EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0800

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur” COM(2010) 386 finali

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 91–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur”

COM(2010) 386 finali

2011/C 218/17

Relatur: is-Sur PÎRVULESCU

Nhar l-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur

COM(2010) 386 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Marzu 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-5 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’167 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Fid-dawl tal-fatt li l-effetti tal-kriżi ekonomika attwali għadhom qed jinħassu bis-sħiħ, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-periklu li qed jikber tar-radikalizzazzjoni, kemm fir-rigward tat-terroriżmu mqanqal mir-reliġjon u l-ideoloġija. Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali għandu jikkostitwixxi kriterju fundamentali ta’ valutazzjoni meta tkun qed tiġi ppjanata u implimentata l-politika kontra t-terroriżmu.

1.2   Il-KESE jirrakkomanda li jiġi analizzat mill-ġdid l-aspett tal-prevenzjoni, u għandha tiżdied dimensjoni ġdida fis-sors, bil-għan li tiżviluppa r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni u ssib tarf it-tensjonijiet fi stadju bikri. Din hija dimensjoni trasversali marbuta kemm mal-politika kontra t-terroriżmu kif ukoll ma’ politiki oħra tal-UE u tal-Istati Membri, pereżempju dawk fil-qasam taż-żgħażagħ, il-kultura, l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-ħajja politika u ċivika.

1.3   Il-KESE jirrakkomanda li fid-dokumenti uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tal-korpi speċjalizzati tintuża l-espressjoni “terroriżmu mqanqal mill-bigotterija, ir-razziżmu u l-ksenofobija” minflok “terroriżmu Iżlamiku”.

1.4   Il-KESE jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali jfasslu l-politiki tagħhom fuq il-bażi ta’ informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva disponibbli dwar id-dinamika tat-terroriżmu. Fid-dawl tal-varjetà tal-fenomenu, huwa żball li tiġi adottata politika waħda li tapplika għas-sitwazzjonijiet kollha, peress li din tkun għalja u ineffikaċi biex tiġi attwata. Barra minn hekk, għandu jiġi applikat il-prinċipju tal-proporzjonalità, sabiex ir-rispons, l-isforzi u l-ispejjeż ikunu adattati għall-iskala tat-theddid ta’ din ix-xorta.

1.5   Il-KESE jirrakkomanda li minbarra l-erba’ oqsma ta’ azzjoni (il-prevenzjoni, il-protezzjoni, il-persegwiment u r-rispons) u l-aspetti trasversali (ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, il-kooperazzjoni internazzjonali u s-sħubijiet mal-pajjiżi terzi, u l-finanzjament), id-dokumenti strateġiċi dwar il-politika tal-UE kontra t-terroriżmu għandhom iqisu wkoll it-tipi ta’ terroriżmu skont il-motivazzjoni u l-frekwenza (separatist, xellugi estrem jew anarkist, lemini estrem, marbut ma’ kawża partikolari u terroriżmu mqanqal mir-reliġjon). Din l-istruttura strateġika għandha tgħin lill-gvernijiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet ikkonċernati l-oħra jadattaw l-approċċ u l-istrumenti tagħhom għall-isfidi speċifiċi tat-tipi differenti ta’ terroriżmu.

1.6   Il-KESE jissuġġerixxi li l-istrateġija speċifika tal-UE għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ tat-terroristi u l-pjan ta’ azzjoni korrispondenti għandhom jinkludu miżuri konkreti bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni u għandhom jibnu fuq, fost oħrajn, il-ħidma tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

1.7   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet nazzjonali jivvalutaw bir-reqqa l-impatt ekonomiku tal-miżuri tas-sigurtà fuq l-attivitajiet tal-operaturi privati. Iwissi li l-iżvilupp ta’ teknoloġiji għaljin u l-proċeduri kkumplikati jista’ jkollhom effett negattiv fuq l-attivitajiet tal-operaturi ekonomiċi u taċ-ċittadini.

1.8   Il-KESE jwissi li l-użu illegali jew b’mod mhux adatt ta’ informazzjoni personali, li ta’ spiss hija delikata, assoċjat maż-żieda fis-setgħat tal-awtoritajiet, jista’ jwassal għal diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni ta’ persuni jew gruppi speċifiċi.

1.9   Sabiex tissaħħaħ il-kredibilità tal-politika kontra t-terroriżmu u l-importanza tal-problema tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, li saret fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2007 dwar l-użu allegat tal-pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasportazzjoni u ż-żamma illegali ta’ priġunieri, sabiex titwettaq valutazzjoni tal-leġislazzjoni kontra t-terroriżmu fil-livell tal-Istati Membri u ta’ proċeduri oħra li jistgħu jikkontribwixxu għal azzjonijiet ta’ dan it-tip.

1.10   Il-KESE jirrakkomanda li l-Unjoni Ewropea tippromovi b’iktar determinazzjoni mudell ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu, li jkun ibbażat fuq standards u proċeduri demokratiċi, f’pajjiżi fejn il-politika kontra t-terroriżmu tista’ tikkomprometti d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet fundamentali.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipprovdi l-elementi essenzjali ta’ valutazzjoni politika tal-istrateġija attwali tal-UE kontra t-terroriżmu, b’konformità mat-talba tal-Parlament Ewropew, u tirrappreżenta fażi preparatorja importanti fil-qafas tal-istrateġija usa’ tas-sigurtà interna.

2.2   Huwa partikolarment importanti li jiġu kkunsidrati l-kisbiet preċedenti u jsiru t-tħejjijiet għall-isfidi tal-ġejjieni fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u tal-adozzjoni ta’ programm ta’ ħidma multiannwali ġdid u pjan ta’ azzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà (il-“programm ta’ Stokkolma”). Għaldaqstant, valutazzjoni ta’ dan it-tip hija neċessarja. Il-Komunikazzjoni tissejjes fuq u tikkomplementa l-miżuri u l-inizjattivi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu identifikati fil-programm ta’ Stokkolma (1) u l-pjan ta’ azzjoni li jimplimenta dan il-programm (2), li jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet futuri tal-UE.

2.3   L-istrateġija adottata mill-UE fl-2005 kontra t-terroriżmu (3), li tibqa’ l-qafas ta’ referenza prinċipali għall-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam, hija bbażata fuq erba’ oqsma ta’ azzjoni: il-prevenzjoni, il-protezzjoni, il-persegwiment u r-rispons. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ssegwi din l-istruttura. Għal kull waħda minn dawn l-oqsma ta’ azzjoni, ġew enfasizzati għadd ta’ kisbiet importanti u ġew identifikati għadd ta’ sfidi għall-ġejjieni.

2.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-valutazzjoni integrata tal-politika tal-Unjoni Ewropea kontra t-terroriżmu u huwa tal-fehma li dan huwa pass importanti bil-għan li jkun hemm viżjoni bbilanċjata tat-theddid terroristiku u l-istrumenti għall-ġlieda kontrih.

2.5   Il-KESE jitlob li l-istrateġija riveduta kontra t-terroriżmu, l-istess bħall-istrateġija għas-sigurtà interna li tnediet reċentement, tistabbilixxi għanijiet u strumenti li permezz tagħhom jiġi evitat li l-elementi essenzjali tas-sigurtà tal-individwu jikkompromettu l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Dawn il-libertajiet u d-drittijiet jirrappreżentaw il-pedament tal-istat tad-dritt u tas-soċjetà demokratika u fl-ebda każ ma jistgħu jiġu sospiżi jew limitati.

2.6   Il-KESE diġà ħareġ żewġ opinjonijiet li indirizzaw b’mod dirett il-kwistjoni tal-politika kontra t-terroriżmu. Dawn iż-żewġ dokumenti ffukaw fuq il-prevenzjoni u, b’mod partikolari, fuq il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, u t-tnejn li huma taw ħarsa ġenerali lejn il-pożizzjoni tal-Kumitat. Din l-opinjoni għandha l-għan li teżamina u tifformula mill-ġdid dawn iż-żewġ dokumenti, b’mod li tikkontribwixxi għad-direzzjoni l-ġdida tal-politika kontra t-terroriżmu, fid-dawl tat-tendenzi ġodda f’dan il-qasam.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1   Il-kriżi ekonomika laqtet b’mod strutturali mhux biss l-ekonomiji Ewropej, iżda wkoll ir-relazzjonijiet soċjali, politiċi u kulturali fi ħdan l-Ewropa. Hija dgħajfet ir-rabtiet ta’ solidarjetà bejn iċ-ċittadini, il-gruppi u l-istituzzjonijiet politiċi. F’dan il-kuntest, it-telf ta’ fiduċja u l-intolleranza fil-konfront tal-minoranzi nfirxu bħal leħħa ta’ berqa, tant li dawn tal-aħħar kellhom jadottaw pożizzjoni difensiva.

3.2   Il-KESE huwa tal-fehma li l-politika tal-UE kontra t-terroriżmu tirrappreżenta qasam kumpless u delikat, li jitlob li l-esiġenza li jiġu garantiti s-sigurtà, l-iżvilupp teknoloġiku u l-istrumenti leġislattivi għandha dejjem tkun marbuta ma’ sistema soda għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

3.3   Fid-dawl tal-aspetti differenti tat-terroriżmu u l-kawżi fundamentali marbuta miegħu, il-KESE jirrakkomanda li l-politika tal-UE kontra t-terroriżmu tiġi kkompletata minn viżjoni ta’ integrazzjoni u kooperazzjoni politika li xxejjen kwalunkwe att terroristiku. Huwa importanti li fid-dibattitu dwar il-prevenzjoni, jissaħħu mill-aktar fis ċerti għanijiet, bħall-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u t-titjib tal-kwalità tal-impjiegi, b’mod partikolari fil-qafas tad-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.4   L-aħħar rapport tal-Europol jipprovdi informazzjoni importanti dwar id-dinamika tat-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea (4). Fl-2009, in-numru tal-attakki terroristiċi, kemm dawk li fallew jew twaqqfu milli jsiru kif ukoll dawk imwettqa, naqas. Meta mqabbel mal-2007, in-numru tal-attakki naqas bin-nofs, li jirrifletti biċ-ċar li n-numru qiegħed kulma jmur jonqos.

3.5   Inbidlu mhux biss l-impatt iżda saħansitra l-istruttura tal-attakki. Fl-2009, l-aktar tipi komuni kienu l-attakki separatisti (257), u mbagħad dawk imwettqa minn estremisti tax-xellug jew anarkisti (40), dawk minn estremisti leminija (4), u fl-aħħar nett, dawk marbuta ma’ kawżi partikolari (2). Tajjeb ngħidu li t-terroriżmu mqanqal mir-reliġjon, li huwa perċepit mill-pubbliku inġenerali bħala l-aktar tip komuni u perikoluż tat-terroriżmu, huwa fil-fatt l-aktar tip ta’ attakk rari, u kien hemm attakk wieħed ta’ dan it-tip fl-2009 (fl-Italja).

3.6   Il-KESE jiddispjaċih għat-telfa ta’ ħajjiet u d-danni materjali kkawżati mill-attivitajiet terroristiċi. Madankollu, il-fatt li n-numru tal-atti terroristiċi qed jonqos juri li t-terroriżmu jista’ jitrażżan permezz ta’ taħlita intelliġenti u għaqlija ta’ politiki u miżuri. Il-politiki kontra t-terroriżmu għandhom jindirizzaw dan il-fenomenu fid-dawl taż-żona ta’ fejn isir, il-motivazzjoni, it-tip u l-kawżi marbuta miegħu.

3.7   Fid-dawl tad-differenzi sostanzjali bejn il-perċezzjoni pubblika tat-terroriżmu u s-sitwazzjoni fil-prattika, il-KESE jitlob lill-gvernijiet u lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu sehemhom biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-kawżi, id-dimensjonijiet u l-effetti tiegħu. Iwiddeb kontra r-riskju ta’ informazzjoni inkorretta u inkompleta dwar il-fenomenu u jenfasizza wkoll il-periklu li t-theddida terroristika tinbidel f’argument favur l-esklużjoni soċjali, l-intolleranza u d-diskriminazzjoni. Peress li l-għan tat-terroriżmu huwa li jxerred il-biża’; jekk nesaġeraw it-theddid terroristiku, inkunu qegħdin naqdu l-interessi ta’ dawk li jistgħu jwettqu azzjonijiet ta’ din ix-xorta. Min-naħa l-oħra, hemm bżonn li tiġi evitata t-tendenza li jiġi żviluppat “suq tat-terroriżmu” li jiġġustifika l-interess speċjali tal-partijiet ekonomiċi u istituzzjonali differenti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid terroristiku.

3.8   Hemm dinamika interessanti fir-rigward tal-persegwiment u l-kastigi marbuta ma’ reati terroristiċi. Il-biċċa l-kbira tal-arresti saru fuq il-bażi li l-persuni suspettati huma membri ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi, u mhux minħabba reati marbuta direttament mat-tħejjija jew it-twettiq tal-attakki terroristiċi. Dan juri li l-awtoritajiet nazzjonali qed jirnexxilhom iwaqqfu t-tħejjija jew it-twettiq ta’ attakki terroristiċi f’fażi bikrija.

3.9   L-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija f’dan il-qasam, u b’mod partikolari fil-qasam tas-sorveljanza, il-ġbir u l-ħżin tad-data, għandhom jiġu adattati skont il-gravità tat-theddid. Il-politika kontra t-terroriżmu m’għandhiex tiġi trasformata f’intrużjoni fil-ħajja privata taċ-ċittadini, għaliex tista’ tinkoraġġixxi pjuttost milli trażżan sens ġenerali ta’ insigurtà, u tista’ tnaqqar mill-fiduċja fil-konfront tal-azzjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE.

3.10   Il-KESE huwa tal-fehma li s-soċjetà ċivili Ewropea għandha rwol importanti x’taqdi fit-trażżin tat-theddid terroristiku. Ikun tajjeb li, anke jekk hija diversifikata ħafna mil-lat ta’ valuri, modi ta’ organizzazzjoni u mezzi promossi ta’ azzjonijiet, is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta fid-dimensjonijiet kollha tal-politika kontra t-terroriżmu, u b’mod partikolari fil-fażi tal-prevenzjoni. Bl-istess mod, is-soċjetà ċivili tista’ taqdi rwol fit-tħejjija ta’ mudell għall-komunikazzjoni, il-kooperazzjoni u s-solidarjetà li għandu jiġi qabel il-prevenzjoni fil-veru sens tal-kelma, jiġifieri l-fażi meta l-individwi diġà huma lesti jwettqu azzjonijiet terroristiċi (5).Il-KESE jaħseb li l-aktar mod effikaċi biex jiġi miġġieled it-terroriżmu huwa li jiġu indirizzati l-kawżi pjuttosti milli l-effetti.

3.11   Il-KESE huwa tal-fehma li s-soċjetà ċivili Ewropea tista’ sservi ta’ pont bejn iċ-ċittadini, il-gvernijiet nazzjonali u lokali u l-komunitajiet u l-gruppi li jistgħu jiġu involuti f’azzjonijiet terroristiċi. Tista’ taqdi rwol partikulari, li jikkomplementa l-interventi pubbliċi, waqt li tibbaża fuq strumenti u programmi speċifiċi, pereżempju l-medjazzjoni jew l-edukazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

Il-kisbiet u l-isfidi ewlenin tal-UE għall-ġejjieni

4.1   Prevenzjoni

4.1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, dan l-aħħar, l-istrateġija ħadet direzzjoni ġdida favur il-prevenzjoni. Fil-qafas tal-programm ta’ Stokkolma, dan il-qasam ta’ azzjoni ser jissaħħaħ fil-ħames snin li ġejjin, u ser tiġi indirizzata r-riċerka fil-qasam tas-sigurtà, kif ukoll l-aspetti politiċi u dawk marbuta mas-soċjetà. Huwa tal-fehma wkoll li huwa għaqli li l-problema tal-użu tal-internet għal skopijiet terroristiċi – għall-komunikazzjoni, il-finanzjament, it-taħriġ, ir-reklutaġġ u l-propaganda – qed tiġi trattata bħala prijorità. Madankollu, is-sorveljanza ta’ dawn l-iskambji fuq l-internet m’għandhiex tiżviluppa fi strument li jista’ jkollu impatt fuq il-ħajja privata taċ-ċittadini.

4.1.2   Il-KESE appoġġa l-inizjattiva li titħejja strateġija speċifika tal-UE għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu (6), li għandha tliet għanijiet: li xxekkel l-attivitajiet tan-netwerks u l-individwi li jiġbdu lejhom rekluti ġodda bil-għan li jissieħbu fi gruppi terroristiċi; li tiżgura li l-fehma tal-maġġoranza tegħleb il-fehmiet estremisti u li tippromovi d-demokrazija, is-sigurtà, il-ġustizzja, id-demokrazija u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Il-KESE jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-valutazzjonijiet intermedjarji tal-implimentazzjoni tal-istrateġija u huwa lest li jgħin biex jaġġusta l-istrateġija fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati. Josserva però li l-aħħar pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu ma jinkludi l-ebda inizjattiva fis-sezzjoni dwar l-indirizzar tal-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni, jinsabu fejn jinsabu fl-UE u l-promozzjoni tal-integrazzjoni fit-tul meta dan ikun meħtieġ (7).

4.1.3   Għalkemm il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni mogħtija lill-prevenzjoni, jenfasizza li din ma tippermettix li l-kawżi tat-terroriżmu jiġu indirizzati b’mod adegwat. Bħalma diġà osserva l-Kumitat, “wieħed jista” jispjega għadd ta’ atti terroristiċi bħala r-riżultat tal-proċess ta’ aljenazzjoni, radikalizzazzjoni u reklutaġġ, aggravat mill-inugwaljanzi orizzontali bejn gruppi ta’ nies li jgħixu fl-istess art, minn fenomeni bħall-esklużjoni u d-diskriminazzjoni (soċjali, politika u ekonomika)’ (8). Jipproponi wkoll li jissaħħaħ id-djalogu bil-għan li jiġu identifikati t-tweġibiet politiċi għall-iżvilupp tat-terroriżmu, li għandhom jikkunsidraw mill-ġdid ir-relazzjonijiet politiċi, istituzzjonali, soċjali u ekonomiċi fil-livell tal-Istati Membri u jkollhom l-għan jikkalmaw b’mod effettiv it-tensjonijiet li għandhom l-għeruq tagħhom fl-istorja.

4.1.4   Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, fl-2008, waqqfet Netwerk Ewropew tal-Esperti fil-qasam tar-Radikalizzazzjoni, għax jemmen li kontribut istituzzjonali li jqis in-natura speċifika ta’ kull soċjetà u ta’ kull tip ta’ att terroristiku jista’ jgħin biex jaġġusta l-politiki tal-UE u tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

4.1.5   Fid-dawl tal-fatt li l-biċċa l-kbira tal-atti terroristiċi li jsiru fl-Unjoni Ewropea huma kaġun ta’ kwistjonijiet storiċi jew marbuta mas-separatiżmu, il-KESE huwa tal-fehma li l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala l-korp tal-UE li jlaqqa’ flimkien ir-rappreżentanti lokali u reġjonali, għandu jiġi involut aktar mill-qrib fid-dibattitu Ewropew, u jistqarr li huwa ħerqan ħafna li jkollu djalogu miegħu.

4.1.6   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta komunikazzjoni dwar il-prattiki tajba tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ tat-terroristi. Il-Kumitat jirrakkomanda li f’din il-komunikazzjoni futura, il-Kummissjoni tqis il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet fl-opinjoni tal-Kumitat dwar “Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq” (9). Il-prattiki tajba identifikati ser jgħinu lill-partijiet ikkonċernati kollha jifhmu aħjar it-tipi differenti tat-terroriżmu, ikklassifikati skont il-motivazzjoni u l-frekwenza tagħhom. Dan ser jirrappreżenta pass ’il quddiem fit-tfassil ta’ politiki speċifiċi għal kull Stat Membru u kull tip ta’ theddida terroristika.

4.2   Protezzjoni

4.2.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, il-komunità xjentifika u s-settur privat biex jipproteġu ħajjet iċ-ċittadini u l-integrità tal-infrastrutturi. Dan il-qasam ta’ azzjoni, li jħaddan attivitajiet bħall-valutazzjoni tat-theddid fil-livell tal-UE, is-sigurtà tal-katina tal-provvista, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, is-sigurtà tat-trasport u l-kontroll tal-fruntieri, kif ukoll ir-riċerka fil-qasam tas-sigurtà, huwa l-aktar wieħed kumpless u għali. Madankollu, l-iżvilupp tas-sistemi ta’ protezzjoni għandu jirrifletti l-gravità tat-theddid u jkun adattat għat-tipi differenti tat-terroriżmu.

4.2.2   Is-sigurtà tat-trasport fit-territorju tal-Istati Membri hija qasam ewlieni. Is-suq intern jissejjes fuq il-moviment liberu tal-beni, il-kapital, is-servizzi u l-persuni. Il-mobbiltà taċ-ċittadini tal-pajjiżi membri, fi ħdan u barra l-fruntieri tagħhom, hija element importanti tal-ekonomiji u l-istili ta’ ħajja tal-Ewropej. Din il-mobbiltà tiffaċilita l-għarfien reċiproku, il-komunikazzjoni u t-tolleranza. Il-KESE huwa tal-fehma li s-sigurtà tat-trasport, fl-aspetti kollha tiegħu, jitlob attenzjoni konsiderevoli mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali.

4.2.3   Il-KESE jieħu nota tal-isforzi li qed tagħmel il-komunità xjentifika fil-qasam tas-sigurtà biex tiżviluppa t-teknoloġiji li jipproteġu l-integrità tal-persuni u tal-infrastrutturi. Iżda, din il-komunità għandha tkun konxja tal-impatt potenzjali tat-teknoloġija fuq il-ħajja u l-privatezza tal-persuni, u għandha tiggarantixxi li t-teknoloġija ma tintużax b’mod abbużiv jew b’mod li jagħmel ħsara lid-dinjità u d-drittijiet tal-persuni.

4.2.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li s-settur privat (pereżempju l-industriji tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-industriji kimiċi) jikkoopera fil-ġlieda kontra t-theddid terroristiku. Jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll li l-operaturi privati tat-trasport huma miftuħa għal miżuri msaħħa tas-sigurtà, li l-applikazzjoni tagħhom tista’ twassal għal telf ekonomiku. F’dan ir-rigward, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet nazzjonali jivvalutaw bir-reqqa l-impatt ekonomiku tal-miżuri tas-sigurtà fuq l-attivitajiet tal-operaturi privati. Iwissi li l-iżvilupp ta’ teknoloġiji għaljin u l-proċeduri kkumplikati jista’ jkollhom effett negattiv fuq l-attivitajiet tal-operaturi ekonomiċi u taċ-ċittadini.

4.2.5   Fid-dawl tal-fatt li fl-Ewropa ħafna attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tat-trasport tal-persuni jsiru bil-kooperazzjoni ta’ operaturi privati, dawn l-operaturi għandhom jiġu inklużi fil-programmi ta’ taħriġ u informazzjoni sabiex il-proċeduri tas-sigurtà ma jipperikolawx is-sigurtà u d-dinjità tal-passiġġieri.

4.3   Persegwiment

4.3.1   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħħar żviluppi dwar dan il-qasam ta’ azzjoni, li jkopri l-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni, il-miżuri bil-għan li jimpedixxu ċ-ċaqliq u l-attivitajiet tat-terroristi, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. F’dan il-qasam ta’ azzjoni, il-partijiet ikkonċernati kollha jistgħu jagħtu xhieda tal-viżjoni tagħhom billi jsawru t-tweġiba tagħhom skont it-tip tat-theddid terroristiku.

4.3.2   Il-Kumitat huwa tal-fehma li s-suċċess tal-ġlieda kontra t-theddid terroristiku jiddependi wkoll mill-kooperazzjoni bilaterali bejn l-awtoritajiet nazzjonali u bejn dawn l-awtoritajiet u l-aġenziji speċjalizzati Ewropej. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni għall-kwistjoni delikata tal-ġbir u l-użu tal-informazzjoni ta’ natura privata. Il-protezzjoni tad-dritt għal ħajja privata għandha tkun preokkupazzjoni kostanti fil-kuntest tal-isforzi li jsiru fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) osserva li l-użu illegali jew b’mod mhux adatt ta’ informazzjoni personali, li ta’ spiss hija delikata, assoċjat maż-żieda fis-setgħat tal-awtoritajiet jista’ jwassal għal diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni ta’ persuni jew gruppi speċifiċi (10).

4.3.3   Wieħed mill-komponenti importanti tal-politika kontra t-terroriżmu huwa li jiġi limitat l-aċċess tat-terroristi għall-finanzjament. Il-Kumitat josserva li l-leġislazzjoni tal-UE dwar il-proċeduri marbuta mal-elenkar ta’ ċittadini fuq il-lista tal-persuni u l-entitajiet relatati mat-terroriżmu ġiet emendata b’mod li tirrispetta d-drittijiet fundamentali. Il-KESE huwa tal-fehma li l-proċeduri ta’ sanzjonijiet individwali u dawk marbuta mal-iffriżar tal-assi għandhom ikunu adegwati, ċari u trasparenti. Il-persuni suspettati għandhom ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom u jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet.

4.3.4   Il-Kumitat jaqbel li t-trasparenza, il-governanza tajba u r-responsabbiltà huma essenzjali għall-NGOs. Proċeduri volontarji fil-livell Ewropew jistgħu jkunu utli iżda m’għandhomx iwasslu għall-ħolqien ta’ sensiela ġdida ta’ regoli li, waqt li jintroduċu ostakoli regolamentarji jew finanzjarji irrealistiċi, jikkontradixxu l-leġislazzjoni tal-Istati Membri u jistgħu jikkompromettu l-kapaċitajiet tas-settur jew l-impenn taċ-ċittadini li jaħdmu favur il-benefiċjarji tal-attivitajiet tagħhom. Il-Kumitat huwa lest li jikkoopera biex jinstabu s-soluzzjonijiet bil-għan li tiġi stabbilita strateġija komuni tal-politika kontra t-terroriżmu u fl-interess tad-dritt u x-xewqa taċ-ċittadini li jorganizzaw ruħhom f’assoċjazzjonijiet indipendenti, libertà fundamentali li għandha tiġi rispettata.

4.4   Rispons

4.4.1   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħħar żviluppi f’dan il-qasam ta’ azzjoni, li jkopri l-kapaċità tal-popolazzjoni ċivili li tirreaġixxi għall-konsegwenzi ta’ attentat terroristiku, is-sistemi ta’ twissija bikrija, il-ġestjoni ġenerali tal-kriżiijiet u l-għajnuna lill-vittmi tat-terroriżmu. Il-KESE huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu, bil-għan li jipproteġu b’mod effikaċi l-ħajja u s-sigurtà tal-persuni f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

4.4.2   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li saru biex jillimitaw l-aċċess għall-materjal kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (KBRN) li jista’ jintuża għal finijiet ta’ terroriżmu. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam tal-KBRN, li jikkonsisti f’130 azzjoni speċifika fl-oqsma tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni u r-reazzjoni f’każ ta’ inċidenti li jinvolvu dan it-tip ta’ materjal, għandha tingħata prijorità, iżda fl-istess ħin għandhom jiġu kkunsidrati l-effetti potenzjali tal-miżuri proposti fuq is-settur ekonomiku kkonċernat. Ikun tajjeb li jsiru konsultazzjonijiet estiżi mar-rappreżentanti ta’ dan is-settur.

4.4.3   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna lill-vittmi tat-terroriżmu, billi ddedikat madwar EUR 5 miljun biex jiġu megħjuna l-vittmi tat-terroriżmu u appoġġjat netwerk li jħaddan l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn il-vittmi. Huwa tal-fehma li dan l-appoġġ għandu jitkompla u jittejjeb.

Kwistjonijiet orizzontali

4.5   Rispett tad-drittijiet fundamentali

4.5.1   Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-fatt li r-rispett tad-drittijiet fundamentali ġie indirizzat bħala prijorità orizzontali. Iżda, l-impenn tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali għandu jimxi id f’id ma’ impenn simili min-naħa tal-gvernijiet nazzjonali. Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali m’għandhiex tkun ristretta għall-fażi tal-ħolqien u t-tħejjija tal-istrumenti, iżda għandha tkopri wkoll l-implimentazzjoni tagħhom.

4.5.2   Is-sistema Ewropea tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija soda mil-lat ġuridiku u din ir-realtà għandha tkun riflessa aħjar fil-komunikazzjonijiet u l-azzjonijiet tal-Kummissjoni. Huwa importanti li l-gvernijiet nazzjonali jużaw l-istrumenti speċifiċi b’aktar determinazzjoni. L-impenji fil-livell politiku jridu jiġu riflessi fl-azzjonijiet tagħhom. Il-prattiki li jittolleraw jew jorganizzaw it-tortura fuq it-territorju tal-Istati Membri għandhom jiġu sanzjonati u eliminati b’mod definittiv. Hemm bżonn li jiġi rispettat il-prinċipju tan-non-refoulement. Il-prattiki diskriminatorji espressament identifikati u sanzjonati mil-leġislazzjoni internazzjonali, Ewropea u nazzjonali għandhom jiġu persegwitati u miġġielda.

4.5.3   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tidentifika l-aktar mekkaniżmi rapidi ta’ segwitu u tat-teħid tad-deċiżjonijiet relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali, fil-kuntest tal-politika kontra t-terroriżmu. Għal dan il-għan, huwa possibbli li jintuża iżjed il-potenzjal tas-soċjetà ċivili Ewropea, li fil-prinċipju taħdem biex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini.

4.6   Kooperazzjoni internazzjonali u sħubijiet mal-pajjiżi terzi

4.6.1   It-terroriżmu, partikolarment dak imqanqal mir-reliġjon, għandu dimensjoni internazzjonali importanti. L-Unjoni Ewropea għandha tikkoopera mal-pajjiżi terzi biex trażżan it-theddid terroristiku, minkejja li, kif diskuss hawn fuq, m’għadhiex il-mira preferuta ta’ dan it-tip ta’ theddid.

4.6.2   L-Unjoni Ewropea, b’kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi, għandha tippromovi proċeduri u standards demokratiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Fl-Unjoni Ewropea, insibu firxa wiesgħa ta’ sistemi li jiggarantixxu u jippromovu b’mod ġenwin id-drittijiet tal-bniedem. Iżda, f’għadd ġmielu ta’ pajjiżi terzi, il-politika kontra t-terroriżmu hija fil-periklu li tkun żvijata u tagħmel ħsara lill-kwalità tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet fundamentali.

4.7   Finanzjament

4.7.1   Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-programm “Is-sigurtà u s-salvagwardja tal-libertajiet”, li jħaddan il-programm speċifiku għall-prevenzjoni, il-preparazzjoni u l-ġestjoni tal-konsegwenzi fil-qasam tat-terroriżmu. Il-kwota tal-ispejjeż għal kull wieħed mill-erba’ setturi mfissra fi ħdan l-istrateġija (prevenzjoni, protezzjoni, persegwiment u rispons) għandha tiġi bbilanċjata mill-ġdid u l-impenn politiku favur il-prevenzjoni għandu jkun akkumpanjat minn riżorsi baġitarji korrispondenti. Barra minn hekk hemm bżonn li tingħata aktar attenzjoni lir-relazzjonijiet bejn il-pubbliku u l-privat fil-ġlieda kontra t-theddid terroristiku. Il-KESE jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-valutazzjonijiet intermedji ta’ dan il-programm u jittama li kien faċli li jiġu akkwistati l-fondi disponibbli u li l-użu tagħhom wassal għar-riżultati mixtieqa.

5.   Inħarsu ’l quddiem

5.1   Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, nistgħu napprofondixxu l-koordinazzjoni bejn il-politiki tal-Istati Membri, anke fil-qasam tal-politika kontra t-terroriżmu. Permezz ta’ dan l-istess Trattat, ġew estiżi r-responsabbiltajiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Għalhekk huwa possibbli li titħejja politika kontra t-terroriżmu li fil-fażijiet kollha tagħha, inkluża dik tal-implimentazzjoni, tipprevedi li fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jiġu applikati l-aktar standards u proċeduri avvanzati. Il-Kumitat huwa tal-fehma li din il-politika għandha tiġi adattata skont l-iżviluppi konkreti marbuta mat-terroriżmu, iżda l-enfasi għandha ssir fuq il-prevenzjoni, fis-sens wiesa’ tal-kunċett, jiġifieri li l-kawżi politiċi u ekonomiċi tat-terroriżmu kif ukoll dawk relatati mas-soċjetà jiġu indirizzati direttament.

Brussell, 5 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(2)  COM(2010) 171 finali, 20.4.2010.

(3)  Dok. Nru 14469/4/05, 30.11.2005.

(4)  Ir-rapport tal-Europol tal-2010 “TE-SAT 2010 – EU terrorism situation and trend report” (rapport dwar is-sitwazzjoni u t-tendenzi tat-terroriżmu fl-Ewropa – mhux disponibbli bil-Malti) huwa disponibbli bl-Ingliż onlajn: http://www.europol.europa.eu/publications/EU_Terrorism_Situation_and_Trend_Report_TE-SAT/Tesat2010.pdf.

(5)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80.

(6)  L-istrateġija tal-UE kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu ġiet riveduta f’Novembru 2008 (CS/2008/15175).

(7)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea, EU Action Plan on combating terrorism (Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu), 17 ta’ Jannar 2011 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 61.

(9)  L-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq” adottata fit-23.10.2008, ĠU C 100, 30.4.2009, p. 100.

(10)  Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika kontra t-terroriżmu tal-UE (2010) - Counter-Terrorism Policy and Data Protection (Politika kontra t-terroriżmu u protezzjoni tad-data), kontribut mis-Sur Giovanni Buttarelli matul is-seduta organizzata mill-KESE fid-9 ta’ Frar 2011.


Top