Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0647

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-adattament tal-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli

/* KUMM/2010/0647 finali - NLE 2010/0314 */

52010PC0647

/* KUMM/2010/0647 finali - NLE 2010/0314 */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-adattament tal-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli


Brussel 10.11.2010

KUMM(2010) 647 finali

2010/0314 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-adattament tal-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-Anness 3 (minn hawn 'il quddiem "l-Anness") għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim") jipprovdi għal konċessjonijiet fir-rigward tal-ġobnijiet, b'mod partikolari l-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ tal-ġobnijiet fuq perjodu ta' ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Il-liberalizzazzjoni tal-ġobnijiet tlestiet f'Ġunju tal-2007. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera qablu li fil-Ftehim idaħħlu Anness 12 ġdid dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel. B'konsegwenza ta' dan, l-Anness jeħtieġ li jiġi rivedut sabiex iqis kemm il-liberalizzazzjoni kompluta fil-kummerċ bilaterali fil-ġobnijiet kif ukoll il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, stipulati fl-Anness 12.

Il-Kummissjoni għalhekk tressaq il-proposta quddiem il-Kunsill biex id-Deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-adattament tal-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli, tiġi adottata.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

L-ebda implikazzjoni.

2010/0314 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-adattament tal-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4) l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli[1] (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim") daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

2. L-Artikolu 6 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura biex ikun responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Ftehim u biex jiżgura li dan jiffunzjona sew.

3. L-Artikolu 11 tal-Ftehim jipprovdi li l-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura jista’ jiddeċiedi li jemenda l-Annessi għall-Ftehim.

4. Wara l-liberalizzazzjoni kompluta fil-kummerċ bilaterali fil-ġobnijiet, b'effett mill-1 ta' Ġunju 2007 u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, li għandhom jiġu stipulati fl-Anness 12 ġdid għall-Ftehim, li jitlob għall-konsistenza fl-ispeċifikazzjonijiet l-aktar tal-ġobnijiet, l-adattamenti neċessarji tal-Anness 3 għall-Ftehim għandhom isiru,

5. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni Nru 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera[2] jipprovdi li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura għandha tiġi adottata mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura stabbilit permezz tal-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli, fir-rigward tal-adattamenti tal-Ftehim f'dak li jikkonċerna l-kummerċ bilaterali fi prodotti li jidħlu taħt l-intestatura 0406 tas-Sistema Armonizzata, biex ikun jista' jitqies il-kummerċ kompletament liberalizzat fis-settur, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hekk kif tiġi adottata.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI Nru .../2010 TAL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKOLTURA

il-

Li jikkonċerna l-modifikazzjoni tal-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli

(…/…/…)

IL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKOLTURA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli[3], u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Billi:

(1) Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli (minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim") daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

(2) L-Anness 3 (minn hawn 'il quddiem "l-Anness") għall-Ftehim jipprovdi għall-konċessjonijiet fir-rigward tal-ġobnijiet, b'mod partikolari l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ f'ġobnijiet matul perjodu ta' ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(3) . L-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera qablu li jdaħħlu fil-Ftehim Anness 12 ġdid dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u tal-ikel, li jitlob għal konsistenza fl-ispeċifikazzjonijiet l-aktar tal-ġobnijiet.

(4) B'konsegwenza ta' dan, l-Anness jeħtieġ li jiġi rivedut sabiex iqis kemm il-liberalizzazzjoni kompluta fil-kummerċ bilaterali fil-ġobnijiet, b'effett mill-1 ta' Ġunju 2007, kif ukoll wkoll il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, li se jkunu stipulati fl-Anness 12 ġdid.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli u l-appendiċi tiegħu, għandu jinbidel bit-testi fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-..........2010

Magħmul fi …., l-…..

Għall-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura

[…]

Il-President u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE | Il-Kap tad-Delegazzjoni Svizzera | Is-Segretarju tal-Kumitat |

ANNESS

'Anness 3

6. Il-kummerċ bilaterali fil-prodotti kollha li jidħlu taħt l-intestatura 0406 tas-Sistema Armonizzata huwa liberalizzat kompletament b'effett mill-1 ta' Ġunju 2007 billi tneħħew it-tariffi kollha u l-kwota.

7. L-Unjoni Ewropea ma għandhiex tapplika rifużjonijiet tal-esportazzjoni għal ġobnijiet esportati lejn l-Iżvizzera. L-Isvizzera ma għandhiex tapplika sussidji tal-esportazzjoni[4] għal ġobnijiet esportati lejn l-Unjoni Ewopea.

8. Il-prodotti kollha li jidħlu fil-kodiċi tan-NM 0406 li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea jew fl-Isvizzera u li jsir kummerċ fihom bejn dawk iż-żewġ Partijiet huma eżentati mill-preżentazzjoni ta' liċenzja tal-importazzjoni.

9. l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera għandhom jiżguraw li l-benefiċċji mogħtija reċiprokament ma jiġux ippreġudikati minn miżuri oħrajn li jaffettwaw l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.

10. Jekk l-iżvilupp tal-prezzijiet u/jew l-importazzjonijiet jirriżulta f'disturb fis-suq ta' kwalunkwe Parti, għandhom jinbdew konsultazzjonijiet kemm jista' jkun malajr fi ħdan il-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 6 tal-Ftehim fuq talba ta' kwalunkwe Parti bil-ħsieb li jinstabu s-soluzzjonijiet xierqa. F'din il-konnessjoni, il-Partijiet qegħdin preżentement jaqblu illi bejniethom se jsir skambju ta' informazzjoni dwar il-prezzijiet u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti dwar is-suq ta' ġobnijiet prodotti lokalment u impurtati.

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA | Fichefin/10/599507 DDG/tm 6.0.2005.1-2010 |

DATA: 27/08/2010 |

1. | INTESTATURA TAL-BAĠIT: Kapitolu 12 - Dazji doganali u dazji oħrajn | APPROPRJAZZJONIJIET: B2010: 14 079.7 M EUR |

2. | TITOLU: Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-adattament tal-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli |

3. | BAŻI LEGALI: It-Trattat u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4) l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9). |

4. | GĦANIJIET: Biex tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-adattament tal-Anness 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli. |

5. | IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI | PERJODU TA' 12-IL XAHAR (miljun EUR) | SENA FINANZJARJA ATTWALI 2010 (miljun EUR) | SENA FINANZJARJA LI JMISS 2011 (miljun EUR) |

5.0 | NEFQA - IMĦALLSA MILL-BAĠIT TAL-KE (RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI) - AWTORITAJIET NAZZJONALI - OĦRAJN | - | - | - |

5.1 | DĦUL - RIŻORSI TAL-KE STESS (IMPOSTI / DAZJI DOGANALI) - NAZZJONALI | - | - | - |

2012 | 2013 | 2014 |

5.0.1 | NEFQA STMATA |

5.1.1 | DĦUL STMAT | - | - | - |

5.2 | METODU TA' KALKOLU: - |

6.0 | JISTA' L-PROĠETT JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT PREŻENTI? | IVA LE |

6.1 | JISTA' L-PROĠETT JIĠI FINANZJAT BI TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT PREŻENTI? | IVA LE |

6.2 | HEMM BŻONN TA' BAĠIT SUPPLIMENTARI? | IVA LE |

6.3 | SE JKUN HEMM BŻONN LI JIDĦLU APPROPRJAZZJONIJIET FIL-BAĠITS TAL-ĠEJJIENI? | IVA LE |

OSSERVAZZJONIJIET: Il-miżura tipprovdi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea dwar il-modifika tal-Anness 3 (Kummerċ fi prodotti tal-ġobon skont il-kodiċi tan-NM 0406) għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli. Ma għandha l-ebda impatt finanzjarju. |

[1] ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132. Il-Ftehim kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 1/2007 tal-Kumitat Konġunt dwar l-Agrikoltura (ĠU L 173, 3.7.2007, p. 31).

[2] ĠU L 114, 30.4.2002, p. 1.

[3] Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli; ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132

[4] L-ammonti bażiċi li fuqhom ġiet ibbażata l-eliminazzjoni tas-sussidji tal-esportazzjoni, ġew ikkalkulati bi ftehim komuni bejn il-Partijiet abbażi tad-differenza bejn il-prezzijiet istituzzjonali għall-ħalib li probabbilment ikunu fis-seħħ meta jidħol fis-seħħ il-Ftehim, u ammont addizzjonali għall-ħalib ipproċessat biex isir ġobon, miksub abbażi tal-kwantità ta' ħalib meħtieġa għall-manifattura tal-ġobnijiet ikkonċernati, u titnaqqas (ħlief fil-każ ta' ġobnijiet suġġetti għal kwoti) ir-riduzzjoni tad-dazju doganali applikat mill-Komunità.

Top