Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0492

    Is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Diċembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire

    ĠU C 169E, 15.6.2012, p. 126–129 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 169/126


    Il-Ħamis 16 ta’ Diċembru 2010
    Is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire

    P7_TA(2010)0492

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire

    2012/C 169 E/13

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Côte d'Ivoire,

    wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Elettorali tal-Côte d'Ivoire, b'mod partikolari l-Liġi 2001-303 u l-Ordinanza 2008-133, b'mod partikolari l-Artikolu 64 tagħha,

    wara li kkunsidra r-rapport interim tal-missjoni ta'osservazzjoni elettorali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-communiqué tal-President tal-Unjoni Afrikana, l-istqarrija tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, u l-communiqué finali tas-7 ta’ Diċembru 2010 tas-Sessjoni Straordinarja tal-Kummissjoni ECOWAS tal-Awtorità tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern dwar il-Côte d'Ivoire, li saret f'Abuja, in-Niġerja,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE adottata fit-3 ta’ Diċembru 2010 f'Kinxasa,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-RGħ/VP Catherine Ashton dwar il-proċess elettorali u, b'mod partikulari, dawk tat-3 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-riżultati tal-elezzjoni tal-Côte d'Ivoire, u tal-1 ta’ Diċembru 2010 dwar it-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Côte d'Ivoire,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-3 ta’ Diċembru 2010 tas-Sur Young Jin Choi, Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fil-Côte d'Ivoire dwar iċ-ċertifikazzjoni tar-riżultati tat-tieni rawnd tal-elezzjoni presidenzjali tat-28 ta’ Novembru 2010,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-8 ta’ Diċembru 2010,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet dwar il-Côte d'Ivoire adottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE fit-3085 laqgħa tiegħu fit-13 ta’ Diċembru 2010,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    wara li kkunsidra ż-żamma tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Côte d'Ivoire u l-kriżi politika u istituzzjonali serja li ħakmet il-pajjiż fil-perjodu ta’ wara t-tieni rawnd tal-votazzjoni fit-28 ta’ Novembru 2010; billi l-kampanja elettorali għat-tieni rawnd tal-elezzjonijiet kienet ikkaraterizzata minn klima ta’ tensjoni u atti vjolenti li korrew persuni u kkawżaw bosta mwiet,

    B.

    billi skont rapporti ta’ osservazzjoni indipendenti, b'mod partikolari min-NU u mill-Unjoni Ewropea, l-elezzjonijiet – li l-organizzazzjoni tagħhom swiet USD 400 miljun – b'mod ġenerali seħħew b'mod sodisfaċenti,

    С.

    billi l-Kummissjoni Elettorali Indipendenti tal-Côte d'Ivoire ħabbret li Ouattara kien rebaħ l-elezzjonijiet, iżda l-Kunsill Kostituzzjonali tal-pajjiż dawwar ir-riżultat, filwaqt li qal li kien hemm frodi f'xi nħawi, u ddikjara li Gbagbo kien rebaħ,

    D.

    billi l-Kunsill Kostituzzjonali għandu dmir fil-konfront tal-poplu tal-Côte d'Ivoire li japplika l-liġi b'mod imparzjali, u billi l-Kostituzzjoni, il-Liġi 2001-303 u l-Artikolu 64 tal-Ordinanza tal-2008 ituh biss is-setgħa li jannulla l-elezzjonijiet presidenzjali iżda mhux li jipproklama riżultati li jkunu differenti minn dawk tal-Kummissjoni Elettorali Indipendenti,

    E.

    billi żewġ riżoluzzjonijiet tan-NU adottati wara l-ftehim ta’ paċi tal-2005 jagħtu lin-Nazzjonijiet Uniti r-responsabilità li tiċċertifika r-riżultati, l-ewwel darba li dan seħħ fl-Afrika,

    F.

    billi r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ċċertifika l-kwalità tal-proċess elettorali tal-Côte d'Ivoire u li r-riżultati ppublikati mill-Kummissjoni Elettorali Indipendenti jirrappreżentaw ir-rieda taċ-ċittadini tal-Côte d'Ivoire, u ddikjara lis-Sur Ouattara rebbieħ tal-elezzjonijiet,

    G.

    billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU laqa' t-tħabbira tar-riżultati proviżorji tal-Kummissjoni Elettorali Indipendenti tal-Côte d'Ivoire (CEI) u tenna li kien lest jieħu l-miżuri adegwati kontra dawk li jostakolaw il-proċess ta’ paċi, u b'mod partikulari l-ħidma tas-CEI, kif stipulat fil-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1946(2010),

    H.

    billi l-uniku sors ta’ leġittimità demokratika huwa l-vot universali, li r-riżultati tiegħu ġew iċċertifikati min-NU,

    I.

    billi fil-laqgħa straordinarja tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2010, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) stiednu lis-Sur Ggagbo “iċedi l-poter mingħajr dewmien” u ssospendew lill-Côte d'Ivoire “mill-attivitajiet kollha tagħha sakemm jingħata avviż ieħor”,

    J.

    billi l-President tal-Unjoni Afrikana (UA), is-Sur Binga Wa Mutharika, huwa tal-fehma, kif espress fid-dikjarazzjoni uffiċjali tiegħu tat-8 ta’ Diċembru 2010, li “is-Sur Ggagbo għandu jirrispetta r-rieda tal-poplu kif espressa fil-kaxxi tal-voti u jċedi l-poter b'mod paċifiku biex jiġi evitat tixrid ieħor ta’ demm fl-Afrika” u li l-UA “tappoġġa lill-ECOWAS u lill-osservaturi internazzjonali li ċċertifikaw li s-Sur Ouattara kien rebaħ l-elezzjonijiet”,

    K.

    wara li kkunsidra t-tħassib tal-partijiet interessati ekonomiċi, peress li s-sitwazzjoni preżenti tista' tfaqqar lill-pajjiż u għalhekk lill-popolazzjoni tiegħu, u lill-Afrika tal-Punent kollha kemm hi, peress li l-Côte d'Ivoire hija responsabbli għal 40 % mill-PGD tal-WAEMU,

    L.

    billi l-President li qed itemm il-kariga tiegħu għandu responsabilità li jippermetti tranżizzjoni paċifika li żżomm il-paċi ċivili, xi ħaġa li hija indispensabbli għall-futur tal-Côte d'Ivoire, billi jirtira, biex b'hekk jevita li jikkawża tbatija ġdida lill-poplu tiegħu stess u lir-reġjun,

    1.

    Iqis li l-uniku sors ta’ leġittimità demokratika huwa l-vot universali, li r-riżultati tiegħu ġew iċċertifikati min-NU, u jistieden għalhekk lis-Sur Ggagbo biex jirriżenja u jgħaddi l-poter lis-Sur Ouattara;

    2.

    Iħeġġeġ lill-forzi politiċi u armati kollha fil-Côte d'Ivoire biex jirrispettaw ir-rieda tal-poplu li kienet riflessa fir-riżultati tal-elezzjoni tat-28 ta’ Novembru 2010, kif imħabbra mis-CEI u ċċertifikati mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU;

    3.

    Jiddeplora l-ġlied vjolenti li seħħ qabel il-proklamazzjoni tar-riżultati tat-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Côte d'Ivoire u jesprimi l-akbar solidarjetà tiegħu mal-vittmi u mal-familji tagħhom; jiddispjaċih ukoll dwar ix-xkiel politiku u t-tentattivi li jiġu intimidati l-membri tas-CEI, li finalment dewmu t-tħabbir tar-riżultati proviżorji, biex b'hekk fixklu l-iżvolġiment xieraq tal-proċess elettorali demokratiku;

    4.

    Jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill Kostituzzjonali tal-Côte d'Ivoire, li l-membri kollha tiegħu nħatru mill-President li qed jispiċċa mill-kariga, li jimmodifika r-riżultati mħabbra mill-Kummissjoni Elettorali, bi ksur tal-liġi li kien il-kompitu tiegħu li jinforza, u jqis din id-deċiżjoni bħala li tmur kontra x-xewqa espressa mill-poplu tal-Côte d'Ivoire permezz tal-kaxxi tal-voti;

    5.

    Jenfasizza l-importanza tad-deċiżjoni tal-UA li tissospendi lill-Côte d'Ivoire “mill-parteċipazzjoni kollha fl-attivitajiet tal-organizzazzjoni sakemm il-President elett demokratikament, Alassane Ouattara, effettivament jeżerċita l-poter”;

    6.

    Jilqa' d-dikjarazzjonijiet ta’ diversi parteċipanti tal-komunità internazzjonali li jesprimu appoġġ għall-proċess elettorali fil-Côte d'Ivoire u jirrikonoxxu lis-Sur Ouattara bħala r-rebbieħ leġittimu tal-elezzjoni;

    7.

    Jappoġġja bil-qawwa l-isforzi tal-UA u tal-ECOWAS biex jipprevjenu l-vjolenza u jiżguraw ir-rikonoxximent tal-gvern leġittimu;

    8.

    Jagħti l-fiduċja kollha tiegħu lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU responsabbli biex jiċċertifika r-riżultati;

    9.

    Huwa mħasseb serjament bl-imblokk politiku attwali ta’ wara l-elezzjoni li qed jaħkem il-pajjiż, kif ukoll bl-atti rrapurtati ta’ vjolenza li jinvolvu, f'xi każijiet, il-forzi tas-sigurtà Ivorjani; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssorveljati mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż u l-atti rrappurtati ta’ vjolenza;

    10.

    Jiddeplora l-vjolenza li seħħet u jqis li hija prijorità li tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili; jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati fil-Côte d'Ivoire biex jevitaw kwalunwe riskju ta’ żieda fit-tensjoni u biex jipprevjenu kwalunkwe konfrontazzjoni; jitlob għalhekk li tittieħed azzjoni biex il-funzjonament demokratiku tal-istituzzjonijiet jerġa' lura għall-istat li kien fih fl-interess uniku tal-poplu tal-Côte d'Ivoire u l-preservazzjoni tal-paċi;

    11.

    Jilqa' l-isforzi kollha ta’ medjazzjoni u jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Côte d'Ivoire biex jappoġġaw b'mod attiv tranżizzjoni paċifika u b'hekk jevitaw qasma fil-pajjiż;

    12.

    Jikkundanna b'mod qawwi l-atti ta’ intimidazzjoni kontra l-osservaturi tal-Unjoni Ewropea fil-Côte d'Ivoire li ġiegħlu l-missjoni tirtira għal raġunijiet ta’ sigurtà;

    13.

    Jiddeplora s-sospensjoni tal-midja mhux governattiva fil-Côte d'Ivoire; ifakkar li huwa essenzjali li l-persuni kollha tal-Côte d'Ivoire igawdu minn aċċess sħiħ għal informazzjoni pluralistika u diversifikata fil-midja, u jistieden lill-awtoritajiet Ivorjani biex immedjatament jerġgħu jistabbilixxu aċċess ekwitabbli għall-midja tal-Istat;

    14.

    Jappoġġa d-deċiżjoni tal-UE li timponi sanzjonijiet kontra Laurent Ggagbo u jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE li jadotta miżuri mmirati kontra dawk li qed ifixklu l-proċess ta’ paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali, u b'mod partikolari dawk li qed jipperikolaw l-eżitu tal-proċess elettorali; jistieden lir-RGħ/VP Catherine Ashton biex tippreżenta malajr kemm jista' jkun inizjattivi ġodda biex tappoġġa l-awtoritajiet eletti demokratikament fil-Côte d'Ivoire;

    15.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-RGħ/VP Catherine Ashton, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-ONUCI, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-ECOWAS, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-Istati Membri tal-UE.


    Top