Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0791

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “White Paper dwar l-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni” COM(2010) 370 finali

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 61–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/61


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“White Paper dwar l-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni”

COM(2010) 370 finali

2011/C 218/10

Relatur: is-Sur WUERMELING

Nhar it-12 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-White Paper dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni

COM(2010) 370 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (sessjoni tal-5 ta’ Mejju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’148 vot favur, 7 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni. Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipproponi miżuri għall-ħarsien tad-detenturi ta’ polza tal-assigurazzjoni fi ħdan l-UE.

1.2   Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tintroduċi regoli armonizzati għall-iskemi ta’ garanzija. Huwa jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprevedi direttiva Ewropea b’livell għoli ta’ protezzjoni fil-forma ta’ armonizzazzjoni minima, sabiex is-sistemi nazzjonali jipprovdu wkoll aktar protezzjoni fil-qasam. L-iskema ta’ garanzija għandha tintuża biss meta jkun falla kull tentattiv ieħor (“last resort”), wara li jkunu ntużaw b’mod sħiħ l-istrumenti prudenzjali l-oħra.

1.3   Iżda, għandna nżommu quddiem għajnejna l-fatt li, matul dawn l-aħħar snin, kien hemm titjib konsiderevoli fid-dispożizzjonijiet marbuta mas-solvenza tal-kumpaniji tal-asigurazzjoni b’konsegwenza tas-superviżjoni u r-rekwiżiti kapitali. Fil-prattika, ir-rata ta’ falliment tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni hija baxxa u dawn il-miżuri għandhom ikomplu jnaqqsuha. Dan kollu għandu jiġi kkunsidrat meta jkunu qed jitfasslu l-iskemi ta’ garanzija bil-għan li jinsab bilanċ bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji. Għalhekk, il-KESE huwa favur ir-rekwiżiti tal-UE li, min-naħa, jilħqu l-għan li jitħarsu l-konsumaturi u l-impjegati u, min-naħa l-oħra, iżommu l-ispejjeż tal-impriżi u l-persuni assigurati baxxi.

1.4   Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha raġun tindirizza l-kwistjoni ta’ kopertura illimitata għall-iskemi ta’ garanzija fil-White Paper. Kumpaniji tal-assigurazzjoni sodi m’għandhomx isibu ruħhom f’sitwazzjoni diffiċli minħabba obbligi ta’ garanzija illimitati. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, fil-White Paper, il-Kummissjoni tikkunsidra limiti fuq il-pretensjonijiet (claims).

1.5   F’każ ta’ inizjattiva leġislattiva, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-kwistjoni ta’ f’liema mument tista’ tiġi applikata l-iskema ta’ garanzija. Madankollu, qabel ma tintuża l-iskema ta’ garanzija, għandhom jiġu sfruttati b’mod sħiħ l-interventi prudenzjali kollha possibbli. Is-sempliċi tnaqqis tar-rekwiżit kapitali minimu (minimum capital requirement) skont id-Direttiva Solvenza II mhux biżżejjed f’dan ir-rigward.

1.6   Rigward il-kwistjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji għall-iskemi ta’ garanzija, il-KESE jirrakkomanda li jiġu eżaminati mill-ġdid id-diversi għażliet fuq il-bażi tar-riżultati tal-ħames studju ta’ impatt kwantitattiv (QIS5) tad-Direttiva Solvenza II. Ikun għaqli li jiġi stabbilit livell speċifiku ta’ protezzjoni fil-livell tal-UE, iżda l-allokazzjoni speċifika għandha tiġi stabbilita skont ir-riskju nazzjonali rispettiv u r-riskju ta’ kull fergħa.

1.7   Rigward l-iskemi attwali ta’ garanzija fil-livell nazzjonali, il-leġislazzjoni Ewropea għandha tagħmel provvediment għal standard għoli u adegwat ta’ protezzjoni. Il-kwistjonijiet organizzattivi, imbagħad, jistgħu jitħallew f’idejn l-Istati Membri, pereżempju, fir-rigward tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet fid-dettall, il-mument li fih isir il-finanzjament, id-deċiżjoni dwar it-trasferiment tal-portafolli jew l-għoti ta’ kumpens u l-introduzzjoni ta’ skemi ta’ garanzija speċifiċi għal kull fergħa.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jkopru r-riskji bażiċi tad-detenturi, bħall-mard, l-inċidenti jew ir-responsabbiltà ċivili, u jipprovdu għall-ħtiġijiet tagħhom meta jkunu mdaħħlin fl-età (1). Il-falliment ta’ kumpanija tal-assigurazzjoni jista’ jwassal għal telf irreparabbli fl-assi kollha tad-detenturi jew f’parti minnhom, u jista’ saħansitra jfaqqarhom.

2.1.1   Il-kwistjoni tal-ħtieġa ta’ skema ta’ garanzija toħroġ fid-dieher b’modi differenti fid-diversi fergħat tal-assigurazzjoni. Filwaqt li fil-każ tal-assigurazzjoni tal-ħajja, ta’ spiss ikun hemm il-periklu li jintilef il-kapital imġemma’, dan mhuwiex il-każ għall-assigurazzjoni mhux tal-ħajja.

2.1.2   L-assigurazzjoni tal-ħajja bbażata fuq l-akkumulazzjoni tal-kapital għandha l-għan li tipprovdi kopertura fit-tul għan-nies imdaħħla fl-età jew għas-superstiti. Jekk tintilef u ma jkun hemm l-ebda protezzjoni kontra l-insolvenza, parti sostanzjali mill-provvediment personali tintilef. Is-sistemi soċjali tal-Istat ikollhom jintervjenu f’każ ta’ emerġenza. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta’ skema ta’ garanzija hija l-aktar urġenti f’dan il-qasam.

2.1.3   Fil-każ tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja u tar-responsabbiltà ċivili għandhom jiġu protetti d-detenturi ta’ polza li, fil-mument tal-insolvenza, ikunu għamlu pretensjonijiet li għad iridu jitħallsu. Iżda għad-detenturi l-oħra ta’ polza ma jkunx hemm il-problema li polza ġdida minn kumpanija tal-assigurazzjoni oħra tingħata taħt kundizzjonijiet inqas vantaġġużi minħabba li d-detentur ikun ixjeħ jew saħħtu marret lura. B’mod ġenerali, polza ġdida tista’ tinkiseb fis-suq taħt kundizzjonijiet simili.

2.2   Skont id-data tal-Kummissjoni, minn fost 5 200 kumpanija tal-assigurazzjoni (ċifri tal-2008), mill-1994 ’l hawn kien hemm 130 li ma setgħux jagħmlu l-ħlasijiet. Iżda ta’ min josserva f’dan ir-rigward li l-kumpaniji huma obbligati bil-liġi li jżommu livell adegwat ta’ kapital proprju biex jissodisfaw, kompletament jew għall-inqas parzjalment, il-pretensjonijiet tad-detenturi f’każi bħal dawn.

2.3   Għalhekk, s’issa, ma kienx hemm bżonn li jiġu introdotti skemi ta’ garanzija fil-livell Ewropew għal dawk il-każi rari ta’ insolvenza tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Il-Kummissjoni bdiet tħejji direttiva fl-2001, iżda l-pjan kien pospost. Minkejja li l-iskemi kollettivi ta’ garanzija mhumiex in-norma fl-ekonomiji tas-suq, ġew introdotti kemm-il darba fis-settur finanzjarju minħabba r-riskji speċjali għall-konsumaturi.

2.4   Fis-settur bankarju, ilha teżisti skema ta’ garanzija tad-depożiti fil-livell Ewropew mill-1994 ’l hawn minħabba r-riskju ta’ “paniku bankarju” li jista’ jiddestabbilizza bil-kbir is-swieq finanzjarji (2). Attwalment, din l-iskema qed tiġi aġġornata (3). Madankollu, is-settur tal-assigurazzjoni huwa espost għal riskji differenti mill-banek. B’mod partikolari, is-settur tal-assigurazzjoni la jiffaċċja r-risku ta’ “paniku” u lanqas ma jeħtieġ rifinanzjament. Għalhekk, skema ta’ garanzija effettiva għas-settur tal-assigurazzjoni għandha tkun organizzata b’mod strutturalment differenti minn skemi maħsuba għas-settur bankarju.

2.5   Sabiex jipproteġi d-detenturi milli jitilfu l-pretensjonijiet tagħhom, il-leġislatur adotta prekawzjonijiet estensivi fis-settur tal-assigurazzjoni: superviżjoni komprensiva u proattiva, rekwiżiti kapitali stretti, liġijiet stretti dwar l-investiment tal-kapital u l-protezzjoni tad-drittijiet fil-qafas tal-liġi dwar il-falliment. L-implimentazzjoni tad-Direttiva Solvenza II ser tkompli tnaqqas ir-riskju ta’ diffikultajiet finanzjarji għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni (4).

2.6   Ir-riskji tal-assigurazzjoni diretta jiġu assigurati wkoll b’mod speċjali mir-riassigurazzjonijiet, u dan ikompli jnaqqas ir-riskju ta’ falliment. Permezz tal-ġbir u d-diversifikazzjoni ta’ bosta riskji fil-qafas tar-riassigurazzjoni tinħoloq għaqda aktar b’saħħitha bejn il-kumpaniji tal-assigurazzjoni li tipproteġi aktar lill-konsumaturi.

2.7   Ta’ min jgħid ukoll li, fid-dawl tal-kriżi tas-suq finanzjarju, l-UE sejset is-superviżjoni finanzjarja fuq bażi totalment ġdida, fil-livell Ewropew. Rigward is-settur tal-assigurazzjoni, dan jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ “Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol” (AEAPX).

2.8   Is-settur tal-assigurazzjoni baqa’ fil-biċċa l-kbira stabbli matul il-kriżi finanzjarja. Ma kienx hu li kkawżaha (5), iżda ntlaqat mill-konsegwenzi tagħha. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni Ewropej kellhom jagħmlu għadd ta’ deprezzamenti tal-assi u r-rati baxxi tal-imgħax b’konsegwenza tal-għoti ta’ salvataġġ finanzjaru (bail-outs) u l-politika monetarja qed jagħmluha diffiċli għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni li jiksbu r-redditu meħtieġ mill-investimenti tagħhom fil-kapital. Il-każi spettakolari ta’ diffikultajiet fis-settur, bħall-kumpanija AIG fl-Istati Uniti jew, dan l-aħħar, l-Ambac, ma kinux ikkawżati minn attivitajiet tradizzjonali tal-assigurazajoni, iżda minn derivati finanzjarji li jixbhu l-attività bankarja. Dan jista’ jseħħ anke fil-ġejjieni, b’mod speċjali fil-każ ta’ impriżi u konglomerati finanzjarji li jwettqu sew attivitajiet bankarji u sew attivitajiet ta’ assigurazzjoni.

2.9   L-iskemi ta’ garanzija għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni diġà jeżistu fi 12 mis-27 Stat Membru (6). Huma kumplessi ħafna: f’xi wħud mill-Istati Membri, hemm biss garanzija għal ċerti fergħat ta’ negozju. Barra minn hekk, mhux ilkoll huma koperti bl-istess livell u hemm ukoll xi garanziji statali.

2.10   Bħala regola, l-impriżi tal-assigurazzjoni li joperaw fl-Ewropa jaħdmu fis-swieq nazzjonali ma’ kumpaniji sussidjarji indipendenti li jikkontribwixxu għall-iskemi nazzjonali ta’ garanzija rispettivi. Jekk kumpanija Ewropea kbira ssib ruħha f’sitwazzjoni diffiċli, l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija ġeneralment huma biżżejjed biex jipproteġu lid-detenturi. Madankollu l-KESE jappella biex tinħoloq sistema ta’ assigurazzjoni Ewropea għall-impriżi tal-assigurazzjoni b’attività transkonfinali, għall-każijiet fejn is-sistemi ta’ assigurazzjoni nazzjonali mhumiex biżżejjed.

2.11   Fl-aħħar mill-aħħar, l-ispejjeż iġġenerati minn skema ta’ garanzija jgħaddu fuq id-detenturi fil-forma ta’ primjums iżjed għaljin. Filwaqt li d-detenturi individwali huma protetti kontra l-insolvenza, id-detenturi kollettivi jridu jġarrbu l-ispejjeż.

3.   Kummenti dwar il-fehmiet tal-Kummissjoni fil-Kapitolu 3 tal-White Paper

3.1   Tip ta’ miżuri possibbli fil-livell tal-UE (White Paper 3.1)

Hemm differenzi kbar bejn is-swieq nazzjonali tal-assigurazzjoni mil-lat tal-istruttura tal-prodotti u tar-riskju. Għalhekk l-istrument li jintuża għandu jkun direttiva għal armonizzazzjoni minima, bil-għan li l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisu b’mod xieraq il-karatteristiċi nazzjonali speċifiċi fil-qafas tal-leġislazzjoni li tirregola l-insolvenza, il-kuntratti, it-tassazzjoni u s-settur soċjali u sabiex jinżammu l-iskemi ta’ garanzija eżistenti li taw prova tas-siwi tagħhom, fejn jirriflettu d-dispożizzjonijiet tad-direttiva.

3.2   Il-livell ta’ ċentralizzazzjoni u r-rwol tas-sistemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni (White Paper 3.2)

3.2.1   L-ewwel u qabel kollox, huwa importanti niżguraw li kumpanija tal-assigurazzjoni ma ssirx insolventi. Bis-saħħa ta’ sistema superviżorja effettiva, nevitaw li dan jiġri. Jekk dan ma jirnexxix, imbagħad jistgħu jintużaw l-iskemi ta’ garanzija.

3.3   Ambitu ġeografiku (White Paper 3.3)

Il-Kummissjoni tiffavorixxi ġustament il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, li huwa konformi mal-prinċipji tas-superviżjoni Ewropea tal-assigurazzjoni. Skont id-Direttiva Solvenza II, is-superviżjoni tal-attivitajiet kollha tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni stabbiliti fl-UE għandha ssir fil-pajjiż ta’ oriġini tal-kumpaniji. Dan jgħodd ukoll għall-attivitajiet li jitwettqu fil-qafas tal-libertà tal-istabbiliment permezz ta’ fergħat dipendenti jew fil-qafas tal-provvediment ħieles tas-servizzi permezz ta’ servizzi transkonfinali.

3.4   Poloz koperti (White Paper 3.4)

3.4.1   Minħabba d-differenzi bejn il-fergħat tal-assigurazzjoni tal-ħajja u tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, jagħmel sens li jinħolqu strutturi ta’ garanzija separati għal dawn l-oqsma. Fi ħdan l-istess fergħa, ir-riskju huwa bejn wieħed u ieħor omoġen. Dan jiġġustifika l-assistenza reċiproka. Min-naħa l-oħra, huwa diffiċli li wieħed jiġġustifika għalfejn dawk li, pereżempju, għandhom assigurazzjoni li tkopri l-oġġetti tad-dar għandhom jikkontribwixxu għal skema ta’ garanzija li l-fondi tagħha ser jintużaw għas-salvagwardja ta’ kumpanija tal-assigurazzjoni tal-ħajja. Peress li dan jista’ jiddependi mill-karatteristiċi nazzjonali, bħal jekk fis-suq rispettiv hemmx l-obbligu ta’ separazzjoni legali tal-kumpaniji fil-fergħat differenti tal-assigurazzjoni (l-hekk imsejjaħ prinċipju tas-separazzjoni tal-fergħat tal-assigurazzjoni), il-leġislatur Ewropew għandu jagħti l-libertà tal-azzjoni lill-Istati Membri.

3.4.2   Fir-rigward tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u b’konformità mal-opinjoni mfassla mill-CEIOPS (Kumitat tas-Sorveljanti tal-Assigurazzjonijiet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej), il-KESE jqis li dan is-suġġett għandu jiġi inkluż fid-direttiva futura dwar l-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ bilanċ kompetittiv u biex ikun aktar faċli għall-konsumaturi li jifhmu.

3.4.3   Il-proposti tal-Kummissjoni ma jinkludux protezzjoni għall-pensjonijiet tax-xogħol. Huma biss l-iskemi ta’ pensjoni tal-kumpaniji fit-tifsira tradizzjonali tagħhom li jaqgħu taħt l-iskema ta’ garanzija. Madankollu, il-KESE jara lok għal azzjoni anke fejn jidħlu pensjonijiet oħra tax-xogħol, u huwa favur li din il-kwistjoni tiġi inkorporata fl-azzjoni ta’ segwitu tal-Green Paper dwar il-pensjonijiet.

3.4.4   Kontribut adatt u li jista’ jintlaħaq minn but kulħadd min-naħa tad-detenturi tal-poloz huwa inċentiv effettiv biex id-detenturi jsiru jafu kemm hija soda l-kumpanija tal-assigurazzjoni, sakemm dan ikun possibbli għall-konsumatur.

3.4.5   Ta’ min jiġu stabbiliti limiti massimi jew forom oħra għal-limitazzjoni tas-servizzi tal-iskema ta’ garanzija, bħal-limiti de minimis jew l-eċċessi, kif ippropona fl-opinjoni tiegħu s-CEIOPS. B’hekk id-detenturi tal-poloz ma jġarrbux il-piż ta’ akkumulazzjoni ta’ limiti. B’hekk jitnaqqas ukoll b’mod sinifikanti l-piż fuq l-iskemi ta’ garanzija u dan jiġi rifless fl-ispejjeż. Id-detenturi tal-poloz, li fl-aħħar mill-aħħar iġarrbu l-ispiża, jibbenifikaw ukoll minn dan.

3.5   Atturi eliġibbli (White Paper 3.5)

3.5.1   Il-Kummissjoni tispjega tajjeb li garanzija għall-operaturi tas-suq kollha tiġġenera spejjeż sproporzjonati kbar ħafna. L-ewwel sentenza tal-White Paper tippreżenta l-iskemi ta’ garanzija bħala miżura għall-protezzjoni tal-konsumatur. Madanakollu, dan ma jfissirx li l-grupp ta’ dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni għandu jkun limitat għall-konsumaturi. L-entitajiet li jirċievu l-istess protezzjoni tal-konsumaturi skont il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ xi pajjiżi, kemm jekk huma d-detenturi tal-polza, l-assigurati jew il-benefiċjarji, għandhom jiġu koperti wkoll.

3.5.2   L-Istati Membri għandhom ikunu liberi mill-bidu nett li jeskludu mill-ambitu tal-iskemi ta’ garanzija assigurazzjoni purament kummerċjali li tkopri, pereżempju, il-perjodi ta’ inattività jew it-trasport. Bl-istess mod, għandhom jiddeċiedu jekk jagħmilx sens li jinkludu kumpaniji żgħar fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

3.6   F’każ ta’ inizjattiva leġislattiva, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-kwistjoni ta’ f’liema mument tista’ tiġi applikata l-iskema ta’ garanzija u min jiddiċiedi dwar dan. Il-Kummissjoni tikkunsidra l-użu ta’ skema ta’ garanzija mhux biss f’każ ta’ falliment, iżda anke biex jiġi evitat falliment. Il-KESE jemmen li għal raġunijiet ta’ effiċjenza u biex tiġi riflessa n-natura tal-iskema u l-għan li għalih tfasslet, it-tnaqqis tar-rekwiżit kapitali minimu skont id-Direttiva Solvenza II għandu jkun biżżejjed biex tintuża l-iskema ta’ garanzija.

3.7   Il-finanzjament (White Paper 3.6)

3.7.1   Għażla ta’ żmien għall-iffinanzjar (White Paper 3.6.1)

3.7.1.1   L-għażla bejn finanzjament ex post, ex ante jew taħlita tat-tnejn ser tkun is-suġġett ta’ diskussjoni kontroversjali. Is-sistemi kollha għandhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom.

3.7.1.2   Finanzjament ex post ineħħi inqas likwidità mis-suq u, minħabba li l-ispejjeż huma aktar baxxi, inaqqas il-primjums għad-detenturi tal-poloz. Dan jevita l-problema ta’ investiment intermedjarju tal-fondi miġbura. Fil-każ ta’ finanzjament ex post, l-ebda parti tar-riżorsi ma tintuża għall-ispejjeż amministrattivi qabel ma jkun hemm każ ta’ insolvenza.

3.7.1.3   Mill-banda l-oħra, finanzjament ex post jagħmel il-ġlieda kontra l-problema ta’ periklu morali diffiċli. Billi l-operaturi tas-suq li mhumiex b’saħħithom jitħallew barra mis-suq minħabba l-insolvenza tagħhom, huma ma jistgħux jaqsmu l-piż tal-ispejjeż matul il-finanzjament.

3.7.1.4   L-ikbar vantaġġ ta’ finanzjament ex ante huwa proprju li l-kontributi fir-riskju tal-insolvenza huma kwantifikabbli. L-operaturi tas-suq bi prattiki kummerċjali aktar riskjużi jkollhom iħallsu aktar. Barra minn hekk, l-effetti proċikliċi jistgħu jiġu evitati aktar fil-qafas ta’ finanzjament ex ante milli f’wieħed ex post.

3.7.1.5   L-għażla taż-żmien għall-finanzjament tista’ tkun kruċjali għall-effiċjenza tal-iskema ta’ garanzija. Il-vantaġġi ta’ sistema ta’ finanzjament ex nunc josbqu bil-ħafna l-iżvantaġġi u huwa diffiċli li wieħed jara għaliex it-tradizzjonijiet u l-karatteristiċi nazzjonali jfissru li d-deċiżjoni aħjar titħalla f’idejn l-Istati Membri. Biex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-iskema, id-direttiva għandha tinkludi forma waħda ex nunc ta’ finanzjament.

3.7.2   Livell ta’ mira (White Paper 3.6.2)

3.7.2.1   Il-kontributi finanzjarji għall-iskema ta’ garanzija għandhom ikunu limitati, kif talab is-CEIOPS fl-opinjoni tiegħu. Kopertura obbligatorja illimitata tagħmilha impossibbli biex jiġi kkalkulat ir-riskju għall-kumpaniji individwali. Dan iwassal għal sitwazzjoni fejn kull kumpanija tal-assigurazzjoni tkun responsabbli għas-suq sħiħ (7). Il-ġestjoni tar-riskju ta’ kumpanija individwali ma tibqax tiddependi mid-deċiżjonijiet tal-kumpanija stess iżda tibda tiddependi l-aktar mill-approċċ tar-riskju tal-kompetituri l-oħra.

3.7.2.2   Il-Kummissjoni stabbiliet, bħala l-punt tat-tluq, mira għas-sistemi ta’ garanzija ta’ 1,2 % tal-primjums grossi miktuba. Il-KESE jixtieq li l-possibiltajiet differenti jiġu analizzati mill-ġdid fuq il-bażi taċ-ċifri disponibbli bħalissa dwar id-Direttiva Solvenza II. F’dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li Solvenza II u mekkaniżmi oħra ta’ intervent inħolqu biex id-detenturi tal-poloz jingħataw aktar protezzjoni. Dan l-aspett jenfasizzah ukoll is-CEIOPS fl-opinjoni tiegħu.

3.7.2.3   Il-kalkoli tal-Kummissjoni huma bbażati fuq probabbiltà medja tal-iskema ta’ garanzija kkonċernata ta’ 0,1 %. Madankollu, il-kopertura tal-kapital proprju hija ta’ 100 % tar-rekwiżiti kapitali tas-solvenza. Jekk il-kapital ikun ogħla mir-rekwiżiti kapitali tas-solvenza f’xi Stati Membri u f’xi fergħat ta’ negozju, ir-riskju ta’ falliment jonqos b’mod korrispondenti. Għalhekk, id-Direttiva għandha tagħmilha possibbli biex l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija jkunu jistgħu jevalwaw ir-rekwiżiti ta’ kapital f’termini ta’ riskju reali ta’ telf fis-swieq nazzjonali u fil-varji fergħat ta’ negozju.

3.7.2.4   Fil-White Paper, il-Kummissjoni ma tindirizzax il-kwistjoni jekk għandux isir kontribut ġdid fl-iskema ta’ garanzija wara li jkun hemm telf. Hemm bżonn ta’ regoli u limiti ċari biex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ responsabbiltà illimitata u biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jevalwaw l-obbligi tagħhom minn qabel u jieħdu l-miżuri neċessarji.

3.7.3   Kontribuzzjonijiet (White Paper 3.6.3)

3.7.3.1   Id-daqs tal-kontribut għandu jkun ibbażat fuq id-data disponibbli biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi. Fil-każ tal-assigurazzjoni tal-ħajja, il-kontribut jista’ jintrabat mal-kapital disponibbli, u fil-każ tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja mal-ammont tar-riżervi tekniċi. Il-kapital proprju b’rabta mar-rekwiżiti kapitali tas-solvenza jista’ jkun kriterju wkoll. Il-leġislatur Ewropew għandu jirranġa l-metodoloġija u jippermetti lill-Istati Membri li jiddeċiedu huma dwar id-dettalji tal-ammont tal-kontributi sabiex ikunu jistgħu jqisu l-karatteristiċi nazzjonali speċifiċi.

3.7.3.2   Qabel ma jsir rikors għall-iskemi ta’ garanzija, l-assiguraturi solventi għandhom jingħataw l-opportunità li jieħdu r-riedni ta’ kumpaniji f’riskju, mingħajr kontribut finanzjarju, jekk jixtiequ jiżguraw il-klijentela tagħhom.

3.8   Trasferiment ta’ portafoll u/jew kumpens tal-pretensjonijiet (White Paper 3.7)

3.8.1   Jeżistu żewġ metodi differenti fejn jidħlu skemi ta’ garanzija: ħlas ta’ darba tad-danni lid-detentur tal-polza, jew il-kontinwazzjoni tal-kuntratt mill-impriża ta’ garanzija kontra l-insolvenza li tieħu f’idha l-portafoll. Fil-fehma tal-KESE, dan it-“trasferiment tal-portafoll” fil-każ ta’ assigurazzjoni tal-ħajja huwa ta’ vantaġġ għad-detentur tal-polza. Mill-banda l-oħra, fil-każ ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja u ta’ assigurazzjoni tal-inċidenti, il-pagamenti ta’ kumpens għandhom ikunu biżżejjed għall-protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, id-direttiva Ewropea m’għandhiex ixxekkel l-użu tal-aktar sistema li tiffavorixxi lill-konsumatur.

Brussell, 5 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 38, Punt 1.4.

(2)  ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5; ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22.

(3)  COM(2010) 368 finali 2010/0207 (COD) tat-12.7.2010.

(4)  ĠU C 224/11, 30.8.2008, Punt 3.1.

(5)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 38, punt 1.3.

(6)  Ir-rapport Nru DAF/AS/WD (2010)20 tal-OECD tal-10 ta’ Novembru 2010 jagħti ħarsa komprensiva lejn is-sistemi ta’ dan it-tip fl-Istati tal-OECD.

(7)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 38, Punt 2.7.3.1.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 2.10

Ibdel kif gej:

“2.10

Bħala regola, l-impriżi tal-assigurazzjoni li joperaw fl-Ewropa jaħdmu fis-swieq nazzjonali ma’ kumpaniji sussidjarji indipendenti li jikkontribwixxu għall-iskemi nazzjonali ta’ garanzija rispettivi. Jekk kumpanija Ewropea kbira ssib ruħha f’sitwazzjoni diffiċli, l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija ġeneralment huma biżżejjed biex jipproteġu lid-detenturi. Madankollu l-KESE jappella biex sistema ta’ assigurazzjoni Ewropea għall-impriżi tal-assigurazzjoni b’attività transkonfinali, għall-każijiet fejn is-sistemi ta’ assigurazzjoni nazzjonali mhumiex biżżejjed.”

Raġuni

At this stage a European-wide mutual bail out of insurance companies seems to be premature.

Riżultat tal-votazzjoni dwar l-emenda:

Voti favur

:

68

Voti kontra

:

78

Astensjonijiet

:

13


Top