EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0313

Kura għal perjodu twil ta’ żmien għall-persuni anzjani Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 9 ta’ Settembru 2010 dwar il-kura fit-tul għall-anzjani

ĠU C 308E, 20.10.2011, p. 79–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 308/79


Il-Ħamis 9 ta’ Settembru 2010
Kura għal perjodu twil ta’ żmien għall-persuni anzjani

P7_TA(2010)0313

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Settembru 2010 dwar il-kura fit-tul għall-anzjani

2011/C 308 E/13

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali,

wara li kkunsidra d-direttiva proposta dwar it-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426),

wara li kkunsidra l-mistoqsija tat-30 ta’ Ġunju 2010 lill-Kummissjoni dwar il-kura fit-tul għall-anzjani (O-0102/2010 – B7-0457/2010),

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

1.

Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-iżviluppi demografiċi ta’ dawn l-aħħar snin, b'mod speċjali it-tixjiħ tal-popolazzjoni, li qegħdin jikkaġunaw żieda fil-pressjonijiet baġitarji u domanda għolja għal titjib fl-infrastruttura tal-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali; Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiġġieldu l-esklużjoni soċjali kontra l-anzjani u kull tip ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età;

2.

Ifakkar lill-Istati Membri li l-iżgurar tal-aċċess għal servizzi adegwati tas-saħħa u tal-kura huwa prinċipju fundamentali tal-mudell Ewropew tas-solidarjetà;

3.

Filwaqt li jagħraf l-importanza kemm tal-kwalità kif ukoll tal-kontinwità tal-kura, jistieden lill-Istati Membri biex itejbu, jiffaċilitaw u jħeġġu t-taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni, l-edukazzjoni u l-miżuri ta’ integrazzjoni mill-ġdid għal dawk kollha, inklużi dawk li jipprovdu l-kura informali u li jeħtieġu kwalifiki professjonali, li għandhom responsabilitajiet ta’ kura fit-tul għall-anzjani; taħriġ bħal dan jista' wkoll jgħin biex jitjieb l-istatus ta’ dan ix-xogħol importanti. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrattaw il-kwistjonijiet tal-ħlas skars għax-xogħol ta’ kura, tan-nuqqas ta’ persunal u tan-nuqqas ta’ taħriġ jew tat-taħriġ inadegwat, li kollha jżidu l-piż fuq il-provvediment tal-kura. Jinnota l-kontribuzzjoni importanti tas-soċjetà ċivili, il-knisja u l-organizzazzjonijiet tal-karità fl-għoti tal-kura;

4.

Jinnota l-importanza li jkompli jiġi żviluppat il-kunċett tas-“saħħa elettronika” (e-Health) sabiex jittejbu l-produttività u l-effikaċja tal-provvediment tal-kura, u wkoll sabiex jingħata appoġġ lill-persuni li jipprovdu l-kura informali u lill-anzjani nfushom;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-ħtiġijiet tal-persuni li jipprovdu l-kura informali, li jipprovdu proporzjon sinifikanti ta’ kura għall-anzjani, u biex jieħdu miżuri konkreti biex jappoġġaw u jipproteġu din ir-riżorsa permezz ta’ taħriġ, serħan u miżuri li jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja;

6.

Isostni li fl-Istati Membri kollha għandu jkun hemm garanziji fis-seħħ li jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-persuni li jirċievu kura fit-tul, u għal dan il-għan jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu aktar attenzjoni milli taw sa issa għall-infurzar tal-kriterji tal-kwalità għall-provvediment tas-servizz u għall-konformità magħhom;

7.

Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-anzjani b'kull mod meħtieġ sabiex jiżguraw li huma jkunu jistgħu jkampaw waħidhom fid-djar tagħhom stess, u biex jipprovdu mezzi ta’ għajnuna li jippermettulhom ikampaw aħjar f'dak l-ambjent, peress li din hija l-aħjar alternattiva għall-kura istituzzjonali;

8.

Jistieden lill-Istati Membri biex jirregolaw, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-kwalifiki meħtieġa għall-ħaddiema li jieħdu ħsieb l-anzjani, u biex ifasslu u jimplimentaw sistemi ta’ taħriġ avvanzati ħalli jgħinu fit-titjib tal-livell edukattiv ta’ dawk li jaħdmu fis-sistema tal-kura tal-anzjani biex b'hekk itejbu l-kwalità tas-servizzi offruti;

9.

Jiddispjaċih li f'ħafna Stati Membri, il-finanzjament u l-għoti ta’ mediċina ġerjatrika speċjalizzata tnaqqsu matul is-snin, u li ma ngħatax biżżejjed taħriġ lil speċjalisti oħra dwar kwistjonijiet relatati mal-anzjani. Jinnota li f'ħafna każijiet dan wassal għal tnaqqis fil-kwalità tal-kura li tingħata lill-anzjani u li, xi drabi, dan jirrappreżenta diskriminazzjoni inġusta kontrihom. Jistieden lill-Istati Membri biex jibqgħu janalizzaw din is-sitwazzjoni, bil-ħsieb li jekk ikun hemm bżonn iżidu r-riżorsi f'dan il-qasam;

10.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu appoġġ, bħala kwistjoni ta’ prijorità, favur it-twaqqif tad-unitajiet ta’ djar ta’ kura palljativa;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni tiġbor data u tfassal sommarju tal-infrastruttura tal-kura istituzzjonali, komunitarja u residenzjali għall-anzjani li hemm f'kull Stat Membru;

12.

Jitlob li jkun hemm standards minimi għall-kuntratti kollha fis-settur tal-kura, inkluż għall-pagi minimi;

13.

Jitlob li ssir aktar riċerka mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit in-numru ta’ mwiet fost l-anzjani f'kura fuq perjodu twil ta’ żmien li jistgħu jiġu attribwiti għal nutrizzjoni ħażina jew deidrazzjoni;

14.

Jistieden lill-Istati Membri jsegwu politika ta’ informazzjoni u ta’ prevenzjoni li tkun maħsuba għall-anzjani u li tiffoka b'mod speċjali fuq l-għażliet tad-dieta u fuq il-prevenzjoni tar-riskji ta’ deidrazzjoni;

15.

Jinnota li l-politika tal-UE dwar l-anzjani hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ “soċjetà għal kulħadd”, u titlob lill-Istati Membri jiggarantixxu li n-nies ta’ etajiet differenti jkollhom l-opportunità sħiħa li jieħdu sehem b'mod attiv fil-ħajja komunitarja, tkun xi tkun l-età tagħhom;

16.

Jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ programmi li jipprovdu l-assistenza soċjali u l-kura tas-saħħa għall-anzjani f'darhom jew, f'dawk il-pajjiżi fejn dawn l-arranġamenti diġà jeżistu, it-tkomplija tagħhom, u jirrakkomanda wkoll li dawn għandhom ikunu amministrati mill-awtoritajiet muniċipali u lokali fi ħdan it-termini ta’ referenza rispettivi tagħhom;

17.

Jitlob li tiġi prodotta Green Paper mill-Kummissjoni dwar l-abbuż tal-anzjani u l-ħarsien tal-anzjani fil-komunità fil-kuntesti kollha tal-kura, inkluż enfasi fuq il-mobilità tal-pazjenti u dettalji dwar l-aħjar prattiki li diġà jeżistu fis-27 Stat Membru;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tħejji studju li jagħti stampa aktar ċara tar-rekwiżiti li qegħdin dejjem jikbru fil-qasam tal-kura tal-anzjani u stima tal-provvediment mistenni ta’ kura speċjalizzata għall-perjodu sal-2020;

19.

Jitlob li, permezz tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, jkun hemm skambju ta’ informazzjoni, ta’ ideat politiċi u tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri dwar l-għoti ta’ kura fuq perjodu twil ta’ żmien għall-anzjani u partikolarment dwar il-miżuri u standards professjonali minimi sabiex:

(a)

jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa u jitħarsu l-persuni anzjani fil-komunità u f'ambjenti ta’ kura,

(b)

jiġi indirizzat l-abbuż tal-anzjani,

(c)

jiġu adottati strateġiji rigward ir-riżorsi umani ħalli jiġi miġġieled in-nuqqas ta’ persunal,

(d)

u biex tingħata għajnuna fit-tixrid ta’ informazzjoni u ta’ teknoloġiji tal-komunikazzjoni sabiex tiġi promossa (il-kura fil-familji u) l-indipendenza tal-anzjani;

20.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz possibbli biex tiżgura li jkun hemm standards aċċettabbli tal-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini Ewropej kollha, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi materjali tagħhom;

21.

Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni, peress li l-popolazzjoni tal-UE qiegħda tixjieħ fl-oqsma kollha, biex isegwu kull forma ta’ kooperazzjoni bil-ħsieb li jfasslu sistemi ta’ finanzjament sostenibbli għall-provvediment tal-kura fit-tul sabiex jiżguraw li fil-ġejjieni jkun hemm fis-seħħ sistema sostenibbli li tiffinanzja l-provvediment tal-kura għall-anzjani u li s-servizzi tal-kura meħtieġa jkunu disponibbli;

22.

Jitlob li jsir skambju tal-aħjar prattiki ħalli jinstabu l-aktar modi effikaċi biex jiġu żviluppati r-relazzjonijiet interġenerazzjonali, sabiex jiżdied l-involviment tal-membri tal-familja fl-arranġamenti tal-kura fit-tul, li għandhom jirriżultaw f'għadd ta’ benefiċċji u jippermettu li l-ħtiġijiet individwali ta’ dawk li jirċievu l-kura tas-saħħa jiġu ssodisfati b'iżjed suċċess;

23.

Jitlob li tiġi żviluppata strateġija integrata fir-rigward tat-tixjiħ attiv li bil-għan li tinvolvi lill-anzjani f'attivitajiet soċjali u kulturali;

24.

Jitlob li jittieħdu miżuri b'reazzjoni għaż-żieda sostanzjali fl-għadd tal-anzjani, sabiex jiġi żgurat li jkollhom aċċess ugwali għas-servizzi tal-welfare;

25.

Jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-piż minn fuq dawk li jieħdu ħsieb tal-anzjani jew tal-persuni b'diżabilitajiet u – biex jippermettu lil dawn il-persuni jsibu impjieg – jistabbilixxu sistemi tal-kura integrati;

26.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


Top