Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0082

    Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt ta' interpretazzjoni u traduzzjoni fi proċedimenti kriminali

    /* KUMM/2010/0082 finali - COD 2010/0050 */

    52010PC0082

    Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt ta' interpretazzjoni u traduzzjoni fi proċedimenti kriminali /* KUMM/2010/0082 finali - COD 2010/0050 */


    [pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 9.3.2010

    KUMM(2010) 82 finali

    2010/0050 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar id-dritt ta' interpretazzjoni u traduzzjoni fi proċedimenti kriminali

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. INTRODUZZJONI

    1. Din il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha l-għan li tistabbilixxi standards komuni minimi fir-rigward tad-dritt ta' interpretazzjoni u tat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali madwar l-Unjoni Ewropea. Il-proposta hija l-ewwel pass f'serje ta' miżuri stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali dwar id-Drittijiet Proċedurali, adottat fil-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2009 li jirrikjedi li l-Kummissjoni tressaq proposti fuq bażi "gradwali". Dan l-approċċ huwa meqjus l-aħjar mod kif wieħed jipproċedi; dan jgħin sabiex gradwalment tinbena l-kunfidenza u jikkontribwixxi biex tikber il-fiduċja reċiproka. Din il-proposta għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala parti minn pakkett ta' leġiżlazzjoni li għandu għandu jiġi ppreżentat matul is-snin li ġejjin bl-għan li jipprovdi sett minimu ta' drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali fl-Unjoni Ewropea.

    2. Din il-proposta tipprova li ttejjeb id-drittijiet tas-suspettati li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti. Il-fatt li jkun hemm standards minimi komuni fir-rigward ta' dawn id-drittijiet għandu jiffaċilita l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u b'hekk itejjeb il-funzjonament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri u l-UE.

    3. Il-proposta hija simili għal, u tisostitwixxi, waħda li tressqet bħala abbozz ta' Deċiżjoni Qafas fit-8 ta' Lulju 2009[1]. It-test ġie diskuss fil-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Ġie milħuq ftehim dwar l-approċċ ġenerali fil-Kunsill tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 2009, iżda ma kienx hemm żmien biżżejjed għall-adozzjoni qabel l-1 ta' Diċembru 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona u għalhekk il-proposta ta' qabel saret obsoleta.

    4. Fir-rigward tal-bażi legali, il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dak l-Artikolu jistabbilixxi li "[f]ejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali ta' natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' direttivi skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. Dawn ir-regoli għandhom jieħdu kont tad-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri.

    Dawn għandhom jikkonċernaw:

    (a) l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri;

    (b) id-drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali;

    (c) id-drittijiet ta' vittmi tal-kriminalità;

    (d)[…]."

    Sabiex ir-rikonoxximent reċiproku jiffunzjoni sew huwa meħtieġ li jkun hemm fiduċja reċiproka. Huwa meħtieġ ċertu livell ta' kompatibilità sabiex titjieb il-fiduċja reċiproka u għaldaqstant, il-kooperazzjoni.

    5. Id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni, li jinbet mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), u li jirriżulta wkoll mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE[2] huwa fundamentali għal persuna li tkun qed taffaċċja akkuża kriminali u li ma tifhimx il-lingwa tal-proċedimenti sabiex tkun taf l-akkużi kontriha u tifhem il-proċedura. F'konformità mal-KEDB, l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għandhom jiġu pprovduti bla ħlas.

    6. L-Istima tal-Impatt. SEC(2009)915 u s-Sommarju tiegħu SEC(2009)916. Sabiex tiġbor aktar informazzjoni dwar il-proposta ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni wettqet Stima tal-Impatt li hija validu mutatis mutandis għal din il-proposta għal Direttiva. Ir-rapport dwar l-Istima tal-Impatt huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/governance/impact/ia_carried_out/docs/ia_2009/sec_2009_0917_en.pdf.

    2. SFOND

    7. L-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprovdi li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) tat-TUE jippreskrivi li l-Unjoni għandha tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta ta' Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, kif adattata fi Strasbourg, fit-12 ta' Diċembru 2007, li għandu jkollu l-istess valur legali bħat-TFUE u t-TUE. L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiggarantixxi d-dritt għal proċess imparzjali, inkluż id-dritt għal parir u għal rappreżentanza legali, filwaqt l-Artikolu 48 jistabbilixxi li d-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu rispettati.

    8. Il-Konklużjonjiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere[3] stabbilixxew li r-rikonoxximent reċiproku għandu jsir il-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, iżda jsostnu li rikonoxximent reċiproku "…u l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa jiffaċilitaw […] il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali"[4].

    9. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-26 ta' Lulju 2000 dwar Rikonoxximent Reċiproku ta' Deċiżjonijiet Finali F'Kwistjonijiet Kriminali[5] ddikjarat li "għandu għaldaqstant jiġi żgurat li t-trattament tas-suspettati u d-drittijiet tad-difiża mhux biss ma jkunx negattivament affettwat mill-implimentazzjoni tal-principju [ta' rikonoxximent reċiproku] iżda li s-salvagwardji jiġu mtejba permezz tal-proċess”.

    10. Dan ġie approvat fil-Programm ta' Miżuri biex Jimplimenta l-Prinċipju tar-Rikonoxximent Reċiproku ta' Deċiżjonijiet F'Materji Kriminali[6] ("Programm ta' Miżuri"), adottat mill-Kunsill u l-Kummissjoni. Huwa indika li r-“rikonoxximent reċiproku jiddependi ħafna fuq numru ta' parametri li jiddeterminaw l-effettività tiegħu”.

    11. Dawn il-parametri jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet tas-suspettati (parametru 3) u d-definizzjoni ta' standards minimi komuni meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku (parametru 4). Din il-proposta għal Direttiva tirrappreżenta rappreżentazzjoni tal-għan imsemmi li titjieb il-protezzjoni tad-drittijiet individwali.

    12. Il-Kummissjoni ressqet proposta fl-2004 komprensiva[7] għal leġiżlazzjoni li tkopri xi drittijiet importanti tal-akkużati fi proċedimenti kriminali. Din il-proposta ma setgħetx tiġi adottata mill-Kunsill.

    13. Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill tal-Ġustizzja adotta Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali[8] li jsejjaħ għall-adozzjoni ta' ħames miżuri li jkopru xi drittijiet proċedurali importanti, ibbażata fuq approċċ "gradwali" u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti neċessarji għal dan il-għan. L-ewwel miżura maħsuba fil-Pjan Direzzjonali tikkonċerna d-dritt ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni.

    14. Il-Programm ta' Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10-11 ta' Diċembru 2009[9], afferma mill-ġdid l-importanza tad-drittijiet tal-individwu fi proċedimenti kriminali bħala valur fundamentali tal-Unjoni u komponent essenzjali tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-fiduċja pubblika fl-UE. Il-Programm ta' Stokkolma jsemmi l-Pjan Direzzjonali bħala parti integrali tal-programm multiannwali u jappella lill-Kummissjoni biex tressaq proposti xierqa għall-implimentazzjoni rapida tiegħu.

    3. ID-DRITT GħAT-TRADUZZJONI U L-INTERPRETAZZJONI KIF STABBILIT TAħT IL-KEDB U TAħT IL-KARTA TAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI TAL-UNJONI EWROPEA

    15. L-ARIKOLU 5 KEDB – DRITT GħAL-LIBERTÀ U SIGURTÀ – JISTIPULA LI:

    "(1) Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi ipprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skont il-proċedura preskritta bil-liġi: (…)

    (f) l-arrest jew id-detenzjoni skont il-liġi ta' persuna ... għall-estradizzjoni.

    (2)Kull min ikun arrestat għandu jiġi nfurmat minnufih, f'lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet tal-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu.”

    (…)

    (4) Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b'arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skont il-liġi."

    U l-Artikolu 6 – Dritt għal proċess imparzjali – jistipula li:

    "(3) Kull min ikun akkużat b'reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

    (a) li jkun infurmat minnufih, b'lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu;

    (…)

    (e) li jkollu assistenza b'xejn ta' interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti."

    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tinkorpora dawn id-drittijiet fl-Artikoli 6 u 47 sa 50. B'mod partikolari, l-Artikolu 47 jiggarantixxi d-dritt għal proċess imparzjali, inkluż id-dritt għal parir u għal rappreżentanza legali; L-Artikolu 48 jiggarantixxi r-rispett tal-preżunzzjoni ta' innoċenza u d-drittijiet tad-difiża[10].

    16. Dwar l-Artikolu 6 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) iddeċidiet l-akkużat għandu dritt għal interpretu bla ħlas, anki fil-każ tal-kundanna tiegħu, li għandu d-dritt li jirċievi d-dokumenti li jistabbilixxu l-akkuża f'lingwa li jifhem, li l-interpretazzjoni għandha tkun biżżejjed sabiex tippermetti lill-akkużat jifhem il-proċedimenti u li l-interpretu għandu jkun kompetenti. Li l-akkużat għandu d-dritt għal interpretazzjoni bla ħlas, anki fil-każ tal-kundanna tiegħu ġie stabbilit f' Luedicke, Belkacem u Koç vs il-Ġermanja[11] . F 'Kamasinski vs l-Awstrija [12], ġie stabbilit li l-interpretazzjoni provduta għandha tkun ta' standard għoli biżżejjed sabiex tippermetti lill-akkużat li jkun jaf bil-każ kontra tiegħu u jiddefendi ruħu. Id-dritt japplika għad-dokumentazzjoni u għall-proċedimenti ta' qabel il-kawża. Il-QEDB sostniet li l-livell ta’ interpretazzjoni għandu jkun “adegwat” u li d-dettalji tal-akkuża għandhom jingħataw lill-persuna b’lingwa li tifhem ( Brozicek vs l-Italja[13] ). Huma l-awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom jippruvaw li l-akkużat jitkellem bil-lingwa tal-qorti b'mod adegwat u mhux l-akkużat li għandu jipprova li dan mhuwiex il-każ[14]. L-interpretu għandu jkun kompetenti u l-imħallef għandu jiżgura li l-proċedimenti jkunu ġusti ( Cuscani vs ir-Renju Unit[15] ).

    17. Il-proposta ta’ abbozz għal Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi ħtiġijiet bażiċi u tibni fuq il-bażi tal-KEDB u tal-każistika tal-QEDB. Il-Forum ta' Riflessjoni dwar il-Multilingwiżmu u t-Taħriġ tal-Interpreti[16] ħareġ rapport b'rakkomandazzjonijiet dwar il-kwalità tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni. Dan ir-rapport kien ir-riżultat ta’ laqgħat tal-Forum ta’ Riflessjoni msejjaħ mid-Direttorat Ġenerali għall-Interpretazzjoni matul l-2008 sabiex jidentifika jekk hemmx ħtieġa għal azzjoni u jekk hemm, liema azzjoni għandha tittieħed. Il-Forum ikkonkluda li kien hemm ħtieġa u stabbilixxa Rakkomandazzjonjiet ta' kif jista’ jittejjeb il-forniment ta' interpreti kompetenti u kwalifikati fi proċedimenti kriminali. Ir-Rakkomandazzjonjiet kienu jinkludu t-tħejjija ta’ Kurrikulu fl-Interpretazzjoni Legali u sistema ta' akkreditazzjoni, ċertifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-interpreti legali.

    18. Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (DĠT) nieda l-inizzjattiva tal-Master's Ewropew fit-Traduzzjoni (EMT). F'kooperazzjoni ma' grupp ta' esperti li jikkonsisti f'akkademiċi eminenti, inħoloq qafas, magħmul minn sitt kompetenzi, għall-edukazzjoni universitarja għat-tradutturi.. F'Settembru 2009, id-DĠT stabilixxa netwerk ta' programmi ta' livell għoli f'livell ta' Master’s madwar l-UE sabiex tintlaħaq l-eċċellenza fit-taħriġ tat-traduzzjoni, inkluż fil-qasam speċjalizzat tat-traduzzjoni legali, u sabiex titjieb il-professjoni ta' traduttur fl-Istati Membri kollha.

    19. Meta jkun neċessarju, jista' jsir użu xieraq mill-possibilitajiet ta' fondi li huma disponibbli fil-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex jingħata appoġġ lill-isforzi tal-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligi ta' din il-leġiżlazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' faċilitajiet ta' traduzzjoni u interpretazzjoni ffinanzjati mill-Istat.

    4. DISPOżIZZJONIJIET SPEċIFIċI

    Artikolu 1 – Ambitu tal-applikazzjoni

    19. L-ambitu jkopri proċedimenti kriminali u proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta‘ Mandat tal-Arrest Ewropew. Ikopri lil kull persuna minn meta tkun suspettata li kkommettiet reat kriminali sat-tmiem tal-proċedimenti (inkluż kwalunkwe appell). Huwa punt importanti li l-każijiet ta' Mandat ta' Arrest Ewropew huma koperti peress li d-Deċiżjoni Qafas li tikkonċerna l-Mandat ta' Arrest Ewropew tindirizza biss dawn id-drittijiet f'termini ġenerali. F'dan ir-rigward, il-proposta tirrappreżenta żvilupp ulterjuri tal-Artikolu 5 tal-KEDB.

    20. Peress li l-każistika tal-QEDB iċċarat li persuni li jkunu qed jiġu interrogati b'konnessjoni mar-reati, kemm jekk ikunu u anki jekk ma jkunux formalment imputati, għandhom ikunu koperti bl-Artikolu 6 tal-KEDB, persuni li jiġu arrestati jew miżmuma b'konnessjoni ma' akkuża kriminali wkoll jaqgħu fl-ambitu ta' din id-dispożizzjoni. Dawn id-drittijiet jibdew japplikaw miż-żmien meta l-persuna tiġi infurmata li hija suspettata li wettqet ir-reat.

    Artikolu 2 - Id-dritt għall-interpretazzjoni

    21. Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-prinċipju bażiku li l-interpretazzjoni għandha tiġi provduta matul il-fażijiet investigattivi u ġudizzjarji tal-proċedimenti, jiġifieri matul l-investigazzjoni tal-pulizija, waqt il-kawża kriminali u waqt kwalunkwe seduti interim jew appelli. Dan jinkludi l-interpretazzjoni tal-komunikazzjoni bejn il-persuna suspettata jew akkużata u l-avukat tagħha. Għandu jkun hemm sistema sabiex jiġi aċċertat jekk il-persuna għandhiex bżonn interpretu u sabiex persuna tkun tista' tikkontesta deċiżjoni li tgħid li ma hemmx bżonn ta' interpretu jew sabiex tikkontesta l-kwalità tal-interpretazzjoni.

    22. Il-proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew huma espliċitament koperti.

    Artikolu 3 – Dritt għal traduzzjoni ta' dokumenti essenzjali

    23. Is-suspettat għandu d-dritt għat-traduzzjoni bil-miktub ta' dokumenti essenzjali sabiex tiġi mħarsa l-ekwità tal-proċedimenti. Fil-kawża Kamasinski vs l-Awstrija[17] , il-QEDB stqarret li d-dritt għall-interpretazzjoni japplika għall-"materjal ta' dokumentazzjoni" u li l-akkużat għandu jkollu għarfien biżżejjed dwar il-każ li jkun hemm kontra tiegħu sabiex ikun jista' jiddefendi lilu nnifsu[18]. Id-dokumenti essenzjali għall-proċedimenti kriminali għandhom għaldaqstant jinkludu l-avviż tal-imputazzjoni jew l-att tal-akkuża u kwalunkwe dokumentazzjoni relevanti bħal dikjarazzjonijiet ta' xhieda ewlenin meħtieġa sabiex tinftiehem "fid-dettall, in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontrieh" skont l-Artikolu 6(3)(a) tal-KEDB. Għandha tiġi fornita wkoll traduzzjoni ta’ kull ordni ta' detenzjoni jew ordni li jċaħħad lill-persuna mil-libertà tagħha u s-sentenza, li hija meħtieġa sabiex il-persuna teżerċita d-dritt tagħha tal-appell (KEDB Protokoll 7, l-Artikolu 2). Jekk id-dokumenti jkunu twal ħafna, it-traduzzjonijiet jistgħu jkunu limitati għas-siltiet relevanti.

    24. Fir-rigward tal-proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-Mandat tal-Arrest Ewropew, il-Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jiġi tradott.

    25. Wieħed jista’ wkoll jiddispensa mid-dritt għat-traduzzjoni tiegħu bil-kundizzjoni li jkun irċieva parir legali qabel.

    Artikolu 4 – Spejjeż tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni

    26. Dan l-Artikolu jipprovdi li l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għandhom jitħallsu mill-Istat Membru. Li l-akkużat għandu d-dritt għall-interpretazzjoni bla ħlas, anki fil-każ tal-kundanna tiegħu ġie stabbilit f' Luedicke, Belkacem u Koç vs il-Ġermanja[19] .

    Artikolu 5 - Kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni

    27. Dan l-Artikolu jistabbilixxi r-rekwiżit bażiku li tiġi ssalvagwardjata l-kwalità tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward jinsabu fir-Rapport tal-Forum ta' Riflessjoni dwar il-Multilingwiżmu u t-Taħriġ tal-Interpreti[20].

    Artikolu 6 – Klawżola ta' nonrigressjoni

    28. L-għan ta' dan l-Artikolu huwa li jiżgura li l-ifissar ta' standards minimi komuni f'konformità ma' din id-Direttiva ma jkollux l-effett tat-tnaqqis tal-istandards f'ċerti Stati Membri u li l-istandards stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u f'dispożizzjonijiet relevanti oħra tad-dritt internazzjonali jinżammu. L-Istati Membri jibqgħu kompletament fil-libertà li jistabbilixxu standards iktar għoljin minn dawk miftiehma f'din id-Direttiva.

    Artikolu 7 – Implimentazzjoni

    29. Dan l-Artikolu jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw id-Deċiżjoni Qafas sa xx/xx/ 20xx u li, sal-istess data, jibagħtu t-test tad-dispożizzjonjiet li jitrasponuha fil-liġi nazzjonali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    Artikolu 8 – Rapport

    30. Tnax-il xahar (12) wara l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jevalwa safejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, flimkien ma’, jekk ikun meħtieġ, proposti legiżlattivi.

    Artikolu 9 – Dħul fis-seħħ

    31. Dan l-Artikolu jipprovdi li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    5. IL-PRINċIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ

    32. L-għan tal-proposta ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom, peress li l-mira tal-proposta hija li tippromwovi l-fiduċja bejniethom u huwa għalhekk importanti li jkun hemm qbil dwar standard minimu komuni li japplika fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-proposta għandha tqarreb lejn xulxin ir-regoli proċedurali sostantivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċeduri kriminali sabiex tinbena fiduċja reċiproka. Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    6. IL-PRINċIPJU TAL-PROPORZJONALITÀ

    33. Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità billi tillimita ruħha għall-minimu rikjest biex tikseb l-għan dikjarat f'livell Ewropew u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal dak il-għan.

    2010/0050 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar id-dritt ta' interpretazzjoni u traduzzjoni fi proċedimenti kriminali

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 82(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[21],

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-proposta leġiżlattiva lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[22],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[23],

    Waqt li jaġixxu b'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jinkludi d-dritt għal proċess imparzjali, inkluż id-dritt għal parir u għal rappreżentanza legali; L-Artikolu 48 tal-Karta jiggarantixxi r-rispett tal-preżunzjoni ta' innoċenza u d-drittijiet tad-difiża.

    (2) L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li żżomm u tiżviluppa spażju ta' libertà, sigurtà u ta' ġustizzja. Skont il-konklużjonjiet tal-Kunsill Ewropew f'Tampere fil-15 u 16 ta' Ottubru 1999, u b'mod partikolari il-punt 33 tagħhom, il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għandu jsir il-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kemm fil-kwistjonjiet ċivili kif ukoll f'dawk kriminali fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

    (3) Fid-29 ta' Novembru 2000, skont il-Konklużjonijiet ta' Tampere, il-Kunsill adotta programm ta' miżuri immirati lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet kriminali[24]. L-introduzzjoni tal-programm ta' miżuri tispjega li r-rikonoxximent reċiproku huwa "imfassal sabiex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri iżda wkoll biex itejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali".

    (4) L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet kriminali tippresupponii li l-Istati Membri għandhom fiduċja fis-sistemi ta' ġustizzja kriminali ta' xulxin. Il-portata tal-eżerċizzju ta’ rikonoxximent reċiproku tiddependi ħafna fuq numru ta' parametri, li jinkludu "mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta' […] suspettati"[25] u fuq standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku

    (5) Ir-rikonoxximent reċiproku jista' jaħdem effettivament biss fi spirtu ta' fiduċja, fejn mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda l-atturi kollha fil-proċess kriminali jaraw id-deċiżjonjiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom, li jimplika “mhux biss fiduċja fl-adegwatezza tar-regoli tas-sieħeb, iżda wkoll fiduċja li dawn ir-regoli huma applikati korrettament"[26].

    (6) Minkejja li l-Istati Membri kollha huma partijiet fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, l-esperjenza wriet li dan waħdu mhux dejjem jipprovdi livell biżżejjed ta' fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra.

    (7) L-Artikolu 82(2) tat-Trattat jistabbilixxi r-regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali. L-istandards minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha li bħala riżultat għandu jwassal għal kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta' fiduċja reċiproka.

    (8) Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill adotta l-Pjan Direzzjonali dwar id-Drittijiet Proċedurali li talab lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposti fuq bażi "gradwali", dwar id-dritt ta' interpretazzjoni u traduzzjoni, id-dritt għall-informazzjoni dwar drittijiet, id-dritt għal parir legali, qabel il-kawża u matulha, id-dritt tal-persuna arrestata li tikkomunika mal-membri tal-familja, ma' min jimpjegha u mal-awtoritajiet konsolari, u l-protezzjoni għal suspettati vulnerabbli.

    (9) Id-Direttiva, l-ewwel miżura fil-Pjan Direzzjonali, għandha tistabbilixxi standards komuni li għandhom jiġu applikati fl-oqsma tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali sabiex tissaħħaħ il-fiduċja meħtieġa fost l-Istati Membri.

    (10) Id-dritt tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni għal dawk li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti jinsab fl-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretata mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Id-Direttiva għandha tiffaċilita l-applikazzjoni ta' dawk id-drittijiet fil-prattika, bl-għan li tissalvagwardja d-dritt għal proċedimenti ġusti.

    (11) Id-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva għandhom ukoll japplikaw għal proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew. L-Istati Membri li jeżegwixxu għandhom jipprovdu, u jħallsu l-ispejjeż għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għal kwalunkwe persuna li ma tifhimx jew li ma titkellimx il-lingwa tal-proċedimenti.

    (12) Il-persuna suspettata jew akkużata għandha tkun tista', fost l-oħrajn, tispjega l-verżjoni tagħha tal-avvenimenti lill-konsulent legali tagħha, tindika kwalunkwe dikjarazzjonijiet li ma taqbilx magħhom u ġġib għall-konjizzjoni tal-konsulent legali tiegħu kwalunkwe fatt li għandu jitressaq għad-difiża tagħha.

    (13) Id-deċiżjoni li ma hemmx ħtieġa għal interpretazzjoni jew traduzzjoni għandha tkun suġġetta għall-possibiltà ta' reviżjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-persuna suspettata jew akkużata għandha d-dritt li tikkontesta d-deċiżjoni li tikkonkludi li ma hemmx ħtieġa għal interpretazzjoni inklużi l-każijiet meta l-interpretazzjoni jew traduzzjoni tkun daqstant ħażina li tammonta għal nuqqas ta’ interpretazzjoni.

    (14) Id-dmir ta' tutela fil-konfront tal-persuni suspettati jew akkużati li qegħdin f'pożizzjoni potenzjalment dgħajfa, b'mod partikolari minħabba difetti fiżiċi li jaffetwaw l-ħila tagħhom li jikkomunikaw effettivament, huwa is-sies ta' amministrazzjoni tal-ġustizzja ġusta. L-awtoritajiet kompetenti għandhom għaldaqstant jiżguraw li dawn il-persuni jkunu effettivament kapaċi li jeżerċitaw id-drittijiet previsti minn din id-Direttiva, billi jkunu konxji ta' kwalunkwe vulnerabbiltà potenzjali li jaffettwa l-ħila tagħhom li jsegwu l-proċedimenti u biex jinftiehmu u billi jieħdu passi xierqa biex jissalvagwardjaw dawn id-drittijiet.

    (15) Il-ġustizzja tal-proċedimenti timponi li d-dokumenti essenzjali għandhom jiġu tradotti għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata. Id-dokumenti essenzjali li għandhom jiġu tradotti jinkludu kull deċiżjoni li ċċaħħad persuna mil-libertà tagħha, kull imputazzjoni jew akkuża, provi dokumentarji ewlenin u kull sentenza.

    (16) Dispensa mid-dritt tat-traduzzjoni miktuba ta' dokumenti għandha tkun inekwivokabbli u għandha tkun biss valida wara li jkun ingħata parir legali.

    (17) L-effettività tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni għandha tiġi żgurata b'mezzi differenti bħal li jiġi offert taħriġ għall-imħallfin, l-avukati, il-prosekuturi, il-pulizija u persunal tal-qorti relevanti ieħor sabiex titqajjam kuxjenza dwar is-sitwazzjoni ta' dawk li jeħtieġu u dawk li jipprovdu l-interpretazzjoni.

    (18) Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ta' protezzjoni ogħla anki f'sitwazzjonijiet mhux espliċitament trattati f'din id-Direttiva. Il-livell ta' protezzjoni ma għandu qatt jinżel taħt l-istandards stabbiliti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    (19) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Din id-Direttiva tipprova tippromwovi b'mod partikolari, id-dritt tal-libertà, id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża.

    (20) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, li jikkorrispondu għad-drittijiet garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jiġu implimentati konsistentement magħhom kif ukoll mal-każistika relevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    (21) Peress li l-għan li jintlaħqu standards komuni minimi ma jistax jintlaħaq mill-Istati Membri billi jaġixxu unilateralment, la fil-livell ċentrali, la f'dak reġjonali u lanqas f'dak lokali u jista' jintlaħaq biss fil-livell tal-Unjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jadottaw miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif imsemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (22) F'konformità mal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva] / [Bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhux se jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhux se jkunu vinkolati minnha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha][27]. Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Tratttat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u għalhekk mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1 Suġġett u ambitu tal-applikazzjoni

    1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw id-drittijiet għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta‘ Mandat ta' Arrest Ewropew.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 japplikaw għal kwalunkwe persuna minn meta dik il-persuna tkun infurmata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li hija suspettata li wettqet reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti.

    Artikolu 2 Id-dritt għall-interpretazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata li ma tifhimx u ma titkellimx il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati tiġi provduta mingħajr dewmien b'interpretazzjoni ta' kwalità suffiċjenti sabiex tiġi mħarsa l-ekwità tal-proċedimenti kriminali. L-interpretazzjoni għandha tiġi provduta matul dawk il-proċedimenti quddiem l-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji, inkluż waqt l-investigazzjoni tal-pulizija, matul il-laqgħat kollha neċessarji bejn is-suspettat u l-avukat tiegħu, matul is-seduti tal-qorti kollha u matul kwalunkwe seduti interim.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkun meħtieġ, il-parir legali mogħti matul il-proċedimenti kriminali jiġi interpretat għas-suspettat.

    3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw tiġi stabbilita proċedura sabiex jiġi vverifikat jekk il-persuna suspettata jew akkużata tifhimx u titkellimx il-lingwa tal-proċedimenti kriminali.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tikkontesta deċiżjoni li tistabbilixxi li m’hemmx ħtieġa għal interpretazzjoni.

    5. Id-dritt għall-interpretazzjoni jinkludi assistenza lil persuni li jkollhom diffikultajiet ta' smigħ jew biex jitkellmu.

    6. Fir-rigward tal-proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-Mandat tal-Arrest Ewropew, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna li tkun soġġetta għal tali proċedimenti li ma tifhimx u titkellimx il-lingwa tal-proċedimenti tiġi pprovduta b'interpretazzjoni matul dawk il-proċedimenti.

    Artikolu 3 Id-dritt għal traduzzjoni bil-miktub ta' dokumenti essenzjali

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata li ma tifhimx u ma titkellimx il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati tiġi pprovduta bi traduzzjonijiet bil-miktub tad-dokumenti kollha essenzjali ta' kwalità suffiċjenti sabiex tiġi salvagwardjata l-ekwità tal-proċedimenti kriminali xierqa.

    2. Id-dokumenti essenzjali li għandhom jiġu tradotti għandhom jinkludu l-ordni ta' detenzjoni li jċaħħad lill-persuna mil-libertà, l-imputazzjoni/akkuża, provi dokumentarji essenzjali u s-sentenza.

    3. Il-persuna suspettata jew akkużata jew l-avukat tiegħu jistgħu jippreżentaw talba motivata għat-traduzzjoni ta' dokumenti ulterjuri, inkluż il-parir legali bil-miktub mill-avukat tas-suspettat.

    4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tikkontesta deċiżjoni li tistabbilixxi li m’hemmx ħtieġa għal traduzzjoni.

    5. Fir-rigward ta’ proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna li hi soġġetta għal tali proċedimenti li ma tifhimx il-lingwa li biha nkiteb il-Mandat ta' Arrest Ewropew tiġi provduta bi traduzzjoni ta' dak id-dokument.

    6. Persuna li għandha dritt taħt dan l-Artikolu għal traduzzjoni ta' dokumenti tista' tiddispensa dan id-dritt wara li tirċievi parir legali fuq il-punt.

    Artikolu 4 L-Istati Membri għandhomijħallsu l-ispejjeż ta' interpretazzjoni u traduzzjoni

    L-Istati Membri għandhom ikopru l-ispejjeż ta’ interpretazzjoni u traduzzjoni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 2 u 3, irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti.

    Artikolu 5 Effettività tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni

    1. L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għandhom jiġu provduti b'mod li jiżguraw li l-persuna suspettata jew akkużata tkun kompletament kapaċi teżerċita d-drittijiet tiegħu.

    2. L-Istati Membri għandhom joffru taħriġ lill-imħallfin, avukati, prosekuturi, uffiċjali tal-pulizija u impjegati oħra relevanti tal-qorti sabiex jiżguraw il-ħila tas-suspettat li jifhem il-proċedimenti u biex jifhmu aħjar ir-rwol tal-interpreti u t-tradutturi.

    Artikolu 6 Klawsola ta’ non-rigressjoni

    Xejn f'din id-Direttiva ma għandu jiġi miftiehem bħala li jillimita lil jew jidderoga minn xi drittijiet u salvagwardji proċedurali li jistgħu jiġu żgurati taħt il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali jew il-liġijiet ta' kwalunkwe Stat Membru li jipprovdu livell ta' protezzjoni ogħla.

    Artikolu 7 Implimentazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard minn …* (* - 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva)

    2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu riferiment għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isir tali riferiment għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi li din id-Direttiva timponilhom, flimkien ma' tabella li turi kif id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkorrispondu mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati.

    Artikolu 8 Rapport

    Il-Kummissjoni għandha, sa [ 36 xahar wara l-pubblikazzjoni ta' din id-Direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali ], tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jevalwa sa fejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, flimkien ma’, jekk ikun meħtieġ, proposti legiżlattivi. Ir-rapport għandu wkoll jindirizza l-implikazzjonijiet tal-ispiża futura tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri f'konformità ma' din id-Direttiva.

    Artikolu 9 Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Artikolu 10

    Din id-Direttiva hija iindirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] COM(2009) 338 8.7.2009.

    [2] L-ispjegazzjonijiet li jikkonċernaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU C 303 14.12.2007), annessi mal-Karta, fl-Ispjegazzjoni tal-Artikolu 48 jistipulaw: "L-Artikolu 48 huwa l-istess bħall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB [ 6(2) u 6(3) KEDB ikkwotati ]. Skont l-Artikolu 52(3), dan id-dritt għandu l-istess tifsira u ambitu tad-dritt garantit mill-KEDB". L-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi wkoll: "Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi tal-Unjoni milli tipprevedi protezzjoni aktar estensiva".

    [3] il-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999.

    [4] Konklużjoni 33.

    [5] COM(2000) 495, 29.7.2000.

    [6] ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

    [7] COM (2004)328 28.4.2004

    [8] ĠU C 295 4 .12.2009 p.1

    [9] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 10-11 ta' Diċembru 2009.

    [10] Ara n-nota 2 ta’qiegħ il-paġna.

    [11] 28 ta' Novembru 1978, Serje A Nru 29. “46.Il-Qorti għalhekk tiddeċiedi li t-tifsira ordinarja tat-terminu […] “bla ħlas" fl-Artikolu 6(3)(e) […] huwa kkonfermat mill-għan u l-fini tal-Artikolu 6. Il-Qorti tikkonkludi li d-dritt protett mill-Artikolu 6(3(e) jimplika, għal min ma jistax jitkellem jew jifhem il-lingwa użata fil-qorti, id-dritt li jirċievi l-assistenza bla ħlas ta' interpretu, mingħajr ma sussegwentement jintalab iħallas l-ispejjeż li jkunu ntefqu”.

    [12] 19 ta' Diċembru 1989, Serje A N° 168.

    [13] 19 Diċembru 1989, (10964/84) [1989] KEDB 23.

    [14] “41[…] l-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani kellhom jieħdu passi sabiex jikkonformaw magħha sabiex jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3)(a) (art. 6-3-a), sakemm ma kinux f'pożizzjoni li jistabbilixxu li r-rikorrent fil-fatt kellu għarfien biżżejjed tat-Taljan sabiex ikun jista' jifhem min-notifika l-iskop tal-ittra li nnotifikatu bl-akkużi miġjuba kontrih. L-ebda prova ta' dan it-tip ma tidher mid-dokumenti fil-proċess jew mid-dikjarazzjonjiet tax-xhieda li nstemgħu fit-23 ta' April 1989. Fuq dan il-punt jeżisti għalhekk ksur tal-Artikolu 6(3)(a) (art. 6-3-a)”.

    [15] 24 ta’ Settembru 2002 – Nru.3277/96.

    [16] http://ec.europa.eu/commission_barroso/orban/docs/FinalL_Reflection_Forum_Report_en.pdf

    [17] 19 ta' Diċembru 1989, Serje A N° 168.

    [18] “74. Id-dritt […] għall-assistenza b'xejn ta' interpretu tapplika mhux biss għal dikjarazzjonijiet orali magħmula f'seduta ta' kawża kriminali iżda wkoll għal materjal ta' dokumentazzjoni u għall-proċedimenti ta' qabel il-kawża kriminali. Paragrafu 3 (art. 6-3-e) ifisser li persuna "imputata b'reat kriminali" li ma tistax tifhem jew titkellem il-lingwa użata fil-qorti għandha dritt għal assistenza bla ħlas ta' interpretu għat-traduzzjoni jew l-interpretazzjoni ta' dawk id-dokumenti jew dikjarazzjonjiet kollha fil-proċedimenti istitwiti kontriha li huma importanti għaliha li tifhem jew li tfiehem fil-lingwa tal-qorti sabiex ikollha l-benefiċċju ta' proċess kriminali xieraq. […]Madanakollu, il-paragrafu 3 (e) (art. 6-3-e) ma jasalx li jitlob traduzzjoni bil-miktub ta' kull biċċa prova miktuba jew tad-dokumenti kollha uffiċjali fil-proċedura. L-assistenza tal-interpretazzjoni provduta għandha tkun tali li tippermetti lill-imputat li jkollu tagħrif tal-każ kontrih u jkun jista' jiddefendi lilu nnifsu, primarjament billi jkun possibbli għalih li jressaq il-verżjoni tiegħu tal-fatti quddiem il-qorti. Fid-dawl tal-ħtieġa tad-dritt garantit minn paragrafu 3 (e) (art. 6-3-e) li jkun prattiku u effettiv, l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti mhux limitat għall-ħatra ta' interpretu iżda, jekk jiġu mitluba f'ċirkostanzi partikolari, jista jestendi sa ċertu livell ta' kontroll suċċessiv fuq l-adegwatezza tal-interpretazzjoni provduta (ara s-sentenza Artico)”.

    [19] “46.Il-Qorti għalhekk tiddeċiedi li t-tifsira ordinarja tat-terminu […] “bla ħlas" fl-Artikolu 6 para. 3(e) […] huwa kkonfermat mill-għan u l-fini tal-Artikolu 6. Il-Qorti tikkonkludi li d-dritt protett mill-Artikolu 6 para. 3(e) jimplika, għal min ma jistax jitkellem jew jifhem il-lingwa użata fil-qorti, id-dritt li jirċievi l-assistenza bla ħlas ta' interpretu, mingħajr ma sussegwentement jintalab minnu ħlas ta' spejjeż li jkunu ntefqu.”

    [20] Ara n-nota 14 ta' qiegħ il-paġna hawn fuq.

    [21] ĠU C p. .

    [22] ĠU C p. .

    [23] ĠU C p. .

    [24] ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

    [25] ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

    [26] SEC(2000) 495, 26.7.2000, p. 4.

    [27] Il-formulazzjoni finali ta' din il-premessa fid-Direttiva se tiddependi fuq il-pożizzjoni attwali tar-Renju Unit u l-Irlanda, meħuda f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru 21.

    Top