-2011 għandha tidentifika l-possibbiltajiet offruti lill-intrapriżi soċjali biex iżidu l-offerta ta’ djar affordabbli;

    33.

    jenfasizza, li huwa importanti li tiġi evitata u mnaqqsa d-differenzazzjoni li tagħmel ħsara fiż-żoni residenzjali permezz ta’ miżuri urbani u ta’ politika soċjali;

    34.

    jinnota li minbarra l-alternattiva li jintużaw il-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea biex jingħataw djar lill-gruppi marġinalizzati - miżura li għandha tiġi kkonfermata mill-ġdid fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss għax tindirizza l-ħtieġa li jitneħħew għalkollox id-djar mhux adatti għall-għajxien - hemm bżonn ukoll li l-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea jiġu integrati aħjar (FSE/FEŻR) għall-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbi taż-żoni żvantaġġjati (9); jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rijabilitazzjoni taż-żoni m'għandhiex tfisser ġentrifikazzjoni, u li għandhom jiġu stabbiliti programmi għad-diversità soċjali biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali;

    Intejbu l-governanza għal interazzjoni pożittiva bejn il-politiki Ewropej u l-politiki tad-djar

    35.

    iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-laqgħat informali tal-Ministri għad-Djar ikomplu jservu ta’ forum għall-iskambji u għall-fehim aħjar tal-politiki u l-kuntesti nazzjonali iżda anke fejn jiġu adottati pożizzjonijiet dwar temi li jkollhom influwenza qawwija fuq il-politika nazzjonali tad-djar – l-iktar fuq il-finanzjament tagħha;

    36.

    jipproponi li l-Eurostat jintalab iħejji Eurobarometer speċifiku dwar il-kundizzjonijiet tad-djar u l-prezzijiet tagħhom, minħabba l-importanza tad-djar għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;

    37.

    jipproponi li l-Intergrupp tal-Parlament Ewropew għad-Djar Urbani jorganizza laqgħat regolari mal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-dimensjoni tad-djar fil-politiki Ewropej, b'mod partikolari fil-qasam urban.

    Brussell, 11 ta’ Ottubru 2011.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    (1)  CdR 150/2011

    (2)  http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

    (3)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta’ kreditu b'rabta ma’ proprjetà residenzjali (2011/0062 (COD)).

    (4)  EUSILC 2009, Eurostat

    (5)  Proposta tal-Kummissjoni Ewropea tat-22 ta’ Ġunju 2011

    (6)  CdR 18/2010

    (7)  B7-0475/2011.

    (8)  CdR 402/2010

    (9)  CdR 129/2011


    Top