Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0192

    Unjoni għall-Mediterran Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l- 20 ta’ Mejju 2010 dwar l-Unjoni għall-Mediterran (2009/2215(INI))

    ĠU C 161E, 31.5.2011, p. 126–136 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 161/126


    Il-Ħamis 20 ta’ Mejju 2010
    Unjoni għall-Mediterran

    P7_TA(2010)0192

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-Unjoni għall-Mediterran (2009/2215(INI))

    2011/C 161 E/19

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona adottata waqt il-Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li saret f’Barċellona fis-27 u t-28 ta’ November 1995, li stabbiliet sħubija Ewro-Mediterranja,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem ta’ “Il-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran” (COM(2008)0319),

    wara li kkunsidra l-approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-13 u l-14 ta’ Marzu 2008 tal-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit ta’ Pariġi għall-Mediterran, li sar f’Pariġi fit-13 ta’ Lulju 2008,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni għall-Mediterran, li saret f’Marsilja fit-3 u l-4 ta’ Novembru 2008,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) ta’ Pariġi (12 ta’ Lulju 2008), tal-Kajr (22 ta’ Novembru 2009) u ta’ Rabat (22 ta’ Jannar 2010),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa ta’ ftuħ tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (EMRLA), li saret f’Barċellona fil-21 ta’ Jannar 2010,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tas-Samit Ewro-Mediterranju tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u ta’ Istituzzjonijiet Simili, li sar f’Lixandra fid-19 ta’ Ottubru 2009,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-politika Mediterranja tal-Unjoni Ewropea, l-aktar dawk tal-15 ta’ Marzu 2007 (1) u tal-5 ta’ Ġunju 2008 (2), u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2009 bit-titolu “Il-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran” (3),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-Tieni Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja dwar it-Tisħiħ tar-Rwol tan-Nisa fis-Soċjetà, li saret f’Marrakesh fil-11 u t-12 ta’ Novembru 2009,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-politika Ewropea tal-pajjiżi ġirien (4),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitati tal-EMPA adottati fis-sitt seduta plenarja li saret f’Amman fit-13 u l-14 ta’ Marzu 2010,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-EMPA adottata fit-13 ta’ Ottubru 2008 fil-Ġordan u mibgħuta għall-ewwel laqgħa tal-ministri tal-affarijiet barranin tal-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran f’Marsilja,

    wara li kkunsidra l-istatuti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran adottati fit-3 ta’ Marzu 2010,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali kif ukoll tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0133/2010),

    A.

    billi ż-żona Mediterranja hija reġjun ta’ importanza kruċjali għall-UE u billi, f’dinji multipolari u interdipendenti, il-blokok reġjonali l-kbar integrati se jkunu iktar kapaċi li jiffaċċjaw l-isfidi soċjali, kulturali, ekonomiċi, ambjentali, demografiċi, politiċi u ta’ sigurtà,

    B.

    billi l-Unjoni Ewropea għandha tadotta viżjoni strateġika li tikkunsidra dawn l-isfidi kollha fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi ġirien fin-nofsinhar tagħha, bl-iżvilupp soċjali, ekonomiku u demokratiku tar-reġjun bħala prijorità,

    C.

    billi, f’konformità mal-Artikolu 8 tat-Trattat UE, l-Unjoni tiżviluppa mal-pajjiżi viċini tagħha relazzjonijiet privileġġjati, sabiex tistabbilixxi żona ta’ prospertià u ta’ viċinat tajjeb, ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni u kkaraterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi bbażati fuq il-kooperazzjoni,

    D.

    billi l-Unjoni għall-Mediterran tippermetti li tissaħħaħ aktar id-dimensjoni reġjonali u multilaterali tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji u tiftaħ perspettiva għall-bini ta’ żona ta’ paċi, sigurtà u prosperità għal 800 miljun abitant, u toffri l-qafas ideali biex jiġu identifikati l-isfidi soċjoekonomiċi, tiġi promossa l-integrazzjoni reġjonali u jiġi garantit il-kożvilupp tal-Istati msieħba,

    E.

    billi l-politika tal-viċinat, minħabba li tpoġġi l-enfasi fuq it-tkabbir tar-relazzjonijiet bilaterali differenzjati, waħedha ma tagħmilhiex possibbli li jingħata kontribut għal proċess komuni ta’ integrazzjoni u ta’ riformi sinifikanti fir-reġjun; billi f’dan il-qafas titqies l-opportunità, offruta mill-implimentazzjoni tal-Unjoni għall-Mediterran, li tissaħħaħ il-kumplimentarità bejn il-politiki bilaterali, minn naħa, u reġjonali, min-naħa l-oħra, sabiex ikun hemm reazzjoni iktar effikaċi għall-objettivi tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja, ibbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta’ valuri komuni bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; billi jaqbel li wieħed jinsisti biex l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex iwettqu l-politika Ewropea tal-Viċinant (PEV) b’mod koerenti u kredibbli skont l-Artikolu 8 tat-Trattat UE,

    F.

    billi huwa indispensabbli li jsir użu mill-kisbiet tal-Proċess ta’ Barċellona li l-objettivi u t-twettiq tiegħu għandhom jissaħħu mill-Unjoni għall-Mediterran, b'konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tat-13 ta’ Lulju 2008, u sabiex ma jiġux duplikati u ma jirkbux fuq xulxin l-istrumenti politiċi u l-livelli istituzzjonali diġà eżistenti, sabiex tiġi garantita l-effikaċità u l-koerenza tal-għadd ta’ strumenti tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja,

    G.

    billi għal dawn l-aħħar 15-il sena jew qribhom, il-pajjiżi Mediterranji kienu qed jiddiversifikaw b’mod rapidu r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi tagħhom (pereżempju mar-Russja, iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u l-istati tal-Golf) u s-soċjetajiet tagħhom ikunu suġġetti għal tibdil sostanzjali (xejriet ta’ konsum, mobilità, tranżizzjoni demografika, eċċ) li mhumiex mingħajr konsegwenzi fuq l-ekwilibriji interni, b’mod partikolari dawk territorjali,

    H.

    billi l-iskambji kulturali limitati ma jistgħux, waħedhom, jgħaqqdu l-popli tal-Mediterran, u billi l-Ewropea qed titlef progressivament l-influwenza kulturali tagħha fost l-imsieħba Mediterranji tagħha,

    I.

    wara li kkunsidra l-importanza tad-differenzi dejjem jikbru bejn l-istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi Mediterranji, kif ukoll id-diffikultajiet strutturali preokkupanti, ta’ natura soċjoekonomika u istituzzjonali, li jirrikjedu rispons komuni b’saħħtu fl-interess komuni tal-istati kollha tal-Unjoni għall-Mediterran; billi l-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi terzi tal-Mediterran jinkoraġġixxi din il-perspettiva; billi jinnota l-ħtieġa li tittejjeb l-integrazzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar,

    J.

    billi l-kuntest reġjonali li fih qed tissawwar l-Unjoni għall-Mediterran għadu karatterizzat minn kunflitti u minn tensjonijiet politiċi li pprerikolaw u xeħtu lura t-twaqqif tagħha wara s-Samit ta’ Pariġi ta’ Lulju 2008; billi l-Proċess tal-Paċi tal-Lvant Nofsani llum jinsab f’punt mejjet,

    K.

    billi l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja żdiedu mal-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali li diġà hemm fil-pajjiżi msieħba, u b’mod partikolari ma’ dawk relatati mal-problema tal-qgħad; billi huwa fl-interess ta’ kulħadd, kemm ta’ dawn il-pajjiżi u kemm tal-UE, li jitnaqqas il-livell tal-qgħad fir-reġjun u li tingħata lill-popolazzjoni tiegħu, speċjalment lin-nisa, liż-żgħażagħ u lill-popolazzjoni rurali, tama għall-ġejjieni,

    L.

    billi t-tnedija mill-ġdid tal-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani u l-prospetti konkreti ta’ soluzzjoni globali sostenibbli huma essenzjali għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji kif ukoll għall-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran,

    M.

    billi ż-żewġ innovazzjonijiet prinċipali tal-Unjoni għall-Mediterran, jiġifieri dik istituzzjonali (il-kopresidenza, il-kumitat permanenti konġunt u s-segretarjat) u dik operazzjonali (proġetti ta’ integrazzjoni) iridu jiffunzjonaw b’mod effikaċi u trasparenti biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għaxjien taċ-ċittadini, il-benefiċjarji ewlenin ta’ dan il-proġett,

    N.

    billi s-Segretarjat Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran jeħtieġ li jsir il-qofol tal-istruttura, billi l-effikaċja tagħha tiddependi mill-kapaċità tal-istaff tagħha li jaħdem b’mod indipendenti, u billi l-preżenza ta’ uffiċjal għoli Iżraeljan u ta’ uffiċjal għoli Palestinjan li jikkooperaw f’organizzazzjoni internazzjonali fuq livell reġjonali hija xi ħaġa ġdida li tnissel tama,

    O.

    billi r-reġjuni tal-Mediterran huma milquta direttament minn kwistjonijiet transnazzjonali bħall-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà tal-provvista enerġetika, il-flussi migratorji, l-iskabji migratorji u t-turiżmu, u billi dawn jiffaċċjaw ukoll problemi transkonfinali bħall-ġestjoni tal-ilma u l-aċċess għalih, it-tniġġis, l-iżvilupp tan-netwerks ta’ trasport, u billi, allura, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkostitwixxu punti ta’ referenza importanti fil-ħolqien ta’ politiki territorjali sostenibbli adattati għall-partikolaritajiet lokali u għall-implimentazzjoni tal-proġetti konkreti u inklużivi,

    P.

    wara li kkunsidra l-isfida ewlenija tal-agrikoltura fil-pajjiżi tal-Mediterran, minħabba l-piż soċjoekonomiku tagħha, l-impatt ambjentali tagħha u l-implikazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-ekwilibriju territorjali,

    Q.

    billi 60 % tal-popolazzjoni dinjija nieqsa mill-ilma huma kkonċentrati fin-Nofsinhar tal-baċir tal-Mediterran u fil-Lvant Nofsani u billi minn issa sal- 2025, 63 miljun persuna jistgħu, skont ir-rapporti tal-UNDP dwar id-dinja Għarbija u tal-Plan Bleu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ skarsezza tal-ilma,

    R.

    Ifakkar fid-deċiżjoni meħuda fil-Konferenza Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran tal- 4 ta’ Novembru 2008 f’Marsilja li titnaqqas il-firda diġitali bejn iż-żewġ xtut tal-Mediterran, li waslet għall-proposta BB-MED (broadband għall-Mediterran),

    S.

    billi wara s-Samit ta’ Pariġi, il-proġetti mħabbra fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran batew minn nuqqas ġenerali ta’ fondi, ħaġa li jirriskja li jittarda l-implimentazzjoni tagħhom,

    T.

    wara li kkunsidra l-importanza tal-flussi migratorji u tal-isfidi differenti li joħolqu fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran fil-livell uman, soċjali, kulturali u ekonomiku,

    U.

    wara li kkunsidra l-importanza kbira tal-flussi kapitali ġġenerati mill-fondi li l-immigranti jibagħtu lill-popolazzjonijiet tal-pajjiżi fix-xtut tan-nofsinhar tal-Mediterran,

    V.

    wara li kkunsidra, min-naħa l-waħda, id-dħul fis-seħħ reċenti tat-Trattat ta’ Lisbona u l-bidliet istituzzjonali li ġab miegħu, u min-naħa l-oħra, id-dibattitu li għaddej dwar it-tħaddim u l-finanzjament tal-Unjoni għall-Mediterran, li jirrikjedi lill-Parlament Ewropew li jsegwi mill-aktar qrib possibbli l-iżviluppi tal-Unjoni għall-Mediterran bil-għan li s-Samit ta’ Barċellona jkun suċċess,

    1.

    Jistieden lill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern fi ħdan l-Unjoni għall-Mediterran, li se jiltaqgħu f’Barċellona fis-7 ta’ Ġunju 2010, biex jagħmlu ħilithom sabiex, wara sentejn diffiċli, din il-laqgħa tkun suċċess bil-għan li jitwaqqfu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-Mediterran u jiġu implimentati proġetti kbar u biex issir avvanz fl-aspetti kollha tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja;

    2.

    Jibqa’, minkejja l-ħolqien tal-Unjoni għall-Mediterran, imħasseb dwar in-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-politika Mediterranja tal-UE u ta’ viżjoni strateġika fit-tul għall-iżvilupp u l-istabilizzazzjoni tar-reġjun; jinsisti dwar il-ħtieġa li l-proċess ta’ integrazzjoni Ewro-Mediterranja jerġa’ jsir prijorita politika fl-aġenda tal-UE;

    3.

    Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran sabiex jirrevedu bir-reqqa, jintensifikaw u jtejbu d-djalogu kontinwu; jinsisti dwar il-fatt li r-rispett u l-komprensjoni reċiproċi jikkostitwixxu elementi essenzjali ta’ dan id-djalogu u jfakkar li l-promozzjoni u r-rispett tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, jekk ikunux ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali, kif ukoll id-drittijiet kollettivi, għandhom jiddaħħlu b’mod ċar fl-objettivi ta’ din l-inizjattiva l-ġdida, b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi eżistenti; jinsisti f’dan il-qafas fuq l-importnza tar-rispett tal-libertajiet ta’ espressjoni, tal-ħsieb u tat-twemmin kif ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu garantiti d-drittijiet tal-minoritajiet, inklużi dawk reliġjużi; jenfasizza li d-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali jirrikjedu attenzjoni partikolari; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu lill-organizzazzjonijiet politiċi demokratiċi u tas-soċjetà ċivili fix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran u jirrikonoxxi x-xogħol ta’ valur li jsir minn organizzazzjonijiet tan-nisa;

    4.

    Huwa tal-fehma li t-tensjonijiet politiċi u l-kunflitti reġjonali fil-Mediterran m’għandhomx ifixklu l-possibilità ta’ progress tanġibbli lejn il-kooperazzjoni settorjali u multilaterali, u li huwa permezz tal-implimentazzjoni ta’ proġetti integraturi kbar u ta’ djalogu politiku miftuħ li l-Unjoni għall-Mediterran tikkontribwixxi biex tiżviluppa klima ta’ fiduċja xierqa li tiffaċilita t-tiftix ta’ objettivi komuni ta’ ġustizzja u sigurtà fi spirtu ta’ solidarjetà u paċi; jenfasizza, madankollu, li ma jistax ikun hemm suċċess sħiħ tal-Unjoni għall-Mediterran mingħajr ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti reġjonali differenti fl-osservanza tal-liġi internazzjonali, li tagħmel mill-Mediterran xatt wieħed ta’ paċi;

    5.

    jinsisti fuq l-urġenza li wieħed jasal għal soluzzjoni ġusta u sostenibbli tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani u jitlob li jkun hemm impenn determinat tal-UE u tal-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni tal-Mediterran f’dan is-sens; ifakkar it-talba tiegħu li jerġgħu jibdew negozjati serji fil-qafas tal-proċess ta’ paċi, sabiex tinkiseb il-koeżistenza ta’ żewġ stati, stat Palestinjan indipendenti, demokratiku u vijabbli, u stat Iżraeljan, li jgħixu ħdejn xulxin fil-paċi, is-sigurtà u bi fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment; iħeġġeġ il-kontribut importanti li l-Unjoni għall-Mediterran tista’ tagħti għat-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-Iżrael u l-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, speċjalment permezz tal-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti Iżraeljani u Palestinjani fi ħdanha;

    6.

    Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proċess ta’ dikolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent għadu ma spiċċax;

    7.

    Jifraħ bin-nomina tas-segretarju ġenerali u bl-adozzjoni tal-istatuti tas-segretarjat ġenerali u jirrakkomanda li, bi tħejjija għas-Samit ta’ Barċellona, id-definizzjoni tal-istruttura istituzzjonali u funzjonali tal-Unjoni għall-Mediterran għandha titlesta skont il-passi li ġejjin:

    li s-segretarjat jingħata l-mezzi adegwati meħtieġa, kemm finanzjarji u kemm statutarji, biex ikun jista’ jiffunzjona b’mod effikaċi u indipendenti; jinsisti fuq l-urġenza li s-segretarjat isir kompletament operattiv u fuq il-ħtieġa li l-persunal tiegħu jingħażel fuq il-kriterju tal-mertu, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-prinċipji tad-distribuzzjoni ġeografika u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

    li jiġu ċċarati l-kriterji ta’ deċiżjoni, ta’ finanzjament u ta’ implimentazzjoni tal-proġetti kbar, b’mod partikolari d-definizzjoni tal-prijoritajiet għat-tliet snin li ġejjin;

    li tiġi żgurata r-rappreżentanza konġunta tal-parteċipanti tal-UE (l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni), skont it-Trattat ta’ Lisbona, filwaqt li fl-istess ħin tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni attiva tal-pajjiżi terzi Mediterranji kollha;

    li tiġi żgurata l-leġittimità demokratika tal-Unjoni għall-Mediterran billi l-EMPA tiġi kkonfermata bħala parti integrali tal-istruttura istituzzjonali;

    li tissaħħaħ il-koordinazzjoni mal-proġetti u l-programmi tal-UE approvati mill-konferenzi ministerjali speċjalizzati billi, b’mod partikolari, jitqiesu l-possibilitajiet ta’ sinerġija;

    li jitħalla li jkun hemm ftehimiet ta’ kooperazzjoni ta’ “ġeometrija varjabbli ” li jkunu miftuħa għall-pajjiżi u għall-istituzzjonijiet multilaterali li jixtiequ jaħdmu flimkien fuq proġetti ta’ interess komuni;

    li jiġi żgurat li jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn is-segretarjat u l-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll delimitazzjoni ċara tal-kompetenzi rispettivi tagħhom; li jitlob lill-Kummissjoni biex tikkollabora b’mod attiv fl-Unjoni għall-Mediterran u jitlob għal aktar ċarezza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha f’din l-istruttura istituzzjonali ġdida;

    li jiġu żviluppati azzjonijiet ta’ komunikazzjoni biex tkun żgurata l-viżibilità tal-attivitajiet tal-Unjoni għall-Mediterran; li ċ-ċittadini jkunu informati dwar il-proġetti l-kbar u l-avvanzi tal-Unjoni għall-Mediterran b'mod partikolari permezz ta’ sit tal-internet komplut u mtejjeb;

    li tiġi żgurata l-leġittimità demokratika tal-Unjoni għall-Mediterran b’mod li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’manjiera trasparenti, bis-sehem tal-Parlament Ewropew, tal-EMPA u tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; li jenfasizza li l-EMPA għandha tiġi rikonoxxuta bħala parti integrali tal-Unjoni għall-Mediterran ladarba hija komponent parlamentari;

    li jiġi żgurat djalogu mal-partijiet ikkonċernati kollha (awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet relatat mal-proġetti prinċipali;

    8.

    Ifakkar li fis-Samit ta’ Pariġi kien hemm qbil dwar sitt oqsma strateġiċi orizzontali ewlenin (il-protezzjoni ċivili, l-awtostradi tal-baħar u dawk tal-art, it-tindif mit-tniġġis tal-Mediterran, il-Pjan dwar l-Enerġija Solari tal-Mediterran, l-Inizjattiva għall-Espansjoni tal-Affarijiet tal-Mediterran u l-Università Ewro-Mediterranja), li fil-maġġoranza tagħhom diġà qed jitwettqu proġetti impenjati fil-qafas tas-sħubija Ewro-Med; jissottolinja allura l-importanza ta’ evalwazzjoni fid-dettall tal-programmi reġjonali u tal-mezzi li diġà ġew implimentati fil-qafas tal-isħubija Ewro-Mediterranja u jixtieq li l-għażla tal-proġetti ffinanzjati fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran tkun ibbażata fuq il-kriterju tal-valur miżjud fil-livell kemm reġjonali kif ukoll lokali; jitlob li dawn il-proġetti prijoritarji jidħlu fis-seħħ mill-iktar fis possibbli;

    9.

    Iqis essenzjali li l-finanzjamenti ta’ proġetti permezz ta’ taħlita ta’ fondi pubbliċi u privati jkunu garantiti, imsaħħa u mobilizzati; f’dan il-kuntest:

    jistieden lill-membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jallokaw fondi għall-proġetti li jkunu proporzjonati mal-kwistjoni kkonċernata u jistenna li jkun hemm impenn storiku mill-parteċipanti waqt is-Samit ta’ Barċellona;

    il-fondi allokati għall-komponent tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll il-kontribuzzjonijiet tal-UE għall-proġetti tal- Unjoni għall-Mediterran jiżdiedu konsiderevolment; filwaqt li tingħata konsiderazzjoni għall-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-isfidi tal-konsolidazzjoni fiskali;

    jilqa’ l-azzjoni ta’ xi istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali, Ewropej (BEI-FEMIP, EBRD) u internazzjonali (Bank Dinji) diġà joperaw fir-reġjun; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu identifikati sinerġiji fir-rigward ta’ proġetti kbar u jipproponi l-ħolqien ta’ bank Ewro-Mediterranju għall-investiment u l-iżvilupp biex isaħħaħ in-natura ta’ parità Tramuntana-Nofsinhar tal-Unjoni għall-Mediterran;

    jinsisti fuq l-irwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li jiżgura l-koordinazzjoni ta’ tlieta mis-sitt proġetti prijoritarji (it-tindif mit-tniġġis tal-Mediterran, il-Pjan dwar l-Enerġija Solari u l-awtostradi tal-baħar u tal-art);

    jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kooperazzjoni ikbar u ta’ integrazzjoni finanzjarja u ekonomika aħjar bejn il-pajjiżi Membri tal-Unjoni għall-Mediterran, u b’mod iktar partikolari bejn il-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar;

    jilqa’ t-tnedija reċenti ta’ fondi ta’ investiment għall-finanzjament tal-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran, fosthom il-fond InfraMed, maħsub għall-proġetti ta’ infrastruttura, u jistieden lid-diversi partijiet interessati biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ inizjattivi simili u biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-investituri, b'mod partikolari, bejn l-investituri għaż-żmien twil;

    jittama li jkun hemm fondi ta’ investiment maħsuba għall-finanzjament tal-proġetti ta’ komunitajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli;

    10.

    Jinkoraġġixxi l-isforzi biex jittejjeb l-ambjent ekonomiku u legali fil-pajjiżi terzi, bi prijorità għat-twaqqif ta’ istituzzjonijiet finanzjarji subreġjonali vijabbli u kredibbli, li kapaċi jattiraw investimenti barranin; jappella wkoll sabiex:

    tiġi abbozzata karta ta’ protezzjoni tal-investimenti konġunti għall-pajjiżi terzi tal-Mediterran sabiex din il-protezzjoni tal-investimenti tkun armonizzata u mtejba u l-investimenti jiġu mħeġġa;

    tinħoloq sistema ta’ assigurazzjoni u ta’ sigurtà finanzjarja għall-investituri, ibbażata fuq is-sistema tal-Aġenzija Multilaterali għall-Garanzija tal-Investimenti (MIGA) u adattata għall-kuntest Ewro-Mediterranju;

    ikun hemm riformi li jkollhom l-għan li jtejbu l-limiti amministratti u b’mod partikolari li jtejbu u jissimplifikaw it-twettiq tal-kuntratti;

    il-promozzjoni ta’ armonizzazzjoni progressiva u effettiva tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol li tirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema fil-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran;

    it-titjib tal-aċċess għall-kreditu għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju kif ukoll l-offertà fil-qasam tal-formuli ta’ krediti u ta’ mikrokrediti;

    11.

    Jixtieq jara titjib tal-ambjent ekonomiku u ġuridiku tar-reġjun, garanzija indispensabbli għall-investimenti fil-futur; jisħaq fuq l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-impjieg b'konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għall-ġlieda kontra l-faqar, jenfasizza li l-preservazzjoni u l-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi solidi jikkostitwixxu element ieħor essenzjali sabiex ikun garantit l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun;

    12.

    Iqis li żieda fil-kooperazzjoni ekonomika bilaterali u multilaterali Nofsinhar-Nofsinhar għandha tiġġenera benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini u għandha ttejjeb il-klima politika fir-reġjun;

    13.

    jinsisti fuq il-ħtieġa importanti li jittejjeb il-kummerċ bejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jirrappreżenta 6 % biss tal-kummerċ, u għalhekk biex wieħed jaġixxi sabiex iwessa’ l-ftehim ta’ Agadir, jiġbed l-attenzjoni dwar l-interess li dawn il-pajjiżi għandhom fit-titjib tar-relazzjonijiet u l-kummernċ tagħhom sabiex jiffurmaw żona ekonomika b'saħħita u magħquda li tattira l-investituri u kapaċi tiddefendi l-interessi tar-reġjun filwaqt li tingħata spinta 'l quddiem lill-iżvilupp tagħha, jenfasizza li l-Unjoni għall-Mediterran għandha tagħmilha aktar faċli biex tirrispondi għat-talbiet għall-għajnuna teknika u finanzjarja bil-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika tan-Nofsinhar-Nofsinhar, iqis li l-estensjoni u s-simplifikazzjoni tal-akkumulazzjoni tal-oriġini Pan-Ewro-Mediterranja tista’ tgħin biex jintlaħaq dan;

    14.

    Jenfasizza l-importanza tan-negozjati kurrenti dwar iż-Żona Ewro-Mediterranja ta’ Kummerċ Ħieles u jħeġġeġ lill-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jaħdmu ħalli jarmonizzaw il-pożizzjonijiet tagħhom fil-kuntest tan-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ;

    15.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex, waqt in-negozjati tagħha ta’ ftehimiet kummerċjali, tqis ir-riżultati tal-istudji eżistenti dwar l-impatt u tevalwa l-effetti soċjali u ambjentali tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni mill-perspettiva tal-bidla fil-klimla u tal-kriżi ekonomika u soċjali u biex tippermetti applikazzjoni progressiva u asimetrika filwaqt li jiġu protetti setturi ta’ produzzjoni simili fuq iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, li huma aktar possibbli li jaffaċċjaw il-kompetizzjoni b'riżultat ta’ liberalizzazzjoni akbar; jistieden lill-Unjoni għall-Mediterran sabiex tagħżel il-proġetti prinċipalment skont il-bżonnijiet soċjali u ekonomiċi u skont il-bżonn li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent;

    16.

    Jixtieq li l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jkunu riveduti filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet ġodda marbuta mal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali, u mal-kriżijiet tal-ikel u tal-enerġija; ifakkar li l-objettivi prinċipali tal-ħolqien ta’ żona Ewro-Mediterranja ta’ kummerċ ħieles għandhom jibqgħu dawk ta’ spinta 'l quddiem tal-kummerċ fil-qasam tal-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar, u jittama li l-pjan direzzjonali tas-Samit ministerjali tad-9 ta’ Diċembru 2009 jagħmilha possibbli li jinkiseb dan l-objettiv;

    17.

    Jiddispjaċih li l-aspetti soċjoekonomiċi, kummerċjali u tal-enerġija, bħall-investiment dirett barrani, l-impjiegi, l-effiċjenza fl-enerġija, l-ekonomija informali jew tnaqqis tal-faqar, ma daħlux fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi u jitlob li dan jiġi rrimedjat fis-Samit ta’ Barċellona;

    18.

    Ifakkar li l-politiki ta’ migrazzjoni jikkostitwixxu waħda mill-prijoritajiet tas-sħubija Ewro-Mediterranja u jistieden lill-istati u lill-istituzzjonijiet membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-ġestjoni kkoordinata tal-flussi migratorji; jenfasizza li l-bini tal-Unjoni għall-Mediterran ma tistax tkun separata mill-għoti ta’ valur lir-riżorsi umani u lill-iskambji bejn il-popolazzjonijiet fiż-żona tal-Mediterran u jinkoraġġixxi, minbarra l-irregolar tal-flussi u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina, il-faċilitazzjoni progressiva ta’ moviment ħieles bejn iż-żewġt ixtut, it-tisħiħ tal-liġijiet dwar l-integrazzjoni tal-migranti, it-tħejjija tal-politiki attivi favur l-impjieg, u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-eżerċitar tad-drittijiet ta’ ażil; iqis li għandna niżguraw il-kontinwità tal-konferenza ministerjali Euromed dwar il-migrazzjonijiet li seħħet f’Albufeira fit-18 u d-19 ta’ Novembru 2007;

    19.

    Jistieden lill-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jiffaċilitaw it-trasferimenti ta’ fondi mill-immigranti lejn il-popolazzjonijiet tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, l-aktar billi jagħmlu sforz ħalli jitnaqqsu l-ispejjeż involuti;

    20.

    Ifakkar fl-importanza tar-raba’ kapitolu tal-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja (dwar il-migrazzjoni, l-integrazzjoni soċjali, il-ġustizzja u s-sigurtà) u jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni għall-Mediterran tippromwovi l-kooperazzjoni fil-qafas ta’ dan il-kapitolu;

    21.

    Jenfasizza l-importanza strateġika tal-kwistjonijiet tal-agrikoltura, l-iżvilupp rurali, l-adattament għall-bidla fil-klima, l-użu razzjonali tal-ilma u tal-enerġija fil-pajjiżi Mediterranji u jitlob li l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet agrikoli tkun prijorità politika; iħeġġeġ lill-istati tal-Unjoni għall-Mediterran biex javvanzaw kemm jista’ jkun lejn armonizzazzjoni tal-pożizzjonijiet tagħhom fil-qafas tan-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ u biex jipprogressaw lejn konverġenza akbar tal-politiki agrikoli Ewro-Mediterranji, partikolarment fil-qasam tal-osservanza tal-istandards soċjali xierqa, ta’ sikurezza tal-ikel, fitosanitarja u ambjentali, u tal-kwalità tal-prodotti; iqis li dawn il-politiki għandhom jintegraw l-eżiġenzi ta’ żvilupp sostenibbli (inkluża l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali), biex jagħmluha possibbli eventwalment li jkun hemm swieq reġjonali, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni partikolari u kompetittiva tal-agrikolturi Mediterranji, kif ukoll iż-żamm’ neċessarja ta’ settur agrikolu b’saħħtu;

    22.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika reġjonali agrikola, skont il-pjan direzzjonali Ewro-Mediterranju għall-agrikoltura, li tippreserva l-produzzjoni tal-ikel lokali u s-sikurezza tal-ikel, u tippromwovi l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u d-diversifikazzjoni tal-prodotti tipiċi Mediterranji, l-iżvilupp tal-isfruttament żgħir u ta’ daqs medju, u li tkun adattata għall-iżvilupp sostenibbli; fid-dawl ta’ żieda fin-nuqqas ta’ sikurezza tal-ikel f'ħafna pajjiżi msieħba Mediterranji, jistieden lill-Kummissjoni biex taċċetta t-talbiet tal-imsieħeb rigward is-salvagwardji estiżi u l-proċeduri ta’ malajr biex jimplimentawhom fi żminijiet ta’ kriżi alimentari;

    23.

    Jerġa’ jikkonferma l-appoġġ tiegħu għad-dimensjoni ambjentali tal-Unjoni għall-Mediterran u jfakkar fl-inizjattiva Ewro-Mediterranja kontra t-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-Mediterran; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, it-tnedija tat-tieni fażi tal-programm ta’ investiment għall-eliminazzjoni tas-sorsi prinċipali tat-tniġġis fil-Mediterran – mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-preparazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-proġetti (MeHSIP PPIF); iqis li l-progress fil-qasam speċifiku tal-prevenzjoni tat-tniġġis fil-baħar huwa urġenti u li l-baħar Mediterran għandu jkun suġġett għal attenzjoni partikolari bħala baħar magħluq; jippreċiża li l-proġetti kollha tal-Unjoni għall-Mediterran għandhom jiġu ppjanati u mwettqa b’koerenza mal-programmi eżistenti relatati, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Mediterran UNEP għall-konvenzjoni ta’ Barċellona;

    24.

    Jistieden lill-istati msieħba, fil-qafas tal-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran dwar it-trasport bl-art u bil-baħar, biex itejbu l-infrastrutturi sabiex jiżguraw titjib fil-moviment tal-persuni u tal-merkanzija fil-Mediterran u jiffavorixxu politika sostenibbli tat-trasport, billi jitqiesu l-eżiġenzi ta’ żvilupp sostenibbli, ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, ta’ effiċjenza f’sens ta’ enerġija u ta’ intermodalità; jenfasizza li tali sforzi għandhom jitwettqu, partikolarment, f’rabta mal-politika ambjentali, industrijali, tas-saħħa pubblika u tal-iżvilupp territorjali; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati proġetti ta’ awtostradi fil-baħar sabiex jiġu mħeġġa r-rapporti modali u sabiex jinħolqu rotot ta’ navigazzjoni kummerċjali siguri, adegwati u sostenibbli;

    25.

    Huwa tal-opinjoni li t-titjib fl-infrastruttura tat-trasport fil-port u bl-art jista' jgħin biex jippromwovi t-tkabbir u l-kummerċ ekonomiku bejn il-pajjiżi Ewro-Mediterranji;

    26.

    jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni fil-qasam tal-enerġija u jappella għall-implimentazzjoni immedjata ta’ pjanijiet ta’ żvilupp li se jiffavorixxu d-distinzjoni tas-sorsi u tal-mezzi ta’ provvista tal-enerġija, biex b’hekk wieħed jikkontribwixxi b’mod deċiżiv għal provvista sikurezza tal-enerġija fir-reġjun tal-Mediterran;

    27.

    Ifakkar fil-potenzjal kbir tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari dawk tar-riħ u solari, fir-reġjun Ewro-Mediterranju; jappoġġa implimentazzjoni bla dewmien u kkoordinata tal-Pjan dwar l-Enerġija Solari tal-Mediterran, li l-objettiv prinċipali tagħha hu l-implimentazzjoni, minn issa sal-2020, ta’ 20 GW ta’ kapaċità ġdida ta’ produzzjoni tal-enerġija rinovabbli fil-Mediterran, u tal-inizjattivi industrijali bħad-DESERTEC, kif ukoll l-adozzjoni ta’ strateġija Ewro-Mediterranja għall-effikaċità enerġetika; jixtieq li l-proġetti jissodisfaw prijoritarjament il-bżonnijiet tal-pajjiżi fornituri u jenfasizza f'dan ir-rigward il-pass lura fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku għall-pajjiżi msieħba tat-titsħiħ, b’mod partikolari fix-xatt tan-Nofsinhar, tal-infrastrutturi tan-netwerk, tal-implimentazzjoni prograssiva ta’ suq reġjonali interdipendenti u l-ħolqien ta’ settur industrijali ġdid marbut pereżempju mal-fabrikazzjoni tal-komponenti solari;

    28.

    Isejjaħ għal aktar promozzjoni u appoġġ għall-inizjattiva “Solari għall-Paċi” fi ħdan il-qafas tal-Proġett Ewro-Mediterranju għal-Integrazzjoni tas-Suq tal-Enerġija (MED-EMIP);

    29.

    Jirrakkomanda li l-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-proċess Ewro-Mediterranju jissieħbu fl-inizjattiva “bliet intelliġenti” prevista fil-Pjan Strateġiku dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija (SET Plan);

    30.

    Jappoġġa l-promozzjoni ta’ interkonnessjonijiet Ewro-Mediterranji fis-setturi tal-elettriku, il-gass u ż-żejt bil-għan li tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jenfasizza l-importanza li ċ-ċirkuwitu tal-Mediterran għall-elettriku jiġi kkompletat u jappoġġa l-iżvilupp ta’ kuritur tal-gass fin-Nofsinhar; jinkoraġġixxi l-użu ta’ flussi lura fejn dan ikun ġustifikat f'termini ta’ sigurta, effikaċja tan-nefqa u vijabbiltà;

    31.

    Jisħaq li l-miri klimatiċi 202020 se jkollhom effett sinifikanti fuq id-domanda għall-gass, u għaldaqstant il-ħolqien ta’ pjan ta’ azzjoni dwar l-LNG għal-pajjiżi membri tal-Unjoni għall-Mediterran itejjeb id-diversità u s-sigurtà tal-provvista, speċjalment għall-pajjiżi li jserrħu fuq fornituri esklussivi;

    32.

    Jenfasizza l-importanza tal-progress fit-teknoloġija tal-LNG u tal-investimenti fil-kapaċità tal-bastimenti tat-trasport tal-LNG u fit-terminals għall-rikonverżjoni tal-LNG f'gass; jinnota li, flimkien mal-iżvilupp tal-infrastrutturi, is-sigurtà marittima hija neċessità wkoll;

    33.

    Jinsisti dwar l-urġenza li jinħolqu kooperazzjonijiet imsaħħa fil-qasam tal-protezzjoni ċivili fil-Mediterran biex jiġu miġġielda l-katasrofi naturali, partikolarment it-terremoti, l-għargħar u n-nirien tal-foresti; iħeġġeġ il-ħolqien ta’ istitut Ewro-Mediterranju għan-nirien fil-foresti;

    34.

    Jinsisti dwar l-importanza li fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran jiġu żviluppati proġetti ġodda dedikati għat-tagħlim, l-iskambji skolastiċi u universitarji u għar-riċerka, bħala fatturi li jressqu lejn xulxin il-popli tal-ixtut tal-Mediterran; iqis bħala prijorità, bl-indħil attiv tas-soċjetà ċivili, il-ħolqien ta’ spazju veru Ewro-Mediterranju tat-tagħlim superjuri, tax-xjenza u tar-riċerka u, f’dan ir-rigward:

    jifraħ bil-ħolqien tal-Università Ewro-Mediterranja EMUNI u jistieden lill-istituzzjonijiet imsieħba biex japprofondixxi l-impenn tagħhom fl-iżvilupp tal-attivitajiet tagħha;

    jitlob li jissaħħu l-finanzi dedikati għall-programmi ta’ skambji universitarji bħal pereżempju “Erasmus Mundus” u li jkun hemm informazzjoni aħjar dwar il-programmi ta’ skambju eżistenti; jistieden biex wieħed b’mod partikolari jinspira ruħu mill-esperjenza tal-programm Ewropew Averroes;

    jappella biex jitwaqqaf Erasmus Ewro-Mediterranju għaż-żgħar ambizzjuż, li jagħmilha possibbli li jiġu intensifikati l-iskambji skolari bejn l-istati membri tal-Unjoni għall-Mediterran;

    jitlob kooperazzjoni iktar strutturata fil-qasam tat-tagħlim superjuri u tar-riċerka biex iħeġġeġ ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, l-applikazzjoni tad-diplomi komuni u tal-iskejjel tad-dottorat komuni sabiex b’mod partikolari tikber il-mobilità tar-riċerkaturi, flimkien ma’ miżuri għall-ġlieda kontra l-ħarba tal-imħuħ;

    jixtieq li tingħata attenzjoni partikolari lit-tqarrib tal-attivitajiet ta’ taħriġ, ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni, b'aċċent fuq id-djalogu bejn l-intrapriżi u l-universitajiet u fuq is-sħubiji pubbliċi-privati fil-qasam tar-riċerka;

    35.

    Jitlob li fl-aġenda tal-Unjoni għall-Mediterran malajr kemm jista’ jkun ikun hemm proġetti ġodda li jkollhom l-għan li jiffavorixxu l-fehim reċiproku bejn is-soċjetajiet, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta’ strateġija Ewro-Mediterranja fil-qasam kulturali u l-iżvilupp tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż; jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Konferenza Permanenti tal-Operaturi Awdjoviżivi fil-Mediterran (COPEAM), u b’mod partikolari dak ta’ kanal tat-televixin Ewro-Mediterranju, kif ukoll l-edizzjoni mill-ġdid ta’ inizjattivi li kellhom suċċess bħall-Ġimgħa Għarbija u l-EurMedScola; jilqa’ l-azzjoni tal-Librerija ta’ Lixandra, tal-Istitut tad-Dinja Għarbija u tal-Fondazzjoni Anna Lindh, u b’mod partikolari l-organizzazzjoni minn din tal-aħħar ta’ jum tal-Forum għad-djalogu interkulturali f'Barċellona f'Marzu 2010; jitlob lill-pajjiżi u lill-istituzzjoni membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex iżommu l-impenn tagħhom fil-qafas tal-Alleanza taċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti;

    36.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon l-għażla tal-kandidatura ta’ Marseille-Provence bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2013, li l-proġett tagħha, b’mod deċiżiv, ħa xejra Ewro-Mediterranja bl-għan li ż-żewġ popli taż-żewġt ixtut tal-Mediterran jersqu dejjem iktar qrib xulxin; jenfasizza l-għan ta’ dan il-proġett kulturali ta’ valur simboliku għoli li għandu jwassal għal azzjonijiet konkreti u innovattivi għas-servizz tad-djalogu tal-kulturi tal-Ewropa u tal-Mediterran;

    37.

    Jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta’ politiki industrijali biex itejbu l-ekonomiji tal-iskala, filwaqt li jappoġġaw l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u jsaħħu s-setturi tat-teknoloġija avvanzata; jistieden lill-pajjiżi membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-Mediterran biex jieħdu rwol attiv fl-appoġġ tal-SMEs, b'enfasi partikolari fuq servizzi finanzjarji effiċjenti u l-għajnuna teknika u amministrattiva, biex b'hekk tinħoloq bażi intraprenditorjali qawwija, speċjalment fis-setturi li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi tal-Mediterran;

    38.

    Jenfasizza li l-EMPA għandha l-għan li ssir l-assemblea parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, demokratika leġittima, u jappoġġa l-proposta tas-6 sessjoni plenarja tal-EMPA li saret f’Amman fit-13 u l-14 ta’ Marzu 2010 sabiex l-titgħammed mill-ġdid bħala Assemblea Parlamentari - Unjoni għall-Mediterran;

    39.

    Ifakkar fis-setgħat tiegħu fil-proċedura baġitarja tal-Unjoni Ewropea u jenfasizza l-importanza li l-EMPA teżerċita minn issa responsabilitajiet akbar filwaqt li tassumi rwol konsultattiv u ta’ kontroll demokratiku fejn jidħlu d-definizzjoni tal-punti prinċipali ta’ ħidma, is-segwitu regolari tal-proġetti impenjati u t-twettiq tal-baġit; jistieden lill-kumitati kompetenti differenti tal-EMPA biex jipproċedu bis-smigħ regolari tas-segretarju ġenerali u tad-deputati segretarji ġenerali; jemmen, madankollu, li din ir-responsabilità trid timxi id f'id mat-titjib tal-funzjonament u tal-metodi ta’ ħidma tal-EMPA, inkluż il-provvediment tar-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa kif ukoll allinjament aħjar tal-ħidma tal-EMPA fuq dak tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni għall-Mediterran; jilqa’ d-deċiżjonijiet adottati f’dan ir-rigward matul is-sitt sessjoni plenarja tal-EMPA li seħħet f’Amman bejn it-13 u l-14 ta’ Marzu 2010;

    40.

    Jilqa’ t-twaqqif reċenti tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (EMRLA) u jitlob għal sforz sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa tal-ħidma tal-EMRLA ma’ dik tal-EMPA, l-aktar permezz ta’ laqgħat konġunti jew stediniet reċiproċi għall-membri tal-bureaux rispettivi tagħhom għal-laqgħat ta’ ħidma; jinsisti fuq l-interess ta’ dawn l-assembleji li jlaqqgħu lill-eletti taż-żewġt ixtut tal-Mediterran, li jappoġġjaw l-iskambji tal-prattiki demokratiċi tajbin;

    41.

    Jinsisti li s-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-bosta netwerks professjonali u soċjoprofessjonali żviluppati fil-qafas tas-sħubija Ewro-Mediterranja jkunu regolarment ikkonsultati u involuti fl-attivitajiet u fil-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran; u jinkoraġġixxi:

    lill-assemblea ġenerali tal-Kunsilli ekonomiċi u soċjali u lil istituzzjonijiet simili biex jistudjaw it-twaqqif ta’ kunsill ekonomiku u soċjali Ewro-Mediterranju;

    l-iżvilupp ta’ proġetti li jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet kummerċjali, l-investimenti u s-sħubijiet tal-intrapriżi bjen iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, bħal pereżempju l-programm Invest in Med;

    it-twaqqif ta’ kmamar tal-kummerċ Ewro-Mediterranji u ta’ assoċjazzjonijiet sindikalisti u tal-patruni Ewro-Mediterranji;

    it-tkabbir tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju tal-grupp ta’ kooperazzjoni industrijali li huwa inkarigat mill-implimentazzjoni tal-Karta Ewro-Mediterranja għall-intrapriżi sabiex din issir il-mezz li bih jingħeleb kull xkiel għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju;

    42.

    Jilqa’ l-impenn kkonfermat mill-ġdid fl-okkażjoni tat-tieni konferenza tal-ministri Ewro-Mediterranja dwar it-tisħiħ tal-irwol tan-nisa fis-soċjetà (Marrakech, 11 u 12 ta’ Novembru 2009), bl-għan li jiffavorixxu l-ugwaljanza de jure et de facto bejn l-irġiel u n-nisa, il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u r-rispett tad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel; jitlob b’insistenza li jittieħdu miżuri konkreti u jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ proġett tal-Unjoni għall-Mediterran dwar is-sens ta’ intraprenditorjat fost in-nisa u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika; ifakkar il-pożizzjoni kostanti tiegħu li skontha r-rispett tat-tradizzjonijet u tal-użanzi ma jistax iservi ta’ skuża għall-vjolenza tad-drittijiet fundamentali tan-nisa;

    43.

    Jistieden lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE, lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-azzjoni esterna maħluq reċentement biex jipprovdu l-isforzi meħtieġa biex jiżguraw il-koerenza tal-UE fil-parteċipazzjoni fl-Unjoni għall-Mediterran u biex jassoċjaw lill-Parlament Ewropew fid-definizzjoni tal-politika Ewropea;

    44.

    Jilqa’ l-integrazzjoni reċenti fl-Unjoni għall-Mediterran tal-pajjiżi Balkani tal-Punent li huma kandidati għall-adeżjoni fl-UE;

    45.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Barranija u s-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kopresidenza u lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-istati sħab.


    (1)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 210.

    (2)  ĠU C 285 E, 26.11.2009, p. 39.

    (3)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 76.

    (4)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 443.


    Top