Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0496

Refuġjati Eritrej miżmuma ostaġġi fis-Sinaj Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-rifuġjati Eritrej miżmuma ostaġġi minn traffikanti tal-bnedmin fis-Sinaj

ĠU C 169E, 15.6.2012, p. 136–137 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 169/136


Il-Ħamis 16 ta’ Diċembru 2010
Refuġjati Eritrej miżmuma ostaġġi fis-Sinaj

P7_TA(2010)0496

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-rifuġjati Eritrej miżmuma ostaġġi minn traffikanti tal-bnedmin fis-Sinaj

2012/C 169 E/17

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona ta’ Novembru 1995;

wara li kkunsidra l-ewwel konferenza tan-Netwerk Ewro-Mediterranju dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li saret fil-Kajr fis-26 u s-27 ta’ Jannar 2006;

A.

billi l-awtoritajiet tas-sigurtà Eġizzjani qed ifittxu mijiet ta’ refuġjati Eritrej li l-UNHCR qed tgħid li qed jinżammu ostaġġi minn traffikanti Bedwini fis-Sinaj wara li r-refuġjati naqsu milli jħallsu l-prezz mitlub mit-traffikanti biex jgħinuhom jidħlu bil-moħbi fl-Iżrael;

B.

billi nhar it-Tlieta 7 ta’ Diċembru 2010, l-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati qal li kien jinsab imħasseb dwar 250 migrant Eritrew li hu maħsub li qed jinżammu ostaġġi fid-deżert tas-Sinaj;

C.

billi qed jingħad li t-traffikanti qed jitolbu ħlasijiet ta’ USD 8 000 għal kull persuna biex jeħilsuhom, u li l-persuni qed jinżammu f'kontejners u qed ikunu suġġetti għal abbużi;

D.

billi appell konġunt magħmul fl-1 ta’ Diċembru 2010 minn organizzazzjonijiet mhux governattivi jgħid li mijiet ta’ refuġjati illegali mill-Qarn tal-Afrika ilhom miżmuma xhur sħaħ fl-inħawi fil-periferija ta’ belt fis-Sinaj;

E.

billi l-ostaġġi kienu diġà ħallsu USD 2 000 għall-passaġġ tagħhom għal Iżrael, skont l-NGOs, li ddikkjaraw li r-refuġjati qed jiġu trattati mit-traffikanti b'mod estremament degradanti u inuman;

F.

billi l-uffiċjali lokali mit-Tramuntana tas-Sinaj qalu li l-awtoritajiet tas-sigurtà qed ifittxu b'mod attiv għall-Eritrej li qed jingħad li qed jinżammu fi gruppi mferrxa;

1.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiksbu l-ħelsien tal-Eritrej li hemm miżmuma ostaġġi; jevitaw l-użu ta’ forza letali kontra l-immigranti illegali li jaqsmu l-fruntieri tal-pajjiż, jipproteġu d-dinjità u l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom u jiggarantixxu li l-migranti miżmuma jkollhom il-possibilità li jikkuntattjaw lill-UNHCR u jippermettu lill-UNHCR aċċess għal kull min ifittex asil u għar-refuġjati kollha li jkunu miżmuma mill-istat;

2.

Japprezza l-isforzi kontinwi magħmula mill-awtoritajiet Eġizzjani biex jivverifikaw l-informazzjoni msemmija fir-rapporti maħruġa mill-UNHCR rigward grupp ta’ madwar 250 Eritrej li qed jinżammu ostaġġi fis-Sinaj minn traffikanti bi ksur tal-liġijiet nazzjonali u tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem;

3.

Jenfasizza li l-fruntiera tad-deżert tas-Sinaj saret rotta ta’ traffikar għall-migranti Afrikani li jkunu qed ifittxu impjieg; eluf ta’ Eritrej jaħarbu minn pajjiżhom kull sena, u ħafna minnhom jitilqu lejn l-Iżrael;

4.

Ifakkar li f'Awissu seba' persuni nqatlu f'kunflitti ma’ kuntrabandisti ħdejn il-fruntiera ma’ Iżrael wara li l-migranti Afrikani li kienu miżmuma mit-traffikanti ħatfu f'idejhom l-armi ta’ dawk li kienu qed iżommuhom f'tentattiv biex jaħarbu;

5.

Jieħu nota li l-Iżrael f'Novembru beda l-ħidma fuq ċint ta’ 250km mal-fruntiera maħsub biex iwaqqaf l-influss ta’ immigranti illegali;

6.

Jilqa' bi pjaċir l-isforzi tal-Eġittu fil-ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, b'mod seċjali t-twaqqif fis-sena 2007 tal-“Kumitat ta’ Koordinament Nazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-prevenzjoni tiegħu”, u jistieden lill-pajjiżi kollha biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jaffaċċaw l-isfida tad-delitti tat-traffikar tal-bnedmin madwar id-dinja kollha, u biex jirrispettaw il-liġijiet nazzjonali rilevanti;

7.

Japprezza l-impenn kontinwu tal-Eġittu biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont it-trattati internazzjonali, b'mod partikolari skont il-Konvenzjoni tar-Refuġjati tal-1951;

8.

Jirrikonoxxi li kull min ifittex asil u li jipparteċipa f'atti li jheddu, direttament jew indirettament, is-sikurezza u l-indipendenza tal-pajjiż ospitanti għandu jitqies bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali tiegħu skont it-termini tal-UNHCR;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Eġizzjan, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.


Top