Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AR0067

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE”

    ĠU C 259, 2.9.2011, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 259/1


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE”

    2011/C 259/01

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    iqis li huwa kruċjali li, minn naħa jiżdied il-baġit Komunitarju għar-riċerka u, min-naħa l-oħra, li jiġu allinjati aħjar il-programmi nazzjonali u l-Programm Qafas tar-Riċerka;

    jistqarr li l-innovazzjoni industrijali, soċjali u ambjentali, flimkien mal-innovazzjoni fis-servizzi, huma lieva importanti biex tinħoloq dinamika kompetittiva Ewropea għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali;

    jirrikonoxxi li l-punti ta’ tluq ivarjaw ħafna fil-kuntest tal-innovazzjoni fl-Ewropa u li l-politiki reġjonali, fejn ikunu komplementari, jistgħu jikkontribwixxu għall-politika ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea bl-ispeċifiċitajiet tagħhom, b'mod koerenti mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti;

    jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri, bħall-pubblikazzjoni u l-aġġornament ta’ Gwida Prattika li tiddeskrivi l-possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea;

    jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti sew fit-tħejjija tal-oqfsa legali u l-programmi ta’ finanzjament marbuta mal-akkwist pubbliku;

    jitlob li l-atturi lokali u reġjonali jiġu involuti b'mod utli fil-pjattaformi teknoloġiċi;

    jinnota r-rwol potenzjali tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazjoni Territorjali (REKT);

    itenni li l-kooperazzjoni Komunitarja bejn il-clusters hija assolutament neċessarja, iżda għandha titħeġġeġ ukoll il-kollaborazzjoni bejn il-clusters fil-livell internazzjonali.

    Relatur

    Claude GEWERC (FR/PSE), President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Picardie

    Dokument ta’ referenza

    Green Paper: Il-bidla ta’ sfidi f'opportunitajiet: lejn qafas strateġiku komuni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE

    COM(2011) 48 finali

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    A.   Messaġġi ewlenin

    1.

    bi pjaċir jinnota li din il-Green Paper nediet dibattitu pubbliku dwar il-messaġġi ewlenin li għandhom jitqiesu għall-programmi futuri tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE;

    2.

    jammetti li dan il-qafas strateġiku komuni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE għandu jkun ibbażat fuq għanijiet strateġiċi koerenti u maqsuma b'mod ċar fost il-partijiet kollha interessati;

    3.

    jirrakkomanda li dan il-qafas komuni jiffoka fuq ir-relazzjonijiet bejn il-livelli differenti ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni mingħajr ma jċajpar l-ispeċifiċitajiet ta’ kull waħda minn dawn il-funzjonijiet;

    4.

    jenfasizza l-fatt li strateġija ta’ innovazzjoni ambizzjuża fl-Unjoni Ewropea teħtieġ bażi xjentifika qawwija iżda anke politika industrijali soda; f'dan il-kuntest jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni dwar “Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni” u “Unjoni tal-Innovazzjoni” u f'dan il-kuntest jagħmel referenza għall-opinjonijiet rilevanti tal-KtR (1);

    5.

    jisħaq li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom il-kapaċitajiet biex joħolqu s-sinerġiji bejn il-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-politiki ta’ koeżjoni b'impatt fuq l-attivitajiet ekonomiċi, industrijali u anke fuq il-prattiki soċjali;

    6.

    jenfasizza l-fatt li bħalissa r-riżultati tal-isforzi ta’ riċerka Ewropej mhumiex qed jiġu applikati malajr biżżejjed u b'mod wiesa' biżżejjed. Il-Kummissjoni għandha tbiddel il-linji gwida u r-regoli sabiex ir-reġjuni jkunu jistgħu jużaw il-Fondi Strutturali u strumenti finanzjarji oħra ferm iktar minn issa bil-għan li ssir applikazzjoni innovattiva tar-riżultati tal-Programm Qafas permezz ta’ approċċ deċentralizzat li jagħti rwol akbar lir-reġjuni u li jwassal biex jiġu valorizzati u kummerċjalizzati aktar it-teknoloġiji tal-Programm Qafas, u ta’ attivitajiet oħra ta’ riċerka;

    7.

    ifakkar fl-importanza tal-innovazzjonijiet soċjali u ambjentali kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat;

    8.

    jenfasizza l-importanza li jiġi integrat u mħeġġeġ il-kunċett tal-innovazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum, pereżempju fis-sistema edukattiva u fid-dinja tax-xogħol;

    9.

    jagħmel enfasi fuq il-programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni maqsuma bejn ir-reġjuni bi “prestazzjonijiet fl-innovazzjoni” differenti, li minnhom igawdu l-partijiet kollha interessati. Dan ifisser, pereżempju, żieda fil-preżenza reġjonali fl-ERA-net;

    10.

    jisħaq li l-baġit Komunitarju għar-riċerka, ta’ 4 % biss tar-riċerka finanzjata pubblikament fl-Ewropa, mhuwiex adegwat; iqis li huwa kruċjali li, minn naħa jiżdied il-baġit Komunitarju għar-riċerka u, min-naħa l-oħra, li jiġu allinjati aħjar il-programmi nazzjonali u l-Programm Qafas tar-Riċerka Ewropea;

    11.

    b'mod partikolari, jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għas-sitwazzjoni li jiffaċċjaw l-innovaturi u l-inventuri individwali li ma joperawx fi ħdan is-sistema universitarja, f'kumpaniji kbar jew awtoritajiet pubbliċi, f'amministrazzjonijiet jew intrapriżi. Ix-xogħol li għaddej attwalment f'dan il-qasam għandu jinkludi strateġiji li jipprovdu l-innovaturi u l-inventuri bl-appoġġ u l-opportunitajiet neċessarji biex japprofittaw mill-finanzjament konġunt tal-UE taħt l-istess kundizzjonijiet;

    12.

    jitlob li tingħata kunsiderazzjoni adegwata lill-fatt li 97 % tal-attività ekonomika fl-UE 27 għadha ta’ livell baxx u medju fl-użu tat-teknoloġija; għalhekk jemmen li l-iżvilupp ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien ma jistax jiffoka biss fuq l-iżvilupp tal-aħħar teknoloġiji iżda li għandu jkun hemm rwol għal mudell ta’ innovazzjoni li jwassal biex l-għarfien jiġi assorbit u ċirkulat; jenfasizza l-opportunità li tinħoloq mir-reviżjoni tad-direttiva dwar l-akkwist pubbliku (2); jiffoka fuq l-opportunitajiet u l-isfidi assoċjati mal-inklużjoni tar-riċerka u l-iżvilupp fl-akkwist pubbliku (3);

    13.

    jinnota li l-Green Paper kif inhi bħalissa tidher li ma tqajjem l-ebda kwistjoni dwar il-konformità tagħha mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; madankollu, jenfasizza li huwa importanti li jiġu segwiti mill-qrib l-iżviluppi li jwasslu għall-finanzjament u l-leġislazzjoni ta’ riċerka u innovazzjoni futura tal-UE, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    14.

    barra minn hekk, jinnota li r-rekwiżit propost fl-Unjoni ta’ Innovazzjoni biex l-Istati Membri u r-reġjuni jiddedikaw baġits għall-akkwist pubbliku relatat mal-innovazzjoni jista' jkollu impatti mifruxa fuq il-muniċipalitajiet u r-reġjuni; jenfasizza li s-segwitu mistenni jrid jinkludi analiżi bir-reqqa tal-piż finanzjarju u amministrattiv li jista' jinħoloq għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll tal-effetti soċjali u benefiċċji oħrajn.

    15.

    jemmen li għandha tiġi appoġġjata t-tnedija ta’ sejħiet għall-offerti b'żewġ fażijiet, b'tali mod li fl-ewwel fażi l-applikanti jkollhom biss jippreżentaw il-lista ta’ msieħba u l-idea tal-proġett tagħhom, liema proġett imbagħad jiġi żviluppat fid-dettall biss jekk jgħaddi mill-ewwel evalwazzjoni. Dan huwa partikolarment importanti għall-SMEs, li b'dan il-mod ikollhom iktar inċentiv iwieġbu għal dawn is-sejħiet billi l-isforz inizjali ma jkunx daqshekk kbir;

    B.   Is-sinerġiji bejn il-politiki ta’ koeżjoni u tal-innovazzjoni

    16.

    jistqarr li l-innovazzjoni industrijali, soċjali u ambjentali, flimkien mal-innovazzjoni fis-servizzi, huma lieva importanti biex tinħoloq dinamika kompetittiva Ewropea għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali;

    17.

    iqis li hemm bżonn li l-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni jitqiegħed fil-qafas tal-objettivi politiċi tal-Unjoni Ewropea iktar ġenerali, pereżempju bl-implimentazzjoni ta’ politika industrijali ppreżentata mill-Kumitat tar-Reġjuni fl-Opinjoni tiegħu dwar l-inizjattiva ewlenija dwar il-politika industrijali;

    18.

    jipproponi li l-awtoritajiet reġjonali jiġu rikonoxxuti bħala livell privileġġat ta’ komunikazzjoni bejn l-istrateġiji tal-programmi nazzjonali u Ewropej tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-koeżjoni. Din il-komunikazzjoni tista' tiġi indirizzata f'dokument uniku fil-livell reġjonali;

    19.

    jirrikonoxxi li l-punti ta’ tluq ivarjaw ħafna fil-kuntest tal-innovazzjoni fl-Ewropa u li l-politiki reġjonali, fejn ikunu komplementari, jistgħu jikkontribwixxu għall-politika ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea bl-ispeċifiċitajiet tagħhom, b'mod koerenti mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti;

    20.

    bħalma sar għall-programmi qafas tar-riċerka preċedenti, ir-riċerka fil-qasam tal-kooperazzjoni, fuq kollox proġetti ta’ riċerka kollaborattivi, għandha tkun prijorità għal appoġġ Ewropew għar-riċerka fil-ġejjieni. Għandu jingħata mill-inqas l-istess ammont ta’ riżorsi li ngħata s'issa. Il-proġetti kollaborattivi jagħtu lill-universitajiet, lill-istituti ta’ riċerka u lill-intrapriżi fir-reġjuni kollha tal-Ewropa l-opportunità li jipparteċipaw fil-programmi. Barra minn hekk, jippermettu li jkun hemm it-trasparenza neċessarja kif ukoll semplifikazzjoni li tibbenefika lill-utenti;

    21.

    jenfasizza li l-ħolqien ta’ sinerġija bejn l-istrumenti differenti ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa sfida ġenwina għall-Kummissjoni u r-reġjuni. Ir-riżultati tal-isforzi ta’ riċerka Ewropej mhumiex applikati malajr biżżejjed jew fuq firxa wiesgħa biżżejjed. Il-Kummissjoni għandha tibdel ir-regoli u l-kriterji għall-istrumenti ta’ finanzjament għall-koeżjoni biex ir-reġjuni jkunu jistgħu jużaw ir-riżultati tal-Programm Qafas u ta’ attivitajiet oħra ta’ riċerka biex jimplimentaw applikazzjonijiet innovattivi fil-livell reġjonali;

    22.

    ifakkar li l-Programm Qafas li jmiss għandu jestendi l-programmi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet reġjonali u jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali li jkollhom attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp komplementari. Dan jista' jsir, pereżempju, billi jiddaħħlu kriterji li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ msieħba kompetenti minn reġjuni li għadhom lura fir-riċerka fi proġetti u programmi ġestiti minn xjenzati iktar magħrufa u rikonoxxuti, bħalma huwa stipulat fl-Opinjoni tal-KtR dwar is-Semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka  (4);

    23.

    jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri, bħall-pubblikazzjoni u l-aġġornament ta’ Gwida Prattika li tiddeskrivi l-possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea;

    C.   Id-dimensjoni reġjonali tal-clusters (ċentri ta’ kompetittività, raggruppamenti, eċċ.)

    24.

    jistqarr li l-clusters dejjem ikollhom dimensjoni territorjali;

    25.

    ifakkar li għalkemm l-eċċellenza hija waħda mill-karatteristiċi tal-clusters, mhux kull cluster tinsab fi stat li tilħaq l-istess livell ta’ żvilupp jew viżibbiltà internazzjonali. Il-clusters jeħtieġu livell xjentifiku ta’ livell għoli ħafna iżda dan mhuwiex biżżejjed biex tintlaħaq l-eċċellenza. L-eċċellenza ta’ cluster tinħoloq b'mod progressiv, tul iż-żmien b'riżorsi finanzjarji speċifiċi, struttura tajba, governanza tajba u l-iżvilupp ta’ “ekosistema” li tassoċja l-intrapriżi, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

    26.

    jinnota li huwa possibbli li nittraxxendu l-kontradizzjoni bejn ir-rieda ta’ ħafna clusters li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorji tagħhom u l-possibbiltajiet konsiderevoli offruti mill-iskambju tal-informazzjoni jew tal-aħjar prattiki mal-clusters ġirien fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, huwa possibbli li cluster ankrata ħafna f'territorju jista' jkollha viżibbiltà u vokazzjoni dinjija;

    27.

    jenfasizza l-fatt li, flimkien maċ-ċentri ta’ innovazzjoni bbażati fuq il-clusters, u f'ċerti aspetti anke iktar importanti minn dawn, f'dawn l-aħħar snin feġġ il-bżonn li wieħed jifhem il-mod kif jaħdmu l-ekosistemi reġjonali tal-innovazzjoni u li jinħolqu l-kundizzjonijiet ideali għal żvilupp fid-direzzjoni l-mixtieqa. Għalhekk il-Kummissjoni għandha talloka appoġġ ekonomiku u operattiv partikolari għall-iżvilupp ta’ attività miftuħa ta’ innovazzjoni fir-reġjuni sabiex dawn ikunu jistgħu jgħinu biex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-attività intraprenditorjali mmirata lejn it-tkabbir u l-impjiegi l-ġodda;

    28.

    il-kunċett tas-swieq avvanzati u l-iżvilupp tagħhom huwa eżempju konkret ta’ ekosistemi reġjonali. Ġie nnotat li s-swieq avvanzati huma relatati mill-qrib mal-għarfien espert fil-prattika lokali u r-riġenerazzjoni indipendenti interattiva tagħhom. F'opinjonijiet preċedenti (CdR 11/2009 u CdR 83/2007), il-Kumitat tar-Reġjuni ġibed l-attenzjoni għall-bżonn li jinkiseb bilanċ bejn il-finanzjament kompetittiv, li huwa dak li jirrappreżenta l-finanzjament tal-inizjattivi ewlenin il-kbar tal-UE, u l-finanzjament istituzzjonali għall-komunitajiet tar-riċerka. Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza l-importanza tal-finanzjament istituzzjonali, li jippermetti lill-komunitajiet ta’ riċerka jistabbilixxu studji fuq inizjattiva proprja u fuq talba ta’ komunitajiet oħra, b'mod partikolari fl-interess tal-konverġenza u l-koeżjoni;

    D.   Ir-riforma tal-akkwist pubbliku

    29.

    itenni l-konvinzjoni tiegħu li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) tista' tissaħħaħ jekk l-akkwist pubbliku tas-servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp jiġi inkorporat fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku; jagħmel referenza għall-Opinjoni tal-KtR dwar “Il-Green Paper dwar l-akkwist pubbliku” (5) u l-Opinjoni dwar “L-awwkist pubbliku prekummerċjali” (6) sakemm dan ma jwassalx li dawn is-servizzi jkunu esposti għall-kompetizzjoni;

    30.

    jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti sew fit-tħejjija tal-oqfsa legali u l-programmi ta’ finanzjament marbuta mal-akkwist pubbliku;

    31.

    ifakkar fl-appoġġ tiegħu għal impenn attiv tal-kumpaniji u l-gvernijiet fil-pjani tal-finanzjament tal-innovazzjoni, u x-xettiċiżmu tiegħu dwar l-impatt potenzjali fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ sistema fejn is-settur pubbliku biss jieħu r-riskju għall-prodotti u s-servizzi mhux ikkonfermati;

    32.

    jinnota li s-“suq” tal-akkwist pubbliku jinsab frammentat u ma tantx jista' jitqies bħala wieħed transkonfinali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw qafas iktar trasparenti li jkun jista' jiftaħ is-swieq pubbliċi fl-Unjoni Ewropea;

    33.

    jistqarr li l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi gwida ċara u dettaljata, anke għall-opportunitajiet ta’ taħriġ, biex tissieħeb mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-akkwist pubbliku.

    E.   L-implikazzjonijiet reġjonali tal-miżuri ta’ finanzjament

    34.

    jagħraf li l-finanzjament taċ-ċiklu sħiħ tal-innovazzjoni u r-riċerka fis-suq jeħtieġ firxa wiesgħa ta’ strumenti; għalhekk jappoġġja l-isforzi biex jitħeġġeġ il-finanzjament tas-settur privat, pereżempju, permezz tal-pjani tat-tqassim tar-riskju, tas-self jew tal-“kapital ta’ riskju”;

    35.

    japprova r-rwol tal-finanzjament pubbliku bħala xprun għall-investimenti privati u jenfasizza li ġestjoni tar-riskju soda u ġestjoni trasparenti huma essenzjali meta jkunu involuti l-fondi pubbliċi u privati;

    36.

    jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi għall-istimolu tal-finanzjament mis-settur privat għall-investiment fl-innovazzjonijiet tal-SMEs u f'dan il-kuntest jappella biex jiġu promossi miżuri ta’ inċentiv (sistema fiskali, tnaqqis fl-obbligi amministrattivi) u jekk hemm bżonn jiġu riveduti l-oqfsa regolamentari biex tissaħħaħ u tiġi estiża l-firxa ta’ miżuri għall-appoġġ u r-rikonoxximent tar-rwol tal-SMEs bħala atturi prominenti fil-promozzjoni tal-kultura ta’ innovazzjoni; f'dan ir-rigward jinsisti wkoll fuq il-bżonn li jissaħħu l-istrumenti tal-medjazzjoni bejn l-SMEs u l-atturi tar-riċerka u l-iżvilupp;

    37.

    jitlob li l-atturi lokali u reġjonali jiġu involuti b'mod utli fil-pjattaformi teknoloġiċi, biex jitfasslu strateġiji ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni biex jinħolqu pjattaformi teknoloġiċi ġodda u għall-iżvilupp tal-pjattaformi diġà attivi, l-ewwel nett fil-bżonnijiet tal-atturi reġjonali, filwaqt li jitqiesu l-opportunitajiet tas-swieq dinjija u l-parteċipazzjoni tal-SMEs;

    F.   Il-kooperazzjoni lil hinn mill-fruntieri

    38.

    jagħraf il-kontribut uniku tal-Programm Qafas tar-Riċerka għar-riċerki kollaborattivi bejn l-atturi tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    39.

    jenfasizza l-importanza tal-kodiċi legali Komunitarji (pereżempju, għall-kapital ta’ riskju u l-infrastrutturi tar-riċerka); għalhekk jinnota r-rwol potenzjali tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazjoni Territorjali (REKT);

    40.

    itenni li l-kooperazzjoni Komunitarja bejn il-clusters hija assolutament neċessarja, iżda għandha titħeġġeġ ukoll il-kollaborazzjoni bejn il-clusters fil-livell internazzjonali.

    G.   Kuntest ġenerali

    41.

    L-Istrateġija UE2020, l-iktar permezz tal-inizjattivi ewlenin “Unjoni għall-innovazzjoni” u “Politika industrijali”, tagħraf ir-rwol kruċjali tar-riċerka u l-innovazzjoni biex tittejjeb il-kompetittivtà tal-Unjoni Ewropea u tpoġġi fuq quddiem l-importanza ta’ integrazzjoni iktar viżibbli tal-innovazzjoni fil-politika. Bl-istess mod, hija tagħti lill-bliet u r-reġjuni Ewropej pożizzjoni kruċjali fl-implimentazzjoni tagħha. F'dan ir-rigward, il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jappoġġja dan ir-rwol u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka dwar it-territorji sakemm il-bliet u r-reġjuni jiffinanzjaw il-programmi ta’ riċerka, jieħdu sehem fil-proġetti Ewropej tar-riċerka u jappoġġjaw b'mod attiv il-parteċipazzjoni tal-atturi reġjonali fil-proġetti Ewropej tar-riċerka.

    42.

    Il-Kumitat tar-Reġjuni bi pjaċir jilqa' ż-żieda fil-finanzjament bejn is-6 (2000-2006) u s-7 (2007-2013) Programm Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp kif ukoll il-ħolqien ta’ Kunsill Ewropew tar-Riċerka. Barra minn hekk, il-Kumitat jilqa' l-inizjattivi Ewropej li jippromovu l-iskambju u l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u l-atturi akkademiċi, xjentifiċi u ekonomiċi, l-iktar fil-qafas tal-partita baġitarja “Ir-reġjuni u l-għarfien” tat-taqsima “Cofund” tal-programm speċifiku “Kapaċitajiet” u tal-mekkaniżmi bħan-netwerks tal-eċċellenza u l-ERA-nets.

    43.

    Il-Kumitat tar-Reġjuni bi pjaċir jantiċipa wkoll l-analiżi mistennija dwar l-impatt tal-programmi tar-“Reġjuni tal-Għarfien” u tal-“Potenzjal tar-Riċerka”. Hekk kif dawn il-programmi jimmaturaw u jiżviluppaw objettivi iktar ċari, il-KtR jappella biex jissaħħaħ ir-rwol tagħhom fl-għoti tal-appoġġ lir-reġjuni kompetenti ħafna bil-potenzjal li jiżviluppaw karatteristiċi eċċellenti, pereżempju permezz ta’ mentoring (7), sħubijiet jew skemi oħra.

    44.

    Fir-rigward tal-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), il-Kumitat tar-Reġjuni jirrikonoxxi l-pożizzjoni li ngħatat lill-clusters reġjonali u l-inizjattivi għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġiji rinnovabbli u l-innovazzjonijiet ekoloġiċi. F'dan kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda li dawn l-inizjattivi jiġu segwiti fil-ġejjieni b'rabta mal-isfidi qed tiffaċċja jew ser tiffaċċja l-Unjoni Ewropea.

    Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    (1)  CdR 374/2010 fin u CdR 373/2010.

    (2)  CdR 70/2011 fin.

    (3)  CoR 58/2008 fin.

    (4)  CdR 230/2010 fin.

    (5)  CdR 70/2011 fin.

    (6)  CdR 58/2008 fin.

    (7)  CdR 230/2010 fin.


    Top