Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0080

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 452/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' twavel għall-mogħdija li joriġinaw, fost oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

/* KUMM/2010/0080 finali - NLE 2010/0049 */

52010PC0080

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 452/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' twavel għall-mogħdija li joriġinaw, fost oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina /* KUMM/2010/0080 finali - NLE 2010/0049 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 9.3.2010

KUMM(2010)80 finali

2010/0049 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 452/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' twavel għall-mogħdija li joriġinaw, fost oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) Il-Kuntest tal-proposta |

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ('ir-Regolament bażiku') fil-proċediment li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ ċerti twavel għall-mogħdija li joriġinaw, fost oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |

Kuntest ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hi r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet f’konformità mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007[2] li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukraina. |

Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

2) Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-istima tal-impatt |

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċedimenti kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Ġbir u użu ta' għarfien espert |

Ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ għarfien espert estern. |

Stima tal-impatt Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima tal-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati. |

3) L-elementi ġuridiċi tal-proposta |

Taqsira tal-azzjoni proposta Fit-8 ta' Jannar 2009, il-Kummissjoni Ewropea ('il-Kummissjoni') nediet reviżjoni interim parzjali limitata għall-aspetti tad-dumping tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 tat-23 ta' April 2007. It-talba għar-reviżjoni saret mill-produttur esportatur Ċiniż, Power Team Houseware Co. Ltd., Guangzhou. Fit-talba tagħha l-kumpanija qalet li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom ġew stabbiliti l-miżuri eżistenti nbidlu, u li dawn il-bidliet huma ta’ natura permanenti. L-applikant ta evidenza prima facie li m'għadx hemm bżonn li l-miżura tissokta tiġi applikata fil-livell attwali tagħha biex tagħmel tajjeb għad-dumping u, partikolarment, li hu jopera f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq. L-investigazzjoni tar-reviżjoni wriet li l-applikant ma ssodisfax id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku biex jingħata trattament ta' ekonomija tas-suq u l-marġini individwali tad-dumping tiegħu kellu jiġi rivedut. Barra minn hekk, ir-rata residwali applikabbli għall-produtturi kollha li ma jikkooperawx kellha tiġi riveduta. Għalhekk, huwa propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament li jemenda d-dazju anti-dumping applikabbli lil Power Team u d-dazju residwali. Ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali mhux iktar tard mis-7 ta' April 2010. |

Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu, |

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għaldaqstant, ma japplikax. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

Il-forma ta' azzjoni hi deskritta fir-Regolament bażiku u ma tħalli l-ebda ambitu għal deċiżjoniji nazzjonali. |

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa minimizzat u proporzjonat mal-għan tal-proposta, mhix applikabbli. |

Għażla ta’ strumenti |

Strumenti proposti: Regolament tal-Kunsill. |

Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix alternattivi oħra. |

4) L-implikazzjoni baġitarja |

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. |

2010/0049 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 452/2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' twavel għall-mogħdija li joriġinaw, fost oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[3] ('ir-Regolament bażiku'), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1. PROĊEDURA

2. Miżuri fis-seħħ

3. Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 452/2007[4] li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' twavel għall-mogħdija li joriġinaw, fost oħrajn, mir-Repubblika tal-Popolari taċ-Ċina ('RPĊ'). Il-miżuri jikkonsistu f’rata tad-dazju ad valorem ta’ 38,1 %, bl-eċċezzjoni ta’ ħames kumpaniji msemmija espressament u li huma soġġetti għal rati ta’ dazju individwali.

4. Talba għal reviżjoni

5. Fl-2008, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ('reviżjoni interim '). It-talba, li kienet limitata fl-ambitu għall-eżami tad-dumping, tressqet minn produttur esportatur Ċiniż, Guangzhou Power Team Houseware Co. Ltd., Guangzhou ('Power Team' jew ‘l-applikant’). Ir-rata tad-dazju definittiv anti-dumping applikabbli għall-applikant hija ta' 36,5 %.

6. Fit-talba tiegħu, l-applikant qal li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom il-miżuri eżistenti kienu ġew stabbiliti, nbidlu, u li dawn il-bidliet huma ta’ natura permanenti. L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-impożizzjoni ssuktata tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex tagħmel tajjeb għad-dumping.

7. B'mod partikolari, l-applikant saħaq li issa jopera skont il-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, jiġifieri li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. L-applikant għaldaqstant allega li l-valur normali tiegħu għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Tqabbil ta' dan il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tiegħu lejn l-Unjoni Ewropea jindika li l-marġni tad-dumping jidher li huwa sostanzjalment aktar baxx mil-livell attwali tal-miżura.

8. Għalhekk, l-applikant saħaq li l-impożizzjoni ssuktata tal-miżuri fil-livell attwali, li kien ibbażat fuq il-livell ta' dumping stabbilit qabel, ma kenitx meħtieġa aktar biex tagħmel tajjeb għad-dumping.

9. It-tnedija tar-reviżjoni

10. Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ reviżjoni interim , il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitata fl-ambitu għall-eżami tad-dumping fir-rigward tal-applikant[5].

11. Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

12. Il-prodott ikkonċernat mir-reviżjoni interim attwali huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ (l-'investigazzjoni oriġinali'), jiġifieri twavel għall-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, bil-fwar u/jew bil-wiċċ isaħħan u/jew li jonfoħ jew mingħajrhom, inklużi t-twavel għall-mogħdija tal-kmiem u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri, is-saqajn, il-wiċċ u fejn titpoġġa l-ħadida, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Popolari taċ-Ċina u li attwalment għandhom il-kodiċi tan-NM ex 3924 90 00[6], ex 4421 90 98, ex 7323 93 90, ex 7323 99 91, ex 7323 99 99, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00.

13. Il-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku Ċiniż u dak esportat lejn l-Unjoni Ewropea ('UE'), kif ukoll dak immanifatturat u mibjugħ fl-Ukraina (użata bħala l-pajjiż analogu) għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użi, u għalhekk huma meqjusa simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

14. Il-partijiet ikkonċernati

15. Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lir-rappreżentant tal-industrija tal-Unjoni, lill-applikant u lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur bit-tnedija tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu fehmiethom bil-miktub u li jinstemgħu.

16. Il-Kummissjoni bagħtet formola ta' talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq ('TES') flimkien ma' kwestjonarju lill-applikant u rċeviet risposta qabel l-iskadenza stabbilita għal dak il-għan. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li dehrilha neċessarja biex tiddetermina d-dumping, filwaqt li wettqet żjara ta' verifika fil-kwartieri tal-applikant.

17. Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni

18. L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-31 ta' Diċembru 2008 ('il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni' jew 'PIR'). Ta' min ifakkar illi l-perjodu tal-investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri kien mill-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2005 ('il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali' jew 'PI').

19. IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

20. Trattament ta' Ekonomija tas-Suq ('TES')

21. Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f'investigazzjonijiet tal-anti-dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi 1 sa 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku għal dawk il-produtturi li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fejn jintwera li l-manufattura u l-bejgħ tal-prodott simili jsiru fil-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq. Dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

22. id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b’reazzjoni għas-sinjali tas-suq, mingħajr indħil sinifikanti tal-Istat, u l-ispejjeż jirriflettu l-valuri tas-suq,

23. il-kumpaniji għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords tal-kontabbiltà bażiċi li jkunu vverifikati b’mod indipendenti, skont l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà ('IAS') u li jiġu applikati għall-finijiet kollha;

24. ma ntiret l-ebda tgħawwiġ sinifikanti minn sistema preċedenti li ma kinitx topera f'ekonomija tas-suq,

25. il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu l-istabbiltà u ċ-ċertezza ġuridika,

26. il-kambji tal-munita jsiru bir-rati tas-suq.

27. L-applikant talab it-TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, u ġie mistieden jimla formola ta’ talba għal TES.

28. L-investigazzjoni stabbiliet li l-applikant ma kienx jissodisfa l-kriterju MET imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) (il-kriterju 1) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-ispejjeż tal-inputs ewlenin. Ġie stabbilit li wara l-perjodu tal-investigazzjoni fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri wara l-2005, ġew imposti restrizzjonijiet fuq l-estportazzjoni mill-Istat fuq diversi prodotti tal-azzar, inkluż il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tat-twavel għall-mogħdija, jiġifieri, pjanċi tal-azzar, pajpijiet tal-azzar u wajer tal-azzar. Ta' min jinnota li l-ispiża ta' dawn il-materji primi tirrappreżenta parti sinifikanti tal-ispiża totali tal-materji primi. L-impożizzjoni tat-taxxi fuq l-esportazzjoni naqqset l-inċentiv għall-esportazzjoni u għalhekk żiedet il-volumi disponibbli fis-suq domestiku, u dan wassal għal prezzijiet iktar baxxi. Instab ukoll li għadd ta' skemi ta' sussidju kienu disponibbli għall-produtturi tal-azzar Ċiniżi[7], u kontijiet diponibbli għall-pubbliku ta' għadd ta' produtturi tal-azzar jikkonfermaw li l-Istat Ċiniż qed jappoġġa b'mod attiv l-iżvilupp tas-settur tal-azzar fir-RPĊ.

29. B'konsegwenza ta' dan, il-prezzijiet domestiċi tal-azzar fir-RPĊ fil-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni kienu orħos sewwa mill-prezzijiet fi swieq oħra mdaqqsa tad-dinja, partikolarment il-prezzijiet tal-azzar fl-Amerika ta' Fuq u l-Ewropa ta' Fuq[8], u dawn id-differenzi fil-prezz ma jistgħu jiġu spjegati b'ebda vantaġġ kompetittiv fil-produzzjoni tal-azzar.

30. Barra minn hekk, mill-informazzjoni fuq il-fajl, instab li l-applikant kien qed jibbenefika minn dawn il-prezzijiet artifiċjalment baxxi u mimsusa tal-azzar, billi kien jixtri l-materja prima tiegħu fis-suq domestiku Ċiniż.

31. Għalhekk, ġie konkluż li l-inputs ewlenin ta' Power Team ma jirriflettux sostanzjalment il-valuri tas-suq. Konsegwentement, ġie konkluż li l-applikant ma weriex li jissodisfa l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, ma jistax jingħata TES.

32. L-applikant, il-pajjiż esportatur u l-industrija tal-Unjoni ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw dwar is-sejbiet li ssemmew hawn fuq. Waslu kummenti mingħand l-applikant u l-industrija tal-Unjoni.

33. L-applikant ressaq tliet argumenti ewlenin qabel id-data tal-iskadenza. L-ewwel nett, qal li l-prezzijiet tal-materja prima ta' Power Team kienu konformi mal-prezzijiet domestiċi u li din is-sejba kienet biżżejjed biex jiġi sodisfatt il-kriterju 1 fl-investigazzjoni oriġinali. B'konsegwenza ta' dan, il-kumpanija qieset li t-tqabbil tal-prezzijiet fis-suq domestiku Ċiniż ma' swieq internazzjonali oħra tal-azzar kien ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. F'dan il-kuntest, il-kumpanija poġġiet dubji wkoll fuq ir-relevanza tal-prezzijiet tas-suq tal-azzar tal-Ewropa ta' Fuq u tal-Amerika ta' Fuq, li sar tqabbil magħhom. L-applikant qal li kien hemm ukoll prezzijiet ta' swieq internazzjonali oħra, bħall-prezzijiet tal-esportazzjoni Torok, li kienu inqas mill-prezzijiet domestiċi fir-RPĊ.

34. Tabilħaqq huwa veru li l-applikant issodisfa l-kriterju 1 fl-investigazzjoni oriġinali, iżda ma ssodisfax il-kriterju 2. Madankollu, huwa meqjus li l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku ma nkisirx billi ma kienx hemm bidla fil-metodoloġija biex jiġi evalwat jekk il-kumpanija taħdimx f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq u, partikolarment, jekk tissodisfax il-kriterju 1. Fiż-żewġ investigazzjonijiet, l-investigazzjoni oriġinali u l-investigazzjoni tar-reviżjoni, il-kwistjoni jekk il-materja prima tirriflettix il-valuri tas-suq ġiet evalwata. Fiż-żewġ investigazzjonijiet, wieħed mill-indikaturi eżaminati kien il-prezzijiet domestiċi tal-azzar, iżda fl-investigazzjoni oriġinali ma kienx hemm fatturi sinifikanti oħra li dehru li kienu qed jinfluwenzaw il-prezzijiet tal-materja prima. Għalhekk, il-metodoloġija baqgħet l-istess, iżda s-sejbiet kienu differenti.

35. L-investigazzjoni tar-reviżjoni żvelat li wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri mill-2006, iċ-ċirkostanzi nbidlu billi ġew imposti bosta miżuri mill-Istat Ċiniż biex jiskoraġġixxi l-esportazzjonijiet tal-pjanċi, il-pajpijiet u l-wajer tal-azzar billi introduċa taxxa fuq l-esportazzjoni u billi elimina r-rifużjoni tal-VAT fuq l-esportazzjoni. Dan, flimkien mal-iskemi tas-sussidju msemmija, kellu effett ta' distorzjoni fuq il-prezzijiet domestiċi Ċiniżi tal-azzar billi d-differenza fil-prezzijiet li nstabet bejn dawk il-prezzijiet u l-prezzijiet domestiċi ppubblikati għall-Amerika ta' Fuq u l-Ewropa ta' Fuq, żdiedet b'mod sinifikanti għal madwar 30 %. Din id-differenza fil-prezzijiet ma ġietx ikkontestata mill-applikant wara l-iżvelar tas-sejbiet TES.

36. Fir-rigward tal-argument li l-prezzijiet domestiċi tal-Amerika ta' Fuq u tal-Ewropa ta' Fuq mhumiex l-uniċi prezzijiet relevanti fil-livell internazzjonali, ta' min jinnota li ż-żewġ swieq tal-azzar intgħażlu għat-tqabbil tal-prezzijiet billi ż-żewġt iswieq għandhom konsum għoli ta' azzar u huma swieq kompetittivi b'bosta produtturi attivi. Jista' jiġi preżunt b'mod raġonevoli li dawk il-prezzijiet domestiċi kienu rappreżentattivi għall-prezzijiet kompetittivi tas-suq. Barra minn hekk, l-istqarrija li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tat-Turkija kienu inqas minn dawk domestiċi Ċiniż ma kinitx issostanzjata iktar f'dan l-istadju, jiġifieri ma ngħatawx prezzijiet konkreti qabel id-data tal-iskadenza. Barra minn hekk, ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għaliex il-prezzijiet tal-esportazzjoni Torok għandhom jitqiesu bħala iktar relevanti, meta wieħed iqis id-daqs relattivament żgħir li apparentement għandu s-suq tal-esportazzjoni Tork meta mqabbel mas-swieq tal-Amerika ta' Fuq u tal-Ewropa ta' Fuq.

37. It-tieni, l-kumpanija stqarret li saret diskriminazzjoni fil-konfront tagħha fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, billi f'għadd ta' każijiet oħra riċenti fejn l-azzar kien jagħmel parti ewlenija, kien hemm xi kumpaniji tal-azzar Ċiniżi li kienu jissodisfaw il-kriterju 1. Dawn il-każijiet ġew eżaminati kollha u nstab li ebda waħda mill-kumpaniji involuti f'dawk il-każijiet ma ngħatat TES billi kollha kemm huma kienu fallew f'mill-inqas kriterju wieħed ieħor tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, għal raġunijiet ta' ekonomija amministrattiva, ma kienx hemm bżonn li l-kriterju 1 jiġi studjat f'ħafna dettall billi kien jidher ċar li l-kumpanija kienet se tfalli għal raġunijiet oħra. Madankollu, il-Kummissjoni f'ebda wieħed minn dawn il-każijiet riċenti ma kkonkludiet li ma kienx hemm indħil fis-suq tal-azzar domestiku Ċiniż, iżda, f'każijiet riċenti, ma ngħatax TES kull meta seta' jiġi identifikat indħil fil-prezzijiet tal-materja prima[9].

38. Fl-aħħar nett, l-applikant argumenta li aġġustament tal-valur normali ikun iktar xieraq milli ma jingħatax TES. Madankollu, aġġustament tal-valur normali jidher li mhux xieraq billi wieħed mill-kriterji għall-għoti ta' TES huwa li l-ispejjeż tal-inputs ewlenin għandhom jirriflettu l-valuri tas-suq. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-konsegwenza għandha minflok tkun li ma jingħatax TES u li l-valur normali jinbidel b'valur normali ta' pajjiż analogu, partikolarment jekk il-materja prima tkun parti sinifikanti mill-ispejjeż tal-inputs.

39. Bħala konklużjoni, ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn Power Team ma kien konvinċenti jew wassal għal evalwazzjoni differenti tas-sejbiet.

40. L-industrija tal-Unjoni qalet li l-Istat Ċiniż kien indaħal ħafna fl-industrija tal-azzar u dan kien diġà wassal lill-UE u lill-Istati Uniti biex jitolbu li jsiru konsultazzjonijet tad-WTO biex din il-kwistjoni tissolva.

41. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet u l-konklużjoni li ma għandux jingħata TES lil Power Team, huma kkonfermati.

42. Wara l-iżvelar tal-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kienet se tiġi rrakkomandata emenda lir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, l-applikant bagħat iktar kummenti dwar is-sejbiet tat-TES.

43. L-applikant fil-biċċa l-kbira tenna l-argument tiegħu li l-inputs ewlenin tiegħu jirriflettu l-valuri tas-suq fir-RPĊ u li l-prezzijiet Ċiniżi huma fil-biċċa l-kbira konfomi mas-swieq internazzjonali l-oħra. Filwaqt li għaraf il-fatt li ż-żieda fil-prezz għall-inputs ewlenin ma kinitx daqshekk kbira fir-RPĊ fl-2008 meta mqabbel ma' swieq internazzjonali oħra, l-applikant allega li dan mhux minħabba distorzjonijiet, imma li fatturi purament kummerċjali oħra jistgħu jkunu r-raġuni għall-prezzijiet orħos fis-suq domestiku Ċiniż. L-applikant ġibed l-attenzjoni lejn iż-żieda fil-produzzjoni fl-2008 u indika li d-dazji kontra d-dumping jew kumpensatorji fis-seħħ kontra l-esportazzjonijiet ta' ħafna mill-inputs tal-azzar manifatturati fir-RPĊ kienu wasslu biex il-produtturi Ċiniżi jnaqqsu l-prezzijiet tagħhom fis-suq domestiku.

44. Ta' min jinnota li l-informazzjoni addizzjonali dwar il-prezzijiet mogħtija mill-applikant appoġġat is-sejba li l-materji primi ewlenin għall-produzzjoni tat-twavel għall-mogħdija fl-2008 kienu sostanzjalment orħos fis-suq domestiku Ċiniż milli fi swieq imdaqqsa oħra tad-dinja.

45. Fir-rigward tal-argument li fatturi purament kummerċjali kienu r-raġuni għal dik id-differenza fil-prezz, jiġifieri, iż-żieda fil-produzzjoni fir-RPĊ, ta' min jinnota li dan l-argument ma ġiex issostanzjat biżżejjed partikolarment fir-rigward ta' kull korrelazzjoni possibbli bejn iż-żieda allegata fil-produzzjoni u s-sitwazzjoni fuq in-naħa tad-domanda. Fl-istess waqt, l-argument imqajjem mill-applikant li kien hemm dazji kumpensatorji fis-seħħ kontra esportazzjonijiet ta' għadd ta' prodotti tal-azzar mir-RPĊ, juri biss li l-produtturi tal-azzar Ċiniżi kienu tabilħaqq qegħdin jibbenefikaw mis-sussidji.

46. Konsegwentement, l-argument tal-applikant li s-suq tal-azzar fir-RPĊ mhuwiex mittiefes ma jistax jiġi sostnut u huwa definittivament konkluż li d-determinazzjoni ta' TES ma tistax tiġi riveduta u li TES ma għandux jingħata lil Power Team.

47. It-trattament individwali ('TI')

48. Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, jekk ikun il-każ, għandu jiġi stabbilit dazju effettiv fil-pajjiż kollu għal pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, ħlief fil-każijiet fejn il-kumpaniji jkunu jistgħu juru li jissodisfaw il-kriterji kollha għat-trattament individwali stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

49. fil-każ ta’ kumpaniji jew impriżi konġunti totalment jew parzjalment f’idejn barranin, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti;

50. il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-kwantitajiet u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ jiġu determinati liberament;

51. il-maġġoranza tal-ishma huma f'idejn persuni privati, u għandu jintwera li l-kumpanija hi indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat;

52. il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jitwettqu skont ir-rata fis-suq;

53. l-indħil mill-Istat mhux tali li jkun possibbli li l-esportaturi individwali ma jimxux mal-miżuri jekk jingħatawlhom rati differenti tad-dazju.

54. Minbarra li talab għat-TES, l-applikant talab ukoll it-TI kemm-il darba ma jingħatax it-TES.

55. L-investigazzjoni wriet li l-applikant issodisfa l-kriterji kollha ta' hawn fuq u qed jiġi konkluż li għandu jingħata trattament individwali lil Power Team.

56. Valur normali

57. Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, f’każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi b’ekonomija mhux tas-suq, u sakemm il-MET ma setax jingħata, għall-pajjiżi speċifikati fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi stabbilit valur normali fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur ikkalkulat f’pajjiż analogu.

58. Fl-avviż tal-bidu, il-Kummissjoni indikat il-ħsieb tagħha li għal darb'oħra tuża lit-Turkija, li kienet intużat bħala l-pajjiż analogu fl-investigazzjoni oriġinali, bħala l-pajjiż analogu xieraq sabiex jiġi stabbilit valur normali għar-RPĊ, iżda ebda produttur Tork ma kkoopera f'din ir-reviżjoni interim . Madankollu, ikkoopera produttur esportatur Ukrain li kien is-suġġett għal investigazzjoni parallela għal reviżjoni interim oħra. Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar dan u ma waslu ebda kummenti kontra l-użu tal-Ukraina bħala l-pajjiż analogu f'dak l-istadju.

59. Billi ma kienx hemm raġunijiet apparenti biex l-Ukraina ma tintagħżilx bħala pajjiż analogu u, b'mod partikolari, billi ebda produttur ta' pajjiż terz ieħor ma kkoopera, il-valur normali ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata li waslet mill-produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu.

60. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, instab li l-volum tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili tal-produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu kien rappreżentattiv meta mqabbel mal-bejgħ tal-esportazzjoni tal-applikant lill-UE. Barra minn hekk, għat-tipi kollha ta' prodott esportati, il-bejgħ domestiku komparabbli (jekk meħtieġ, aġġustat għall-karatteristiċi fiżiċi) tqies li kien rappreżentattiv billi l-volum tal-bejgħ tagħhom kien mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ tal-esportazzjoni korrispondenti lill-UE.

61. Il-Kummissjoni eżaminat imbagħad jekk il-bejgħ domestiku fil-pajjiż analogu ta’ kull tip ta’ twavel għall-mogħdija mibjugħ domestikament fi kwantitajiet rappreżentattivi jistax jitqies li sar fl-andament normali tal-kummerċ, billi stabbilixxiet il-proporzjon ta’ bejgħ bi qligħ lil klijenti indipendenti tat-tip ta’ twavel għall-mogħdija kkonċernat.

62. It-tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku tqiesu li kienu bil-qligħ meta l-prezz unitarju ta’ tip speċifiku tal-prodott kien daqs jew ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni. B’hekk ġiet determinata l-ispiża tal-produzzjoni ta’ kull tip mibjugħ fil-pajjiż analogu matul il-PI.

63. Fejn il-volum tal-bejgħ ta’ tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz nett ta’ bejgħ daqs jew ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni kkalkulata rrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip, u fejn il-prezz medju differenzjat ta’ dan it-tip kien daqs jew ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku effettiv. Dan il-prezz ġie kkalkulat bħala l-medja differenzjata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta' dan it-tip matul il-PI, sew jekk dan il-bejgħ kienx bi qligħ u sew jekk le.

64. Fejn il-volum tal-bejgħ li jagħmel qligħ ta’ tip ta’ prodott irrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dak it-tip, jew fejn il-prezz medju differenzjat ta’ dak it-tip kien inqas mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku effettiv, ikkalkulat bħala l-medja differenzjata tal-bejgħ li jagħmel qligħ ta’ dak it-tip biss.

65. Wara l-iżvelar, l-applikant ikkumenta li fil-każijiet fejn il-bejgħ bil-qligħ kien jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-volum totali tal-bejgħ ta' tip partikolari, normalment għandu jintuża valur normali kkalkulat.

66. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li sitwazzjoni ta' inqas minn 10 % ta' bejgħ bil-qligħ ma seħħitx f'din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-prassi li jiġi awtomatikament ikkalkulat valur normali f'dawn iċ-ċirkostanzi ma għadhiex tintuża.

67. Prezz tal-esportazzjoni

68. Fil-każijiet kollha, il-prodott ikkonċernat kien mibjugħ għall-esportazzjoni lil klijenti indipendenti fl-Unjoni permezz ta' kummerċjanti fir-RPĊ, u, għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġfieri fuq il-bażi tal-prezzijiet li tħallsu effettivament jew li huma pagabbli għall-prodott meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lill-UE.

69. Wara l-iżvelar, l-applikant qal li l-prezz tal-esportazzjoni għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ tal-fattura tal-kummerċjant indipendenti Ċiniż lil klijenti indipendenti fl-UE, u mhux, kif fil-fatt sar, fuq il-bażi tal-prezz imħallas jew pagabbli għall-prodott meta jinbiegħ minn Power Team lill-kummerċjant indipendenti fil-RPĊ għall-esportazzjoni. Dan l-approċċ, madankollu, ma jkunx konformi mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku li jirrikjedi li, meta l-prodotti jinbiegħu għall-esportazzjoni, l-ewwel tranżazzjoni indipendenti għandha tkun il-bażi għall-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni. Konsegwentement, din l-allegazzjoni kellha tiġi rifjutata.

70. Tqabbil

71. Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tqabblu mal-bażi tal-prezz ex-works. Sabiex jiġi żgurat paragun imparzjali bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li kienu affermati u ppruvati li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet. Fuq il-bażi ta’ dan, saru konċessjonijiet għal differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, l-ispejjeż tat-trasport, l-assikurazzjoni, l-ispejjeż tat-tagħbija u l-ispejjeż ta’ kreditu fejn kienu applikabbli u ġġustifikati. Billi l-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit esklussivament fuq il-bażi tal-bejgħ domestiku lill-kummerċjanti Ċiniżi għall-esportazzjoni, ma kienx hemm raġuni għal konċessjonijiet għad-differenzi fit-tassazzjoni, billi l-valur normali ġie stabbilit ukoll fuq il-bejgħ domestiku fil-pajjiż analogu suġġett għal reġim tat-tassazzjoni simili. Għalhekk, il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew ikkalkulati mingħajr il-VAT.

72. Wara l-iżvelar, l-applikant qal li r-raggruppament tat-tipi ta' prodotti (li sar tabilħaqq għal skopijiet ta' tqabbil) jitfa' ċerti dubji fir-rigward tal-korrettezza tat-tqabbil tal-prezzijiet.

73. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li r-raggruppament tat-tipi ta' prodott f'din l-investigazzjoni kien identiku għar-raggruppament fl-investigazzjoni oriġinali, u tqies meħtieġ biex tiżdied il-komparabilità tal-prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lill-Unjoni minn Power Team u dawk mibjugħa fis-suq domestiku fil-pajjiż analogu. Ta' min jinnota wkoll li l-applikant ma ssostanzjax il-klejm tiegħu iktar, partikolarment fir-rigward ta' għaliex ir-raggruppament kif sar (u spjegat fl-iżvelar speċifiku indirizzat lill-applikant) ma jkunx xieraq. Għalhekk, din l-allegazzjoni kellha tiġi rifjutata.

74. Marġini tad-dumping

75. Kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur medju normali differenzjat skont it-tip ġie mqabbel mal-prezz medju differenzjat tal-esportazzjonijiet tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan il-paragun wera l-eżistenza ta' dumping.

76. Il-marġni tad-dumping għal Power Team espress bħala perċentwali tal-prezz nett, ħieles fuq il-fruntiera tal-Komunità, instab li kien 39,6 %.

77. IN-NATURA PERMANENTI TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

78. Bi qbil mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk kienx raġonevoli li wieħed iqis li ċ-ċirkustanzi mibdula għandhom natura permanenti.

79. F'dan ir-rigward, ta' min ifakkar li l-applikant ma ngħatax TES fl-investigazzjoni oriġinali minħabba irregolaritajiet stabbiliti fir-rigward tal-prassi tal-kontabilità tiegħu. Din ir-reviżjoni kkonkludiet li Power Team issodisfa dan il-kriterju. Madankollu, kif indikat fuq, l-applikant ma ssodisfax il-kriterju TES imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-ispejjeż tal-inputs ewlenin. Konsegwentement, f'dak li għandu x'jaqsam mat-TES, iċ-ċirkostanzi ma nbidlux għall-applikant.

80. Madankollu, id-dejta miġbura u vverifikata matul l-investigazzjoni (jiġifieri l-prezzijiet individwali tal-applikant għall-esportazzjoni lill-UE u l-valur normali stabbilit fl-Ukraina bħala l-pajjiż analogu) wasslu għal marġni ogħla ta' dumping. Din il-bidla tqieset bħala sinifikanti u l-issuktar tal-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma jkunx biżżejjed biex din tagħmel tajjeb għad-dumping.

81. MIŻURI ANTI-DUMPING

82. Fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni tar-reviżjoni, jitqies xieraq li d-dazju anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat minn Power Team jiġi emendat għal 39,6 %.

83. Fir-rigward tal-livell tad-dazju residwali, ta' min ifakkar li fl-investigazzjoni oriġinali, ma tantx kien hemm kooperazzjoni. Għalhekk, id-dazju għall-kumpaniji li ma kkooperawx ġie stabbilit fuq livell li jikkorrispondi għall-marġni tad-dumping medju differenzjat tal-aktar tipi ta’ prodott li jinbiegħu tal-produtturi esportaturi li kkooperaw bl-ogħla marġnijiet tad-dumping. Bl-applikazzjoni tal-istess metodoloġija u bil-kunsiderazzjoni tad-dejta relevanti mill-applikant, id-dazju residwali kellu jiġi emendat għal 42,3 %.

84. Il-partijiet interessati ġew infurmati bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kienet se tiġi rrakkomandata emenda lir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti mressqa mill-partijiet tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet definittivi ġew mibdula skont dan.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-punt li jikkonċerna Guangzhou Power Team Houseware Co. Ltd., Guangzhou fit-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 għandu jinbidel b'dan li ġej:

Il-pajjiż | Il-manifattur | Ir-rata tad-dazju (%) | Kodiċi addizzjonali TARIC |

RPĊ | Guangzhou Power Team Houseware Co. Ltd., Guangzhou | 39,6 | A783 |

Artikolu 2

Il-punt li jikkonċerna l-kumpaniji l-oħra kollha fir-RPĊ fit-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 għandu jinbidel b'dan li ġej:

Il-pajjiż | Il-manifattur | Ir-rata tad-dazju (%) | Kodiċi addizzjonali TARIC |

RPĊ | Il-kumpaniji l-oħra kollha | 42,3 | A999 |

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[2] ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.

[3] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[4] ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.

[5] ĠU C 3, 8.1.2009, p. 14 ('Avviż tat-Tnedija').

[6] Il-kodiċi modifikat (3924 90 00 minflok 3924 90 90 kif imsemmi fl-Avviż tat-Tnedija) huwa riżultat tan-Nomenklatura Magħquda l-ġdida li bdiet tapplika mill-1.1.2010 (ara r-Regolament (KE) 948/2009).

[7] Pereżempju 'Money for Metal: A detailed Examination of Chinese Government Subsidies to its Steel Industry’ minn Wiley Rein LLP, Lulju 2007, ‘China Government Subsidies Survey’ minn Anne Stevenson- Yang, Frar 2007, ‘Shedding Light on Energy Subsidies in China: An Analysis of China's Steel Industry from 2000-2007’ minn Usha C.V. Haley, ‘China's Specialty Steel Subsidies: Massive, Pervasive and Illegal’ mill-iSpecialty Steel Industry of North America, ‘The China Syndrome: How Subsidies and Government Intervention Created the World's Largest Steel Industry’ minn Wiley Rein & Fielding LLP, Lulju 2006 u “The State-Business Nexus in China’s Steel Industry – Chinese Market Distortions in Domestic and International Perspective” minn Prof. Dr. Markus Taube u Dr. Christian Schmidkonz ta' THINK!DESK China Research & Consulting, 25.2.2009.

[8] Sors: Steel Business Briefing, prezzijiet medji għall-2005 u l-2008.

[9] Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 29, 31.1.2009, p. 1); ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 287/2009 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju li joriġinaw, fost oħrajn, mir-Repubblika tal-Popolari taċ-Ċina (ĠU L 94, 8.4.2009, p. 17).

Top