Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XX1016(02)

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku ( waste electrical and electronic equipment — WEEE)

ĠU C 280, 16.10.2010, p. 16–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 280/16


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (waste electrical and electronic equipment — WEEE)

2010/C 280/02

IL-KONTROLLUR EWROPEW TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tagħha,

Wara li kkunsidra Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individw[i] fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

ADOTTA DIN L-OPINJONI

I.   DAĦLA

1.

Fit-3 ta’ Diċembru 2008 il-Kummissjoni adottat Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (minn hawn ’il quddiem “il-Proposta”) (1). Il-Proposta għandha l-għan li tfassal mill-ġdid id-Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) adottata fis-27 ta’ Jannar 2003 (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”) (2) mingħajr ma jinbidlu la l-ixprunaturi u lanqas il-loġika għall-ġbir u r-riċiklaġġ tal-WEEE.

2.

Il-KEPD ma ġiex ikkonsultat kif meħtieġ mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (3). Għaldaqstant fuq inizjattiva tiegħu stess, il-KEPD adotta din l-opinjoni bbażata fuq l-Artikolu 41(2) tal-istess Regolament. Il-KEPD jirrakkomanda li referenza għal din l-opinjoni tiġi inkluża fil-preambolu tal-Proposta.

3.

Il-KEPD huwa konxju li dan il-parir ġej fi stadju avvanzat fil-proċess leġiżlattiv iżda madankollu jikkunsidra xieraq u utli li joħroġ din l-opinjoni, minħabba li l-Proposta tqajjem kwistjonijiet sinifikanti dwar il-protezzjoni tad-dejta li mhumiex indirizzati fid-dokument. Din l-opinjoni mhijiex maħsuba sabiex tibdel l-għan u l-kontenut ewlieni u predominanti tal-Proposta, li “iċ-ċentru ta’ gravità” (4) tagħha jibqa’ fil-protezzjoni tal-ambjent, iżda sempliċiment sabiex iżżid dimensjoni addizzjonali li qiegħda ssir dejjem aktar importanti għas-soċjetà tal-informazzjoni tagħna (5).

4.

Il-KEPD, konxju wkoll mill-ambitu limitat tal-proċedura ta’ tfassil mill-ġdid, madankollu jħeġġeġ lil-leġiżlatur sabiex jikkunsidra dawn ir-rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-proċedura ta’ tfassil mill-ġdid (li jipprovdi għall-possibbiltà ta’ emenda ta’ dispożizzjonijiet li ma nbidlux) (6).

II.   KUNTEST U SFOND TAL-PROPOSTA U R-RILEVANZA TAGĦHA GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA

5.

L-għan tal-Proposta huwa li taġġorna d-Direttiva eżistenti li tirrigwarda r-rimi, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ WEEE. Problemi tekniċi, legali u amministrattivi fl-ewwel snin ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva wasslu għall-Proposta, kif kien previst taħt l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva.

6.

It-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) huwa grupp wiesa’ ta’ prodotti li jinkludi sensiela differenti ta’ mezzi li jistgħu jaħżnu dejta personali – bħal tagħmir tal-IT u tat-telekomunikazzjonijiet (eż. kompjuters personali, laptops, terminali elettroniċi ta’ komunikazzjoni) – ikkaratterizzati fil-kuntest tekno-ekonomiku attwali minn ċikli ta’ innovazzjoni dejjem aktar mgħaġġla u, minħabba l-konverġenza teknoloġika, mid-disponibbiltà ta’ apparat għal ħafna għanijiet. L-iżviluppi fil-mezzi elettroniċi ta’ ħażna qegħdin jiżdiedu malajr, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità u d-daqs tal-ħażna, u għaldaqstant il-forzi tas-suq iġiegħlu l-fatturat tal-EEE (li fih ammonti kbar ta’ dejta personali, li spiss tkun sensittiva) jiżdied bl-istess mod. Ir-riżultati ta’ dan huma mhux biss li l-WEEE “huwa meqjus bħala l-aktar fluss ta’ skart fl-UE li qiegħed jikber malajr” (7), iżda wkoll, fil-każ ta’ rimi mhux xieraq, li hemm riskju ovvju akbar ta’ telf u tixrid ta’ dejta personali maħżuna f’dan it-tip ta’ EEE.

7.

Għal żmien twil il-politiki tal-Unjoni Ewropea dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli kellhom l-għan li jnaqqsu l-iskart ta’ riżorsi naturali u li jintroduċu miżuri sabiex jevitaw it-tniġġis.

8.

Ir-rimi, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-WEEE huma inklużi f’dan il-qafas. Dawn il-miżuri jfittxu li jipprevjenu r-rimi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku flimkien ma’ skart imħallat, li jobbliga lill-produtturi jipprovdu rimi fil-mod preskritt mid-Direttiva.

9.

B’mod partikolari, fost id-diversi miżuri previsti mid-Direttiva, huwa xieraq li jiġu evidenzjati dawk imfassla għall-użu mill-ġdid (jiġifieri kwalunkwe operazzjoni li permezz tagħha WEEE jew komponenti tiegħu jintużaw għall-istess għan li kien maħsub għalih, inkluż l-użu kontinwu tat-tagħmir jew komponenti tiegħu li jittieħdu lura fil-punti ta’ ġbir, distributuri, riċiklaturi jew manifatturi), għar-riċiklaġġ (jiġifieri l-ipproċessar mill-ġdid fi proċess ta’ produzzjoni tal-materjal ta’ skart għall-għan oriġinali jew għal għanijiet oħra) u jinstabu forom oħra ta’ rkupru ta’ WEEE sabiex jonqos ir-rimi ta’ skart (ara l-Artikoli 1 u 3(d) u (e) tad-Direttiva).

10.

Dawn l-operazzjonijiet, b’mod partikolari l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-WEEE, b’mod speċjali tagħmir tal-IT u tat-telekomunikazzjonijiet, jistgħu jippreżentaw riskju, akbar milli fil-passat, li dawk li jiġbru l-WEEE jew li jbiegħu u jixtru l-apparat użat jew riċiklat jistgħu jsiru konxji minn xi dejta personali maħżuna fih. Din id-dejta spiss tista’ tkun sensittiva jew tirreferi għal għadd kbir ta’ individwi.

11.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-KEPD jikkunsidra li huwa urġenti għall-partijiet interessati kollha (utenti u produtturi ta’ EEE) li jkunu konxji mir-riskji għad-dejta personali, b’mod speċjali fl-istadju finali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-EEE. F’dan l-istadju, għalkemm l-EEE huwa ekonomikament ta’ valur inqas, aktarx li jkun fih ammont kbir ta’ dejta personali u għalhekk aktarx li jkollu valur għoli “intrinsiku” għas-suġġett tad-dejta u/jew oħrajn.

III.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA

III.1.   Applikabbiltà tad-Direttiva 95/46/KE

12.

Il-KEPD m’għandux osservazzjonijiet dwar l-objettiv ġenerali tal-Proposta u jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattiva li ttieħdet, li hija maħsuba sabiex ittejjeb il-politiki li jiffavorixxu l-ambjent fil-qasam tal-WEEE.

13.

Madankollu, il-Proposta, kif ukoll id-Direttiva, tiffoka biss fuq ir-riskji ambjentali relatati mar-rimi ta’ WEEE. Ma tikkunsidrax riskji oħrajn addizzjonali għall-individwi u/jew organizzazzjonijiet li jistgħu jinħolqu mill-operazzjonijiet ta’ rimi, użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ ta’ WEEE, b’mod partikolari dawk relatati mal-probabbiltà ta’ akkwist, żvelar jew tixrid irregolari ta’ dejta personali maħżuna fil-WEEE.

14.

Huwa importanti li wieħed jinnota li d-Direttiva 95/46/KE (8) tapplika għal “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali”, inklużi t-“tħassir jew distruzzjoni” tagħha (Artikolu 2(b)). Ir-rimi ta’ EEE jista’ jinvolvi operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ dejta. Għal din ir-raġuni hemm sovrappożizzjoni bejn il-Proposta u d-Direttiva li għadha kemm issemmiet, u għaldaqstant ir-regoli ta’ protezzjoni tad-dejta jistgħu japplikaw għal attivitajiet koperti mill-Proposta.

III.2.   Ir-rimi tal-WEEE u miżuri ta’ sigurtà

15.

Il-KEPD għandu l-ħsieb li jenfasizza r-riskji sinifikanti li jistgħu jaffettwaw lill-individwu u/jew organizzazzjonijiet li jaġixxu bħala “kontrolluri tad-dejta” (9) meta l-WEEE, b’mod partikolari it-tagħmir tal-IT jew tat-telekomunikazzjonijiet, ikun fih dejta personali li tirrigwarda lill-utenti ta’ dak l-apparat u/jew partijiet terzi fil-ħin tar-rimi. L-aċċess illegali għal jew l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni personali, li xi kultant tkun tikkonsisti f’kategoriji speċjali ta’ dejta, li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade unions, u dejta li tirrigwarda s-saħħa jew il-ħajja sesswali (hekk imsejħa “dejta sensittiva”) (10), tabilħaqq jista’ jaffettwa l-privatezza u d-dinjità tal-persuni li għalihom tirrelata l-informazzjoni, kif ukoll interessi leġittimi oħrajn ta’ dawk l-individwi/organizzazzjonijiet (eż. dawk ekonomiċi).

16.

F’termini ġenerali, il-KEPD jikkunsidra l-ħtieġa li jenfasizza l-importanza tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà xierqa f’kull stadju (mill-bidu sal-aħħar) tal-ipproċessar ta’ dejta personali, kif iddikjarat ripetutament f’opinjonijiet oħra (11). Dan japplika a fortiori għall-fażi delikata li fiha l-kontrollur tad-dejta jkollu jarmi apparat li jkun fih dejta personali.

17.

Tabilħaqq, ir-rispett ta’ miżuri ta’ sigurtà spiss huwa prerekwiżit sabiex wieħed jiggarantixxi b’mod effettiv id-dritt għall-protezzjoni ta’ dejta personali.

18.

Għalhekk ikun inkonsistenti li jekk jiddaħħal id-dmir li jiġu stabbiliti miżuri ta’ sigurtà (kultant għaljin) fil-proċess ordinarju tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ dejta personali (kif previst mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE, fejn applikabbli (12)), iżda mbagħad ma tiġix ikkunsidrata l-introduzzjoni ta’ salvagwardji xierqa rigward ir-rimi tal-WEEE.

19.

Ikun daqstant inkonsistenti li tingħata importanza lill-kwistjoni tas-sigurtà tad-dejta sal-punt li n-notifika ta’ ksur tad-dejta kellha tiġi introdotta permezz tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/136/KE (13) u mbagħad ma tingħatax xi garanzija jew salvagwardja waqt ir-rimi tal-WEEE kif ukoll fil-każ tal-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ tal-WEEE.

20.

Il-KEPD jiddispjaċih li l-Proposta ma tikkunsidrax l-effetti potenzjalment ta’ dannu tar-rimi tal-WEEE fuq il-protezzjoni ta’ dejta personali maħżuna fit-tagħmir “użat”.

21.

Dan l-aspett lanqas ma ġie kkunsidrat fl-evalwazzjoni tal-impatt li għamlet il-Kummissjoni (14) għalkemm l-esperjenza wriet li meta ma jittieħdux il-miżuri ta’ sigurtà xierqa fil-każ tar-rimi tal-WEEE il-protezzjoni tad-dejta personali tkun fil-periklu (15). Minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet involuti (pereżempju l-għadd kbir ta’ metodi leġittimi, teknoloġiji u partijiet interessati fiċ-ċiklu tar-rimi tal-WEEE), il-KEPD jikkunsidra li kien ikun xieraq li ssir “evalwazzjoni tal-impatt tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta” fuq il-proċessi relatati mar-rimi tal-WEEE.

22.

Madankollu, il-KEPD jisħaq bil-qawwi li għandhom jiġu żviluppati “l-Aqwa Tekniki Disponibbli” għall-privatezza, il-protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà f’dan il-qasam.

23.

Bħala evidenza ulterjuri, waqt il-konsultazzjoni pubblika qabel it-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva, il-partijiet interessati xi drabi qajmu l-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà u l-protezzjoni tad-dejta personali, b’mod partikolari l-kumpaniji tal-IT u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (16).

24.

Finalment, ta’ min jenfasizza li xi awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta ppubblikaw linji gwida sabiex inaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa, b’mod partikolari fir-rimi ta’ materjal soġġett għall-applikazzjoni tad-Direttiva (17).

25.

Il-KEPD itenni li d-Direttiva 95/46/KE hija applikabbli fl-istadju tar-rimi tal-WEEE li fih dejta personali. Il-kontrolluri tad-dejta – b’mod partikolari dawk li jużaw apparat tal-IT u tal-komunikazzjonijiet – huma għaldaqstant mitluba li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom tas-sigurtà sabiex jevitaw l-iżvelar jew it-tixrid irregolari ta’ dejta personali. Għal dan il-għan u sabiex ma jinżammx responsabbli għall-ksur tal-miżuri tas-sigurtà, il-kontrollur tad-dejta fis-settur pubbliku jew privat, bil-kooperazzjoni tal-uffiċjali tal-protezzjoni tad-dejta (fejn ikun hemm), għandu jadotta politiki xierqa għar-rimi ta’ WEEE li jkun fih dejta personali.

26.

Meta l-kontrolluri tad-dejta li jkunu qegħdin jarmu EEE ma jkollhomx il-ħiliet meħtieġa u/jew l-għarfien tekniku dwar kif iħassru d-dejta personali kkonċernata, huma għandhom jafdaw dan ix-xogħol lil proċessuri kwalifikati (eż. ċentri ta’ assistenza, manifatturi u distributuri tat-tagħmir) taħt il-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 17 (2), (3) u (4) tad-Direttiva 95/46/KE. Dawn il-proċessuri min-naħa tagħhom għandhom jiċċertifikaw it-twettiq tal-operazzjonijiet inkwistjoni u/jew jidħlu għalihom.

27.

Minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-KEPD jasal għall-konklużjoni li r-riformolazzjoni tad-Direttiva għandha żżid prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta mad-dispożizzjonijiet maħsuba għall-protezzjoni tal-ambjent.

28.

Il-KEPD għaldaqstant jirrakkomanda lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jinkludu dispożizzjoni speċifika fil-Proposta attwali li tgħid li d-Direttiva tapplika għar-rimi ta’ WEEE mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE.

III.3.   L-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ tal-WEEE u l-miżuri ta’ sigurtà

29.

Minħabba li jinsabu f’sitwazzjoni li tippermetti deċiżjonijiet awtonomi rigward id-dejta miżmuma fl-EEE, dawk responsabbli mill-operazzjonijiet ta’ rimi jistgħu jitqiesu bħala “kontrolluri tad-dejta” (18). Għaldaqstant huma għandhom jadottaw proċeduri interni sabiex jevitaw operazzjonijiet ta’ pproċessar mhux meħtieġa fuq kwalunkwe dejta personali maħżuna fil-WEEE, jiġifieri operazzjonijiet oħrajn minbarra dawk strettament meħtieġa għall-verifika tat-tneħħija effettiva tad-dejta li tkun tinsab fih.

30.

Barra minn hekk m’għandhomx iħallu individwi mhux awtorizzati jiksbu għarfien ta’ jew jipproċessaw dejta maħżuna fl-EEE. B’mod partikolari, meta l-mezzi ta’ ħażna jiġu rriċiklati jew użati mill-ġdid, u għalhekk jerġgħu jidħlu fis-suq, hemm riskju akbar ta’ żvelar jew tixrid irregolari ta’ dejta personali, kif ukoll ħtieġa ta’ prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat għal dejta personali.

31.

Għaldaqstant il-KEPD jirrakkomanda li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jinkludu dispożizzjoni speċifika fil-Proposta attwali sabiex jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ apparat użat li ma jkunx għadda minn qabel minn miżuri xierqa ta’ sigurtà, f’konformità mal-aħħar standards tekniċi sofistikati (pereżempju multi-pass overwriting), sabiex titħassar kwalunkwe dejta personali li jista’ jkun fih.

III.4.   Privatezza u sigurtà “skont id-disinn”

32.

Il-qafas legali li ġew dwar l-iskart elettroniku mhux biss għandu jinkludi dispożizzjoni speċifika rigward “il-prinċipju ta’ disinn ekoloġiku” usa’ tat-tagħmir (ara l-Artikolu 4 tal-Proposta rigward “Id-disinn tal-prodott”) iżda wkoll – kif intqal qabel f’opinjonijiet oħrajn tal-KEPD (19) – waħda li tirrigwarda l-prinċipju ta’ “Privatezza skont id-disinn” (20) jew, b’mod aktar preċiż f’dan il-qasam, “sigurtà skont id-disinn” (21). Sa fejn huwa possibbli, il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta għandhom ikunu integrati “awtomatikament” fid-disinn ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, sabiex jippermettu lill-utenti li jħassru – permezz ta’ mezz sempliċi u mingħajr ħlas – dejta personali li tista’ tkun preżenti fl-apparat f’każ li jintrema (22).

33.

Dan l-approċċ huwa appoġġat b’mod ċar mill-Artikolu 3.3(c) tad-Direttiva 1999/5/KE (23) li jirrigwarda d-disinn ta’ tagħmir terminali tar-radju u tat-telekomunikazzjonijiet u mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2002/58/KE (24).

34.

Għaldaqstant, il-produtturi għandhom “jintegraw” salvagwardji ta’ privatezza u ta’ sigurtà permezz ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi (25). F’dan il-qafas, l-inizjattivi li għandhom l-għan li jagħtu pariri lil dawk ikkonċernati dwar il-ħtieġa li jħassru kwalunkwe dejta personali qabel ir-rimi ta’ WEEE (inklużi l-produtturi li jipprovdu softwer bla ħlas għal dan il-għan) ukoll għandhom ikunu mħeġġa u appoġġati (26).

IV.   KONKLUŻJONIJIET

35.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-KEPD jirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta, b’mod partikolari permezz tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, u l-KEPD ikunu involuti mill-qrib f’inizjattivi relatati mar-rimi ta’ WEEE, permezz ta’ konsultazzjoni fi stadju kmieni biżżejjed qabel l-iżvilupp ta’ miżuri rilevanti.

36.

Meta jqis il-kuntest li fih tiġi pproċessata d-dejta personali, il-KEPD jagħti parir li l-Proposta għandha tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi:

li jistabbilixxu li d-Direttiva dwar il-WEEE tapplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE;

li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ apparat użat li qabel ma jkunx għadda minn miżuri ta’ sigurtà xierqa, f’konformità mal-aħħar standards tekniċi sofistikati sabiex titħassar kwalunkwe dejta personali li jista’ jkun fih;

li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ “Privatezza skont id-disinn” jew “sigurtà skont id-disinn”: safejn huwa possibbli, il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta għandhom ikunu integrati “awtomatikament” fid-disinn ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, sabiex jippermettu lill-utenti li jħassru – permezz ta’ mezz sempliċi u mingħajr ħlas – dejta personali li tista’ tkun preżenti fl-apparat f’każ li jintrema.

37.

Il-KEPD jirrakkomanda bil-qawwi, għalhekk, li l-Proposta tiġi emendata, f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE, kif ġej:

—   Premessa (11):

“Barra minn hekk, din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE. Peress li t-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) huwa grupp wiesa’ ta’ prodotti li jinkludi sensiela differenti ta’ mezzi li jistgħu jaħżnu dejta personali (bħal tagħmir tal-IT u tat-telekomunikazzjonijiet), l-operazzjonijiet ta’ rimi relatati miegħu, b’mod partikolari l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tiegħu, jistgħu joħolqu riskji ta’ aċċess mhux awtorizzat għal dejta personali maħżuna f’WEEE. Għaldaqstant, safejn huwa possibbli, salvagwardji ta’ privatezza u ta’ protezzjoni tad-dejta għandhom ikunu integrati awtomatikament fid-disinn ta’ tagħmir elettriku u elettroniku li kapaċi jaħżen dejta personali, sabiex jippermettu lill-utenti li jħassru – b’mod sempliċi u mingħajr ħlas – dejta personali bħal din li tista’ tkun preżenti meta jintrema l-apparat.”;

—   Artikolu 2 (3):

“Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE.”;

38.

Barra minn hekk, il-KEPD iqis xieraq li jiġu kkunsidrati dawn l-emendi li ġejjin:

—   Artikolu 4 (2):

“L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu miżuri għall-promozzjoni tad-disinn u l-produzzjoni ta’ tagħmir elettriku u elettroniku li jiffaċilita t-tħassir ta’ kwalunkwe dejta personali li tkun tinsab fl-EEE meta dan jintrema”;

—   Artikolu 8 (7):

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe WEEE miġbur li jkun fih dejta personali li jiġi ttrattat sabiex ikun riċiklat jew użat mill-ġdid ma jinbiegħx sakemm dik id-dejta ma tkunx tneħħiet permezz tal-Aqwa Tekniki Disponibbli.”;

—   Artikolu 14 (6):

“L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-utenti ta’ EEE li jkun fih dejta personali jingħataw informazzjoni mill-produtturi u/jew distributuri waqt il-bejgħ, eż. fl-istruzzjonijiet għall-użu, rigward il-ħtieġa li titħassar dejta personali li tista’ tkun fl-EEE qabel ma dan jintrema”.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ April 2010.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  COM(2008) 810 finali.

(2)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24.

(3)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individw[i] fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data, ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  Ara QĠE, 23.2.1999, C-42/97 Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, [1999] Ġabra I-869, punt 43.

(5)  Ara wkoll, inter alia, QĠE, 30.1.2001, C-36/98 Spanja vs Il-Kunsill, [2001] Ġabra I-779, punt 59: “Jekk l-eżami ta’ att Komunitarju juri li huwa jfittex li jilħaq għan doppju jew li għandu komponent doppju u jekk wieħed minnhom jista’ jiġi identifikat bħala l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun biss aċċessorju, l-att għandu jkun imsejjes fuq bażi legali waħdanija, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew komponent ewlieni jew predominanti” (traduzzjoni mhux uffiċjali).

(6)  Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika ta’ tfassil mill-ġdid għall-atti legali, ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.

(7)  Ara d-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart elettriku u elettroniku (WEEE) (tfassil mill-ġdid). Evalwazzjoni tal-Impatt, 3.12.2008 (COM(2008) 810 finali) SEC(2008) 2933, p. 17.

(8)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(9)  Għad-definizzjoni ta’ “kontrollur” ara l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE.

(10)  Ara l-Artikolu 8, Direttiva 95/46/KE.

(11)  Ara l-Opinjoni tal-KEPD dwar l-istabbiliment ta’ Aġenzija għal sistemi tal-IT fuq skala kbira (ĠU C 70, 19.3.2010, p. 13), punti 46 u 47; l-Opinjoni dwar il-proposta għal Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU C 128, 6.6.2009, p. 20), punti 27-31.

(12)  Ara l-Artikolu 3 tal-istess Direttiva.

(13)  Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11.

(14)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkompanja l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (tfassil mill-ġdid), SEC(2008) 2933, 3.12.2008; iżda ara l-Università tan-Nazzjonijiet Uniti, 2008 Reviżjoni tad-Direttiva 2002/96/KE dwar l-Iskart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku (WEEE), Kummissjoni Ewropea, il-Belġju, 2007, p. 273 (http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/pdf/final_rep_unu.pdf); “Is-sigurtà tad-dejta hija kwistjoni wkoll – it-tneħħija ta’ dejta personali minn hard-drive”.

(15)  Ara, eż., l-artikolu online tal-BBC “Children's files on eBay computer”, tal-4 ta’ Mejju 2007, li jirrapporta li kompjuter li kien fih dejta personali dwar il-fostering u l-adozzjoni ta’ tfal inbiegħ fuq l-eBay (http://news.bbc.co.uk/2/hi/uk_news/england/6627265.stm); ara wkoll l-artikolu online tal-BBC “Bank customer data sold on eBay” tas-26 ta’ Awwissu 2008, li rrapporta li l-hard disk li kien fih id-dejta personali ta’ miljun klijent ta’ bank inbiegħ fuq eBay (http://news.bbc.co.uk/2/hi/uk_news/7581540.stm).

(16)  Ara HP, Konsultazzjoni tal-Partijiet Interessanti dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku (WEEE), pp. 7-8; DELL (abbozz ta’ kummenti), Għażliet tal-Politika ta’ Reviżjoni dwar il-WEEE tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku (WEEE), p. 2, punt 1.1. u 4, punt 1.3. (3.6.2008); Pożizzjoni u Proposta tar-Royal Philips Electronics, konsultazzjoni tal-Partijiet Interessati dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva WEEE, p. 12 (5.6.2008) (http://circa.europa.eu/Public/irc/env/weee_2008_review/library). Ara wkoll ir-Rispons tal-Konsultazzjoni dwar il-WEEE, Sommarju tat-tweġibiet u r-rispons tal-Gvernijiet għar-raba’ konsultazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi 2002/96/KE u 2003/108/KE dwar Skart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku, Diċembru 2006, p. 30: “Protezzjoni u sigurtà tad-dejta. Xi kumpaniji tal-ġestjoni tal-iskart jixtiequ li toħroġ xi gwida dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-dejta, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li sejrin ikunu qegħdin jimmaniġġjaw dejta sensittiva” (http://www.berr.gov.uk/files/file35961.pdf).

(17)  Landesbeauftragter für Datenschutz und Informationsfreiheit Bremen, Entwicklung eines Konzeptes zur Löschung und Datenträgervernichtung durch Behörden und Unternehmen, 16. Mai 2007 (http://www.datenschutz-bremen.de/rtf/datenloeschung.rtf); Garante per la protezione dei dati personali, Skart tat-Tagħmir Elettriku u Elettroniku u l-Protezzjoni tad-Dejta, 13 ta’ Ottubru 2008 (http://www.garanteprivacy.it/garante/doc.jsp?ID=1583482), imsemmi wkoll fit-Tnax-il Rapport Annwali tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, 16 ta’ Ġunju 2009, p. 57; ara wkoll Grupp ta’ Ħidma Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u t-Telekomunikazzjonijiet, Rakkomandazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u l-Iskart Elettroniku, Sofia, 12–13.3.2009 (http://www.datenschutz-berlin.de/attachments/650/675.38.14.pdf?1264671551).

(18)  “Il-kunċett ta’ kontrollur huwa […] funzjonali, fis-sens li huwa maħsub sabiex jalloka responsabbiltajiet meta l-influwenza fattwali hija, u għaldaqstant ibbażata fuq analiżi fattwali aktar milli waħda formali”: ara Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, WP 169, Opinjoni 1/2010 dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur” u “proċessur”, adottata fis-16 ta’ Frar 2010.

(19)  Ara, e.ż., Il-KEPD u r-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku tal-UE. Dokument ta’ politika, 28 ta’ April 2008, p. 2; Opinjoni tal-KEPD dwar is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ĠU C 47, 25.2.2010, p. 6); Opinjoni tal-KEPD dwar il-farmakoviġilanza (ĠU C 229, 23.9.2009, p. 19).

(20)  Favur applikazzjoni wiesgħa tal-prinċipju ara l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-Artikolu 29 – Grupp ta’ Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja, Il-Futur tal-Privatezza. Kontribuzzjoni konġunta għall-Konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qafas legali għad-dritt fundamentali tal-protezzjoni ta’ dejta personali, WP 168, adottat fl-1 ta’ Diċembru 2009, p. 3 u 12; ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ prinċipji dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta f’applikazzjonijiet appoġġati mill-identifikazzjoni ta’ frekwenza tar-radju, C(2009) 3200 finali, p. 8.

(21)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Aġenda Ewropea għar-Riċerka dwar is-Sigurtà u l-Innovazzjoni – il-pożizzjoni inizjali tal-Kummissjoni dwar is-sejbiet ewlenin u r-rakkomandazzjonijiet tal-ESRIF, COM(2009) 691 finali, p. 6 u 14.

(22)  Ara wkoll KEPD, Opinjoni tat-18 ta’ Marzu 2010 dwar il-promozzjoni tal-fiduċja fis-Soċjetà tal-Informazzjoni permezz tat-trawwim tal-protezzjoni tad-dejta u tal-privatezza.

(23)  Artikolu 3 (3) tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta' telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10): “[…] il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-apparat f'ċerti klassijiet ta' tagħmir jew tipi partikolari ta' apparat għandu jkun hekk mibni biex […] jinkorpora salvagwardji biex jiżgura li data personali u l-privatezza tal-utent u tal-abbonat ikun protetti”.

(24)  “Fejn meħtieġ, jistgħu jiġu adottati miżuri biex ikun żgurat li t-tagħmir terminali jinbena b'tali mod li huwa kompatibbli mad-dritt tal-utenti li jħarsu u jikkontrollaw l-użu tad-data personali tagħhom, skont id-Direttiva 1999/5/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE tat-22 ta' Diċembru 1986 dwar l-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet”. Ara wkoll il-Premessa 46 tal-istess Direttiva, imsemmija fin-nota 13 ta’ qiegħ il-paġna.

(25)  Favur din il-perspettiva ta’ politika ara wkoll V. Reding, Diskors Prinċipali fil-Jum iddedikat lill-Protezzjoni tad-Dejta, 28 ta’ Jannar 2010, Parlament Ewropew, Brussell, DISKORS/10/16: “Il-kumpaniji għandhom jużaw is-setgħa ta’ innovazzjoni tagħhom sabiex itejbu l-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta personali mill-bidu nett taċ-ċiklu ta’ żvilupp. Il-Privatezza skont id-Disinn huwa prinċipju li huwa fl-interess kemm taċ-ċittadini kif ukoll tal-kumpaniji. Il-Privatezza skont id-Disinn għandha twassal għal protezzjoni aqwa għall-individwi, kif ukoll għal fiduċja u kunfidenza f’servizzi u prodotti ġodda li min-naħa tagħhom ikollhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija. Rajt xi eżempji inkoraġġanti, iżda għad fadal ħafna xi jsir”.

(26)  Ara, eż., Royal Canadian Mounted Police, B2-002 — IT Media Overwrite and Secure Erase Products (05/2009), fuq http://www.rcmp-grc.gc.ca/ts-st/pubs/it-ti-sec/index-eng.htm


Top