EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XX0213(02)

Rapport finali tal-uffiċjal tas-smigħ – Każ COMP/39.530 – Microsoft (Tying)

ĠU C 36, 13.2.2010, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 36/5


Rapport finali tal-uffiċjal tas-smigħ (1)

Każ COMP/39.530 – Microsoft (Tying)

2010/C 36/05

L-abbozz ta’ Deċiżjoni ppreżentata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) jikkonċerna l-allegata rabta illegali minn Microsoft Corporation (‘Microsoft’) tal-web browser tagħha, Internet Explorer mas-sistema operattiva tal-kompjuter personali tal-klijent (“PC”) dominanti, Windows (“Windows”).

Fl-oriġini tal-każ hemm ilment li rċeviet il-Kummissjoni fl-aħħar tal-2007. Il-Kummissjoni fetħet il-proċeduri u adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) li stabbiliet it-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni. Id-DO kien notifikat lil Microsoft fil-15 ta’ Jannar 2009. Id-DO jikkostitwixxi valutazzjoni preliminari fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

Ftit wara n-notifikazzjoni tad-DO, Microsoft ingħatat aċċess għall-fajl permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Jannar 2009. Aċċess ulterjuri għall-informazzjoni, li għall-bidu kien ikklassifikat b’mod proviżorju bħala kunfidenzjali, kien ipprovdut f’diversi okkażjonijiet aktar tard. Minħabba li Microsoft kellha tiddedika ħin addizzjonali biex tikseb u tirrevedi l-ġustifikazzjonijiet għall-pretensjonijiet ta’ kunfidenzjalità, tinvolvi ruħha f’diversi skambji ta’ korrispondenza mal-Kummissjoni u in konsiderazzjoni tal-fatt illi Microsoft kellha tirrevedi u fejn xieraq, tieħu l-informazzjoni addizzjonali in konsiderazzjoni fir-risposta tagħha għad-DO, jien tajt estensjoni limitata ulterjuri tal-iskadenza b’ġimgħa.

Wara li nfetħu l-proċeduri, erba’ kumpaniji (Google Inc., McAfee Inc., Mozilla, Symantec Corporation) u tmien assoċjazzjonijiet applikaw u kienu aċċettati bħala partijiet terzi interessati (Association for Competitive Technology, Computing Technology Industry Association, European Committee for Interoperable Systems, Free Software Foundation Europe e.V., International Association of Microsoft Certified Partners, Software & Information Industry Association, Pan-European ICT & eBusiness Network for SMEs, UFC Que Choisir). Assoċjazzjoni waħda ma kinitx aċċettata, minħabba li ma wrietx li l-mistoqsijiet li qajmet f’dan il-każ kienu marbuta mill-qrib b’mod suffiċjenti mal-għanijiet ġenerali mħaddna mill-assoċjazzjoni (3).

Microsoft, fit-tweġiba tagħha għad-DO talbet għal-Seduta ta’ Smigħ li sussegwentement kienet iffissata għal 3, 4 u 5 ta’ Ġunju 2009. Madanakollu, aktar tard irrifjutat li tinstema' f'dawn id-dati u fil-15 ta' Mejju 2009 applikat biex tipposponi s-Seduta tas-Smigħ, allegatament sabiex tippermetti lill-uffiċjali ta' kariga għolja fil-Kummissjoni biex ikunu preżenti u anke sabiex tagħti aktar żmien lil Microsoft biex tirrevedi u twieġeb għal kummenti bil-miktub li jistgħu jiġu sottomessi mill-ilmentatur u l-partijiet terzi.

Minħabba l-assikurazzjonijiet li kienet tat lil Microsoft fir-rigward tal-preżenza tal-uffiċjali ta' kariga għolja fil-Kummissjoni fis-Seduta Orali, kif ukoll għall-iżvelar tempestiv tal-kummenti tal-partijiet terzi, jien irrifjutajt it-talba ta’ Microsoft għall-posponiment għat-18 ta’ Mejju 2009. Fl-istess ittra, Microsoft kienet mistiedna biex tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha u biex tikkonferma t-talba tagħha fis-Seduta Orali. Din wieġbet fid-19 ta’ Mejju 2009 li ma kinitx tista’ taċċetta d-dati proposti. Għaldaqstant, jien ikkunsidrajt li titneħħa t-talba għal Seduta Orali.

Ġew ippreżentati fatti addizzjonali miġbura mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-DO f’Ittra tal-Fatti mibgħuta fl-24 ta’ Lulju 2009. Fl-istess jum, ngħata aċċess ġdid għall-fajl.

F’Ottubru 2009, Microsoft issottomettiet impenji lill-Kummissjoni, filwaqt li kompliet issostni li ma taqbilx mal-konklużjonijiet preliminari kif stipulati fid-DO.

L-impenji prinċipali kienu dawn:

Microsoft tagħmel disponibbli mekkaniżmu fil-Windows fiż-ŻEE li jkun jippermetti lill-manifatturi tal-PC u l-utenti li jitfu u jixegħlu l-Internet Explorer.

Il-manifatturi tal-PC ikunu ħielsa li jinstallaw minn qabel kwalunkwe web browser(s) tal-għażla tagħhom fuq il-PCs li jesportaw u jissettjawh bħala l-web browser awtomatiku..

Microsoft għandha tiddistribwixxi choice screen għal aġġornament ta’ software lill-utenti ta’ Windows PCs fiż-ŻEE permezz ta’ Windows Update. Iċ-choice screen għandha tagħti lill-utenti l-opportunità li jagħżlu jekk u liema web browser(s) kompetituri jistgħu jinstallaw.

L-impenji sħaħ ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Ottubru 2009 skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (4) u partijiet terzi interessati ġew mistiedna biex jagħtu l-kummenti tagħhom f’dawn l-impenji fi żmien xahar wara l-pubblikazzjoni.

Wara li kienet informata bl-osservazzjonijiet, Microsoft emendat l-impenji tagħha.

Il-Kummissjoni issa waslet għall-konklużjoni li, fid-dawl tal-impenji emendati, m’għadx hemm lok għal azzjonijiet min-naħa tagħha u li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2), il-proċedimenti għandhom jiġu mitmuma.

Fit-30 ta’ Novembru 2009, Microsoft iddikkjarat lill-Kummissjoni li kienet irċeviet aċċess suffiċjenti għall-informazzjoni fil-fajl tal-Kummissjoni li kienet tikkunsidra li hu meħtieġ biex tipproponi impenji sabiex tissodisfa t-tħassib espress mill-Kummissjoni.

Fid-dawl ta’ dan kollu, inqis li d-dritt li wieħed jinstema’ ġie rrispettat f’dan il-każ.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2009

Michael ALBERS


(1)  Skont l-Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2001/462/KE, KEFA) tat-23 ta' Mejju 2001 dwar it-termini ta' referenza ta' uffiċjali tas-smigħ f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni – ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21.

(2)  Minn hawn ’il quddiem, l-Artikoli u l-kapitoli kollha msemmija huma dawk tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(3)  Dwar ir-rekwiżit għal assoċjazzjoni li turi li hi jew il-membri tagħha għandhom interess biżżejjed f’każ qabel ma' din tkun aċċettata biex tagħmel intervent, ara l-Ordni riċenti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 2009 fil-Kawża C-550/07 P, Akzo Nobel Chemicals Ltd and Akcros Chemicals Ltd.

(4)  ĠU C 242, 9.10.2009, p. 20.


Top