EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0307

Ġurnaliżmu u media ġdida - il-ħolqien ta’ qasam pubbliku fl-Ewropa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta’ Settembru 2010 dwar il-ġurnaliżmu u l-media l-ġdida – il-ħolqien ta’ sfera pubblika fl-Ewropa (2010/2015(INI))

ĠU C 308E, 20.10.2011, p. 55–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 308/55


It-Tlieta 7 ta’ Settembru 2010
Ġurnaliżmu u media ġdida - il-ħolqien ta’ qasam pubbliku fl-Ewropa

P7_TA(2010)0307

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar il-ġurnaliżmu u l-media l-ġdida – il-ħolqien ta’ sfera pubblika fl-Ewropa (2010/2015(INI))

2011/C 308 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Titlu II tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 41 u 42 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni bit-titolu “Nikkomunikaw l-Ewropa bi Sħubija”, iffirmata fit-22 ta’ Ottubru 2008 (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2008 bit-titolu “Niddibattu l-Ewropa - nibnu fuq l-esperjenza ta’ Pjan D għal Demokrazija, Djalogu u Dibattitu” (COM(2008)0158),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2008 bit-titolu “Nikkommunikaw l-Ewropa permezz tal-media awdjoviżiva” (SEC(2008)0506),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2007 bit-titolu “Nikkommunikaw dwar l-Ewropa permezz tal-Internet – Ninvolvu ċ-ċittadini” (SEC(2007)1742),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2007 bit-titolu “Proposta għal Ftehim Interistituzzjonali dwar Nikkomunikaw l-Ewropa bi Sħubija” (COM(2007)0569),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi għall-perjodu tal-2007 sal-2013 il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” biex tkun promossa ċittadinanza Ewropea attiva (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Frar 2006 bit-titolu “White Paper dwar Politika ta’ Komunikazzjoni Ewropea” (COM(2006)0035),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar il-White Paper dwar politika ta’ komunikazzjoni Ewropea (3),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2005 bit-titolu “Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ riflessjoni u lil hinn minnu: Pjan-D għal Demokrazija, Djalogu u Dibattitu” (COM(2005)0494),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2005 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ informazzjoni u komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0223/2010),

A.

billi l-aċċess għall-informazzjoni għaċ-ċittadini u l-komunikazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika u dawk li jivvutaw huma elementi ċentrali tas-soċjetajiet demokratiċi rappreżentattivi tagħna u huma prerekwiżit fundamentali għall-eżerċizzju tad-dritt tal-pubbliku għal parteċipazzjoni demokratika sħiħa u informata fil-ħajja pubblika nazzjonali u tal-UE,

B.

billi l-pubbliku għandu dritt li jkun informat dwar l-UE u l-proġetti speċifiċi tagħha, li jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar l-UE u li jingħata widen; billi l-isfida għall-komunikaturi hi proprju fl-iffaċilitar ta’ dan id-djalogu,

C.

billi l-aħħar elezzjonijiet Ewropej ma reġġgħux lura t-tendenza tan-numru dejjem anqas ta’ votanti, li jenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi biex tingħeleb id-distanza bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha,

D.

billi hemm evidenza ċara li hemm ċittadini li m'humiex informati biżżejjed dwar il-politiki u l-kwestjonijiet tal-UE u, fl-istess ħin, li jixtiequ jkunu informati aħjar, kif rifless fir-riżultati ta’ diversi eżerċizzji ta’ stħarriġ tal-Eurobarometer; billi dan l-istħarriġ jindika dan in-nuqqas ta’ informazzjoni bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn in-nies jiddeċiedu li ma jivvutawx u li jibqgħu lura milli jafdaw l-istituzzjonijiet tal-UE,

E.

billi t-Trattat ta’ Lisbona ta lill-Parlament aktar setgħa fil-kuntest tat-teħid tad-deċiżjoni tal-UE, fejn jagħmilha aktar importanti għaċ-ċittadini tal-UE biex ikunu konxji mix-xogħol tar-rappreżentanti eletti tagħhom,

F.

billi t-Trattat ta’ Lisbona jintroduċi forma ġdida ta’ parteċipazzjoni pubblika fit-tiswir tal-politiki tal-UE, l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej; billi l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u l-għarfien kritiku tagħha huma ta’ importanza ewlenija għas-suċċess tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej,

G.

sfera pubblika tista’ tinftiehem bħala post li fih il-politiki pubbliċi jistgħu jinftiehmu aħjar miċ-ċittadini tal-UE kollha u jistgħu jiġu diskussi mas-sezzjonijiet kollha tal-popolazzjoni fid-diversità kollha tagħha, bil-għan li jintlaħaq b’mod aktar effettiv dak li jkunu qed jistennew, u billi għandha tkun imkien kemm ta’ provvista ta’ informazzjoni kemm ta’ konsultazzjonijiet wiesgħa li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u li jrawmu l-iżvilupp ta’ sens ta’ interess pubbliku komuni madwar l-Ewropa,

H.

billi t-terminu “media l-ġdida” jintuża biex jiddeskrivi netwerks tal-informazzjoni diġitali u tat-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni; billi dawk it-teknoloġiji l-ġodda jrawmu d-distribuzzjoni tal-informazzjoni u d-diversità tad-dħul ta’ informazzjoni u jwasslu għal demokrazija aktar deliberattiva; billi l-media soċjali elettronika toħloq forom ġodda ta’ udjenza, li huma fiżikament mifruxa iżda marbuta ma’ interess komuni dwar l-istess suġġett, bil-potenzjali li jinħolqu sferi pubbliċi tranżizzjonali ġodda,

I.

billi l-użu ta’ pjattaformi ta’ media soċjali mill-Parlament fil-kampanja tal-elezzjoni Ewropea tal-2009 żied b’suċċess in-numru ta’ utenti attivi, speċjalment fost iż-żgħażagħ,

J.

billi seħħet bidla fil-mod kif iż-żgħażagħ jinterpretaw, jużaw u jisfruttaw il-media; billi ż-żgħażagħ jużaw firxa kbira ta’ teknoloġiji ġodda bħala mezzi ta’ komunikazzjoni,

K.

billi l-ħolqien ta’ sfera pubblika Ewropea huwa relatat mill-qrib mal-eżistenza ta’ strutturi tal-media pan-Ewropej jew transnazzjonali; billi m’hemmx sfera pubblika ġenerali Ewropea fil-preżent, iżda billi hemm ħafna sferi pubbliċi nazzjonali attivi, li bejniethom għandhom jiġu żviluppati sinerġiji, pereżempju fuq il-mudell tal-istazzjon televiż Franċiż u Ġermaniż, Arte,

L.

billi, skont il-Protokoll tat-Trattat ta’ Amsterdam dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri, hija r-responsabilità tal-Istati Membri (5) li jiddefinixxu u jorganizzaw il-mandat tal-organizzazzjonijiet tax-xandir tas-servizz pubbliku,

M.

billi r-regolamenti legali li jiggovernaw is-suq tal-media jvarjaw bil-qawwa fost l-Istati Membri individwali u jenħtieġu jiġu rispettati,

N.

billi x-xandara tal-media nazzjonali u b’mod partikolari dawk tas-servizz pubbliku, għandhom responsabilità speċjali biex jinfurmaw lill-pubbliku b'mod estensiv dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u l-governanza, li għandha testendi għall-affarijiet tal-UE,

O.

billi t-titjib tal-għarfien tan-nies dwar l-UE jirrikjedi li l-istudji tal-UE jiġi nklużi fil-kurrikula tal-iskejjel,

P.

billi l-ġurnaliżmu hu kejl importanti tad-demokrazija u għandu jiżgura aċċess ħieles għal firxa wiesa’ ta’ opinjonijiet; billi l-ġurnalisti u l-media għandhom rwol ewlieni fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropew,

Q.

billi, fit-tfittxija għal-leġittimità pubblika fl-Istati Membri, l-UE għandha trawwem il-ħolqien ta’ media transnazzjonali li tista’ tagħti lill-Ewropa dimensjoni demokratika u indipendenti ġdida, filwaqt li tagħmel aktar stretti r-regoli maħsuba għall-protezzjoni tal-pluraliżmu u għall-ġlieda kontra l-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media,

R.

billi t-tfaċċar ta’ għodod ta’ komunikazzjoni ġodda bidel il-fergħat kollha tal-ġurnaliżmu u tal-industrija tal-media, u wassal għal kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-metodi tradizzjonali impjegati fis-settur, u jippermetti lil kulħadd joħloq u jaqsam kontenut fuq blogs; billi n-netwerks soċjali saru fattur ewlieni tal-Web 2.0 u bidlu d-drawwiet u wasslu għal dimensjoni ġdida ta’ provviżjoni ta’ aħbarijiet, billi numru dejjem akbar ta’ ġurnalisti qegħdin jużaw dawn in-netwerks bħala sors jew mezz ta’ distribuzzjoni tal-informazzjoni; billi l-media soċjali sa ċertu punt qed jintużaw fir-riċerka u l-produzzjoni ta’ tipi differenti ta’ artikoli u qed jintużaw mill-ġurnalisti biex jippubblikaw, jaqsmu u jippromovu l-artikoli tagħhom

1.

Iqis bħala l-punt tat-tluq tiegħu l-fatt li għandha tkun il-mira tal-istituzzjonijiet tal-UE li flimkien joħolqu sfera pubblika Ewropea kkaratterizzata mill-opportunità ta’ parteċipazzjoni għaċ-ċittadini kollha tal-UE u li l-bażi tagħha jkun l-aċċess ħieles, u mingħajr ħlas, għall-informazzjoni pubblika kollha tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, fil-lingwi kollha tal-UE;

2.

Jilqa’ d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni msemmija “Nikkommunikaw l-Ewropea fi Sħubija”, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jirrispettaw u jwettqu din id-dikjarazzjoni;

3.

Hu tal-opinjoni li l-kopertura tal-aħbarijiet tal-UE għandha tkun ipprovduta mit-tipi kollha ta’ media differenti, b’mod partikolari mill-media tal-massa, u għandha tkun imparzjali, fattwali u indipendenti, prerekwiżiti fundamentali biex jiġi ġġenerat dibattitu pan-Ewropew u tinħoloq sfera pubblika Ewropea;

4.

Jinnota li n-nuqqas ta’ aħbarijiet u informazzjoni onlajn dwar l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha mhux il-problema, din fil-fatt tiddependi mid-disponibilità ta’ firxa wiesgħa ta’ informazzjoni mingħajr l-ebda ordni reali ta’ prijorità, li tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn informazzjoni żejda teqred l-informazzjoni; jinnota li l-istituzzjonijiet kollha nedew il-pjattaformi tal-aħbarijiet tagħhom stess, li madankollu, ma jirnexxilhomx jiġbdu lill-pubbliku, f’ħafna każijiet dan iseħħ minħabba li mhumiex ċari u attraenti u ma jinftehmux biżżejjed, f’ħafna każijiet minħabba l-użu ta’ lingwaġġ tekniku ż-żejjed li jdejjaq lin-nies li mhumiex familjari ma’ kwistjonijiet Ewropej; hu tal-opinjoni li għandu jkun hemm portal ta’ introduzzjoni għall-pjattaformi li jikkjarifika l-ħidmiet tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

5.

Iqis li l-komunikazzjoni għandha tissejjes fuq djalogu ġenwin bejn il-pubbliku ġenerali u dawk li jfasslu l-politika u fuq dibattitu politiku kalm fost il-membri tal-pubbliku; jixtieq jara djalogu aktar interattiv ibbażat anqas fuq il-komunikazzjoni istituzzjonali, li spiss tiskoraġġixxi u hi maqtugħa wisq mill-ħajja ta’ kuljum tal-pubbliku;

6.

Jemmen, li sabiex tkun effettiva, il-komunikazzjoni għandha tagħmilha ċara li d-deċiżjonijiet politiċi meħuda fil-livell tal-UE għandhom rilevanza diretta għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE, li jaraw lill-UE bħala mbiegħda wisq u li m'għandhiex influwenza biżżejjed fir-rigward tas-soluzzjonijiet għall-problemi reali tagħhom;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-politika ta’ komunikazzjoni tagħha u tagħtiha prijorità fil-lista ta’ prijoritajiet meta r-rinegozjar tal-qafas finanzjarju pluriennali post-2013 jkun wasal biex jibda;

L-Istati Membri

8.

Ifakkar li skont l-Artikolu 12 TUE, il-parlamenti nazzjonali huma involuti fi stadju aktar bikri minn qabel fit-tfassil tal-politika tal-UE u jħeġġeġ biex din il-parteċipazzjoni żżid il-livell ta’ dibattitu politiku dwar l-UE fil-livell nazzjonali; jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-MP nazzjonali fit-tfassil tal-politika tal-UE u jilqa’ l-inizjattivi bħal parteċipazzjoni “live” minn MP nazzjonali fil-laqgħat tal-kumitat permezz tal-webstreaming;

9.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-partiti politiċi fit-tiswir tal-opinjoni pubblika dwar kwistjonijiet Ewropej; jinnota li dawn għandhom rwol ewlieni fit-trawwim tad-dibattitu u fil-kontribut għall-isfera pubblika Ewropea; hu tal-opinjoni li għandhom jagħtu pożizzjoni aktar prominenti għall-kwistjonijiet Ewropej fil-programmi tagħhom;

10.

Jemmen li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti x’jilgħabu fid-dibattitu Ewropew; hu tal-opinjoni li dan ir-rwol għandu jissaħħaħ permezz ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni mmirata fl-isfera tal-komunikazzjoni pubblika;

11.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jkollhom dipartiment speċjalizzat għall-affarijiet tal-UE li jkun responsabbli li jispjega l-implikazzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali tal-politiki tal-UE u biex iservi ta’ punt ta’ referenza biex b’hekk iċ-ċittadini jkollhom lil min jirreferu fir-rigward ta’ kwistjonijet dwar l-UE;

12.

Jenfasizza l-importanza li l-uffiċjali tal-istampa fir-rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni u fl-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament fl-Istati Membri jkunu professjonisti tal-media, li jkollhom il-kompitu li jwettqu rwol attiv u viżibbli fid-dibattiti nazzjonali dwar kwistjonijiet Ewropej;

13.

Jinnota li ż-żgħazagħ jeħtieġ jitqarrbu aktar lejn il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropew u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jikkunsidraw l-inklużjoni tal-UE b’mod aktar sħiħ fil-kurrikuli edukattivi kollha, b’iffukar fuq l-isfond storiku, l-għan u l-ħidmiet tal-UE u jinkoraġġihom biex jiskambjaw l-aqwa prattika f’dan il-qasam fil-livell tal-UE, bil-għan li jiffamiljarizzaw lill-istudenti mal-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-iskejjel hi ta’ importanza fundamentali għall-politika tal-kommunikazzjoni tal-UE, biex jintlaħqu u jiġu involuti ż-żgħażagħ;

Il-Media u l-UE

14.

Jilqa’ l-iskemi għat-taħriġ tal-ġurnalisti dwar kwistjonijiet tal-UE mill-Kummissjoni u l-Parlament, u jitlob l-estensjoni tagħhom biex tkun issodisfata t-talba dejjem akbar; jesprimi t-tħassib tiegħu għall-qtugħ fil-linji ta’ komunikazzjoni tal-baġit tal-Kummissjoni, b’mod speċjali fil-baġit dwar “l-informazzjoni għall-media”;

15.

Jirrikonoxxi l-importanza li l-Euronews jestendi l-firxa tal-lingwi biex ikopri lill-Istati Membri kollha tal-UE (u oħrajn) sabiex dan jibqa' jservi ta’ mudell ta’ ġurnaliżmu televiżiv indipendenti li għandu jippromwovi l-oġġettività fl-aħbarijiet, il-kwalità fil-politika u t-trasparenza fir-reklamar;

16.

Jenfasizza l-importanza kruċjali tar-rispett tal-libertà u tal-indipendenza editorjali tal-media, kemm fil-livell tal-UE u kemm f'dak nazzjonali, speċjalment tad-dritt tax-xandara tar-radju u tat-televiżjoni tas-servizz pubbliku li jiskedaw il-programmi tagħhom kif jaħsbu li hu xieraq, għaliex l-awtonomija fil-programmi tagħhom hi valur fundamentali tal-UE u x-xenarju medjatiku tagħhom hu importanti sabiex tinbena soċjetà ħielsa u demokratika;

17.

Jindika li l-media soċjali għandha potenzjal kbir biex tilħaq iż-żgħażagħ u għalhekk jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Parlament biex isaħħu r-rappurtaġġ tal-media editorjalment indipendenti, li jsir apparti mill-Istat;

18.

Jenfasizza, fid-dawl tar-rwol speċjali tal-media bħala intermedjarja fil-proċess ta’ tfassil tar-rieda demokratika u tal-opinjoni pubblika, il-ħtieġa għal informazzjoni politika affidabbli, inkluż fil-qasam tal-media l-ġdida; jisħaq dwar l-importanza li jitrawmu sħubijiet bejn il-media tas-servizz pubbliku u privat sabiex tintlaħaq firxa usa’ ta’ pubbliku;

19.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Parlament biex ikomplu jsaħħu l-impenn tagħhom biex jedukaw u jħarrġu l-istaff fil-ħiliet ta’ komunikazzjoni, biex ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-media u mal-pubbliku sabiex itejbu l-provviżjoni ta’ informazzjoni u komunikazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE; jikkunsidra essenzjali l-impjegar aktar qawwi ta’ professjonisti tal-media sabiex jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkun miftuħa għal kull mezz ta’ komunikazzjoni, sabiex iżżid il-kuntatt mal-ġurnalisti u mal-media u biex tappoġġja l-proġetti u l-inizjattivi kollha mmirati sabiex il-pubbliku jkun aktar infurmat dwar l-affarijiet tal-UE;

21.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tippromwovi u tiffinanzja skambji fost ix-xandara u professjonisti oħra tal-media minn Stati Membri differenti dwar l-aħjar prattika fil-kopertura tal-UE, inkluż it-taħriġ tas-setturi tal-media tas-servizz pubbliku u dak privat;

22.

Iqis it-tnaqqis riċenti fin-numru ta’ ġurnalisti akkreditati fi Brussell bħala preokkupanti ħafna u jikkunsidra li din is-sitwazzjoni l-ġdida mhijiex la fl-interess tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-anqas f'dak tal-istampa akkreditata fi Brussell; għalhekk jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE – bħala appoġġ għal dawk li diġà jinsabu fi Brussell – biex jikkooperaw iktar mar-rappreżentanti tal-istampa fi Brussell u biex ikunu aktar disponibbli lejhom; jipproponi f’dan ir-rigward li jittieħdu passi biex jiġu ffaċilitati l-arranġamenti għall-akkreditazzjoni tal-ġurnalisti;

23.

Jilqa’ l-fatt li ħafna operaturi tal-media, u b’mod partikolari x-xandara tas-servizz pubbliku, investew biċ-ċar f’servizzi tal-media interattivi u mhux lineari ġodda, li jkopru l-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti b’kontenut Ewropew, speċjalment fuq l-Internet u b’riżultat ta’ dan, qegħdin fuq kollox jilħqu udjenza aktar żagħżugħa;

24.

Jirrikonoxxi li x-xandara tas-servizz pubbliku mhumiex l-unika għodda li tista’ tintuża biex jitwassal il-messaġġ tal-UE liċ-ċittadini, peress li l-evidenza empirika tissuġġerixxi li x-xandara privati wkoll huma riżorsa ewlenija ta’ kopertura tal-aħbarijiet tal-UE u jistgħu jgħinu fl-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ sfera pubblika Ewropea;

25.

Jilqa’ l-proġett pilota dwar għotjiet għar-riċerka fil-qasam tal-ġurnaliżmu transkonfinali investigattiv; hu tal-opinjoni li l-indipendenza tal-membri tal-bord tal-għażla hi kruċjali biex tkun żgurata l-indipendenza editorjali;

26.

Jinkoraġġixxi inizjattiva tal-UE għall-ħolqien ta’ programmi ta’ taħriġ dwar l-affarijiet tal-UE, b’mod speċjali għall-ġurnalisti żgħażagħ; isostni li għandhom jittieħdu passi biex il-ġurnalisti jitħeġġu jipproduċu, b’mod regolari, aħbarijiet dwar il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jinkludu korsijiet fil-ġurnaliżmu bl-użu tal-media l-ġdida fl-kurrikula tal-iskola tagħhom;

Media tas-servizz pubbliku

27.

Jenfasizza li skont il-“Protokoll ta’ Amsterdam” id-definizzjoni, l-organizzazzjoni u l-finanzjament ta’ servizz tax-xandir pubbliku huma ta’ kompetenza tal-Istati Membri; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri, għalhekk, biex jinkludu l-kopertura tal-UE meta jkun xieraq b'mod konfori mal-indipendenza editorjali u l-etika ġurnalistika;

28.

Jenfasizza li x-xandara tas-servizz pubbliku nazzjonali u reġjonali għandhom responsabilità partikolari biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-politika u t-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE; jenfasizza f’dan ir-rigward, li x-xandara pubbliċi jeħtieġu jħarsu b’mod kritiku u b’indipendenza editorjali sħiħa fil-kopertura tagħhom stess tal-UE u jiffissaw miri ambizzjużi;

29.

Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza tax-xandara tas-servizz pubbliku, u li dawn tal-aħħar għandhom responsabilità biex ikopru l-UE, fil-kuntest tal-għan pubbliku tagħhom li jinformaw u jsostnu ċ-ċittadinanza u s-soċjetà ċivili;

30.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-media tas-servizz pubbliku tuża tekniki ta’ komunikazzjoni dipendenti fuq il-media l-ġdida sabiex iżżid il-kredibilità tagħha permezz ta’ parteċipazzjoni pubblika miftuħa; jinkoraġġixxi lix-xandara tas-servizzi pubbliċi biex, pereżempju joħolqu forums onlajn permezz ta’ xandir dirett fuq l-internet (webstreaming), fejn iċ-ċittadini jistgħu jsegwu u jiskambjaw opinjonijiet dwar id-dibattitu f’parlamenti nazzjonali u fil-Parlament Ewropew;

UE/lokali

31.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu id f’id fit-titjib tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni; hu tal-opinjoni li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jgħinu fid-deċentralizzazzjoni tal-politika għall-komunikazzjoni tal-UE sabiex jagħtuha dimensjoni lokali u reġjonali sabiex iqarbu l-livelli ta’ komunikazzjoni differenti u għandhom iħeġġu lill-Istati Membri biex jipprovdu l-pubbliku b'iktar informazzjoni dwar kwistjonijiet marbutin mal-UE;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli l-approċċ “niffukaw fuq il-livell lokali”, bil-għan li l-UE issir aktar viżibbli fil-livell lokali;

33.

Jinnota f’dan ir-rigward ix-xogħol tal-Kummissjoni man-netwerks tat-TV u tar-radju lokali, u l-iffinanzjar tagħhom; jindika li x-xandara għandu jkollhom indipendenza editorjali sħiħa;

Il-Parlament Ewropew

34.

Jissuġġerixxi li jinħoloq grupp ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew, fuq bażi temporanja, sabiex jiġu eżaminati soluzzjonijiet tal-media ġodda u jitfasslu proposti dwar kif għandhom jinħolqu relazzjonijiet interparlamentari bejn parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew;

35.

Jirrikonoxxi l-irwol aktar importanti tal-parlamenti nazzjonali u għalhekk l-importanza tal-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament Ewropew fl-Istati Membri; madankollu, jindika li, biex ikunu iktar viżibbli għandhom jadottaw id-dikjarazzjoni ta’ missjoni tagħhom biex jinkludu t-tisħiħ tar-rabtiet mal-parlamenti nazzjonali, mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

36.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-uffiċċji tal-informazzjoni tal-PE jiffukaw fuq l-aspett lokali u jipprovdu informazzjoni mmirata dwar id-deċiżjonijiet u l-attivitajiet tal-Parlament lill-pubbliku ġenerali; jipproponi li jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ indipendenza akbar lill-uffiċċji tal-informazzjoni fid-deċiżjoni dwar kif jikkomunikaw mal-pubbliku ġenerali;

37.

Hu tal-opinjoni li l-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament fl-Istati Membri għandu jkollhom aktar influwenza meta jiġu biex jinvolvu l-media nazzjonali, reġjonali u lokali; jissuġġerixxi li jiżdiedu l-linji tal-baġit għall-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament, bil-għan speċifiku li jiżguraw komunikazzjoni aħjar;

38.

Jemmen li għandha issir valutazzjoni tal-valur effettiv fornut mill-EuroparlTV fuq il-bażi ta’ analiżi komprensiva tal-klassifikazzjoni u tal-udjenza; jemmen li l-EuroparlTV jista’ jsir aktar effettiv billi jkompli jiġi integrat fl-istrateġija tal-internet tal-Parlament filwaqt li l-istatut tiegħu jinbidel kif meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-indipendenza editorjali tiegħu, u billi l-kontenut tiegħu jsir disponibbli kemm jista' jkun għall-istazzjonijiet tat-TV u l-media onlajn li jixtiequ jużawh;

39.

Jilqa’ l-fatt li l-Premju tal-Parlament Ewropew għall-Ġurnaliżmu jinkludi kategorija għall-media l-ġdida;

Il-ġurnaliżmu u l-media l-ġdida

40.

Iħeġġeġ lill-ġurnalisti u l-professjonisti tal-media l-oħra sabiex jingħaqdu flimkien biex jiddiskutu u jikkunsidraw il-ġurnaliżmu Ewropew tal-ġejjieni;

41.

Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom joħolqu kunċetti vijabbli għall-media tal-UE li jmur lil hinn mit-trażmissjoni sempliċi tal-informazzjoni u jippermettilhom jikkontribwixxu bis-sħiħ għad-diversità kulturali u lingwistika tal-UE;

42.

Jenfasizza, madankollu, li għalkemm in-netwerks soċjali huma mezz relattivament tajjeb ta’ distribuzzjoni ta’ informazzjoni, l-affidabilità tagħhom bħala sorsi mhijiex dejjem iggarantita biżżejjed u ma jistgħux jitqiesu bħala media professjonali; jenfasizza li l-mod li bih id-data qed tiġi trattata f’pjattaformi ta’ netwerks soċjali tista’ f’ħafna okkażjoniijiet tkun ta’ perikolu u twassal għal ksur serju ta’ etika ġurnalistika u għalhekk tenħtieġ kawtela fl-użu ta’ dawn l-għodod ġodda; jenfasizza l-importanza ta’ tfassil ta’ kodiċi ta’ etika applikabbli għall-media l-ġdida;

43.

Jindika li bidliet għall-mod li bih il-ġurnalisti jwettqu l-professjoni tagħhom qed iwittu t-triq għal media aktar miftuħa u b’impenn akbar ta’ servizz għal komunitajiet dejjem aktar infurmati, iżda għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat li dan isir fl-interess tal-ġurnaliżmu kollu kemm hu u mingħajr effett fuq l-istatus tal-ġurnalisti;

44.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-ġurnalisti u l-professjonisti tal-media jibqgħu attenti għall-iżviluppi fil-professjonijiet dejjem jinbidlu tagħhom u biex jieħdu vantaġġ mill-possibilitajiet offruti min-netwerks soċjali li x'aktarx jippermettilhom jespandu n-netwerks tal-għarfien tagħhom u jiffaċilitaw l-hekk imsejjaħ “monitoraġġ tal-web”; josserva b’interess li, minkejja l-emerġenza irriversibbli ta’ netwerks soċjali, il-ġurnaliżmu żamm ir-rwol ewlieni tiegħu fix-xandir tal-aħbarijiet, peress li l-ġurnalisti jużaw dawn in-netwerks diversi ħafna biex iwettqu riċerka fil-fond u jivverifikaw il-fatti, biex b’hekk joħolqu mudell ġdid ta’ ġurnaliżmu parteċipattiv u jkomplu jgħinu fit-tixrid tal-informazzjoni;

45.

Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-ġurnalisti f’soċjetà moderna ffaċċjata b'baraxx ta’ informazzjoni, peress li huma biss jistgħu joffru valur addizzjonali sinifikanti lill-informazzjoni permezz tal-professjonaliżmu, tal-etika, tal-ħila u tal-kredibilità tagħhom biex jagħmlu sens mill-aħbarijiet; jindika li l-kwalità u l-indipendenza tal-media tista’ tiġi żgurata biss permezz ta’ standards professjonali u soċjali rigorużi;

*

* *

46.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 13, 20.1.2009, p. 3.

(2)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32.

(3)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 369.

(4)  ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 403.

(5)  ĠU C 340, 10.11.1997, p. 109.


Top