EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AE0346
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the European Central Bank on Bank Resolution Funds’ — COM(2010) 254 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja” COM(2010) 254 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja” COM(2010) 254 finali
ĠU C 107, 6.4.2011, p. 16–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.4.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 107/16 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja”
COM(2010) 254 finali
2011/C 107/03
Relatur: is-Sinjura ROUSSENOVA
Nhar is-26 ta' Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar Fondi ta' Riżoluzzjoni Bankarja
COM(2010) 254 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, responsabbli sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Frar 2011.
Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'193 vot favur u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jaqbel mat-tħassib prinċipali tal-Kummissjoni li flus il-kontribwenti ma għandhomx jerġgħu jintużaw biex ikopru t-telfiet bankarji u fil-prinċipju jappoġġja l-istabbiliment ta' netwerk armonizzat ta' fondi nazzjonali ta' riżoluzzjoni bankarja (FRB) ex-ante marbuta ma' sensiela ta' arranġamenti għall-immaniġġjar ta' kriżi nazzjonali. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb li sabiex tinkiseb skema ta' fondi ta' riżoluzzjoni bankarja fattibbli, l-Istati Membri għandhom jaqblu minn qabel fuq l-adozzjoni ta' metodi komuni u regoli uniformi sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Is-sinjali attwali jidhru li qed jagħtu l-impressjoni opposta. Hemm għadd ġmielu ta' Stati Membri li diġà nedew jew li qed jippjanaw miżuri fiskali biex jerġgħu jfornu l-baġits fqar tagħhom jew biex isaħħu s-swieq tagħhom: diġà teżisti sitwazzjoni b'kundizzjonijiet li mhumiex indaqs. Ħarsa realistika lejn is-sitwazzjoni attwali, u fil-kuntest tal-esperjenzi tal-passat, turi li huwa diffiċli li wieħed ikun ottimist li malajr ser tinstab soluzzjoni. Approċċ iktar gradwali forsi jista' jippermetti li, maż-żmien, xi wħud minn dawn id-differenzi jitnaqqsu.
1.2 Rigward il-kompetizzjoni, iż-żamma ta' sitwazzjoni bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali għandha tkun wieħed mill-objettivi prinċipali. Kif inhu mfassal attwalment, l-iskema tal-FRB, qiegħħda fir-riskju li jkollha effetti ta' tfixkil fil-livell nazzjonali, billi taffettwa biss parti mis-settur finanzjarju, fil-livell tal-UE, billi timponi kostijiet ġodda fuq xi setturi nazzjonali li huma diġà dgħajfa, u fil-livell internazzjonali għax ma jidhirx li ser jintlaħaq ftehim fil-livell tal-G-20.
1.3 It-tħassib prinċipali jinkludi x-xenarju makroekonomiku. L-awtoritajiet kollha nazzjonali u internazzjonali qed jagħmlu pressjoni fuq is-settur bankarju biex itaffi s-sitwazzjoni billi jagħti iktar kreditu lill-ekonomija reali. Huwa stmat li r-regoli prudenzjali l-ġodda, ir-rekwiżiti l-ġodda għall-kapital u t-taxxi l-ġodda huma meħtieġa u l-awtoritajiet għandhom ifittxu li jiksbu bilanċ raġonevoli bejn il-ħtiġiet kontrastanti tal-kapital li jappoġġja l-baġit nazzjonali u l-ħtieġa ta' ekonomija reali. Bħalissa, l-iskema tal-FRM hija vaga wisq biex tippermetti kalkoli preċiżi biex jiġu provduti l-investimenti meħtieġa fil-produzzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi. Huwa diffiċli li l-benefiċċji jgawdihom kulħadd mingħajr prijoritizzazzjoni u ppjanar tal-ħin adatti għall-implimentazzjoni ta' kull fażi tal-iskema proposta tal-FRB.
1.4 Il-KESE jemmen li qabel ma jittieħdu l-passi biex jiddaħħlu l-imposti bankarji, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi bir-reqqa tal-effetti kumulattivi tad-dazji u l-FRB u tqis it-tħassib tagħna msemmi hawn fuq, b'mod partikolari dawk fil-punt 1.3. Biex tittieħed deċiżjoni dwar l-introduzzjoni tal-FRB jeħtieġ stima ta' kemm ser tiswa l-iskema kollha kemm hi, sa liema punt ser ikollha impatt fuq il-potenzjal għas-self tal-settur bankarju, u kemm ser jgħaddi żmien qabel ma l-FRB tkun b'saħħitha biżżejjed qabel ma tilħaq id-daqs immirat. Il-KESE jirrakkomanda li dawn l-istimi jitfasslu fil-kuntest tal-agħar xenarju possibbli sabiex jiġi żgurat li l-iskema tkun realistika u fattibbli f'perjodu ta' kriżi meta minn banda, il-banek ser jiffaċċjaw id-diffikultajiet biex jagħmlu l-kontributi tagħhom lill-FRB, u mill-banda l-oħra, dan ser ikun żmien meta r-riżorsi tal-fondi ser ikunu meħtieġa.
2. Introduzzjoni
2.1 Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet il-messaġġ li ħareġ mil-laqgħa tal-G-20 f'Pittsburgh f'Settembru 2009, li flus il-kontribwenti m'għandhomx jerġgħu jintużaw biex ikopru t-telfiet bankarji, u qed taħdem biex tikseb dan il-għan b'żewġ modi kumplementari:
a) |
bit-tnaqqis tal-probabilità tal-inadempjenza bankarja permezz ta' superviżjoni aqwa makroekonomika u mikroekonomika, governanza korporattiva aħjar u standards regolatorji aktar strinġenti; u |
b) |
bl-iżgurar li jekk minkejja dawn il-miżuri xorta waħda jkun hemm inadempjenza, ikunu disponibbli għodod adegwati inkluż riżorsi suffiċjenti għar-riżoluzzjoni ordnata u propizja. |
2.2 COM(2010) 254 finali tispjega l-ħsieb tal-Kummissjoni dwar kif is-settur finanzjarju jista' jikkontribwixxi għall-ispiża tal-finanzjament tar-riżoluzzjoni ta' banek li fallew fil-qafas tal-għodod kollha għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kriżi. Il-Kummissjoni temmen li l-Fondi ta' Riżoluzzjoni Bankarja (FRB) ex ante ffinanzjati minn imposti fuq il-banek għandhom jagħmlu parti minn qafas ta' stabbiltà finanzjarja u riformi usa' għas-sistema finanzjarja, b'enfasi fuq il-prevenzjoni. Dawn huma meqjusa bħala l-istrument adatt għall-intervent u r-riżoluzzjoni ta' banek inadempjenti b'tali mod li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż tal-inadempjenza tal-banek għall-pubbliku. Il-Komunikazzjoni tispjega l-għan, id-daqs potenzjali u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-FRB.
2.3 L-għan tal-Kummissjoni Ewropea huwa li ddaħħal approċċ tal-UE għall-FRB u li fl-aħħar mill-aħħar twaqqaf fond ta' Riżoluzzjoni pan-UE bħala soluzzjoni mixtieqa sew. Madankollu, il-Kummissjoni temmen li jkun ferm diffiċli li jittieħed l-ewwel pass bl-istabbiliment ta' Fondi ta' Riżoluzzjoni pan-UE fin-nuqqas ta' qafas integrat tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżijiet u s-superviżjoni. Għalhekk, l-ewwel pass adatt ikun li jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' sistema msejsa fuq netwerk armonizzat ta' fondi nazzjonali ex ante marbuta ma' sensiela ta' arranġamenti nazzjonali koordinati għall-immaniġġjar tal-kriżijiet.
2.4 Il-KESE jilqa' kull proposta mmirata lejn it-tisħiħ tas-settur finanzjarju u għall-prevenzjoni ta' kriżijiet futuri u f'dan il-kuntest, fil-prinċipju, japprova l-inizjattivi u r-rakkomandazzjonijeit tal-Kummissjoni għall-approċċ tal-UE għall-FRB skont COM(2010) 254 finali, imma fl-istess ħin jinsab imħasseb. Il-KESE jirrealizza li f'dan l-istadju xi wħud mill-inizjattivi jistgħu ma jkunux applikabbli u aċċettabbli għal xi Stati Membri, filwaqt li oħraj jeħtieġu iktar ħsieb, analiżi u kjarifika.
2.5 L-għan tal-qafas il-ġdid għall-immaniġjar u l-prevenzjoni tal-kriżi ser ikun li jiżgura li, fil-każ ta' adempjenza ta' banek kbar, l-Istati Membri jkollhom għodod komuni li jkunu jistgħu jiġu applikati b'mod koordinat biex tiġi mħarsa s-sistema finanzjarja ġenerali, jiġu evitati l-ispejjeż għall-kontribwenti u tiġi żgurata sitwazzjoni b'kundizzjonijiet ekwivalenti. Dawn il-għodod ta' riżoluzzjoni komuni huma mistennija li jiżguraw li l-inadempjenza ordnata tkun għażla kredibbli għal kwalunkwe bank, irrispettivament mid-daqs jew il-kumplessità . Il-kunċett tad-dimensjonijiet huwa importanti. Filwaqt li fil-prinċipju kull inadempjenza ordnata għandha tkun garantita, dak li hu importanti huwa li jiġi definit il-kunċett ta' inadempjenza “konsiderevoli” jew “ta' skala kbira”. L-istituzzjonijiet finanzjarji kbar ħafna u kumplessi (jiġifieri, il-gruppi internazzjonali, mhux bilfors kollha Ewropej jew kollha bbażati l-Ewropa) jistgħu joħolqu l-isfidi. Inadempjenzi fuq skala ikbar jistgħu jeħtieġu trattament differenti, possibbilment billi l-entità legali tinżamm bħala negozju avvjat permezz tar-ristrutturar, l-istralċ tad-dejn u t-taħlit/tneħħija tal-azzjonisti. Jista' jkun hemm bżonn finanzjament addizzjonali minn fond bħala parti mill-pakkett tal-miżuri.
2.6 Fl-20 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat pjan ta' azzjoni biex jiġu stabbiliti l-perjodi, il-miżuri, l-għodod u l-pjani għal qafas sħiħ tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżi. Fir-rebbiegħa tal-2011, għandhom jiġu ppreżentati l-proposti leġislattivi rilevanti dwar l-immaniġġjar tal-kriżi u l-fondi ta' riżoluzzjoni. F'dan l-istadju jista' jkollna biss xi aspetattivi u rimarki preliminari. Id-data tal-bidu għandha tiġi stabbilita minn Direttiva, sakemm din tiġi approvata. Probabbilment, wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi u l-wegħda tal-Kummissjoni li tapprova l-proposti leġislattivi rilevanti sar-rebbiegħa tal-2011, id-data l-iktar kmieni tkun 2013-2014. Kull fond ser jieħu ż-żmien biex jilħaq id-daqs immirat imma, billi ser jinkorpora fondi ex post kif ukoll ex ante, fit-teorija jibda jitħaddem hekk kif il-leġislazzjoni tidħol fis-seħħ fl-Istat Membru. Madankollu, għandu jitfakkar li xi Stati Membri ħabbru li mhumiex beħsiebhom jintroduċu imposti bankarji fil-perjodu l-qasir għax is-setturi bankarji tagħhom ma ntlaqtux b'mod serju mill-kriżi u għadhom stabbli. Għalhekk, l-FRB għandha titqies bħala għodda biex tiġi ffaċċjata l-kriżi finanzjarja fil-perjodu medju u fit-tul.
3. Kummenti speċifiċi
3.1 L-approċċ lejn il-FRB
3.1.1 Il-KESE japprova l-approċċ tal-Kummissjoni li, bħala l-ewwel pass, tipproponi li jiġi stabbilit netwerk armonizzat ta' FRB nazzjonali marbuta ma' sensiela ta' arranġamenti nazzjonali kkoordinati għall-immaniġġjar ta' kriżi. Madankollu, fl-istess ħin jirrakkomanda li n-netwerk ta' fondi jiġi stabbilit gradwalment u li jqis bir-reqqa l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull Stat Membru. Il-Ġermanja u l-Isvezja bdew jaħdmu fuq il-fondi tagħhom stess, li ser jiġbru l-flus miġbura mill-imposti/kontribuzzjonijiet. Kull wieħed għandu l-metodu u regoli proprji għat-twaqqif tal-fond u f'dan l-istadju l-KESE ma jistax jissuġġerixxi liema regoli għandhom jingħataw preferenza.
3.1.2 Fid-dawl tal-fatt li xi pajjiżi diġà qed jintroduċu imposti, taxxi u sistemi bankarji speċifiċi għall-pajjiż, il-KESE jemmen li, qabel xejn, għandhom jiġu diskussi u miftiehma xi prinċipji u parametri bażiċi komuni għall-imposti bil-għan li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-settur finanzjarju tal-UE. Il-KESE jaqbel li għandu jkun hemm approċċ gradwali li jiddistingwi bejn l-għanijiet fil-perjodu qasir u dawk fil-perjodu medju (1). Fil-perjodu l-qasir, l-Istati Membri għandhom ikunu mistennija jilħqu ftehim fuq il-bażi tal-imposta, ir-rata u l-ambitu tagħha, filwaqt li jħallu lok għal ċerta flessibbiltà, fid-dawl tal-bidliet li għaddejjin bħalissa fil-qafas regolatorju u l-iżviluppi lejn iktar armonizzazzjoni. Imbagħad, jista' jiġi kkunsidrat approċċ għall-introduzzjoni gradwali ta' imposta sempliċi u adatta, segwita mill-introduzzjoni ta' sistema aktar armonizzata ta' imposti bankarji u ta' FRB.
3.1.3 Il-KESE jqis li approċċ gradwali huwa aktar adatt u realistiku għax għandu l-potenzjal li jirrifletti l-modi differenti ta' kif il-kriżi finanzjarja affettwat lill-Istati Membri kif ukoll l-ispeċifiċitajiet ta' kif indirizzaw il-kriżi:
— |
L-Istati Membri daħlu fil-kriżi f'mumenti differenti u ġew affettwati b'modi differenti u b'limiti differenti. Qed joħorġu, jew ser joħorġu, mill-kriżi f'mumenti differenti u ż-żmien meta jkunu jistgħu jistabbilixxu l-FRB tagħhom stess ser ivarja. |
— |
Is-setturi finanzjarji ta' xi Stati Membri ma ġewx affettwati b'mod serju mill-kriżi finanzjarja u ma talbux għajnuna. Minflok, l-ekonomiji reali tagħhom intlaqtu mill-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija b'xi dewmien. Is-setturi bankarji tagħhom, għalkemm sodi, għadhom qed isibuha diffiċli biex jevitaw kwalunkwe żvilupp ta' kriżi u fl-istess ħin huma mistennija jappoġġjaw l-irkupru. Dawn il-pajjiżi jistgħu jsibuha bi tqila biex jistabbilixxu FRB nazzjonali fi stadju meta ħafna mill-Istati Membri jkunu lesti li jagħmlu dan, anke minħabba l-fatt li uħud minnhom għandhom fondi ta' garanzija tad-depożiti (FGD) li jmorru lil hinn mill-iskemi ta' garanzija tad-depożiti (SGD) u li jinkludu xi funzjonijiet ta' riżoluzzjoni bankarja. |
3.1.4 Il-KESE jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni, li tidher fil-COM(2010) 579 finali, li tesplora “is-sinerġiji potenzjali bejn is-SGD u l-fondi tar-riżoluzzjoni”. Il-Kumitat jemmen li jekk tiġi estiża l-bażi li fuqha qed jiġu ffinanzjati l-fondi ta' garanzija tad-depożiti bħalissa, il-funzjonijiet ta' garanzija tad-depożitu u ta' riżoluzzjoni bankarja jistgħu jitwettqu minn fond wieħed mingħajr ma tiġi mhedda l-kapaċità tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti u l-fondi tagħha biex tilħaq l-objettiv tagħha għall-protezzjoni tad-depożituri. Din l-esplorazzjoni hija adatta ferm għal dawk l-Istati Membri li l-fondi ta' garanzija tad-depożiti tagħhom diġà għandhom xi funzjonijiet preventivi u ta' riżoluzzjoni, u tgħaqqad iż-żewġ ambiti ġo fond uniku estiż.
3.1.5 Il-KESE jifhem l-argumenti tal-Kummissjoni favur Fond ta' Riżoluzzjoni pan-UE, kif ukoll it-tħassib tagħha dwar id-diffikultajiet involuti biex dan jiġi stabbilit u jqis li l-istabbiliment tiegħu huwa prematur u li ma japplikax f'dan l-istadju. Fid-dawl tal-esperjenzi tal-passat u dawk reċenti, il-KESE għandu d-dubji dwar kemm Fond ta' Riżoluzzjoni tal-UE jista' jaħdem b'mod effiċjenti.
3.2 Il-finanzjament tal-FRB: l-imposta
3.2.1 Il-Kummissjoni tqis li l-FRB għandhom jiġu ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet jew imposti mħallsa mill-banek. Fil-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010, intlaħaq ftehim li l-imposti bankarji għandhom jagħmlu parti minn qafas ta' riżoluzzjoni (2) kredibbli u dan għandu jkun wieħed mill-prinċipji li fuqhom għandha tissejjes l-introduzzjoni tagħhom.
3.2.1.1 Għalkemm il-Komunikazzjoni tispjega li l-għan ewlieni tal-imposta għandu jkun li l-banek jikkontribwixxu għall-kostijiet tal-kriżi, jitnaqqas ir-riskju sistemiku, tiġi llimitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u jinġabru fondi għal qafas ta' riżoluzzjoni kredibbli, ma tagħtix definizzjoni ċara tagħha. F'dokument (3) tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, it-terminu “imposta” huwa definit bħala “ħlas (tariffa jew taxxa) li l-istituzzjonijiet finanzjarji jkollhom iħallsu biex jikkontribwixxu għall-kostijiet tal-kriżi finanzjarja”: imposta hija kkunsidrata bħala tariffa meta tkun immirata lejn fondi barra l-baġit, filwaqt li hija kkunsidrata bħala taxxa meta tkun parti mill-baġit tal-gvern. Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tagħti definizzjoni ċara tat-terminu “imposta”.
3.2.2 Il-KESE jikkunsidra li l-kriterji għall-bażi u r-rata tal-imposta huma fost l-ostakli ewlenin biex jintlaħaq ftehim ġenerali u huwa konvint li l-ewwel u qabel kollox għandu jkun hemm qbil dwar bosta prinċipji bażiċi. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-bażi tal-imposta għandha tkun konformi mal-prinċipji elenkati fil-Komunikazzjoni, p.8. Għandu jiġi rikonoxxut li s-setturi finanzjarji nazzjonali jvarjaw f'termini ta' daqs, sistemi ta' governanza, effiċjenza ta' superviżjoni u livell ta' riskju. Abbażi ta' dawn id-differenzi, fil-bidu, l-Istati Membri jistgħu jingħataw ċerta flessibbiltà biex jikkunsidraw bażijiet differenti tal-imposta iżda wara dawn il-bażijiet tal-imposta għandhom jiġu armonizzati.
3.2.3 Il-Komunikazzjoni tqis li l-kontribuzzjonijiet/imposti jistgħu jkunu bbażati fuq tliet parametri: l-assi tal-banek, l-obbligazzjonijiet tal-banek u l-profitti u l-bonusijiet tal-banek. Peress li l-karta tal-bilanċ tal-assi u l-obbligazzjonijiet tiġbor il-kunsiderazzjonijiet tar-riskju aħjar minn kwalunkwe indikatur ieħor, il-KESE jqis li l-profitti u l-bonusijiet tal-banek huma bażi anqas adatta għall-kontribuzzjonijiet tal-banek. Dawn iż-żewġ bażijiet tal-imposti għandhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom u x'aktarx ikun adatt li jkun hemm taħlita tat-tnejn li huma.
3.2.3.1 L-assi tal-banek huma indikaturi tajbin tar-riskji tagħhom. Huma jirriflettu kemm l-eventwalità potenzjali tal-inadempjenza bankarja kif ukoll l-ammont li jista' jkollu jintefaq għall-maniġġ tar-riżoluzzjoni tal-bank. L-assi skont ir-riskju, kif issuġġerixxa l-FMI (4), jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll bħala bażi adatta għall-imposti peress li jistgħu jitqabblu fil-livell internazzjonali fid-dawl tal-aċċettazzjoni wiesgħa tal-ħtiġiet ta' kapital ta' Basel. Min-naħa l-oħra, peress li l-assi tal-banek huma soġġetti għall-ħtiġiet ta' kapital skont ir-riskju, imposta bbażata fuqhom tirdoppja l-effetti tal-ħiteġa għall-kapital tal-Kumitat ta' Basel.
3.2.3.2 Il-KESE jemmen li l-obbligazzjonijiet tal-banek, apparti d-depożiti ggarantiti u l-kapital tal-banek (pereżempju Tier 1 għall-banek) u inkluż xi affarijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ, x'aktarx huma l-bażi l-aktar preferuta għall-kontribuzzjonijiet/l-imposti tal-banek (5). Huma indikatur tajjeb tal-kostijiet li jistgħu jkunu meħtieġa meta jkun hemm bżonn li jiġi riżolt bank, huma sempliċi u, għalkemm ma tistax tiġi eskluża għalkollox ċerta koinċidenza, ma jikkoinċidux daqs l-approċċ ibbażat fuq l-assi (6). Jistgħu jiġu esklużi wkoll obbligazzjonijiet oħrajn: id-debitu subordinarju, id-debitu ggarantit mill-gvern u t-transazzjonijiet tad-debitu bejn il-gruppi. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri diġà introduċew sistemi speċifiċi għall-imposti li l-bażijiet ta' imposta tagħhom ivarjaw b'mod konsiderevoli, jista' jkun li approċċ inizjali armonizzat, imsejjes fuq l-obbligazzjonijiet kollha u l-valutazzjoni kwalitattiva preċedenti, ikun iktar aċċettabbli.
3.2.4 Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni, li tidher fid-dokument COM(2010) 579 finali, li kull fond ta' riżoluzzjoni bankarja għandu jirċievi kontribuzzjonijiet mill-istituzzjonijiet liċenzjati fl-istess Stat Membru, u li l-kontribuzzjoni għandha tkopri l-fergħat stabbiliti tagħhom fi Stati Membri oħra. Għalhekk, is-sussidjarji jkunu soġġetti għall-imposti tal-istat ospitanti u l-fergħat ikunu soġġetti għall-imposti tal-istat tal-oriġini. Jekk l-Istati Membri kollha jżidu l-imposti fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji li jsegwu dawn il-prinċipji, ir-riskji tal-fatturazzjoni doppja u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jistgħu jiġu evitati.
3.2.5 Il-KESE jinsisti li għandha tingħata attenzjoni liż-żmien meta tiġi introdotta l-imposta fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċjaw bħalissa kemm il-banek kif ukoll l-ekonomija. Wara perjodu ta' kriżi finanzjarja severa, il-banek normalment jibiżgħu mir-riskju u, għal ftit snin, iżommu lura milli jsellfu minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali biex iħeġġuhom jikkontribwixxu għall-irkupru tal-ekonomija. Fl-istess ħin, il-banek ikollhom jassumu l-kostijiet tal-kapital ġdid u l-ħtiġiet tal-likwidità. L-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jingħataw perjodu ta' transizzjoni adegwat, konsistenti mal-analiżi rakkomandata mill-KESE fil-punt1.4 hawn fuq, sabiex isaħħu l-bażi tal-kapital tagħhom, jaġġustaw għas-sistema regolatorja ġdida u jiffinanzjaw l-ekonomija reali. Fil-perjodu medju jista' jkun xieraq li jsiru xi aġġustament fir-rigward tar-rata bil-għan li jiġu kkunsidrati kwalunkwe żviluppi regolatorji fil-ġejjieni kif ukoll l-iżvilupp tal-qafas ta' riżoluzzjoni tal-UE.
3.3 Ambitu u daqs tal-FRB
3.3.1 L-ambitu u d-daqs tal-FRB jiddependu minn kif il-Kummissjoni tiddetermina l-kompitu tal-fondi għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni ordnata tal-entitajiet f'diffikultà finanzjarja, inklużi l-banek. Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-fondi ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu disponibbli għar-riżoluzzjoni tal-banek, iżda l-użu tagħhom biex isalvaw lil istituzzjonijiet għandu jkun ċarament eskluż. Madankollu, il-KESE jqis li mhuwiex aċċettabbli li l-qafas ta' riżoluzzjoni tal-kriżi żviluppat mill-Kummissjoni jiffoka prinċipalment fuq is-settur bankarju, peress li l-istituzzjonijiet finanzjarja kollha jistgħu jkunu ta' periklu għall-investituri meta jieħdu riskji kbar. Il-KESE jirrakkomanda li l-banek kollha u l-isitituzzjonaijiet finanzjarja ssorveljati kollha (minbarra l-entitajiet tal-assigurazzjoni, li bħalissa qed titħejja skema separata għalihom) għandhom ikunu parti mill-qafas ta' riżoluzzjoni (7). B'hekk jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jevita li jintbagħtu sinjali qarrieqa lill-opinjoni pubblika li parti biss tal-komunità finanzjarja hija responsabbli għall-kriżi.
3.3.2 Il-Komunikazzjoni għadha ma indikatx x'għandu jkun id-daqs tal-fondi – iżda indikat li s-settur finanzjarju għandu jħallas il-kostijiet kollha ta' riżoluzzjoni – jekk ikun hemm bżonn permezz ta' arranġamenti ta' finanzjament ex post. Il-problema ser tkun kif jista' jiġi kkalkulat id-daqs adatt identifikat skont il-pajjiż. Hawnhekk jinħolqu żewġ problemi: l-ewwel problema hi li l-iktar sistemi dgħajfa ser jitolbu, b'mod proporzjonat, għall-ogħla kontribuzzjonijiet, u b'hekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni humiex ekwivalenti jew le. Il-problema l-oħra hi l-limitu ta' żmien li jintuża għall-kalkoli: il-limitu identifikat huwa kkalkolat abbażi tas-sitwazzjonijiet attwali u ta' prospettiva. Qabel ma jinkiseb il-limitu identifikat, is-sitwazzjoni tista' tkun laħqet inbidlet b'mod sostanzjali u għalhekk ikun hemm bżonn li jiġu aġġustati kemm il-mira kif ukoll il-kontribuzzjonijiet. Ir-regoli għandhom iqisu l-possibbiltà li jkun hemm tibdil fil-kundizzjonijiet u l-kalkoli inizjali. Barra minn hekk, peress li r-riskji jvarjaw matul iċ-ċiklu, ir-rata tal-imposta jkollha tiġi aġġustata biex is-sistema finanzjarja ssir anqas proċiklika.
3.4 L-indipendenza u l-governanza tal-FRB
3.4.1 Il-KESE japprova l-fehma tal-Kummissjoni li l-FRB għandhom jibqgħu separati mill-baġit nazzjonali. Il-KESE jaqbel li l-indipendenza funzjonali tagħhom mill-gvern tiżgura li jkopru biss miżuri ta' riżoluzzjoni, u xejn aktar. Madankollu, l-Istati Membri bħalissa qed jużaw żewġ approċċi differenti biex jallokaw il-fondi miġbura mis-settur finanzjarju. Pajjiżi bħall-Ġermanja, il-Belġju u l-Isvezja jibbażaw fuq il-prinċipju li għandha tiġi stabbilita rabta ċara bejn id-dħul u l-ħlasijiet tal-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni. Pajjiżi oħra jippermettu li l-fondi miġbura mill-imposta jiġu assorbiti mill-baġit ġenerali billi m'hemm l-ebda rabta espliċita mal-qafas ta' riżoluzzjoni maħsuba għas-settur finanzjarju. L-arranġamenti li joħolqu stennijiet li l-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jirċievu appoġġ mingħand il-gvern jistgħu jipperikolaw l-għan tal-qafas propost, li huwa li tiddaħħal riżoluzzjoni b'ordni ta' istituzzjonijiet finanzjarji fi problemi mingħajr l-użu ta' flus il-kontribwenti. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li t-twaqqif ta' fondi ta' riżoluzzjoni ddedikati jista' jwassal għat-tnaqqis tad-dipendenza tas-settur finanzjarju fuq il-fondi pubbliċi u jnaqqas il-periklu morali tal-problema marbuta mal-istituzzjonijiet “kbar wisq biex ifallu” (too big to fail). Il-KESE huwa tal-fehma li, bħal fil-każ tal-fondi ta' garanzija ta' depożitu, il-flus li jinġabru mill-imposta għandhom ikunu taħt il-kontroll u l-governanza ta' awtoritajiet differenti minn dawk li jkunu responsabbli mill-affarijiet fiskali, pereżempju dawk inkarigati mill-governanza tal-Qafas ta' Stabbiltà Finanzjarja.
3.4.2 Qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar il-governanza tal-FRB, għandhom jingħataw tweġibiet ċari għall-mistoqsijiet li ġejjin:
— |
il-fond jagħmel parti mir-regolament prudenzjali? jew |
— |
huwa maħsub bħala miżura fiskali, immirata lejn is-settur finanzjarju biex jikkontribwixxi għall-irkupru tal-flus tal-pubbliku li ntefqu? jew |
— |
m'huwa xejn aktar għajr manuvra fiskali, immirata lejn suq aktar trasparenti billi tiġi miġġielda l-ispekulazzjoni finanzjarja? |
Jekk il-Kummissjoni tqis il-FRB bħala miżura parafiskali u bħala parti mill-qafas ta' stabbiltà finanzjarja, għandha tiżgura li tfiehem dan sew għax ma jistax ikun hemm governanza tajba tal-FRB mingħajr fehim ċar dwar in-natura tagħha.
Brussell, 16 ta’ Frar 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Ara l-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar l-Immaniġġjar tal-Kriżijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, 17 ta' Settembru 2010.
(2) Kummissjoni Ewropea, DĠ għas-Suq Intern u s-Servizzi, Commission Services Non-Paper on Bank Levies for Discussion at the EFC Meeting on 31 August 2010, (Dokument informali tas-Servizzi tal-Kummissjoni dwar l-imposti bankarji, għal diskussjoni matul il-laqgħa tal-KEF, fil-31 ta' Awwissu) p. 4.
(3) Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar l-Immaniġġjar tal-Kriżijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.
(4) FMI, A Fair and Substantial Contribution by the Financial Sector (Kontribut ġust u sostanzjali mis-settur finanzjarju), Rapport finanzjarju għall-G-20, Ġunju 2010, p. 17.
(5) Il-FMI jippreferi sensiela wiesgħa ta' obbligazzjonijiet, inklużi xi affarijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ iżda apparti l-kapital u l-obbligazzjonijiet assigurati. Fid-dokument informali tagħha tal-20 ta' Awwissu, il-Kummissjoni tappoġġja wkoll l-approċċ ibbażat fuq l-obbligazzjonijiet tas-suq. Erba' Stati Membri diġà adottaw approċċ ibbażat fuq obbligazzjonijiet divrenzjati.
(6) Il-proposti tal-Kumitat ta' Basel jissorveljaw il-likwidità u r-riskji ta' trasfomazzjoni meħuda mill-banek.
(7) Fil-COM(2010) 579 finali, il-Kummissjoni twiegħed li ser tapplika l-qafas tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżi fis-settur finanzjarju għal kull istituzzjoni ta' kreditu u xi kumpaniji tal-investiment mingħajr ma tagħti definizzjoni ċara ta' kumpaniji ta' investiment. Il-KESE jemmen li l-qafas ta' riżoluzzjoni għandu jiġi applikat għal kull istituzzjoni finanzjarja li qiegħda taħt superviżjoni.