EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1007

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp sostenibbli tal-politika u l-ippjanar tat-trasport tal-UE għat-TEN-T” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza li jmiss tal-Polonja)

ĠU C 248, 25.8.2011, p. 31–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp sostenibbli tal-politika u l-ippjanar tat-trasport tal-UE għat-TEN-T” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza li jmiss tal-Polonja)

2011/C 248/05

Relatur: is-Sur KRAWCZYK

Nhar it-30 ta’ Novembru 2010, il-Presidenza li jmiss tal-Unjoni Ewropea, dik Pollakka, iddeċidiet b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-iżvilupp sostenibbli tal-politika u l-ippjanar tat-trasport tal-UE għat-TEN-T

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju (seduta tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 154 voti favur, l-ebda vot kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE minn dejjem appoġġja l-programm tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropej u jtenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal dan il-programm. Madankollu jinnota li l-ħtiġijiet tal-Ewropa estiża fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport kibru u trid issir riflessjoni dwar kif il-politika u l-istrumenti ta’ implimentazzjoni attwali jridu jiġu adattati għall-isfidi futuri.

1.2

Fil-fehma tal-Kumitat, l-għan aħħari huwa l-formulazzjoni ta’ politika tat-trasport li, meta tiġi implimentata, twassal biex tintlaħaq koeżjoni soċjali u ekonomika, billi ġġib flimkien l-ambizzjonijiet tat-tkabbir ekonomiku, fil-forma ta’ żieda fit-trasport (skont il-Kummissjoni t-traffiku ser jiżdied b’madwar 20 % bejn l-2005 u l-2020), il-koeżjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli b’riżorsi finanzjarji ristretti.

1.3

Iżda, fil-prattika l-Kumitat ikkonkluda li, sfortunatament mit-92 proġett li ntgħażlu mis-sejħa għall-proposti tal-2007 u li daħlu fir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-programm ta’ ħidma multiannwali 2007-2013, li bejniethom jgħoddu madwar żewġ terzi tal-baġit totali tat-TEN-T (EUR 5,3 biljun minn EUR 8 biljun), kien biss numru żgħir li ġie allokat fl-Istati l-Membri l-ġodda.

1.4

Il-Kumitat jixtieq jisħaq, li jekk l-iskop tal-UE huwa li toħloq suq tat-trasport uniku, veru u integrat u li tkompli bil-politika ta’ koeżjoni, hemm bżonn ta’ bidla radikali fl-għażla tan-netwerks. L-Istati Membri għandhom jipproponu netwerks għat-TEN-T fuq il-bażi ta’ kriterji ċari u stabbiliti mill-Kummissjoni.

1.5

Il-Kumitat jirrakkomanda li, minħabba d-dipendenza attwali tas-settur tat-trasport fuq il-karburanti fossili, il-politika tat-trasport Ewropea tal-ġejjieni trid issegwi dawn l-erba’ miri li ġejjin:

il-promozzjoni ta’ mezzi tat-trasport b’użu baxx tal-karbonju,

effiċjenza enerġetika,

sigurtà, kumplessità u indipendenza tal-provvista, u

tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku.

1.6

F’dan ir-rigward, il-Kumitat jagħti l-parir li jintgħażlu l-aktar karburanti li jirrispettaw l-ambjent u dawk li huma l-aktar rinnovabbli, li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, li jużaw il-komodalità, filwaqt li jdaħħlu l-kunċett tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-mezzi kollha tat-trasport. Il-KESE huwa preokkupat dwar il-limitazzjonijiet finanzjarji għall-proġetti TEN-T fil-livell Ewropew li jistgħu ma joffrux biżżejjed inċentivi biex l-Istati Membri jidħlu għal dawn il-proġetti. Għalhekk il-KESE jirreferi għall-opinjonijiet tiegħu li fihom jissuġġerixxi li għandhom jiġu mfittxa sorsi ġodda ta’ dħul pubbliku (1).

1.7

Kif ukoll jirrakkomanda l-użu attent u selettiv tas-Sħubijiet Pubbliċi Privati biex jiġu ffinanzjati l-fondi tat-TEN-T, filwaqt li jitqiesu l-livelli differenti ta’ esperjenza fost l-Istati Membri fl-użu tas-Sħubijiet u b’rikonoxximent tal-ħtieġa li l-istrumenti finanzjarji tal-UE (pereżempju l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, TENs u BEI) jiġu mobilizzati bħala parti minn strateġija konsistenti ta’ ffinanzjar, li ġġib flimkien fondi mill-UE u dawk pubbliċi nazzjonali u privati. Biex l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw għażla ħielsa dwar jekk jipparteċipawx fi sħubijiet, il-KESE jirreferi għall-opinjoni tiegħu li d-definizzjoni tas-sħubijiet fil-proċeduri tal-Eurostat dwar id-dejn pubbliku għandha tiġi riveduta (2).

1.8

Il-Kumitat jirrakkomanda li r-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T għandha tqis ukoll punti ta’ konġestjoni u konnessjonijiet neqsin biex tinkoraġġixxi żvilupp tal-infrastruttura tat-trasport ibbilanċjat fil-partijiet kollha tal-Unjoni, speċjalment f’dik tal-Lvant biex tkun tista’ tintlaħaq koeżjoni soċjali u ekonomika. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-White Paper tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” (White Paper), li tirreferi għal din il-kwistjoni partikolari b’attenzjoni kbira u tislet konklużjoni għal azzjonijiet prattiċi li jridu jsiru fis-snin li ġejjin.

1.9

Trid tingħata attenzjoni speċjali lill-hekk imsejħa politika tal-viċinat, jiġifieri l-konnessjonijiet lejn it-Tramuntana, il-Lvant u n-Nofsinhar tal-UE, li jiffukaw fuq kollox fuq in-netwerk, aktar milli fuq proġetti ta’ infrastruttura individwali.

1.10

Il-Kumitat jissuġġerixxi li “l-kuntratti tal-programm” għandhom jiġu ffirmati bejn l-UE u kull Stat Membru fuq il-bażi ta’ TEN-T definit mill-ġdid, li jistabbilixxi impenji reċiproċi dwar l-iffinanzjar u l-iskadenzi għat-tkomplija. Il-Kumitat jemmen li s-soċjetà ċivili għandha tipparteċipa fil-proċess tat-tħejjija ta’ “kuntratti tal-programm” bħal dawn biex itejbu l-effiċjenza tal-implimentazzjoni ulterjuri tal-proġetti maqbula.

1.11

Il-Kumitat jemmen li l-iżvilupp sostenibbli tal-politika tat-trasport tal-UE jista’ jiġi appoġġjat b’mod sinifikanti permezz ta’ azzjoni ta’ strutturi ta’ djalogu soċjali u/ jew djalogu tal-partijiet interessati fl-istrutturi tal-kurituri tat-trasport trans-Ewropew li qed jaħdmu jew qed jinbnew. Il-KESE jappella biex dawn it-tipi ta’ strutturi jiġu attivati mill-ġdid.

1.12

Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi ċċarat x’qed jinftiehem bil-kunċett tas-sostenibbiltà. Fil-fehma tal-Kumitat dan il-kunċett jinkludi – apparti mill-kontribut fundamentali lejn it-tkabbir ekonomiku – mhux biss il-miri ambjentali bħalma huma l-ħarsien tal-klima, it-tniġġis bl-istorbju u tal-arja, il-preżervazzjoni tar-riżorsi, iżda wkoll kwistjonijiet soċjali fil-qasam tat-trasport bħalma huma d-drittijiet tal-impjegati, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess affordabbli għat-trasport pubbliku inġenerali, inklużi l-persuni mdaħħla fiż-żmien u l-persuni b’diżabbiltà, b’kunsiderazzjoni għad-dritt tagħhom għall-mobbiltà kif ukoll l-aċċess ugwali għall-faċilitajiet fiżiċi u l-informazzjoni. Għandu jikkunsidra wkoll il-politika tal-viċinat fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport.

1.13

Il-Kumitat jikkunsidra strateġija bbażata fuq l-innovazzjoni, l-inċentivi u l-infrastruttura (l-istrateġija tat-3 “I”) l-aktar mezz kosteffettiv biex jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli.

1.14

Fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli tal-politika tat-trasport u l-ippjanar tal-UE għat-TEN-T, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu studjati l-possibbiltajiet li jitneħħew l-ostakoli attwali mhux ġustifikati għall-mezzi tat-trasport ħalli l-kapaċità tkun tista’ tintuża kompletament. Għandu jitħeġġeġ pjanar aħjar tal-mobbiltà sabiex tiġi promossa imġiba kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli. L-isfida hija li ninfluwenzaw l-intensità tal-mobbiltà u t-trasport fl-ekonomiji tagħna.

1.15

Il-Kumitat jappoġġja għal kollox l-approċċ tal-Kummissjoni ppreżentat fil-Whiter Paper rigward koordinazzjoni akbar fil-livell Ewropew. Biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi stabbiliti fil-qasam tal-iżvilupp tat-TEN-T, bir-restrizzjonijiet finanzjarji serji, ser ikun hemm bżonn ta’ koordinazzjoni adegwata tal-politika tal-infrastruttura Ewropea li tkun integrata mill-ippjanar strateġiku sal-implimentazzjoni finali tal-proġetti finali. Issa wasal iż-żmien li jinkisbu r-riżultati.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fil-kuntest tal-presidenza li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dik Pollakka, fit-tieni nofs tal-2011, il-KESE ntalab ifassal opinjoni esploratorja dwar is-suġġett tal-“iżvilupp sostenibbli tal-politika u l-ippjanar tat-trasport għat-TEN-T”, fost suġġetti oħra.

2.2

Meta wieħed iqis l-importanza tas-suġġett, il-ħtieġa li jitwettaq id-dritt fundamentali tal-benefiċċju tal-mobbiltà u fid-dawl tal-fatt li s-settur tat-trasport jiġġenera 10 % tal-ġid Ewropew f’termini ta’ PDG u jipprovdi aktar minn 10 miljun impjieg, filwaqt li fl-istess ħin it-tkabbir kostanti fil-mobbiltà joħloq pressjoni qawwija fuq is-sistemi tat-trasport, li twassal għall-konġestjoni, inċidenti u tniġġis, il-KESE fehem ħafna u aċċetta t-talba tal-presidenza li jmiss, dik Pollakka.

2.3

Il-Kummissjoni Ewropea ppreparat White Paper ġdida dwar it-trasport, li tistabbilixxi l-pjani tal-Kummissjoni Ewropea għall-għaxar snin li jmiss, li jipprevedu sistema tat-trasport differenti sal-2020, b’żona tat-trasport Ewropew unika, swieq miftuħin, infrastruttura ekoloġika u teknoloġiji b’użu baxx tal-karbonju.

2.4

Aspett importanti ta’ din is-sistema ġdida tat-trasport huwa in-netwerk TEN-T. Din hija r-raġuni għalfejn għandha tingħata attenzjoni kbira lir-reviżjoni tal-linji gwida tal-UE dwar in-netwerk TEN-T.

2.5

Bħala parti mir-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T, il-Kummissjoni qed tipproponi li tiżviluppa dak li qed issejjaħ netwerk ewlieni, li jissovrapponi netwerks tat-trasport komprensivi, koerenti u bażiċi u li jkopri ċentri u konnessjonijiet strateġiċi.

2.6

Il-Kummissjoni qed tgħid li din il-bażi għal sistema integrata tat-trasport Ewropew tikkontribwixxi biex tindirizza problemi konsistenti fl-ippjanar tat-TEN-T. Is-soluzzjoni ta’ dawn il-problemi hija urġenti peress li ż-żieda fit-traffiku bejn l-Istati Membri hija mistennija li tirdoppja sal-2020.

2.7

L-isfida għall-UE hija li tifformola politika li, meta tiġi implimentata, tista’ ġġib flimkien l-ambizzjoni tat-tkabbir ekonomiku fil-forma ta’ żieda fit-trasport, tal-koeżjoni, tal-ħolqien tal-impjiegi u tal-iżvilupp sostenibbli.

2.8

Biex din l-isfida tinkiseb ikun utli li wieħed iħares lejn ir-raġunijiet li għalihom il-proġetti li ntgħażlu fil-passat ma kellhomx is-suċċess li kien mistenni.

2.9

B’mod wiesa’, il-Kumitat, filwaqt li jqis ir-rwol ewlieni tat-TEN-T fil-ħolqien ta’ politika tat-trasport effiċjenti u netwerk ta’ infrastruttura koerenti fi ħdan l-UE, jaqbel mal-Kummissjoni li r-raġunijiet li ġejjin huma rilevanti:

it-TEN-T tal-lum tikkonsisti f’assemblea ta’ sezzjonijiet nazzjonali li m’humiex magħqudin tajjeb flimkien; is-sezzjonijiet transkonfinali u l-punti ta’ konġestjoni l-kbar jiffurmaw konnessjonijiet neqsin fin-netwerk tal-infrastruttura;

in-nuqqas ta’ netwerks koerenti interoperabbli, fl-Istati Membri kollha tal-UE speċjalment fis-settur tal-ferroviji u fl-applikazzjoni ta’ sistemi intelliġenti tat-trasport għall-mezzi kollha tat-trasport;

it-tradizzjoni fl-Istati Membri li jużaw regoli u livelli ta’ operat ibbażati fuq tradizzjonjiiet u leġislazzjonijiet antiki li jfixklu l-effikaċja ta’ investimenti kbar fl-infrastruttura. Il-Kumitat jissuġġerixxi li dawn ir-regoli u l-livelli għandhom jiġu definiti f’livell għoli ta’ sigurtà u kwalità;

in-nuqqas ta’ integrazzjoni intermodali, pereżempju n-nuqqas ta’ netwerks fiżiċi integrati u ta’ punti tat-trasbordar intermodali li jaħdmu tajjeb jikkawżaw nuqqas fil-kapaċitajiet li jippermettu l-operazzjonijiet tat-trasport intermodali;

id-diskrepanzi li għadhom jeżistu fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport bejn l-Istati Membri tal-UE differenti;

in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà suffiċjenti għat-trasport f’xi reġjuni Ewropej.

2.10

Biex jiġu kkunsidrati n-nuqqasijiet tal-passat, il-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati biex nibbenefikaw minn TEN-T funzjonali, interoperabbli u intermodali huma ċari, fosthom: il-ħolqien ta’ netwerk ta’ kwalità għolja fl-Istati Membri kollha b’attenzjoni speċjali għas-sezzjonijiet transkonfinali, il-punti ta’ konġestjoni, u ċ-ċentri, li jiffaċilita l-operazzjonijiet komodali permezz tal-integrazzjoni tal-mezzi kollha tat-trasport u t-tħaddim bla ostakli permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli tal-operat, li għandhom jassiguraw livell għoli ta’ sigurtà u kwalità.

2.11

Approċċ fuq dawn il-linji jindirizza wkoll għanijiet aktar wesgħin tal-politika tat-trasport u jappoġġjaw l-effiċjenza fir-riżorsi tal-Ewropa u l-isfidi tal-klima.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem fuq Poltika ġdida għan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew li tipprovdi l-opportunità li tintlaħaq koeżjoni soċjali u ekonomika bejn ir-reġjuni kollha fit-territorju tal-UE, inkluż dawk periferiċi u li dan jista’ jintlaħaq biss b’infrastruttura tat-trasport effiċjenti li tgħaqqadhom flimkien.

3.2

B’dan il-ħsieb, il-Kumitat huwa konvint li l-iżvilupp u t-tkomplija progressivi tan-netwerk Trans-Ewropew, bħala l-bażi tal-infrastruttura għall-fluss tal-merkanzija u l-moviment ħieles tan-nies fis-suq intern, jibqgħu għan ta’ politika vitali għall-UE li jġib flimkien il-partijiet tal-Punent u tal-Lvant tal-Unjoni u b’hekk tinħoloq iż-Żona Unika tat-Trasport Ewropew futura.

3.3

L-aktar dokument reċenti ppubblikat dwar l-eżekuzzjoni tal-programm TEN-T huwa r-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-2007-2013 TEN-T MAP, ippubblikat f’Ottubru 2010. Fih hemm reviżjoni ta’ 92 proġett, li bejniethom jagħmlu madwar żewġ terzi tal-baġit totali tat-TEN-T (EUR 5,5 biljun minn total ta’ EUR 8 biljun). Meta wieħed iħares fejn huma allokati dawn il-proġetti, il-Kumitat jiddispjaċiħ li parti żgħira biss minnhom tinsab fil-parti tal-Lvant tal-Unjoni.

3.4

Waħda mir-raġunijiet għal dan hija n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti fl-Istati Membri l-ġodda. Raġuni oħra hija l-kundizzjonijiet differenti li jridu jiġu sodisfati għall-użu tal-Fondi tal-Koeżjoni u l-Fondi Soċjali meta mqabbla mal-Fondi tat-TEN-T. Il-Kumitat jirrakomanda li ssir analiżi tad-dewmien fl-iżvilupp tal-infrastruttura fl-Istati Membri l-ġodda kif ukoll rigward il-livell baxx ta’ applikazzjoni u eżekuzzjoni tal-fondi tat-TEN-T mill-Istati Membri l-ġodda.

3.5

Il-Kumitat jisħaq li, jekk l-iskop tal-UE huwa li toħloq suq tat-trasport uniku, veru u integrat fl-Ewropa, hemm bżonn ta’ bidla radikali fl-istruttura finanzjarja u fl-għażla tal-proġetti tan-netwerk TEN-T. L-isfida hija li ninfluwenzaw l-intensità tal-mobbiltà u t-trasport fl-ekonomiji tagħna.

3.6

Il-Kumitat huwa konxju li, fi ħdan il-qafas tal-Istrateġija 2020, l-iżvilupp ta’ Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew irid ikun iffukat fuq l-iżvilupp ta’ sistema tat-trasport effiċjenti fir-riżorsi li hija mibnija fuq l-innovazzjoni u li tindirizza t-tibdil fil-klima, is-sostenibbilità soċjali u l-isfidi ambjentali.

3.7

F’dan ir-rigward, il-Kumitat irid jiġbed l-attenzjoni li kien fassal diversi opinjonijiet fil-passat dwar is-suġġett, bħall-opinjonijiet dwar it-TEN-T: Eżami tal-politika  (3); Futur sostenibbli […] għall-Politika Ewropea tat-Trasport wara l-2010  (4); Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ibħra interni aktar ekoloġiku  (5) ; It-trasport bit-triq fl-2020  (6) ; In-netwerk ferrovjarju għat-trasport tal-merkanzija  (7) ; Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni  (8) ; Il-Promozzjoni ta’ “NAIANDES” għat-trasport fuq l-ilmijiet interni  (9) ; TEN-T: Eżami tal-politika – Lejn netwerk trans-Ewropew integrat aħjar għad-dispożizzjoni tal-politika komuni tat-trasport  (10) ; il-Politika Ewropea tat-trasport/strateġija ta’ Lisbona l-iżvilupp sostenibbli  (11).

3.8

Fl-opinjoni tiegħu TEN-T: eżami tal-politika, il-Kumitat ikkonkluda li “Fir-rigward tal-problema taż-żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 u tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura u fl-organizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija, il-KESE huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li għandhom jinstabu soluzzjonijiet komodali għal dan il-mezz tat-trasport sabiex jinħolqu sinerġiji għall-benefiċċju tal-utent”.

3.9

Fl-opinjoni tiegħu il-Politika Ewropea tat-trasport/strateġija ta’ Lisbona l-iżvilupp sostenibbli il-KESE jikkunsidra li, minħabba d-dipendenza tas-settur tat-trasport fuq il-karburanti fossili u l-fatt li dawn huma limitati, il-politika tat-trasport Ewropea tal-ġejjieni, filwaqt li żżomm il-kompetittività tas-settur bħala parti mill-Istrateġija 2020, trid issegwi erba’ miri ewlenin:

il-promozzjoni ta’ mezzi tat-trasport b’użu baxx tal-karbonju

effiċjenza enerġetika

sigurtà u indipendenza tal-provvista u

it-tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku.

3.10

Huwa ċar li l-Ewropa tinsab maqbuda f’dilemma: minn naħa tixtieq toħloq suq uniku tat-trasport integrat għas-27 Stat Membru kollha, li jirrikjedi l-investiment ta’ somom kbar ta’ flus fl-infrastruttura, peress li l-infrastruttura hija l-bażi tas-solidarjetà; min-naħa l-oħra hemm limitazzjonijiet fil-forma ta’ nuqqasijiet baġitarji u miri sabiex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u sustanzi oħra ta’ tniġġis.

3.11

Il-KESE diġà ta suġġerimenti sabiex tingħeleb din id-dilemma li għandhom ukoll effett dirett u tanġibbli fuq l-ispejjeż f’għadd ta’ opinjonijiet hawn fuq imsemmija: li jintgħażlu l-aktar karburanti li jirrispettaw l-ambjent u dawk li huma l-aktar rinnovabbli, li jnaqqsu sew l-emissjonijiet tas-CO2, li jużaw il-komodalità, l-introduzzjoni tal-kunċett tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha tat-trasport u l-aħħar iżda mhux l-inqas, l-introduzzjoni ta’ strumenti finanzjarji oħra bħall-użu attent u selettiv tas-Sħubija Pubblika Privata fil-ffinanzjament tal-fondi tat-TEN-T, li jikkunsidra l-livelli differenti ta’ esperjenza bejn l-Istati Membri fl-użu tas-Sħubijiet u r-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-Istrutmenti Finanzjarji tal-UE (pereżempju l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, TENs, u BEI) bħala parti minn strateġija ta’ ffinanzajar konsistenti li ġġib flimkien il-fondi Ewropej, dawk pubbliċi nazzjonali u dawk privati. Biex l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw għażla ħielsa dwar jekk jipparteċipawx fi Sħubijiet, il-KESE jirreferi għall-opinjoni tiegħu li d-definizzjoni tas-Sħubijiet fil-proċeduri tal-Eurostat dwar id-dejn pubbliku għandha tiġi riveduta (12).

3.12

Il-KESE huwa preokkupat dwar il-limitazzjonijiet finanzjarji għall-proġetti TEN-T fil-livell Ewropew li jistgħu ma joffrux biżżejjed inċentivi biex l-Istati Membri jidħlu għal dawn il-proġetti. Għalhekk il-KESE jirreferi għall-opinjonijiet tiegħu li fihom jissuġġerixxi li għandhom jiġu mfittxa sorsi ġodda ta’ dħul pubbliku (13).

3.13

Fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2, filwaqt li t-trasport jikkostitwixxi biċċa sew (24 %) mill-produzzjoni tas-CO2 tal-UE, il-Kumitat jixtieq jindika li għandha tingħata attenzjoni speċjali lid-dimensjoni urbana tat-trasport. Il-bliet jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-popolazzjoni fl-UE u huma responsabbli għal kwart mill-emissjonijiet tas-CO2 tat-trasport, u l-piż tagħhom għadu qed jiżdied. Sabiex it-trasport isir aktar sostenibbli, jidher biċ-ċar li l-bliet iridu jassumu r-responsabbiltà tagħhom u għaldaqstant għandhom jiġu appoġġjati fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. Fl-UE, it-trasport tal-merkanzija fuq distanzi twal, min-naħa l-oħra, isseħħ l-aktar tul kurituri komodali importanti. Għandha tkun ta’ prijorità li dawn il-kurituri ta’ trasport isiru aktar effettivi u sostenibbli. Għandha titħeġġeġ organizzazzjoni aħjar tal-mobbiltà sabiex tiġi promossa mġiba kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli.

3.14

Minkejja l-fatt li l-UE għandha problemi ta’ finanzjament, li l-aċċettazzjoni lokali għal infrastruttura ġdida ħafna drabi hija baxxa, u minkejja l-impatt ambjentali ta’ dawn l-investimenti, xorta waħda tinħtieġ infrastruttura ġdida sabiex jissolvew in-nuqqasijiet u l-ostakli fin-netwerk eżistenti. L-Istati Membri l-ġodda, b’mod speċjali, għad għandhom ħafna minn dawn in-nuqqasijiet u ostakli.

3.15

Il-Kumitat huwa konvint li, apparti minn dan u sabiex titjieb il-komodalità, l-attivitajiet u l-flus għandhom b’mod ġenerali jkunu kkonċentrati fuq in-nodi tas-sistema tat-trasport bħalma huma l-pjattaformi tat-trasbord, peress li dawn qed isiru aktar u aktar ta’ ostakli u għalhekk jeħtieġu attenzjoni partikolari u għall-kurituri ta’ bejniethom. It-teknoloġija u s-sistemi tat-trasport intelliġenti jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira, b’mod speċjali fil-bliet. Waħda mill-isfidi hija li dawn jiġu implimentati u jiġu integrati fil-modi differenti tat-trasport.

3.16

Ir-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T se jkollha tqis ukoll punti ta’ konġestjoni u konnessjonijiet li ma jeżistux biex tinkoraġġixxi żvilupp tal-infrastruttura tat-trasport ibbilanċjat u sostenibbli fil-partijiet kollha tal-Unjoni, speċjalment f’dik tal-Lvant, fejn hemm nuqqas ta’ konnessjonijiet ta’ kwalità għolja tal-ferrovija u tat-triq, soluzzjonijiet komodali għal għadd ta’ ostakli importanti fil-konnessjonijiet u n-nodi għadhom meħtieġa.

3.17

Għalkemm il-Kumitat japprova l-idea tal-Kummissjoni ta’ strateġija ta’ netwerk ewlieni għall-kurituri transkonfinali l-aktar importanti kollha, huwa japprova wkoll li jitkomplew l-isforzi biex, fil-ġejjieni, il-finanzjament tal-UE jkun disponibbli għall-iżvilupp ta’ netwerk komprensiv, b’mod partikolari għall-Istati Membri eliġġibbli għall-Fond ta’ Koeżjoni, f’termini simili għal dawk fil-perspettiva finanzjarja attwali.

3.18

Din tikkonforma mal-idea li l-koeżjoni soċjali u ekonomika ma tistax tinkiseb mingħajr ma jinbnew l-elementi neqsin kollha tan-netwerk sħiħ tat-TEN-T u mingħajr ma jitjiebu b’mod sostenibbli l-elementi tan-netwerk eżistenti u dawk futuri li huma f’kundizzjoni ħażina.

3.19

Bil-ħsieb tas-sigurtà, il-Kumitat jixtieq jiġbed attenzjoni b’mod partikolari għat-titjib fid-disinn tal-infrastruttura fosthom il-mini.

3.20

Il-KESE huwa tal-fehma li għandha ssir iktar enfasi fuq it-trasparenza tal-eżekuzzjoni tal-proġetti tat-TEN-T, mhux biss matul il-konsultazzjonijiet jew l-għażla, iżda anke tul il-fażijiet meta tkun qed titwettaq il-ħidma. Filwaqt li jirrikonoxxi li r-responsabbiltà ewlenija f’dan ir-rigward taqa’ fuq il-gvernijiet nazzjonali, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun iktar miftuħa fid-djalogu tagħha mal-imsieħba nazzjonali u timponi standards ta’ trasparenza ogħla fl-eżekuzzjoni tal-proġetti billi l-pubbliku jingħata iktar informazzjoni dwar l-istat fiżiku u finanzjarju tal-proġetti individwali fuq bażi regolari.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumitat jemmen li l-iżvilupp sostenibbli tal-politika tat-trasport tal-UE jista’ jiġi appoġġjat b’mod sinifikanti permezz ta’ azzjoni ta’ strutturi ta’ djalogu soċjali u/ jew djalogu tal-partijiet interessati fl-istrutturi tal-kurituri tat-trasport trans-Ewropew li qed jaħdmu jew qed jinbnew. Il-KESE jappella biex dawn it-tipi ta’ strutturi jiġu attivati mill-ġdid.

4.2

Fil-qafas tat-TEN-T ġdid il-Kumitat jirrakkomanda li “trid tingħata attenzjoni speċjali lill-hekk imsejħa politika tal-viċinat, jiġifieri l-konnessjonijiet lejn it-Tramuntata, il-Lvant u n-Nofsinhar tal-UE, għalhekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq kollox fuq in-netwerk aktar milli fuq proġetti ta’ infrastruttura individwali”. Dan jippromovi wkoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

4.3

Fir-rigward tal-ippjanar tal-futur tat-TEN-T, il-Kumitat japprova fl-opinjoni tiegħu TEN-T: Eżami tal-politika  (14) l-approċċ tal-Kummissjoni kif imniżżel fil-Green Paper tagħha, ibbażat fuq il-prinċipju li kull mod tat-trasport għandu jintuża skont il-vantaġġi kumparattivi tiegħu fil-ktajjen tat-trasport komodali u li kull mod b’hekk ikollu rwol importanti fil-ksib tal-objettivi Komunitarji tat-tibdil fil-klima. L-objettiv irid jibqa’ li jkun hemm bidla lejn l-aktar katina tat-trasport li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.

4.4

F’dan ir-rigward il-Kumitat jixtieq ifakkar fil-kunċett ta’ Kurituri Ekoloġiċi li ġie introdott mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni tat-Trasport tal-Merkanzija fl-2007. Il-kunċett jimmira għall-ħolqien ta’ soluzzjonijiet loġistiċi komodali sostenibbli bi tnaqqis dokumentat tal-impatt ambjentali u klimatiku, livell għoli ta’ sigurtà u kwalità u effiċjenza kbira permezz ta’ pjattaformi ta’ dimostrazzjoni tul kurituri internazzjonali bi flussi kkonċentrati ta’ oġġetti. Il-Kumitat jixtieq jorbot dan il-kunċett mal-kurituri tan-netwerk komodali ta’ qofol li huma ta’ standard għoli tat-TEN-T, li jistgħu jkunu adatti għal dan l-iżvilupp f’kooperazzjoni bejn l-imsieħba pubbliċi u privati.

4.5

Il-Kummissjoni ddikjarat li s-sistema attwali għandha tinbidel b’mod radikali. L-Istati Membri l-ġodda ma jibbenefikawx mill-fondi tal-UE bl-istess mod bħall-Membri “il-qodma”. Biex jinħolqu kundizzjonijiet ġusti, iridu jiġu żviluppati modi ġodda ta’ finanzjament.

4.6

Il-Kumitat jiddubita kemm huma validi l-argumenti li użat il-Kummissjoni biex tiġġustifika dawn l-għażliet ta’ proġetti għall-iffinanzjar. Il-Kummissjoni tgħid li “dawn il-proġetti jgħinuna nħejju għall-prijoritajiet tat-trasport futuri: l-aktar billi jagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku, joħolqu konnessjoni bejn il-Lvant u l-Punent tal-Ewropa, u jipprovdu appoġġ għall-isħubijiet publiċi privati”. Għallinqas jistgħu jitqajmu mistoqsijiet dwar it-titjib tal-konnessjoni bejn il-Lvant u l-Punent, filwaqt li l-Kumitat irid jikkunsidra wkoll possibbiltajiet ta’ ffinanzjar oħra barra mis-Sħubijiet.

4.7

L-idea tal-Kummissjoni, bil-ħatra tal-Koordinaturi Ewropej, li tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali flimkien mal-iffukar fuq appoġġ fit-tul għall-maġġoranza tal-proġetti ta’ infrastrutturi kritiċi u l-implimentazzjoni ta’ aġenzija eżekuttiva kellhom jikkontribwixxu għal aktar trasparenza u suppost ikkontribwew b’mod pożittiv għall-iżvilupp tat-TEN-T. Iżda l-analiżi tal-Koordinaturi Ewropej, kif ukoll ir-riżultati tar-reviżjoni tal-portafoll multiannwali, ikkonfermaw li l-progress li nkiseb s’issa kien frammentat minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri.

4.8

Il-Kumitat jissuġġerixxi li, fuq il-bażi ta’ TEN-T definit mill-ġdid, l-hekk imsejħa “kuntratti tal-programm” għandhom jiġu ffirmati bejn l-UE u kull Stat Membru, u għandhom jiġu stabbiliti impenji reċiproċi dwar l-iffinanzjar u l-iskadenzi għat-tkomplija. Dawn il-kuntratti ta’ programm għandhom ikopru mhux biss l-infrastruttura li hija parti mit-TEN-T, iżda wkoll l-infrastruttura sekondarja li l-Istati jimpenjaw ruħhom li jlestu sabiex jiżguraw it-tħaddim tajjeb tan-newtwerks prinċipali u biex il-popolazzjoni jkollha servizz aħjar. Il-Kumitat jemmen li s-soċjetà ċivili għandha tipparteċipa fil-proċess tat-tħejjija ta’ “kuntratti tal-programm” bħal dawn biex itejbu l-effiċjenza tal-implimentazzjoni ulterjuri tal-proġetti maqbula.

4.9

Fir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Term tal-Proġett tal-Portafoll Map tat-TEN-T, 2007-2013, il-Kummissjoni kkonkludiet li mit-92 proġett inkluż fil-portafoll, 21 huma proġetti transkonfinali fejn il-mod tat-trasport li jirċievi l-aktar appoġġ huwa l-ferrovija, warajh hemm dak tal-passaġġi tal-ilma interni, filwaqt li l-Kummissjoni tikkonkludi fid-dokument tagħha “Il-Politika l-ġdida tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew” li b’mod ġenerali, il-proġetti għat-trasport bit-triq u bl-ajru, kif ukoll – iżda anqas minn hekk – dak bil-baħar, jidhru sejrin tajjeb meta mqabbla ma’ dawk bil-ferrovija u bil-passaġġi tal-ilma interni.

4.10

Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tiċċara x’qed jinftihem bil-kunċett ta’ sostenibbiltà. Sabiex tkun tista’ tiġġudika jekk proġett propost hux qed jissodisfa r-rekwiżiti ta’ “sostenibbiltà”, jeħtieġ li jkun ċar x’inhuwa l-kontenut ta’ dan il-kunċett, preferibbilment f’termini kwantitattivi.

4.11

B’din il-premessa, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li s-sostenibbiltà tinkludi – apparti mill-kontribut fundamentali lejn it-tkabbir ekonomiku – mhux biss il-miri ambjentali bħalma huma l-ħarsien tal-klima, it-tniġġis bl-istorbju u tal-arja, il-preżervazzjoni tar-riżorsi, iżda wkoll kwistjonijiet soċjali fil-qasam tat-trasport bħalma huma d-drittijiet tal-impjegati, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess affordabbli għat-trasport pubbliku inġenerali, iżda b’mod speċjali għall-persuni mdaħħla fiż-żmien u l-persuni b’diżabbiltà, b’kunsiderazzjoni tal-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà għall-faċilitajiet fiżiċi u għall-informazzjoni.

4.12

Il-Kumitat jixtieq jagħmilha ċara li huwa jappoġġja strateġija bbażata fuq l-innovazzjoni, l-inċentivi u l-infrastruttura (l-hekk imsejħa strateġija tat-3 “I”) bħala l-aktar mezz kosteffettiv biex jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli:

innovazzjoni: li jiġu żviluppati u implimentati aktar mis-sors miżuri tekniċi u prattiki operattivi għat-tnaqqis tal-impatt ambjentali tat-trasport.

inċentivi: li titħeġġeġ introduzzjoni rapida mill-modi kollha tat-trasport tal-aqwa teknoloġiji u prattiki disponibbli.

infrastruttura: li jkunu żgurati traffiku sigur mexxej u effiċjenza bl-użu ta’ infrastruttura eżistenti flimkien ma’ investiment adegwat f’infrastruttura ġdida għat-tneħħija ta’ ostakli u konnessjonijiet neqsin.

4.13

Il-KESE jinnota li mod wieħed kif jista’ jintlaħaq dan il-għan ta’ żvilupp sostenibbli tal-Unjoni Ewropea huwa approċċ integrat tan-netwerks trans-Ewropej (TENs). Il-KESE huwa konvint li approċċ integrat jista’ jħaffef l-implimentazzjoni tan-netwerks trans-Ewropej ippjanati u jnaqqas l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni assoċjati magħha, meta mqabbel mal-approċċ li ma jqisx l-effetti ta’ sinerġija possibbli bejn it-tipi differenti ta’ netwerks (15).

4.14

Il-Kumitat jikkunsidra li, meta wieħed iħares lejn il-kriżijiet ekonomiċi fl-Ewropa u l-baġit ristrett disponibbli għat-TEN-T, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-istrumenti finanzjarji differenti li jiffinanzjaw it-TEN-T kif ukoll li jinstabu sorsi finanzjarji ġodda u mekkaniżmi ta’ kreditu.

4.15

Il-Kumitat jappoġġja għalkollox l-approċċ tal-Kummissjoni ppreżentat fil-White Paper rigward koordinazzjoni akbar fil-livell Ewropew. Biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi stabbiliti għat-TEN-T, bir-restrizzjonijiet finanzjarji serji, ser ikun hemm bżonn ta’ koordinazzjoni adegwata tal-politika tal-infrastruttura Ewropea li tkun iktar integrata, ikkordinata fil-livell Ewropew, mill-ippjanar strateġiku sal-implimentazzjoni finali tal-proġetti finali.

4.16

Skont il-KESE, il-White Paper tressqet fl-aħjar żmien. Din għandha tippermetti l-formulazzjoni ta’ messaġġ politiku qawwi fil-kuntest tar-Reviżjoni li jmiss tal-Baġit tal-UE. Il-finanzjament futur tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE għandha tindirizza ambizzjonijiet realistiċi sabiex tinħoloq żona Ewropea unika tat-trasport fl-iktar perjodu ta’ żmien qasir possibbli.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 57-64 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi”) u ĠU C 132, 3.5.2011, p. 99-107 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ Żona Unika Ferrovjarja Ewropea”).

(2)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 59 - 66 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati”).

(3)  ĠU C 318, 23.12.2009, p.101.

(4)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 110.

(5)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 20.

(6)  ĠU C 277, 17.11.2009, p.25.

(7)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 41.

(8)  ĠU C 77, 31.3.2009, p.70.

(9)  ĠU C 317, 23.12.2009, p.80.

(10)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 218.

(11)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 23.

(12)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 59 – 66 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati”).

(13)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 57-64 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi”) u ĠU C 132, 3.5.2011, p. 99-107 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ Żona Unika Ferrovjarja Ewropea”).

(14)  ĠU C 318, 23.12.2009, p.101.

(15)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 25 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-taħlita enerġetika fit-trasport).


Top