EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0196

Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/012 IE/Waterford Crystal, l-Irlanda)

/* KUMM/2010/0196 finali */

52010PC0196

Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/012 IE/Waterford Crystal, l-Irlanda) /* KUMM/2010/0196 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 6.5.2010

KUMM(2010)196 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/012 IE/Waterford Crystal, l-Irlanda)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u maniġment finanzjarju sod[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) (punt 28) fi ħdan il-limitu annwali ta' EUR 500 miljun minbarra l-intestaturi relevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontributi mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fis-7 ta' Awwissu 2009 l-Irlanda ressqet l-applikazzjoni EGF/2009/012 IE/Waterford Crystal għal kontribut finanzjarju mill-EGF, wara li ngħataw is-sensji mill-Waterford Crystal u tlieta mill-fornituri tagħha.

Wara eżami bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribut finanzjarju skont dan ir-Regolament ġew sodisfatti.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta ewlenija:

Nru. ta’ referenza EFG EGF/2009/012

Stat Membru L-Irlanda

Impriża Waterford Crystal

Fornituri / produtturi iktar l-isfel fil-katina ta' produzzjoni 3

Artikolu 2 (a)

Perjodu ta’ referenza 30.01.2009 - 29.05.2009

Data tal-bidu tas-servizzi personalizzati 11.03.2009

Id-data tal-applikazzjoni 07.08.2009

Sensji waqt il-perjodu ta' referenza:

-- numru totali 538

-- fl-impriża ewlenija 512

-- fornituri / produtturi iktar l-isfel fil-katina ta' produzzjoni 26

Sensji qabel / wara l-perjodu ta' referenza: 115

It-total tas-sensji 653

Ħaddiema li ngħataw is-sensja li se jingħataw l-appoġġ 598

Servizzi personalizzati: Baġit f'EUR 3 865 659

Nefqa amministrattiva: baġit f'EUR 89,500

% nefqa amministrattiva 2.26

Baġit totali f'EUR 3 955 159

Il-kontribut EGF f'EUR (65 %) 2 570 853

1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fis-7 ta’ Awwissu 2009 u kienet supplimentata minn tagħrif addizzjonali sat-3 ta’ Novembru 2009.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet biex jitħaddem l-EGF kif stipulat fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u ġiet ippreżentata sal-iskadenza ta' 10 ġimgħat kif stipulat fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali ewlenin fil-mudelli kummerċjali madwar id-dinja minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika

3. Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi globali ekonomika u finanzjarja, l-Irlanda targumenta li minħabba l-kriżi l-kummerċ dinji fl-oġġetti ta' lussu tnaqqas b'mod sinifikanti. It-tnaqqis fil-flus fl-idejn tal-konsumaturi wassal għal nuqqas fid-domanda għal oġġetti li mhumiex essenzjali, bħall-kristall u ċ-ċeramika. Għall-produtturi, il-bidliet globali fit-tendenzi tal-kreditu, tal-finanzi, tal-produzzjoni u tal-bejgħ bl-imnut kellhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-produzzjoni tal-manifattura b'impatti negattivi segwenti fuq l-impiegi.

4. Il-kriżi tal-kreditu globali kellha implikazzjonijiet serji għall-Waterford Crystal, li f'Ottubru 2008 kellha bżonn taċċessa krediti fuq is-swieq kapitali sabiex tkompli l-operazzjonijiet tagħha. Minħabba l-kriżi tal-kreditu, il-Waterford Crystal setgħet takkumula biss nofs l-ammont meħtieġ. It-taħlita tan-nuqqas ta' ġbir tal-kapital meħtieġ man-nuqqas li jinstab xerrej għall-kumpanija wasslet li l-Waterford Crystal titqiegħed fil-proċess ta' likwidazzjoni f'Jannar 2009.

Indikazzjoni tan-numru ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a)

5. L-Irlanda ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jirrikjedi mill-inqas 500 sensja tul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li jingħataw is-sensja mill-fornituri tagħha jew mill-produtturi involuti fl-istadju aħħari ta’ produzzjoni.

6. L-applikazzjoni tiddikjara 538 sensja fil-Waterford Crystal u tlieta mill-fornituri tagħha waqt il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur mit-30 ta' Jannar 2009 sad-29 ta' Mejju 2009. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawk is-sensji

7. L-awtoritajiet Irlandiżi jargumentaw li s-severità tal-kriżi globali tal-kreditu u l-impatt li rriżulta fuq is-swieq finanzjarji kien impossibli li jiġi previst. Għalkemm il-Waterford Crystal kienet investiet sew fi prodotti ġodda fis-snin preċedenti, bidlet il-medda ta' prodotti tagħha u rrazzjonalizzat l-ispejjeż tagħha billi ċaqilqet il-produzzjoni għal pajjiżi irħas, ġiet milquta b'mod sever mill-kriżi globali f'Ottubru 2008 filwaqt li kienet fil-proċess li tirristruttura d-dejn tagħha. L-awtoritajiet Irlandiżi jemmnu li, mingħajr id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom meta ġiet biex tikseb il-finanzi addizzjonali, il-Waterford Crystal kienet tkun tista' tirristruttura d-dejn tagħha u tkompli l-attivitajiet tagħha filwaqt li tiffoka fuq il-prodotti ewlenin tagħha.

Identtifikazzjoni tal-intrapriżi li qed jagħtu s-sensji u l-ħaddiema magħżula biex jingħataw l-għajnuna

8. L-applikazzjoni tiddikjara 538 sensja fil-Waterford Crystal (512) u fi tlieta mill-fornituri tagħha (Thomas Fennell Engineering Ltd: tmien sensji; fl-RPS Engineering Services: 12-il sensja u fl-Abbey Electric: sitt sensji) waqt il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur. 115-il ħaddiem ieħor ingħataw is-sensji mill-Waterford Crystal wara l-perjodu ta' referenza. Mit-total ta' 653 ħaddiem li ngħataw is-sensja, 598 ntagħżlu biex jirċievu l-għajnuna.

9. It-tqassim tal-ħaddiema li għandhom jingħataw l-għajnuna huwa kif ġej:

Kategorija Numru Perċentwali

Rġiel 473 79.1

Nisa 125 20.9

Ċittadini tal-UE 598 100.0

Mhux ċittadini tal-UE 0 0.0

Minn 15 sa 24 sena 4 0.7

Minn 25 sa 54 sena 449 75.1

'Il fuq minn 54 sena 145 24.2

Iktar minn 72 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom iktar minn 45 sena u qatt ma kienu ħadmu f'kumpanija oħra minbarra l-Waterford Crystal.

10. Il-kategoriji professjonali, jitqassmu kif ġej:

Kategorija Numru Perċentwali

Persunal operattiv/ħaddiema 425 71.1

Amministraturi 41 6.9

Meniġers 33 5.5

Fitters/installaturi 17 2.8

Inġiniera 8 1.3

Ħaddiema li jieħdu ħsieb l-imħażen/ Meniġers tal-imħażen 8 1.3

Koordinaturi 7 1.2

Elettriċisti 6 1.0

Oħrajn 53 8.9

11. It-8.9% elenkati taħt "oħrajn" jaqgħu f'diversi kategoriji, bħal kap ta' tim, analista, disinjatur, rappreżentant tas-servizzi għall-konsumaturi, awditur, accountant, professjonista finanzjarju u professjonista fl-IT.

12. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-Irlanda kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll in-nondiskriminazzjoni, u se tkompli tapplika, matul id-diversi stadji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, fl-aċċess għall-EGF.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

13. Waterford jinsab fir-reġjun tax-Xlokk tan-NUTS III, u jikkonsisti mill-Counties Carlow, Kilkenny, Wexford, South Tipperary u Waterford. Ir-reġjun tax-Xlokk għandu popolazzjoni ta' 460 820 ruħ. Il-belt ta' Waterford hija l-ħames l-ikbar popolazzjoni fl-Istat.

14. L-awtoritajiet pubbliċi ewlenin ikkonċernati huma:

15. Id-Dipartiment tal-Intrapriża, il-Kummerċ u x-Xogħol responsabbli għall-impieg nazzjonali u l-formolazzjoni għall-politika tat-taħriġ u l-iffinanzjar nazzjonali. Ir-responsabbiltà fil-livell operattiv taqa' f'idejn il- Foras Áiseanna Saothair (FÁS), l-Awtorità Nazzjonali tat-Taħriġ u x-Xogħol.

16. L- Ireland Enterprise (EI) hija l-awtorità tal-Istat responsabbli biex tgħin it-tkabbir tal-intrapriżi Irlandiżi billi tipprovdi negozji kkontrollati lokalment b'sors wieħed integrat ta' servizzi ta' konsulenza għall-iżvilupp, l-iffinanzjar u l-appoġġ.

17. Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u x-Xjenza huwa responsabbli għall-formulazzjoni tal-politika u l-iffinanzjar nazzjonali tal-edukazzjoni. Il- Vocational Education Committees (VECs) għandhom ir-responsabbiltà operattiva mil-lat tal-proviżjoni tat-taħriġ għall-adulti kif ukoll f'għadd ta' istituzzjonijiet għall-edukazzjoni għolja, fosthom universitajiet u istituti tat-teknoloġija.

18. Is- City and County Enterprise Boards (CEB) kienu stabbiliti fl-1993 biex jipprovdu appoġġ għall-mikrointrapriżi fil-livell lokali.

19. Parti interessata rilevanti oħra hija l- Inter Aġency Forum li twaqqfet wara li ngħataw is-sensji mill-Waterford Crystals bil-għan li jevalwaw l-impatt ta' dawn is-sensji fuq l-ekonomija lokali. Hi tinkludi fost l-oħrajn, is-sindku, rappreżentanti mill-FÁS, id-Dipartiment tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, il-Money Advice and Budgeting Service, ir-Revenue Commissioners, is-City Enterprise Board, il-Waterford Area Partnership u żewġ ħaddiema u żewġ rappreżentanti mill-maniġment tal-kumpanija.

L-impatt mistenni tat-telf tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

20. L-Irlanda targumenta li r-reġjun mix-Xlokk huwa iktar dipendenti fuq attivitajiet industrijali mill-Irlanda kollha. Dan iwassal biex ir-reġjun ikun iktar vulnerabbli għal tnaqqis ekonomiku. F'Marzu 2007, 31.3 % tax-xogħol kollu kien ġej mill-industrija fir-reġjun tax-Xlokk meta mqabbel mal-medja nazzjonali ta' 26.6 %.

21. Wara t-tnaqqis sinifikanti fl-impiegi li wassal għal 512-il sensja mill-Waterford Crystal fil-bidu tal-2009, is-sehem tal-industrija fl-impieg kollu tar-reġjun naqas għal 26.6 %, meta mqabbel mal-medja nazzjonali ta' 22.1 %. L-għadd ta' persuni fuq il-'Live Register' (il-barometru tal-livelli tal-qgħad) fir-reġjun żdied minn 52 210 fil-bidu ta' Jannar 2009 għal 65 029 sal-aħħar ta' Ġunju 2009, l-iktar minħabba f'nuqqas ta' attivitajiet ta' manifattura f'intrapriżi bħal Waterford Crystal, Bausch & Lomb, Honeywell Turbo Technologies, Snowcream u ABB.

22. L-awtoritajiet Irlandiżi jargumentaw li l-Waterford Crystal għamlet kontribut sostanzjali lill-ekonomija lokali. Fl-2007 il-Waterford Crystal kienet timpjega 990 ħaddiem u s-salarji annwali tagħha kienu jammontaw għal iktar minn EUR 47 miljun. Huwa stmat li s-sensji fil-Waterford Crystal u l-fornituri tagħha huma ekwivalenti għal tnaqqis annwali ta' mill-inqas EUR 40 miljun f'konsum personali fil-belt ta' Waterford u l-inħawi ta' madwarha b'impatt potenzjali addizzjonali fuq l-impieg lokali minħabba f'dan. L-għeluq tal-Waterford Crystal affettwat ukoll it-turiżmu, billi l-Crystal Visitor Centre u l-fabbrika, li kienu jattiraw iktar minn 320 000 viżitatur fis-sena, m'għadhomx jeżistu.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u analiżi tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

23. Il-miżuri proposti huma rranġati prinċipalment skont il-ħtiġijiet ta' tliet gruppi identifikati ta' prijorità b'livelli differenti ta' edukazzjoni. Dawn il-miżuri huma kkumplimentati bil-miżuri applikabbli għat-tliet gruppi. Dawn il-miżuri kollha li flimkien jifformaw pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati mmirati biex jintegraw mill-ġdid lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol, huma:

24. Gwida ta' xogħol FÁS. Jikkonsisti minn sessjonijiet ta' struzzjonijiet lill-grupp ta' nies, intervisti individwali għal dawk il-ħaddiema li ngħataw is-sensja, sabiex jidentifikaw il-kwalifiki attwali tal-ħaddiema u r-rekwiżiti tax-xogħol u sabiex jipprovdu informazzjoni dwar opportunitajiet ta' xogħol reġjonalment, nazzjonalment u fl-UE. Qed jiġu identifikati wkoll r-rekwiżiti biex jiżdiedu l-ħiliet u t-taħriġ. Se jingħata bidu għal firxa wiesgħa ta' taħriġ relevanti u fejn meħtieġ, referenza għal dawk li jipprovdu servizzi ta' edukazzjoni jew għal entitajiet ta' konsulenza għall-intrapriżi marbuta mal-inizjattivi tan-negozju.

25. Kors ta’ taħriġ FÁS. Il-pjan għall-ġejjieni: Dan il-kors, organizzat fil-qafas tas-servizzi ta' konsulenza u ta' orjentament professjonali tal-FÁS, jinkludi t-tfassil tas-CV, il-ġestjoni tal-ħin, l-orjentament professjonali, il-maniġment tal-istress, it-tħejjija għal intervisti tax-xogħol, u informazzjoni dwar aġenziji li jridu jiġu kkuntattjati meta jkun qed jinbeda negozju.

26. Allokazzjonijiet għat-taħriġ tal-FÁS . Dawn huma allokazzjonijiet pagabbli lill-parteċipanti tad-diversi miżuri, sabiex jitħallew jipparteċipaw. Dawn ikopru allokazzjoni għall-għixien ta' kuljum, kif ukoll allokazzjonijiet għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u għall-ikel, fejn applikabbli, għal kors ta' seba' ġimgħat full-time.

27. Għajnuna finanzjarja FÁS ( Technical Employment Support Grant) (TESG) . Din tippermetti lill-Uffiċjali tas-Servizz għall-Impiegi li jħallsu għal kwalunkwe taħriġ rilevanti sabiex jappoġġjaw il-ħaddiema li ngħataw s-sensja, meta dan il-bżonn ma jkunx jista' jintlaħaq direttament mill-FÁS jew minn kwalunkwe entità oħra tal-Istat, fi ħdan qafas ta' żmien raġonevoli jew f'lokazzjoni konvenjenti.

28. Kors ta’ taħriġ FÁS. Il-FÁS identifika tliet gruppi ta' prijoritajiet bi ħtiġijiet differenti, u identifika pakketti modulari ta' miżuri xierqa għal dawn il-gruppi:1. Ħaddiema li ngħataw is-sensja b'livell baxx ta' edukazzjoni jew esperjenza ta' xogħol (76 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja)2. Ħaddiema li ngħataw is-sensja b'livell medju ta' edukazzjoni jew esperjenza ta' xogħol (20 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja),3. Ħaddiema li ngħataw is-sensja b'edukazzjoni terzjarja (4 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja),

29. Mizuri għal ħaddiema b'livell baxx ta' edukazzjoni jew esperjenza ta' xogħol Dan il-grupp qiegħed fl-ikbar riskju ta' qgħad fit-tul u jeħtieġ taħriġ sostanzjali. Il-FÁS, f'konsultazzjoni mal-VEC responsabbli għall-edukazzjoni għall-adulti u għall-edukazzjoni avvanzata fil-belt ta' Waterford, identifikat li l-korsijiet ġenerali tal-FÁS u s-servizzi tal-VEC jissodisfaw l-aħjar ir-rekwiżiti ta' edukazzjoni u ta' gwida għal dan il-grupp ta' ħaddiema. Dawn il-miżuri jinkludu:korsijiet bażiċi tal-kompjuter immexxija mill-FÁS bil-għan biex jgħinu lil dawk li qed jitħarrġu biex jiksbu l-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi biex iwettqu serje ta' ħidmiet informatiċi prattiċi;- il-klassijiet ta' filgħaxija tal-FÁS, li saru disponibbli għal dawk il-ħaddiema li ngħataw is-sensja li jixtiequ jtejbu l-ħiliet tagħhom u pprovdew punt ta' dħul inizjali għas-sistema edukattiva għal dawk il-ħaddiema li ngħataw is-sensja li jkunu telqu l-iskola kmieni u jistgħu jkunu qed jiddejqu jippruvaw jattendu ġranet sħaħ ta' korsijiet tat-taħriġ;- Programm ta' preparazzjoni tal-VEC għal edukazzjoni avvanzata – il-livell 4 tan- National Framework of Qualifications (NFQ) li jikkonsisti minn moduli fil-komunikazzjoni, l-effikaċja personali, il-ħiliet fl-IT u l-ħiliet fir-riċerka;- Klassijiet ta' filgħaxija tal-VEC (NFQ livell 5) li jkopru korsijiet f'oqsma bħall-kura tat-tfal, l-assistenza għal nies bi bżonnijiet speċjali, l-appoġġ fil-kura tas-saħħa, l-istudji tan-negozju, il-korsijiet fiż-żebgħa tal-wiċċ, l-ECDL, il-fotografija, l-istudji soċjali, l-istudji fl-industrija tal-mużika, l-inġinerija tal-ħoss u l-ġurnaliżmu stampat;- Programm ta' preparazzjoni tal- Waterford Institute of Technology (WIT) għal ħaddiema iktar anzjani b'ħiliet limitati (NFQ livell 5), li jinkludi modulu ta' rikonoxximent ta' tagħlim miksub bil-għan li jgħin b'mod attiv lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex jippreżentaw l-esperjenzi tagħhom f'mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dħul kif ukoll l-għanijiet tal-programm u tal-moduli tat-taħriġ u jidentifikaw krediti possibbli għal moduli jew partijiet minn programmi;- Kors ta' taħriġ mill- Waterford Local Employment Service (LES), li jkopri taħriġ biex jinkisbu ħiliet għal erba' ħaddiema li ngħataw s-sensja li jgħixu fl-inħawi tal-belt ta' Waterford.

30. Miżuri għal ħaddiema b'livell medju ta' edukazzjoni jew ta' ħiliet. Dawn huma ħaddiema li waslu sal-livelli ta' edukazzjoni 4 u 5 tal-NFQ. Dawn jistgħu jagħmlu użu immedjat mis-servizzi tal-FÁS tat-taħriġ u tat-titjib tal-ħiliet. Il-korsijiet li ġejjin huma mmirati lejn dan il-grupp: is-sewqan ta' vetturi li jġorru oġġetti tqal, l-operazzjonijiet tal-ħażniet, is-sewqan tat-trakkijiet bil-forklift u l-introduzzjoni għax-xjenzi tal-ħajja.

31. Miżuri għal ħaddiema b'edukazzjoni terzjarja li jixtiequ jiksbu iktar kwalifiki sabiex jkunu jistgħu jibdlu l-karriera jew jibdlu d-direzzjoni tal-karriera tagħhom. Ħaddiem li kien jaħdem il-Waterford Crystal ġie offrut il-possibilità li jattendi programm MBA tal-Masters fin-Negozju fl-Università ta' Limerick. Huwa propost ukoll li tiġi offruta firxa ta' korsijiet adattati fil-livell terzjarju (NFQ livelli 6 - 9) f'oqsma bħall-IT, in-Negozju u l-inġinerija għal ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-Waterford Crystal u l-fornituri tagħha, bil-għan li jtejbu l-potenzjal tal-impjegabilità tagħhom. Il-Waterford Crystal, kumpanija eżistenti għal 'il fuq minn 100 sena fil-belt ta' Waterford, kienet tirrekluta l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema tagħha mill-iskejjel primarji u sekondarji. Dan, flimkien mal-profil għoli tal-età tal-forza tax-xogħol li ngħatat is-sensja, jispjega l-propozjon baxx ta' ħaddiema li jikkwalifikaw għall-appoġġ fil-livell terzjarju. Wara l-intervisti ta' evalwazzjoni u l-analiżi tal-kwalifiki tal-edukazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u s-sessjoni ta' informazzjoni organizzata minn dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, ġie stmat li 25 mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja li għandhom ċertifikat tal-iskola sekondarja ( Leaving Certificate ) jew kwalifiki ta' livell terzjarju x'aktarx li jieħdu vantaġġ minn din l-offerta. Sabiex jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet disponibbli lill-ħaddiema li jsegwu l-korsijiet universitarji kif ukoll il-kapaċitajiet tagħhom li jibqgħu fi jew jagħmlu progress fi ħdan is-sistema edukattiva, fil-miżuri qed jiġi inkluż rikonoxximent tal-modulu ta' tagħlim miksub qabel, kif ukoll ċerti allokazzjonijiet li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom.

32. Miżuri li jappoġġjaw l-intrapreditorjat Dawn jinkludu:- Promozzjoni tal-attività intraprenditorjali (EI/CEB) fil-forma ta' seminars, preżentazzjonijiet, intervisti individwali u ġranet ta' informazzjoni mmirati għal ħaddiema li ngħataw is-sensji li jixtiequ jibdew in-negozju tagħhom;Il-programm ta' intraprenditorjat EI/CEB, li jkopri għadd ta' programmi qosra ta' Enterprise Start u Start your own business, miftuħ għall-individwi kollha li jixtiequ jibdew in-negozju tagħhom;- Programm tal- Enterprise Ireland (EI) intitolat "Commercialisation Of Research and Development (CORD) Campus enterprise programmes" ġeneralment propost għal kumpaniji li għadhom qed jibdew/promuturi/riċerkaturi żgħażagħ li jattendu l- Enterprise Platform Programme tal-Waterford Institute of Technology full-time fil-livell terzjarju sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti stretti ta' dħul;-L-appoġġ finanzjarju tas-CEB għal dawk li jaħdmu għal rashom, li jkopri għajnuna għar-reklutaġġ tal-persunal għal kumpanija jew imprendituri żgħażagħ li jaħdmu għal rashom, li għandhom il-potenzjal li jimpjegaw għallinqas persuna waħda full-time;Appoġġ finanzjarju tal- Enterprise Ireland għal imprendituri żgħażagħ, li jipprovdi għotijiet finanzjarji għall-valutazzjoni tal-fattibilità ta' proġetti għal negozji ġodda li jippermettuhom jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta' niċċa fis-suq għall-prodotti tagħhom u li jadattaw il-proġett tagħhom qabel ma jiffinalizzaw il-proposta ta' investiment tagħhom.

33. In-nefqa amministrattiva, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, tagħrif u pubbliċità u ta’ kontroll kif ukoll informazzjoni u pubbliċità.

34. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Irlandiżi huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli kif iddefiniti bl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Irlandiżi jistmaw li l-ispiża totali ta’ dawn is-servizzi hija ta’ EUR 3 865 659 waqt li l-ispiża amministrattiva hija ta' EUR 89 500 ((= 2.26 % tal-ammont totali). Il-kontribut totali mitlub mill-EGF huwa ta’ EUR 2 570 853 ((65 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet | L-għadd stmat ta’ ħaddiema mmirati | L-ispiża stmata għal kull ħaddiem immirat (f'EUR) | Nefqa totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (f’EUR) |

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 Regolament EGF) |

Gwida ta' xogħol FÁS | 468 | 50 | 23 400 |

Kors ta' taħriġ FÁS – ippjanar għall-futur | 226 | 339 | 76 614 |

Allokazzjonijiet għat-taħriġ tal-FÁS | 423 | 1 890 | 799 470 |

Sussidji finanzjarji 'TESG' tal-FÁS | 265 | 725 | 192 207[3] |

Kors ta’ taħriġ FÁS | 430 | 2 351 | 1 010 943[4] |

Korsijiet ta’ taħriġ ta' filgħaxija tal-FÁS | 110 | 350 | 38 500 |

Programm ta' preparazzjoni għal edukazzjoni avvanzata VEC (NFQ level 4) | 25 | 1 200 | 30 000 |

Korsijiet ta’ taħriġ ta' filgħaxija tal-FÁS (NFQ livell 5) | 55 | 1 200 | 66 000 |

Programm ta' preparazzjoni tal-WIT għal ħaddiema iktar anzjani b'ħiliet ta' livell baxx (NFQ livell 5) | 50 | 3 500 | 175 000 |

Programm ta' preparazzjoni WIT: rikonoxximent ta' programm ta' taħriġ preċedenti | 50 | 750 | 37 500 |

Kors ta' taħriġ tal-LES Waterford | 4 | 81 | 325[5] |

Masters fin-Negozju [University Level Master in Business] (iffinanzjat mit-TESG) | 1 | 2 500 | 2 500 |

Korsijiet universitarji – inġinerija, IT u negozju | 25 | 10 000 | 250 000 |

Korsijiet universitarji – modulu ta' rikonoxximent ta' tagħlim miksub | 25 | 750 | 18 750 |

Korsijiet universitarji - Back to Education Allowances | 25 | 8 780 | 219 500 |

Korsijiet universitarji - Student maintenance grants | 25 | 12 000 | 300 000 |

Il-promozzjoni tal-intraprenditorjat (EI/CEB) | 598 | 25 | 14 950 |

Il-programm ta' għajnuna għall-intraprenditorjat (EI/CEB) | 50 | 1 000 | 50 000 |

Campus enterprise programme (EI CORD) | 7 | 30 000 | 210 000 |

Għajnuna finanzjarja għal min jaħdem għal rasu (CEB) (għotjiet) | 10 | 20 000 | 200 000 |

Appoġġ finanzjarju tal-EI għal min irid jibda negozju | 10 | 15 000 | 150 000 |

Subtotal tas-servizzi personalizzati | 3 865 659 |

Għajnuna teknika għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament EGF) |

Attivitajiet ta' preparazzjoni | 22 500 |

Il-ġestjoni | 14 000 |

Informazzjoni u riklami | 40 000 |

Attivitajiet ta' kontroll | 13 000 |

Subtotal għall-għajnuna teknika | 89 500 |

Stima tal-ispejjeż kollha | 3 955 159 |

Kontribuzzjoni tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) | 2 570 853 |

35. L-Irlanda tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. L-Irlanda għandha tiżgura wkoll intraċċjar ċar ta' verifika għall-attivitajiet ffinanzjati mill-EGF, sabiex l-ebda finanzjar ieħor tal-EGF ma jitfittex jew jiġi użat għal dawn l-attivitajiet.

Id-data(dati) li fiha(fihom) inbdew jew huwa maħsub li jinbdew servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

36. Fil-11 ta’ Marzu 2009, l-Irlanda bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-EGF għall-kofinanzjament. Din id-data għalhekk tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibilità għal kull għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

37. L-awtoritajiet Irlandiżi ddikjaraw li l-FÁS, malli rċeviet in-notifika tal-għeluq tal-Waterford Crystal, għamlet kuntatt mar-Riċevitur biex tiddiskuti s-servizzi disponibbli u l-ħtiġijiet li jista' jkollhom il-ħaddiema. Ir-Riċevitur ipprovda d-dettalji tal-ħaddiema. Il-FÁS għamlet kuntatt immedjat ukoll mat-trade union Unite biex tinformaha dwar l-azzjonijiet li kienet qed tieħu. L- Interagency Forum li twaqqaf mill-Waterford City Council attwalment qed jevalwa l-impatt tas-sensji fir-reġjun. Dan il-Forum jinkludi rappreżentanti minn kemm l-imsieħba soċjali kif ukoll l-aġenziji tal-Istat, u l-fehmiet tagħhom qed jitqiesu waqt l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pakkett ta' miżuri.

38. L-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma mandatorji bis-saħħa tal-liġi nazzjonali skont il-ftehimiet kollettivi

39. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Irlandiżi fl-applikazzjoni tagħhom:

40. ikkonfermaw li l-kontribut finanzjarju mill-EGF ma jiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew ta’ ftehimiet kollettivi,

41. urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u m’għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi,

42. ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija fil-punti 14 sa 16 hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

Is-sistemi ta' amministrazzjoni u ta' kontroll finanzjarju

43. L-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontributi finanzjarji se jkunu ġestiti u kkontrollati mill-istess awtoritajiet u entitajiet responsabbli biex iwasslu u jissorveljaw l-iffinanzjar tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fl-Irlanda. L-awtorità ta' ġestjoni għalhekk se tkun id-Dipartiment tal-Intrapriża, il-Kummerċ u l-Impiegi b'awtorità ta' ċertifikazzjoni separata u awtorità ta' verifika ddelegata fi ħdan id-Dipartiment.

Finanzjar

44. Fuq il-bażi tal-applikazzjoni mill-Irlanda, il-kontribut propost mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati huwa ta' EUR 2 570 853, li jirrappreżenta 65 % tan-nefqa totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Irlanda.

45. Minħabba l-kontribut massimu possibbli mill-EGF stabbilit skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tuża l-ammont totali msemmi hawn fuq mill-EGF, li għandu jiġi allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

46. L-ammont ta' kontribut finanzjarju propost jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12 (6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

47. Bis-saħħa tal-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex jiġi użat l-EGF, il-Kummissjoni qed tagħti bidu għall-proċedura ssimplifikata tat-trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit dwar il-ħtieġa li jiġi użat l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta tal-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit, tissejjaħ laqgħa formali tat-trijalogu.

48. B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2010 approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagamenti speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sorsi oħra ta' approprjazzjonijiet ta' pagamenti

Il-prassi li ġiet segwita s'issa kienet waħda li jiġu lokalizzati l-approprjazzjonijiet ta' pagament meħtieġa mill-baġit tal-SFE minħabba l-"prossimità" tal-politika, u minħabba li r-rekwiżit annwali tal-EGF f'approprjazzjonijiet ta' pagamenti s'issa kienu ta' madwar 1% tal-iddotar tal-pagament. Madankollu, il-Parlament Ewropew jikkontesta dik il-prassi u jargumenta li din qed tneħħi l-mezzi baġitarji minn strument (il-FSE) li huwa prijorità għall-Parlament Ewropew, u jitlob lill-Kummissjoni tuża sorsi alternattivi. F'dan l-istadju bikri tas-sena baġitarja, huwa diffiċli li jiġu identifikati sorsi alternattivi bħal dawn.

Minkejja dan, bil-ħsieb li tintlaqa' din it-talba għall-każijiet futuri tal-EGF, il-Kummissjoni beħsiebha tqis il-possibilità li ssib sors ieħor ta' finanzjar ta' approprjazzjonijiet ta' pagamenti meta dan ikun possibbli u raġjonevoli u meta m'hemmx riskju ta' dewmien għall-ipproċessar tat-talba tat-trasferiment.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'applikazzjoni tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/012 IE/Waterford Crystal, l-Irlanda)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[6] , u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[7], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[8],

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u biex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) L-għan tal-EGF ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4) L-Irlanda ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fl-intrapriża tal-Waterford Crystal u tlieta mill-fornituri tagħha, fis-7 ta' Awwissu 2009 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sat-3 ta' Novembru 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontributi finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta' EUR 2 570 853.

(5) L-EFG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Irlanda.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) se jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 570 853 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2] ĠU L 406, tat-30.12.2006, p. 1.

[3] Differenza fl-ispejjeż totali minħabba spejjeż akkumulati ta' di diversi sottoservizzi u għat-tqarrib ta' diversi subtotali

[4] Differenza fl-ispejjeż totali minħabba spejjeż akkumulati ta' di diversi sottoservizzi u għat-tqarrib ta' diversi subtotali

[5] Id-differenza fl-ispejjeż totali minħabba fit-tqarrib tal-ispejjeż tal-unità (EUR 81,18)

[6] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[7] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1

[8] ĠU C [...], [...], p. [...].

Top