Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0362

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/68/KE fir-rigward id-dispożizzjonijiet għal magni introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà SEG(2010)828 SEG(2010)829 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

/* KUMM/2010/0362 finali - COD 2010/0195 */

52010PC0362

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/68/KE fir-rigward id-dispożizzjonijiet għal magni introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà SEG(2010)828 SEG(2010)829 (Test b’relevanza għaż-ŻEE) /* KUMM/2010/0362 finali - COD 2010/0195 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 7.7.2010

KUMM(2010)362 finali

2010/0195 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 97/68/KE fir-rigward id-dispożizzjonijiet għal magni introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà SEG(2010)828 SEG(2010)829

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Direttiva 97/68/KE tas-16 ta’ Diċembru 1997 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti ta’ gass u partikolati minn magni tal-kombustjoni interna li jridu jiġu installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq (minn hawn ’il quddiem, "id-Direttiva") li tirregola l-limitu massimu tal-emissjonijiet tal-egżost tal-ossidu tal-karbonju (CO), l-idrokarburi (HC), l-ossidji tan-nitroġenu (NOx) u partikolati (PM) minn magni tad-diżil installati f'makkinarju tal-bini, l-agrikoltura u l-forestija, vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi, braken tal-kanali interni, magni b’veloċità kostanti u magni żgħar tal-petrol użati f'tipi differenti ta' makkinarju.

Id-Direttiva tipprevedi stadji ta' limitu ta' emissjonijiet ta' strettezza dejjem tikber mad-dati korrispondenti ta' konformità. Manifatturi għandhom jiżguraw li l-magni l-ġodda jikkonformaw ma' dawn il-limiti sabiex jistgħu jitqiegħdu fis-suq.

Id-Direttiva 2004/26/KE[1] introduċiet l-istadju applikabbli bħalissa ta' limiti ta' emissjonijiet tal-maġġoranza tal-magni tad-diżil imsemmija fl-Istadju IIIA. Dawn il-limiti se jinbidlu mal-limiti aktar stretti tal-Istadju IIIB progressivament mill-1 ta' Jannar 2011. Il-perjodu tal-approvazzoni tat-tip għal dawn il-magni beda mill-1 ta' Jannar 2010. Hija affettwata diversità kbira tal-produzzjoni tal-makkinarju (madwar 1 500 kumpanija fl-UE).

Biex jikkonformaw mal-limiti tal-Istadju IIIB, il-magni bħalissa jridu jkunu modifikati sostanzjalment. Tibdiliet fil-konfigurazzjoni, id-daqs u t-toqol tal-magni għandhom effett punġenti għall-Manifatturi ta' Apparat Oriġinali (OEM) li jridu jaddattaw kompletament it-tifsila tal-magni tagħhom sabiex jakkomodaw il-magni modifikati. Dan il-proċess jista' jibda biss jekk il-magna hija żviluppata kompletament. Soluzzjonijiet tekniċi għal magni konformi mat-IIIB ġeneralment għadhom mhux finalizzati. Għalhekk, l-OEMs mhumiex f'pożizzjoni li jfasslu kollox mill-ġdid il-makkinarju fejn il-magna se tkun installata. Filwaqt li għal xi wħud minnhom, il-ħtiġijiet ta' emissjonijiet skont l-Istadju IIIB mhux se jimponu problemi sinifikattivi ħafna, għal makkinarju ieħor li mhux għat-triq magna konformi mal-Istadju IIIB għadha 'l bogħod milli tkun iffinalizzata u hemm bżonn ta' aktar riċerka biex ikun żgurat li l-makkinarju jista' jitqiegħad fis-suq b'magni konformi mal-Istadju IIIB.

L-ispejjeż ta' konformità li jridu jlaħħqu magħhom il-manifatturi mal-limiti l-ġodda ta' emissjonijiet huma sinifikattivi. Dawn l-ispejjeż jinkludu, pereżempju, l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp, l-ispejjeż tat-tfassil mill-ġdid tat-tagħmir, wara l-ispejjeż tal-għodda ta' trattament, l-ispejjeż tad-dokumentazzjoni u l-ittikkettjar, eċċ.

Mill-ħarifa 2008 'l quddiem ħafna mill-industrija bbażata fl-Unjoni li tipproduċi makkinarju mobbli mhux tat-triq intlaqtet ħażin u mingħajr ma kien mistenni mill-krizi finanzjarja u ekonomika. Ta' min isemmi li t-tagħmir tal-bini u l-makkinarju tal-agrikoltura kienu affettwati bil-qawwa. Madankollu, għall-vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji l-impatti negattivi kienu anqas severi. B'mod ġenerali, it-tnaqqis fil-bejgħ ikkawża tnaqqis kbir fid-dħul u fil-kapital disponibbli biex jiffinanzjaw ir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija neċessarji għall-makkinarju b'magni konformi mal-Istadju IIIB fil-kategoriji kollha ta' qawwa u l-applikazzjonijiet fil-limiti taż-żmien fid-Direttiva.

Id-Direttiva 2004/26/KE introduċiet ukoll l-hekk imsejħa l-iskema tal-flessibbiltà biex tiffaċilita t-tranżizzjoni bejn l-istadji differenti ta' emissjonijiet. L-iskema tal-flessibbiltà tippermetti lill-OEM li jintroduċi fis-suq, matul il-perjodu bejn iż-żewġ stadji suċċessivi tal-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet tal-egżost, numru limitat ta' makkinarji mobbli mhux tat-triq li jkunu ffittjati b'magni li jibqgħu jikkonformaw mal-limiti tal-emissjonijiet tal-egżost tal-istadju preċedenti. L-iskema tal-flessibbiltà tapplika għal magni tat-tkebbis bil-kompressjoni (diżil) użati fil-bini, il-makkinarju agrikolu u forestarju, is-settijiet tal-ġeneratur u l-pompi li jużaw il-magni ta' veloċità kostanti, iżda mhux il-lokomottivi, il-vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u l-braken tal-kanali interni. Tippermetti lill-OEM li jew jintroduċi fis-suq (1) għal kull kategorija ta' magna ta' qawwa numru limitat ta' magni li ma jaqbiżx l-20 % tal-bejgħ annwali tal-OEM tal-makkinarju (ikkalkulat fuq il-medja tal-bejgħ ta' makkinarju fl-UE fl-aħħar ħames snin) jew (2) numru ffissat ta' magni kif stipulat fid-Direttiva. It-tieni għażla hija intiża għal intrapriżi iżgħar li jipproduċu volumi iżgħar ta' magni.

Huwa propost li jkunu modifikati d-dispożizzjonijiet tal-iskema tal-flessibbiltà biex ikomplu jnaqqsu l-ispejjeż ekonomiċi tat-tranżizzjoni tal-Istadji tal-emissjonijiet minn IIIA sa IIIB bl-estensjoni tal-applikazzjoni tagħha għal xi tip ta' makkinarju mobbli mhux tat-triq filwaqt li jinżamm id-dħul fis-seħħ l-Istadju IIIB tal-limitu tal-emissjonijiet tal-egżost li jippreserva l-għan tad-Direttiva li tnaqqas l-emissjonijiet ta' inkwinanti ta' gass u partikolati fl-Unjoni. L-Istima tal-Impatt li takkompanja din il-proposta tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-għażliet differenti li kienu stmati sabiex jitnaqqas l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l-OEMs. Din l-istima kkonkludiet li l-manifatturi mhux se jkunu jistgħu jintroduċu fis-suq fil-futur qrib il-lokomottivi konformi mal-Istadju IIIB, billi hemm bżonn ta' aktar riċerka, u konsegwentement l-estensjoni tal-miżuri ta' flessibbiltà proposti fuq il-magni użati fil-lokomottivi ma dehrux relevanti. Fl-2010 kien hemm diskussjonijiet intensivi ma' esperti mill-industrija u l-Istati Membri biex jevalwaw is-sitwazzjoni għal-lokomottivi li matul iż-żmien evolviet. Hija tippermetti lill-Kummissjoni li tikkonkludi li xi manifatturi tal-magni sadanittant għamlu progress biex żviluppaw magni konformi mat-IIIB għal-lokomottivi filwaqt l-OEMs mhux se jkunu kompletament lesti biex jintroduċu l-lokomottivi konformi mat-IIIB fis-suq sal-1 ta' Jannar 2012 kif previst fid-Direttiva. Għalhekk jidher li hu neċessarju li tkun applikata l-iskema tal-flessibbiltà wkoll għal-lokomottivi. L-analiżijiet ikkonkludew li din l-estensjoni se jkollha impatt limitat ħafna fuq l-ambjent filwaqt fl-istess ħin se tippermetti l-kumpaniji tal-ferroviji li jirrealizzaw l-investimenti neċessarji.

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTIMA TAL-IMPATT

Kienu kkonsultati rappreżentanti tal-Istati Membri u msieħba tal-industrija dwar il-proposta permezz tal-Grupp tal-Esperti dwar l-Emissjonijiet tal-Makkinarju skont id-Direttiva (GEME). Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni profonda bejn Mejju u Ġunju 2009 mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-imsieħba relevanti kollha, jiġifieri l-industrija, l-għaqdiet ambjentali, l-għaqdiet tal-ħaddiema. Il-proposta tikkonsidra r-Reviżjoni Teknika tad-Direttiva[2] taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) li tinkludi, inter alia , valutazzjoni tal-bżonn biex ikunu emendati d-dispożizzjonijiet tal-iskema tal-flessibbiltà; studju tal-Istima tal-Impatt minn konsulent estern[3] biex jeżamina l-impatti tal-għażliet politiċi proposti kif stabbiliti fl-abbozz tar-Reviżjoni Teknika tal-JRC, żewġ studji kumplimentari dwar l-impatti għas-settur tal-ferroviji (vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi) u l-impatti tal-għażliet tar-Reviżjoni Teknika tal-JRC, inklużi l-konsegwenzi ta' emenda tal-iskema tal-flessibbiltà tal-SMEs.[4]

Stima tal-Impatt dettaljata mehmuża mal-proposta twettqet abbażi ta' studji tekniċi u l-konsultazzjoni mal-imsieħba. Hija tkopri xenarji differenti għall-magni koperti mill-iskema eżistenti ta' flessibbiltà u tidentifika l-bżonn li tinkludi vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji. B'żieda mal-konklużjonijiet tal-Istima tal-Impatt il-lokomottivi żdiedu mal-iskema tal-flessibbiltà.

L-Istima tal-Impatt tanalizza għażliet differenti li jvarjaw mill-implimentazzjoni ta' skema ta' skrappjar, varjazzjonijiet tal-iskema tal-flessibbiltà fir-rigward il-perċentwali permess/numru ta' magni għall-istabbiliment ta' sistema kummerċjali li biha l-intrapriżi li ma jużawx il-flessibbiltà kollha jistgħu jbigħu d-drittijiet ta' flessibbiltà lil intrapriżi li għandhom bżonn flessibbiltà addizzjonali. L-użu tal-iskema ta' skrappjar ġiet skartat billi mhix xierqa biex tassisti lill-OEMs fl-iffinanzjar tal-R&D biex jagħmlu disponibbli l-makkinarju tal-Istadju IIIB. L-istabbiliment ta' sistema kummerċjali ta' flessibbiltà tqieset bħala sistema kumplessa f'medda qasira ta' żmien u għalhekk mhix proporzjonata mal-kisbiet mistennija.

L-għażla biex tiżdied l-iskema eżistenti ta' flessibbiltà u titkabbar fis-setturi li għadhom mhux inklużi tqieset bħala l-aħjar għażla li tibbilanċja l-impatt ambjentali u l-benefiċċju ekonomiku fl-ispejjeż ta' konformità ffrankati għal perjodu limitat ta' żmien.

BAżI LEGALI

L-għan tad-Direttiva 97/68/KE, kif ukoll l-emenda proposta, hija li tikkontribwixxi lejn tħaddim bla skossi tas-suq intern għall-magni biex ikunu installati fil-makkinarju mobbli mhux tat-triq filwaqt li jkunu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Il-bażi legali hija għalhekk l-Artikolu 114 tat-Trattat.

EMENDI

Il-proposta tipprevedi l-emendi li ġejjin fid-Direttiva 97/68/KE:

- Żieda fil-perċentwali tan-numru ta' magni użati għall-applikazzjoni f'makkinarju bbażat fuq l-art, introdott fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà f'kull kategorija ta' magna minn 20 % sa 50 % tal-bejgħ annwali tal-OEMs tat-tagħmir u adattament tan-numru massimu ta' magni li jistgħu jkunu introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà bħala għażla alternattiva, fil-perjodu bejn l-Istadju IIIA tal-emissjonijiet sal-Istadju IIIB tal-emissjonijiet.

- Inklużjoni tal-magni għall-propulsjoni ta’ vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi fl-iskema tal-flessibbiltà li tipprovdi l-possibbiltà għall-OEM li jintroduċu fis-suq numru limitat ta' magni skont l-iskema tal-flessibbiltà.

- Dawn il-miżuri għandhom jispiċċaw fil-31 ta' Diċembru 2013.

IMPLIKAZZJONI BAġITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2010/0195 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 97/68/KE fir-rigward id-dispożizzjonijiet għal magni introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[5],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[6]

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[7]

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat[8],

Billi:

1. Id-Direttiva 97/68/KE[9] tikkonċerna emissjonijiet tal-egżost minn magni installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq. Bħalissa l-limiti ta' emissjonijiet applikabbli fl-approvazzjoni tat-tip tal-maġġoranza tal-magni tal-tkebbis bil-kompressjoni skont l-Istadju IIIA jridu jinbidlu b'limiti aktar stretti skont l-Istadju IIIB. Dawk il-limiti japplikaw mill-1 ta' Jannar 2010 fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tip għal dawk il-magni u mill-1 ta' Jannar 2011 fir-rigward tal-introduzzjoni fis-suq.

2. It-tranżizzjoni għall-Istadju IIIB tinvolvi bidla fit-teknoloġija li teħtieġ spejjeż sinifikattivi tal-implimentazzjoni għat-tfassil mill-ġdid tal-magni u għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi avvanzati. It-tranżizzjoni sseħħ fl-istess ħin meta l-industrija tiffaċċja diffikultajiet ekonomiċi severi.

3. Id-Direttiva 97/68/KE tipprovdi għal skema ta' flessibbiltà li tippermetti lill-manifatturi tat-tagħmir li jixtru, fil-perjodu bejn iż-żewġ meded ta' emissjonijiet, kwantità limitata ta' magni li ma jikkonformawx mal-valuri ta' limitu ta' emissjonijiet kurrenti, iżda huma approvati sal-istadju preċedenti l-aktar qrib tal-limiti ta' emissjonijiet.

4. L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2004/26/KE[10] jipprevedi il-valutazzjoni tal-bżonn possibbli għal flessibbiltajiet addizzjonali.

5. Matul it-tranżizzjoni mill-Istadju IIIA sal-Istadju IIIB, il-perċentwali tan-numru ta' magni użati għall-applikazzjoni barra mill-propulsjoni ta’ vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà, għandha tiżdied mill-20 % għall-50 % tal-bejgħ annwali tal-manifatturi tat-tagħmir b'magni f'dik il-kategorija. In-numru massimu ta' magni li jistgħu jkunu introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà għandu jkun addatta kif xieraq.

6. Ir-regoli applikabbli għall-iskema tal-flessibbiltà għandhom ikunu addattati biex jestendu l-applikazzjoni ta' dik l-iskema f'magni għall-użu propulsjoni ta’ vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi.

7. Il-miżuri previsti fid-Direttiva jirriflettu diffikultà ffaċċjata mis-settur tal-manifattura. Għalhekk għandhom ikunu ristretti għat-tranżizzjoni mill-Istadju IIIA għall-Istadju IIIB u jiskadu sal-31 ta' Diċembru 2013 l-aktar tard.

8. Id-Direttiva 97/68/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 97/68/KE hija emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 4(6) jinbidel b’dan li ġej:

"(6) Magni tat-tkebbis bil-kompressjoni għall-użu apparti milli tal-propulsjoni tal-braken tal-kanali interni jistgħu jitqiegħdu fis-suq permezz ta' skema flessibbli skont il-proċedura msemmija fl-Anness XIII b'żieda mal-paragrafi minn 1 sa 5.

2. L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 7 jinbidel b’dan li ġej:

"(7) L-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-suq tal-magni, kif definit fit-Taqsima 1 tal-Anness I taħt A(i), A(ii), A(iv) u A(v), skont l-iskema tal-flessibbiltà bi qbil mad-dispożizzjonijiet fl-Anness XIII.

(b) Għandu jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

"(8) L-iskema tal-flessibbiltà, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1.2 tal-Anness XIII, għandha tapplika biss għat-tranżizzjoni mill-Istadju IIIA għall-Istadju IIIB u tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2013."

3. L-Anness XIII għandu jiġi emendat skont l-Anness ma' din-id-Direttiva.

Artikolu 2 Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux iktar tard minn [12-il xahar mill-pubblikazzjoni tad-Direttiva], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet b'effett minn [Jum, Xahar, Sena = wara l-jum tad-data tal-applikazzjoni]

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew inkella għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl- 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President […] […]

ANNESS

It-Taqsima 1 tal-Anness XIII tinbidel b’dan li ġej:

"1. AZZJONIJIET MILL-MANIFATTUR TAL-MAGNA U L-OEM

1.1. Bl-eċċezzjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-Istadju IIIA u l-Istadju IIIB, OEM li jixtieq jagħmel użu mill-iskema tal-flessibbiltà għandhom jitolbu permess minn kwalunkwe awtorità biex jixtri mill-fornituri tal-magni tiegħu, il-kwantitajiet tal-magni fit-Taqsimiet 1.1.1. u 1.1.2., li ma jikkonformawx mill-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet kurrenti iżda approvati sal-istadju preċedenti l-aktar qrib tal-limiti tal-emissjonijiet.

1.1.1. In-numru ta' magni introdotti fis-suq skont l-iskema ta' flessibbiltà għandu, f'kull kategorija tal-magni, ma jaqbiżx l-20 % tal-bejgħ annwali tal-OEM tat-tagħmir b'magni f'dik il-kategorija ta' magni (ikkalkulati bħala medja tal-bejgħ tal-aħħar snin fis-suq tal-UE). Fejn OEM ikun daħħal tagħmir fis-suq tal-UE għal perjodu ta' inqas minn ħames snin il-medja li se tkun ikkalkulata tkun ibbażata fuq il-perjodu li fih l-OEM daħħal it-tagħmir fis-suq fl-UE.

1.1.2. Bħala alternattiva ta' għażla għat-Taqsima 1.1.1 u bl-eċċezzjoni ta' magni għall-użu fil-propulsjoni ta' vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi, l-OEM jista' jitlob permess għall-fornituri tiegħu tal-magni biex jintroduċu fis-suq numru fiss ta' magni skont l-iskema tal-flessibbiltà. In-numru ta' magni f'kull kategorija ta' magni ma għandux jaqbeż il-valuri li ġejjin:

Kategorija ta’ Magna (kW) | Nru ta’ Magni: |

19-37 | 200 |

37-75 | 150 |

75-130 | 100 |

130-560 | 50 |

1.2 Matul il-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-Istadju IIIA u l-Istadju IIIB, bl-eċċezzjoni ta' magni għall-użu fil-propulsjoni ta' vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi, l-OEM li jixtieq jagħmel użu mill-iskema tal-flessibbiltà għandu jitlob permess minn kwalunkwe awtorità tal-approvazzjoni biex jixtri mill-fornituri tal-magni tiegħu, il-kwantitajiet tal-magni fit-Taqsimiet 1.2.1. u 1.2.2., li ma jikkonformawx mill-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet kurrenti iżda approvati sal-istadju preċedenti l-aktar qrib tal-limiti tal-emissjonijiet.

1.2.1. In-numru ta' magni introdotti fis-suq skont l-iskema ta' flessibbiltà għandu, f'kull kategorija tal-magni, ma jaqbiżx il-50 % tal-bejgħ annwali tal-OEM tat-tagħmir b'magni f'dik il-kategorija ta' magni (ikkalkulati bħala medja tal-bejgħ tal-aħħar snin fis-suq tal-UE). Fejn OEM ikun daħħal tagħmir fis-suq tal-UE għal perjodu ta' inqas minn ħames snin il-medja li se tkun ikkalkulata tkun ibbażata fuq il-perjodu li fih l-OEM daħħal it-tagħmir fis-suq fl-UE.

1.2.2. Bħala għażla alternattiva għat-Taqsima 1.2.1., l-OEM jista' jitlob permess għall-fornituri tal-magni tiegħu biex jintroduċu fis-suq numru fiss skont l-iskema ta' flessibbiltà. In-numru ta' magni f'kull kategorija ta' magni ma għandux jaqbeż il-valuri li ġejjin:

KATEGORIJA TA’ MAGNA (KW) | NRU TA’ MAGNI: |

37-56 | 200 |

56-75 | 175 |

75-130 | 250 |

130-560 | 125 |

1.3 Fir-rigward tal-magni għall-użu fil-propulsjoni ta' vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji, l-iskema tal-flessibbiltà kif definita fit-Taqsima 1.1.1. għandha tapplika mill-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-Istadju IIIA u l-Istadju IIIB.

1.4 Fir-rigward tal-magni għall-użu fil-propulsjoni ta' lokomottivi, matul il-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-Istadju IIIA u l-Istadju IIIB l-OEM jista' jitlob permess għall-fornituri tal-magni tiegħu biex jintroduċu fis-suq massimu ta' 12-il magna għall-użu tal-propulsjoni tal-lokomottivi skont l-iskema ta' flessibbiltà.

1.5. L-OEM għandu jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu lill-awtorità tal-approvazzjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a) Kampjun ta' tikketti li jridu jitwaħħlu fuq kull biċċa ta' makkinarju mobbli li fiha tkun installata magna li titqiegħed fis-suq skont l-iskema ta' flessibbiltà It-tikketti għandu jkollha l-kliem li ġej: "IN-NUMRU TAL-MAGNA ... (sekwenza ta' magni) TA' ... (numru totali ta' magni fir-rispett tal-firxa ta' qawwa) BIN-NUMRU TAL-MAGNA ... BL-APPROVAZZJONI TAT-TIP (id-Direttiva 97/68/KE) Nru ...",

(b) kampjun tat-tikketta supplimentari li trid titwaħħal fuq il-magna li fiha l-kliem imsemmi fit-Taqsima 2.2. ta' dan l-Anness.

1.6. L-OEM għandu jipprovdi lill-awtorità tal-approvazzjoni b’kull informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ flessibbiltà, li l-awtorità tal-approvazzjoni tista’ titlob skont kif ikun meħtieġ għad-deċiżjoni.

1.7. L-OEM għandu jipprovdi lil kwalunkwe awtorità tal-approvazzjoni tat-tip fl-Istati Membri li tagħmel talba, b’kull informazzjoni li dik l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tkun teħtieġ sabiex tikkonferma li kwalunkwe magna meqjusa li hija, jew li hija ttikkettjata li hija, bħala li tpoġġiet fis-suq skont skema ta’ flessibbiltà tkun iddikjarata jew ttikkettjata b’dan il-mod b’mod xieraq.

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT FUQ IL-BAĠIT ESKLUSSIVAMENT LIMITAT GĦAN-NAĦA TAD-DĦUL

1. ISEM TAL-PROPOSTA:

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/68/KE fir-rigward id-dispożizzjonijiet għal magni introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà

2. IL-LINJI TAL-BAĠIT:

Il-Kapitolu u l-Artikolu: Mhux applikabbli

Ammont ibbaġitjat għas-sena kkonċernata:

3. IMPATT FINANZJARJU

( Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

( Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq l-infiq, iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:

(EUR miljun sa punt deċimali wieħed)

Linja baġitarja | Dħul[11] | Perjodu ta' 12-il xahar, li jibda jj/xx/ssss | [Sena n] |

L-Artikolu ... | L-impatt fuq ir-riżorsi proprji |

L-Artikolu ... | L-impatt fuq ir-riżorsi proprji |

Is-sitwazzjoni wara l-azzjoni |

[n+1] | [n+2] | [n+3] | [n+4] | [n+5] |

L-Artikolu ... |

L-Artikolu ... |

4. IL-MIŻURI KONTRA L-FRODI

Mhux applikabbli

5. RIMARKI OĦRAJN

[1] ĠU L 225, 25.6.2004, p. 3

[2] L-abbozz tar-rapport finali tar-Reviżjoni Teknika tinsab fuq il-web page tan-NRMM tal-websajt Europa: http://ec.europa.eu/enterprise/mechan_equipment/emissions/2007tecrew_dfr.pdf

[3] Ir-rapport finali tal-istudju IA mill-ARCADIS N.V. jinsab fuq il-web page tan-NRMM tal-websajt Europa: http://ec.europa.eu/enterprise/mechan_equipment/emissions/impactassessment/nrmm_iastudy_fnrep.pdf

[4] Studju ieħor dwar is-settur tal-ferroviji u l-kanali interni jinsab fuq il-web page tan-NRMM tal-websajt Europa:

http://ec.europa.eu/enterprise/mechan_equipment/emissions/projstudies.htm

[5] ĠU C [...], [...], p. [...].

[6] ĠU C [...], [...], p. [...].

[7] ĠU C [...], [...], p. [...].

[8] ĠU C [...], [...], p. [...].

[9] ĠU L 59, 25.6.2004, p. 3.

[10] ĠU L 146, 25.6.2004, p. 3.

[11] Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji fuq l-agrikoltura, imposti fuq iz-zokkor, dazji doganali), l-ammonti indikati għandhom ikunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara t-tnaqqis ta’ 25 % tal-ispejjeż tal-ġbir

Top