Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1859

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Green Paper dwar il-miżuri ta’ promozzjoni u ta’ informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b’valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-Ewropa” COM(2011) 436 finali — u “l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi” COM(2011) 663 finali — 2011/0290 (COD)

    ĠU C 43, 15.2.2012, p. 59–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 43/59


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Green Paper dwar il-miżuri ta’ promozzjoni u ta’ informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b’valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-Ewropa”COM(2011) 436 finali — u “l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi”

    COM(2011) 663 finali — 2011/0290 (COD)

    2012/C 43/13

    Relatur: is-Sinjura Dilyana SLAVOVA

    Fl-14 ta’ Lulju 2011, is-27 ta’ Ottubru u d-29 ta’ Novembru rispettivament, il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, iddeċiedew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Green Paper dwar il-miżuri ta’ promozzjoni u ta’ informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b’valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-Ewropa

    COM(2011) 436 finali

    u

    l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

    COM(2011) 663 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2011.

    Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’188 voti favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-prodotti agroalimentari tal-Unjoni Ewropea huma uniċi fir-rigward tal-kwalità u d-diversità tagħhom. Madankollu, f’suq globali miftuħ, il-produzzjoni ta’ ikel u xorb eċċellenti waħedha mhijiex biżżejjed biex tiżgura pożizzjoni tajba fis-suq. Programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni jistgħu jgħinu lill-produtturi Ewropej jilqgħu l-isfidi ta’ dinja dejjem aktar kompetittiva billi jispjegaw lill-konsumaturi l-livell għoli fil-kwalità tal-prodotti agrikoli tal-UE u jistimulaw l-esportazzjonijiet.

    1.2

    Il-politika attwali għall-informazzjoni u l-promozzjoni tal-prodotti agrikoli tat riżultati tajbin iżda l-KESE huwa konvint li għandha tiġi semplifikata aktar u mtejba biex tirrispondi aħjar għall-eżiġenzi tas-swieq Ewropej u dawk dinjija, u tindirizza l-bżonnijiet tal-produtturi Ewropej.

    1.3

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon “il-Green Paper dwar il-miżuri ta’ promozzjoni u ta’ informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b’valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-Ewropa” u jirrakkomanda li l-politika ta’ promozzjoni għall-prodotti agroalimentari ssir waħda mill-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni fis-snin li ġejjin, kemm għas-swieq interni kif ukoll dawk esterni.

    1.4

    Il-KESE jappoġġja żewġ għanijiet fundamentali tal-politika ġdida ta’ promozzjon li hija ffukata fuq is-suq partikolari kkonċernat: minn naħa, l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar is-suq tal-UE, b’enfasi fuq l-ogħla garanziji tat-tikkettar, it-traċċabbiltà u s-sikurezza tal-ikel, u fuq ir-rekwiżiti stretti ħafna fir-rigward tal-ambjent, il-benesseri tal-annimali u r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u, min-naħa l-oħra, il-promozzjoni tal-esportazzjoni fis-suq estern.

    1.5

    Filwaqt li jagħraf il-limiti li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja attwali, il-KESE jikkunsidra li huwa assolutament kruċjali li jiżdied il-baġit għat-tixrid tal-informazzjoni u l-miżuri ta’ promozzjoni tal-prodotti agrikoli fis-suq intern u l-pajjiżi terzi. Pereżempju l-fondi tal-Istati Uniti għall-Programm tal-Aċċess għas-Suq jammontaw għal 200 miljun dollaru għas-sena fiskali tal-2012.

    1.6

    Il-KESE jirrakkomanda li l-proċeduri amministrattivi għat-tħejjija u l-monitoraġġ tal-programmi tal-promozzjoni għandhom jiġu semplifikati, partikularment billi jonqos in-numru ta’ rapporti li titlob il-Kummissjoni. Huwa partikularment importanti li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi.

    1.7

    Il-KESE jikkunsidra li hija essenzjali trasparenza akbar fl-għażla tal-programmi fil-livell nazzjonali, u li l-Kummissjoni għandha tfassal linji gwida ċari għall-Istati Membri. L-evalwazzjoni tal-programmi għandha tittejjeb permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni stretta b’indikaturi konkreti bħaż-żieda fis-suq. It-tul taż-żmien tal-proċess ta’ selezzjoni għandu jonqos. Barra minn hekk huwa kruċjali li l-programmi jkollhom viżjoni Ewropea, ibbażata fuq il-valur miżjud li tinkludi l-ħolqien tal-impjiegi u li tingħata prijorità, permezz ta’ skema favorevoli ta’ finanzjament (li tipprovdi sa 60 % minflok 50 %), lill-programmi li jinvolvu bosta pajjiżi u li jkopru numru ta’ prodotti.

    1.8

    Għandha tiddaħħal flessibbiltà akbar biex il-programmi jkunu jistgħu jiġu adattati għall-kondizzjonijiet tas-swieq li jinbidlu waqt il-fażi tal-implimentazzjoni. Għal dan il-għan, għandu jitnaqqas ukoll il-livell tad-dettall meħtieġ meta jkunu qed jiġu ppreżentati l-programmi.

    1.9

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis id-differenzi fil-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet professjonali fl-Istati Membri l-qodma u l-ġodda. In-nuqqas ta’ esperjenza u l-kapaċitajiet baxxi jillimitaw l-abbiltà tal-assoċjazzjonijiet professjonali tal-Istati Membri l-ġodda li jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-iskemi ta’ promozzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra li żżid il-ħlasijiet bil-quddiem lil dawn l-organizzazzjonijiet (pereżempju 30 % tal-ispiża annwali).

    1.10

    Il-KESE jemmen li l-leġislazzjoni tal-promozzjoni għandha tiċċara r-rwol tad-ditti u l-bilanċ bejn il-promozzjoni ġenerika u l-promozzjoni ta’ ditta, speċjalment fil-pajjiżi barra mill-UE. Bil-għan li tiġi żgurata informazzjoni kompleta u trasparenti, għandu jkun permess li jissemma’ l-oriġini tal-prodott, anke għall-prodotti li m’għandhomx denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta.

    1.11

    Hemm bżonn li jitjiebu l-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif ukoll bejn l-Istati Membri nfushom. Għandu jkun hemm skambju tal-aqwa prattiki u esperjenzi fil-konferenzi u fis-seminars.

    1.12

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea li tinħoloq pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-aqwa prattiki bejn il-professjonisti, li tista’ tkun għodda prezzjuża li tappoġġja l-iżvilupp tal-kampanji promozzjonali. Servizz ta’ skambju fil-livell tal-UE (workshops, siti tal-web, eċċ.), li jkun miftuħ għal dawk kollha li għandhom xi rwol fl-informazzjoni u l-promozzjoni tal-prodotti agroalimentari, ikun partikolarment ta’ benefiċċju fit-tfassil tal-programmi strutturati u kkoordinati tajjeb bis-sehem ta’ diversi pajjiżi.

    1.13

    Iridu jinħolqu s-sinerġiji bejn il-programmi differenti ta’ promozzjoni li jkunu għaddejjin. Il-kontinwità hija essenzjali biex il-programmi jiksbu l-impatt mixtieq. Għandu jkun possibbli li jiġi ripetut faċilment programm ta’ promozzjoni li kellu suċċess. Hemm bżonn li jinħoloq netwerk ġenwin u attiv ta’ promozzjoni.

    1.14

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħloq “gwida” sħiħa u sempliċi li tista’ tgħin lill-benefiċjarji jikkonformaw mar-regoli u l-proċeduri tal-iskema.

    1.15

    Il-politika ta’ promozzjoni għandha tappoġġja l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-operaturi tal-UE, b’mod partikolari l-SMEs biex jibbenefikaw miż-żieda fil-konsum esperjenzata fis-swieq emerġenti. L-esportazzjoni ma tirrappreżentax biss swieq ġodda iżda anki stimulu essenzjali għat-titjib tal-prestazzjoni fil-kumpaniji. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tappoġġja proġetti pilota orjentati lejn it-tfassil ta’ strateġiji ta’ esportazzjoni li jistgħu jipprovdu qafas jew netwerk adatt għall-istrateġiji u l-bżonnijiet ta’ esportazzjoni individwali tal-kumpaniji u b’hekk tiġi faċilitata l-penetrazzjoni tal-prodotti agroalimentari tal-UE f’dawn is-swieq.

    1.16

    Il-lista ta’ prodotti li huma koperti mil-leġislazzjoni għandha tiġi estiża biex jiġu promossi l-prodotti kollha li jwasslu l-messaġġ tal-kwalità tal-produzzjoni tal-UE jew li jistgħu jsaħħuh. Soluzzjoni tista’ tinstab ukoll għal prodotti oħrajn, bħal starter cultures.

    1.17

    Il-KESE jixtieq jara enfasi qawwija fuq il-benefiċċji nutrittivi tal-prodotti u dwar in-nutrizzjoni u l-ikel tajjeb għas-saħħa, billi l-prodotti agroalimentari tal-UE jitpoġġew f’perspettiva ta’ nutrizzjoni/saħħa. Għandhom jiddaħħlu inizjattivi li jippromovu dieti aktar bilanċjati. F’dan ir-rigward, l-enfasi għandha titqiegħed fuq il-promozzjoni ta’ messaġġi importanti dwar is-saħħa u fuq il-kwalità tal-prodotti.

    1.18

    Il-Kumitat jemmen li l-poteri tal-adozzjoni ta’ atti delegati u implimentati, hekk kif stabbiliti fil-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (COM(2011) 663 finali) ser itejbu l-konsistenza tal-miżuri ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli u ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni uniformi tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni żżomm kuntatti regolari mal-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet u li tirrispondi b’mod adegwat għall-proposti tagħhom.

    2.   Daħla

    2.1

    L-iskema tal-promozzjoni tal-UE għall-prodotti agroalimentari hija politika orizzontali li tkopri kważi s-setturi agroalimentari kollha u tenfasizza l-karatteristiċi ġenerali u l-valur miżjud tal-PAK. Hija tikkomplementa l-isforzi promozzjonali privati u pubbliċi fil-livell tal-Istati Membri.

    2.2

    Il-Kummissjoni Ewropea talloka madwar Euro 50 miljun fis-sena biex tappoġġja l-kampanji li jippromovu l-prodotti agroalimentari u l-metodi ta’ produzzjoni tal-UE. Din l-assistenza normalment tingħata lill-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi professjonali li jippromovu approċċi agroalimentari Ewropej ta’ kwalità għolja.

    2.3

    Il-kampanji ta’ promozzjoni jenfasizzaw il-kwalità, il-valur nutrittiv u s-sigurtà tal-prodotti tal-biedja tal-UE, u jiġbdu l-attenzjoni għall-valur miżjud kbir li ġej mill-metodi ta’ produzzjoni, it-tikkettar, il-benesseri tal-annimali u r-rispett għall-ambjent, fost aspetti oħra.

    2.4

    Il-kampanji jistgħu jiġu implimentati ġewwa l-UE jew lil hinn mill-fruntieri tagħha bil-għan li jinfetħu swieq ġodda. Bejn l-2000 u l-2010, 458 programm promozzjonali rċevew il-kofinanzjament tal-UE u l-Istat Membri kollha gawdew mill-miżura. Attivitajiet promozzjonali jistgħu jinkludu kampanji ta’ reklamar fil-mezzi tax-xandir, promozzjoni fil-punt tal-bejgħ, parteċipazzjoni f’esibizzjonijiet u fieri u firxa ta’ attivitajiet oħra.

    2.5

    Il-finanzi tal-UE jkopru sa nofs l-ispejjeż kollha tal-kampanja. Tal-anqas 20 % għandhom jiġu kkontribwiti mingħand l-organizzazzjoni li tkun qed tipproponi u l-bqija jistgħu jiġu pprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali u minn sorsi oħra.

    2.6

    Preferribbilment il-programmi għandhom itulu diversi snin u jkunu mifruxin biżżejjed biex ikollhom impatt sinifikanti fuq is-swieq fil-mira. Tingħata prijorità lill-programmi proposti mill-organizzazzjonijiet li ġejjin minn diversi Stati Membri jew li jkopru diversi Stati Membri jew pajjiżi terzi.

    2.7

    Aktar minn żewġ terzi tal-informazzjoni kollha agroalimentari tal-UE u l-kampanji promozzjonali approvati f’dawn l-aħħar 5 snin kienu mmirati lejn is-suq intern. 8 % biss tal-programmi approvati jkopru diversi pajjiżi u nċaħdu aktar minn nofs l-applikazzjonijiet kollha fil-perjodu 2006-2010.

    2.8

    Mill-bidu tagħha, l-iskema promozzjonali kienet taħt monitoraġġ regolari permezz ta’ rapporti tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Il-Qorti tal-Awdituri Ewropea wkoll għamlet xi rakkomandazzjonijiet għal titjib fir-rapport speċjali ppublikat fl-2009.

    3.   L-essenza tal-Komunikazzjoni

    3.1

    Minkejja s-suċċess kbir tiegħu, is-settur Ewropew tal-agrikoltura u dak agroalimentari għandhom quddiemhom sfidi konsiderevoli. Il-passi’l quddiem li saru mill-produtturi tal-UE fl-oqsma tad-dranaġġ, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali mhux dejjem jiġu rikonoxxuti. Waslu kompetituri ġodda kemm fis-swieq tradizzjonali kif ukoll f’dawk emerġenti fl-UE. Fl-aħħar, l-UE għandha patrimonju kulinari ta’ diversità kbira li għandu jiġi sfruttat kemm jista’ jkun.

    3.2

    Ir-riforma li għaddejja fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) lil hinn mill-2013 timmira li tiżgura li l-PAK tidħol b’mod dirett fl-Istrateġija Ewropea 2020 billi tippromovi settur agrikolu li joffri sigurtà tal-ikel, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u żoni rurali aktar dinamiċi. Flimkien mar-riforma tal-PAK, il-Kummissjoni nediet proċess mifrux ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati bil-għan li tiddefinixxi kif għandha tkun strateġija ta’ promozzjoni aktar ambizzjuża u mmirata għas-settur tal-agrikultura u tal-ikel fl-Ewropa.

    3.3

    L-għanijiet speċifiċi għas-swieq lokali, Ewropej u globali ser jiġu definiti fi stadju aktar tard biex il-miżuri li jridu jittieħdu f’kull każ ikunu ffukati b’mod aktar effikaċi. L-għanijiet globali tal-politika riformata ta’ informazzjoni u promozzjoni ser jinkludu:

    sfruttar aktar effikaċi tal-produzzjoni agrikola Ewropea u tisħiħ tal-pożizzjoni tagħha fis-swieq varji;

    promozzjoni tal-livelli għoljin ħafna tal-UE fis-sigurtà tal-ikel, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali tal-UE u l-għoti ta’ informazzjoni aħjar lill-konsumaturi dwar il-mudell ta’ produzzjoni Ewropea;

    l-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda fost il-konsumaturi u l-isfruttar tad-diversità tal-prodotti Ewropej;

    żieda fis-sensibilizzazzjoni tas-sistemi u l-prodotti ta’ kwalità b’valur miżjud għoli.

    3.4

    Il-Green Paper hija maqsuma f’erba’ partijiet, li jiddiskutu u jqajmu mistoqsijiet dwar diversi aspetti dwar il-politika ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni: il-valur miżjud tagħha għall-Ewropa, miri u miżuri għas-swieq interni (fosthom dawk lokali u reġjonali) u esterni; kif ukoll aspetti aktar ġenerali ta’ aproċċi ta’ kontenut u ta’ ġestjoni.

    3.5

    Il-Green Paper tenfasizza l-potenzjal li mhuwiex sfruttat biżżejjed tas-swieq reġjonali u lokali. Għandu jkun hemm miżuri mmirati lejn l-iffinanzjar ta’ servizzi bażiċi, bħall-ħolqien ta’ ċentri kummerċjali, ħwienet jew swieq. Jekk l-għodda LEADER tkun integrata aħjar wara l-2013, din jista’ jkollha rwol importanti fil-promozzjoni ta’ katini ta’ distribuzzjoni qosra.

    3.6

    Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiġi appoġġjata biex tinħoloq il-komplementarjetà bejn il-kampanji ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni li jsiru fl-Istati Membri u/jew fis-settur privat u biex jitħeġġu s-sinerġiji.

    3.7

    Bħalissa l-proposti jistgħu jitressqu mill-organizzazzjonijiet professjonali jew interprofessjonali li jirrappreżentaw is-setturi rilevanti fi Stat Membru wieħed jew aktar jew fil-livell Ewropew. Il-Green Paper tipproponi l-possibbiltà li testendi l-aċċess għall-fondi għal strutturi oħra barra l-organizzazzjonijiet professjonali, bħall-kumpaniji jew kmamar tal-kummerċ, biex jiġu inklużi setturi li mhumiex strutturati neċessarjament permezz ta’ organizzazzjonijiet professjonali fl-Istati Membri kollha.

    3.8

    Attwalment, il-programmi jirrelataw ma’ prodotti jew sistemi ta’ kwalità speċifiċi (pereżempju informazzjoni dwar il-ħalib u l-kwalitajiet nutrittivi tiegħu). Il-Green Paper tipproponi aproċċ ġdid, aktar flessibbli u forsi aktar inċisiv, li fil-bidu jiffoka fuq il-messaġġi ewlenin fil-livell Ewropew u mbagħad jidħol aktar fid-dettall u jagħti eżempji bi prodotti li juru d-diversità, ir-rikkezza u l-komplementarjetà tal-prodotti Ewropej.

    3.9

    Il-Green Paper tenfasizza li l-miżuri għandhom jiġu implimentati permezz ta’ proċeduri sempliċi. Il-proċess tal-għażla huwa doppju (Stati Membri u Kummissjoni Ewropea) u twil (seba’ xhur bejn l-iskadenza għat-tressiq u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni), li jillimita l-possibbiltajiet li jiġu żviluppati kampanji pragmatiċi u reattivi.

    3.10

    Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 sabiex tallinjaha mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-proposta telenka s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati u implimentati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 u tistabbilixxi l-proċedura xierqa għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti. Hija tinkorpora wkoll fir-Regolament (KE) Nru 3/2008 wħud mill-poteri li ġew eżerċitati s’issa mill-Kummissjoni.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    L-isfidi ewlenin li għandha quddiemha l-politika agrikola Ewropea huma marbutin mat-tibdil fil-klima, il-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-inugwaljanza bejn l-Istati Membri l-qodma u l-ġodda u t-tensjonijiet li jqumu minn kompetizzjoni inġusta bejniethom; il-kondizzjonijiet għal prezzijiet baxxi wisq li toħloq l-applikazzjoni tal-PAK; l-insigurtà tal-impjiegi u swieq instabbli b’ċaqliq kbir. Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, huwa dejjem aktar importanti li l-prodotti agrikoli tal-UE jiġu promossi biex jiġu stabbiliti bħala prodotti ta’ valur miżjud għoli u tinżamm il-pożizzjoni mexxejja tal-UE bħala fornitur tal-ikel.

    4.2

    Il-politika tal-promozzjoni tal-UE tenfasizza l-vantaġġi tal-produzzjoni Ewropea, speċjalment f’termini ta’ kwalità, iġene u sikurezza tal-ikel, permezz ta’ sistema avvanzata ta’ tikkettar u ta’ traċċabbiltà, kif ukoll tar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, tal-benesseri tal-annimali u tal-ambjent. Dan jeħtieġ appoġġ finanzjarju konsistenti.

    4.3

    Il-katina tal-ikel agroalimentari tikkonforma ma’ livelli għoljin fis-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-pjanti u l-annimali, il-benesseri tal-annimali u l-ħarsien tal-ambjent. Il-kampanji tal-komunikazzjoni u tal-promozzjoni huma mezz effiċjenti u effikaċi biex jiġu rikonoxxuti l-isforzi tal-bdiewa, il-produtturi u l-kummerċjanti. Il-politika ta’ promozzjoni għalhekk għandu jkollha żewġ għanijiet bażiċi f’dan ir-rigward:

    il-promozzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti agroalimentari Ewropej fis-swieq esterni (il-promozzjoni tal-esportazzjoni, b’mod partikolari għall-SMEs, għax dawn jipprovdu l-istimulu li hemm bżonn għall-irkupru Ewropew fis-settur);

    it-tixrid tal-informazzjoni fost il-konsumaturi tas-suq tal-UE b’mod partikolari dwar reġimi speċifiċi ta’ kwalità, sigurtà, traċċabiltà, valuri nutrittivi, rispett lejn l-ambjent, benesseri tal-annimali, kundizzjonijiet tax-xogħol eċċ. B’mod partikolari, il-politika għandu jkollha l-għan li żżid l-għarfien tal-konsumatur sa mill-iskola permezz ta’ approċċ ibbażżat fuq konsum responsabbli, u xxerred ir-rikonoxximent tal-isforzi tal-produtturi fis-settur agroalimentari (bdiewa u industrija) sabiex jilħqu l-istandards għoljin tal-UE (1).

    4.4

    Il-politika ta’ promozzjoni għandha tinkludi forom ġodda ta’ mezzi tax-xandir, bħal pereżempju paġni tal-internet, biex il-konsumaturi jiġu informati dwar l-inizjattivi tal-produtturi lokali u dwar aċċess għall-prodotti li jinbigħu direttament. L-iżvilupp ta’ “ktajjen qosra” żgur li jissodisfa waħda mill-istennijiet ġodda tas-soċjetà.

    4.5

    Il-Qorti tal-Awdituri rrakkomandaw li jiġi pprovdut appoġġ tekniku mmirat lill-produtturi permezz ta’:

    sinerġiji akbar bejn il-produtturi u l-programmi. Il-miżuri tal-UE għandhom jinkoraġġixxu l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju biex jingħaqdu flimkien ħalli jkunu jistgħu jilħqu massa kritika għall-kummerċ fis-suq estern. L-iżvilupp tan-netwerks jista’ jgħin biex dan l-għan jinkiseb u jappoġġja l-ħolqien tas-sinerġiji bejn il-produtturi fil-livell tal-UE;

    assistenza lill-Istati Membri l-ġodda billi l-miżuri eliġibbli jiġu estiżi biex jinkludu ħidma esploratorja (pereżempju kampanji bi prova ta’ sena jew studji dwar is-swieq).

    4.6

    Fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni li żżid mal-lista ta’ benefiċjari tal-programmi promozzjonali, il-KESE jqis li l-prijorità għandha tingħata lill-organizzazzjonijiet professjonali għax huma dawn li jġibu n-negozji flimkien u jikkofinanzjaw it-tħaddim.

    4.7

    Il-KESE jqis li ċerti prodotti tradizzjonali, ditti jew indikazzjonijiet tal-oriġini jistgħu jiftħu s-swieq għal prodotti oħra Ewropej, speċjalment fis-suq estern. In-natura Ewropea tal-prodotti fil-programmi promozzjonali mressqa mill-organizzazzjonijiet professjonali jew/u interprofessjonali tista’ tiġi enfasizzata mingħajr ma jintalbu jneħħu l-indikazzjonijiet tal-oriġini jew id-ditti, filwaqt li jkun żgurat li l-messaġġ Ewropew huwa aktar prominenti mid-ditta b’mod ċar. Bil-għan li tiżgura informazzjoni kompleta u trasparenti, għandu jkun permess li jissemma’ l-oriġini tal-prodott, anke għall-prodotti li m’għandhomx denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta.

    4.8

    B’konformità mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni ser ikollha responsabbiltajiet ikbar. Il-Kumitat jemmen li l-poteri tal-adozzjoni ta’ atti delegati u implimentati, hekk kif stabbiliti fil-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (COM(2011) 663 finali), ser itejbu l-konsistenza tal-miżuri ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli u ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni uniformi tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni żżomm kuntatti regolari mal-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet li qed jipproponu u li tirrispondi b’mod adegwat għall-proposti tagħhom bil-għan li jkun hemm proċessar issemplifikat u mingħajr xkiel ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agroalimentari fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1

    Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tagħraf l-organizzazzjonijiet settorjali tal-UE bħala organizzazzjonijiet proponenti.

    5.2

    Il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli tal-UE fil-pajjiżi terzi tgħin lill-bdiewa u l-proċessuri fl-UE biex jaċċedu swieq kbar bħal dawk tal-Brażil, ir-Russja, iċ-Ċina, l-Indja, l-Amerika ta’ Fuq, l-Awstralja u l-Lvant Nofsani. Politika ta’ promozzjoni tal-UE mmirata tajjeb f’pajjiżi terzi tista’ twassal għal żieda qawwija fil-bejgħ tal-prodotti agroalimentari barra mill-UE.

    5.3

    Il-prosperità tas-swieq barranin fl-2010 hija fattur ewlieni fil-ħolqien tal-opportunitajiet għan-negozji tal-UE.

    5.4

    Biex tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni:

    tappoġġja l-ftuħ u l-iżvilupp tas-swieq – speċjalment dawk marbuta man-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali – ħalli l-produtturi Ewropej jkollhom aktar opportunitajiet biex jesportaw il-prodotti tagħhom;

    tiffaċilita r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet marbutin mal-esportazzjoni u tgħin lill-esportaturi permezz tal-għoti tal-informazzjoni u possibbilment attività li “tingloba” jew li jkollha t-tema ġenerali tal-UE.

    5.5

    Biex l-intervent tal-Unjoni Ewropea fis-suq estern ikollu l-aħjar riżultati, il-KESE jirrakkomanda li:

    tiġi pprovduta data rilevanti dwar l-esportazzjoni, informazzjoni dwar il-pajjiżi u l-kuntatti, u gwida għall-esportazzjoni eċċ. lill-kummerċjanti bl-imnut u bl-ingrossa;

    titħeġġeġ il-promozzjoni tal-esportazzjoni ta’ prodotti kumplimentari u l-kooperazzjoni bejn is-setturi għal piż u effiċjenza akbar;

    l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jitħeġġeu jingħaqdu flimkien ħalli jkunu jistgħu jilħqu massa kritika għall-kummerċ fis-suq estern;

    jiġu appoġġjati proġetti pilota f’pajjiżi terzi mmirati li jippenetraw swieq ġodda.

    5.6

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni jipprovdi appoġġ waqt u wara l-kriżijiet sanitarji lis-setturi f’diffikultà biex jerġgħu jiksbu l-kunfidenza u jissaħħaħ il-konsum. Kampanji ta’ informazzjoni ad hoc u komunikazzjoni dinamiċi u immedjati jistgħu jkunu utli ħafna biex jerġgħu joħolqu sens ta’ kunfidenza fost il-konsumaturi.

    5.7

    Il-KESE jikkunsidra li l-organizzazzjonijiet settorjali li implimentaw b’suċċess programmi promozzjonali għandhom jingħataw l-opportunità li japplikaw bħala organizzazzjonijiet benefiċjarji u korpi ta’ implimentazzjoni skont proċedura faċilitata.

    5.8

    Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tniedi avvenimenti/kampanji li jkomplu jħeġġu l-organizzazzjonijiet settorjali mill-Istati Membri tal-UE biex japplikaw b’mod aktar attiv għall-programmi promozzjonali barra l-UE, biex jippreżentaw l-aqwa mit-togħmiet, it-tradizzjonijiet u l-kwalità tal-prodotti agroalimentari tal-UE. F’dan ir-rigward, il-prijorità għandha tingħata lill-programmi li jinvolvu bosta pajjiżi u li jkopru numru ta’ prodotti permezz ta’ skema aktar favorevoli ta’ finanzjament (sa 60 % minflok 50 %), għaliex dawn il-prodotti ser jipprovdu dimensjoni Ewropea ġenwina lill-programm u ser jeħtieġu wkoll l-appoġġ tal-UE. Barra minn hekk il-prijorità għandha tingħata lill-pajjiż skont il-potenzjal tas-suq tagħhom. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni żżid il-kontribut tagħha fil-każ tal-programmi fl-ekonomiji emerġenti.

    5.9

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni taqdi rwol ewlieni bħala faċilitatur u sostenitur tal-produtturi u l-proċessuri ż-żgħar tal-UE fir-rigward tal-aċċess li jkollhom għas-swieq fil-pajjiżi terzi.

    5.10

    Il-programmi tas-suq intern għandu jkollhom viżjoni Ewropea u orjentata fuq il-valur miżjud li tmur lil hinn mil-livell nazzjonali: iktar ma jkun kbir il-kamp ta’ applikazzjoni f’termini ta’ prodotti u swieq, aħjar ikun il-programm. Barra minn hekk il-programmi għandhom ikunu komplementari jew joħolqu sinerġiji ma’ programmi nazzjonali jew reġjonali oħrajn sabiex jiġi evitat ix-xogħol doppju jew messaġġi kontradittorji. Il-potenzjal tal-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa jista’ u għandu jiġi sfruttat sabiex tiżdied l-effikaċja tal-miżuri ta’ informazzjoni. Fl-aħħarnett, l-impatt fuq il-livell ta’ impjieg għandu jitqies fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-promozzjoni futura u l-politika tal-informazzjoni għall-prodotti agroalimentari.

    Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 114 u CESE 812/2011, ĠU C 218, 23.7.2011, p. 118.


    Top