EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0189

L-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l- 20 ta' Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni (2009/2243(INI))

ĠU C 161E, 31.5.2011, p. 104–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 161/104


Il-Ħamis 20 ta’ Mejju 2010
L-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni

P7_TA(2010)0189

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni (2009/2243(INI))

2011/C 161 E/16

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-Titoli XVII, XVIII u XIX ta’ dan,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2007 dwar il-politika reġjonali futura għall-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2007 dwar it-tqegħid tal-għarfien fil-prattika: strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-Ewropa (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar l-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika reġjonali u l-ostakli għall-użu tal-Fondi Strutturali (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-24 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Fondi Strutturali 2007-2013: ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji ta’ koeżjoni nazzjonali u l-programmi operattivi (9),

wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament Ewropew imsejjaħ “Sinerġiji bejn is-7 Programm Kwadru għar-Riċerka tal-UE, il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-Fondi Strutturali”,

wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament Ewropew imsejjaħ “Lejn territorjalizzazzjoni ta’ politiki Ewropej ta’ Riċerka u Żvilupp u ta’ Innovazzjoni”,

wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament Ewropew imsejjaħ “L-appoġġ tal-Fondi Strutturali għall-innovazzjoni – l-isfidi ta’ implimentazzjoni għall-2007-2013 u lil hinn minn dan il-perjodu”,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Awwissu 2007 msejħa “Reġjuni Ewropej Kompetittivi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni – Kontribuzzjoni lejn aktar tkabbir u impjiegi aktar u itjeb” (COM(2007)0474),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007 dwar it-twassil mill-Istati Membri u r-Reġjuni tal-istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, 2007-2013 (COM(2007)0798),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Mejju 2008 dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 (COM(2008)0301),

wara li kkunsidra l-20 rapport annwali tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali (2008) (COM(2009)0617),

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Novembru 2007 dwar reġjuni li qed jimplimentaw l-innovazzjoni permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni (SEC(2007)1547),

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2009 dwar il-konsultazzjoni dwar l-istrateġija futura tal-“UE2020” (COM(2009)0647),

wara li kkunsidra l-ħames rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2008 dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali - Reġjuni li jikbru, Ewropa li tikber (COM(2008)0371) (il-Ħames Rapport ta’ Progress),

wara li kkunsidra s-sitt rapport ta’ progress tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali – Reġjuni kreattivi u innovattivi (COM(2009)0295) (is-Sitt Rapport ta’ Progress),

wara li kkunsidra li n-nota tal-Kumitat għar-Riċerka Xjentifika u Teknika (Crest) tal-4 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-rapport imsejjaħ “Lessons for R&D policies on the basis of the national reform programmes and the 2006 Progress Reports” (Lezzjonijiet għal politiki tar-riċerka u l-iżvilupp abbażi tal-programmi nazzjonali ta’ riforma u r-Rapporti ta’ Progress tal-2006) (CREST1211/06),

wara li kkunsidra l-gwida tal-Kummissjoni msejħa “Reġjuni Ewropej Kompetittivi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni – Il-Gwida Prattika għall-Opportunitajiet ta’ Finanzjament tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Forum Ewropew tal-Istrateġija dwar l-Infrastrutturi tar-Riċerka msejjaħ “Pjan Direzzjonali Ewropew dwar l-Infrastrutturi ta’ Riċerka, Rapport 2006”,

wara li kkunsidra r-rapport indipendenti, imħejji fuq talba tal-Kummissjoni, imsejjaħ “Aġenda għal Riformi tal-Politika ta’ Koeżjoni” (rapport ta’ Fabrizio Barca) (2009),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0138/2010),

A.

billi l-istrateġija mġedda ta’ Lisbona tagħti importanza kbira lir-riċerka u l-innovazzjoni biex tilqa’ għal sfidi bħall-bidla fil-klima u l-kompetizzjoni globali li qed tiżdied; filwaqt li fl-era ta’ wara l-kriżi l-istimular tat-tkabbir u tal-postijiet tax-xogħol permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni qed isir dejjem aktar importanti, u dan jikkostitwixxi għan ewlieni tal-Istrateġija proposta tal-UE 2020,

B.

billi l-implimentazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni hija ħtieġa kondiviża mill-istrata kollha tas-soċjetà u l-iskop tagħha huwa li ttejjeb il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tan-nies,

C.

billi l-appoġġ Ewropew għar-riċerka u l-innovazzjoni hu primarjament provdut permezz tal-politika tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-koeżjoni, ladarba l-istrumenti ewlenin tagħhom huma l-Fondi Strutturali, is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka (FP7) u l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP),

D.

billi l-politika ta’ koeżjoni hi pilastru essenzjali fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u hi waħda mill-politiki li kellhom l-aktar suċċess, peress li tiffaċilita l-konverġenza bejn reġjuni li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jiddistingwu ruħhom minn xulxin u peress li tistimula t-tkabbir u l-impjiegi,

E.

billi l-innovazzjoni tiġi indirizzata bl-aktar mod effettiv fil-livell reġjonali fil-prossimità tal-atturi, bħall-universitajiet, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubblika u l-industrija, u tippromwovi s-sħubijiet fit-trasferiment tal-għerf u l-iskambju tal-prattiki tajba bejn ir-reġjuni,

F.

billi t-tieni Linja Gwida Strateġika Komunitarja dwar il-koeżjoni għall-perjodu ta’ bejn l-2007 u l-2013 tirreferi għat-titjib tal-għerf u tal-innovazzjoni għat-tkabbir, u konsegwentement 25 % tal-allokazzjoni totali ġew ibbaġitjati,

G.

billi l-kumplessità tal-isfidi tal-preżent jirrikjedu taħlita integrata ta’ dawn il-politiki; billi s-soċjetà tal-għarfien teħtieġ aktar minn sempliċement aggregazzjoni tal-attivitajiet tas-setturi differenti sinerġija bejn l-aġenti u l-istrumenti hi essenzjali sabiex huma jsaħħu lil xulxin u jappoġġjaw l-implimentazzjoni sostenibbli tal-proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni, biex tintlaħaq valorizzazzjoni aħjar tar-riżultati tar-riċerka f’għamla ta’ ideat konkreti dwar il-prodott fir-reġjuni,

H.

billi, filwaqt li ċerti elementi tal-arkitettura ta’ dawn l-istrumenti, bħall-istess qafas ta’ żmien u allinjament mal-aġenda ta’ Lisbona, jippermettu li jkun hemm sinerġiji, għad hemm xi differenzi, bħal bażijiet legali differenti, fokus tematiku kontra dak territorjali, u ġestjoni kondiviża kontra dik ċentralizzata,

Il-Politika ta’ Koeżjoni biex jintlaħqu objettivi ta’ riċerka u innovazzjoni

1.

Japprezza li, fil-perjodu 2007-2013, f’konformità mat-tieni Strateġija tal-Linja Gwida Komunitarja dwar il-Koeżjoni, l-Istati Membri kollha taw ammont sinifikanti mill-allokazzjonijiet finanzjarji totali tagħhom lir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), innovazzjoni u żvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għerf, u dan irriżulta f’246 Programm Operazzjonali Nazzjonali jew Reġjonali b’madwar EUR 86 biljun allokati għar-riċerka u għall-innovazzjoni, li EUR 50 biljun minnhom diġà ġew allokati għar-R&Ż fundamentali u għall-innovazzjoni; jinnota li l-politika ta’ koeżjoni saret sors maġġuri ta’ appoġġ Ewropew għal dan il-qasam, li jħabbatha mal-baġit kemm tal-FP7 (EUR 50.5 biljun) u kemm tas-CIP (EUR 3.6 biljun); jenfasizza l-effettività u l-possibilità li jiġu ddeterminati objettiv kwantifikati f’termini tal-ammonti allokati għan-nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp;

2.

Jilqa’ l-fatt li l-metodi finanzjarji l-ġodda eżistenti u jenfasizza l-potenzjal tal-inizjattiva JEREMIE u l-Faċilità Finanzjarja għall-Qsim tar-Riskju tal-Kummissjoni u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment fl-għoti ta’ spinta fl-opportunitajiet ta’ ffinanzjar għall-intrapriżi innovattivi; jirrakkomanda li l-atturi reġjonali jesplojtjaw dawn l-opportunitajiet il-ġodda b’mod kumplimentari għall-iffinanzjar tal-Fondi Strutturali; jenfasizza f’dan il-kuntest il-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni effikaċi tal-investimenti pubbliċi u privati;

3.

Jistenna r-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni skont kif inhuwa stipulat fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament Ġenerali; jikkunsidra li r-Rapport se jagħti sommarju komprensiv tal-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-kisba tal-objettivi għall-perjodu tal-2007 – 2009 u dan se jservi ta’ bażi għal diskussjoni rigward il-prospetti futuri tal-politika ta’ koeżjoni;

4.

Itenni l-ħtieġa għal approċċ integrat ta’ governanza f’diversi livelli lejn politiki speċifiċi fl-UE, jenfasizza li sistema funzjonali ta’ governanza f’diversi livelli hi prekundizzjoni għall-iffissar u l-implimetazzjoni tal-objettivi ta’ assenjazzjoni b’mod effiċjenti; jinnota li r-responsabilità għall-implimentazzjoni ta’ Fondi Strutturali hija tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, filwaqt li s-CIP u l-FP7 huma mmexxija b’mod ċentralizzat mill-Kummissjoni; huwa konxju tad-diversità amministrattiva eżistenti fil-livell tal-Istati Membri u jemmen li huwa importanti li jiġi identifikat il-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet li huwa l-aktar effikaċi għaċ-ċittadini;

5.

Jikkunsidra importanti li jiġu koordinati l-politiki Komunitarji li għandhom rwol fil-kisba tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; Jemmen li jeħtieġ li ssir analiżi aktar mill-qrib tal-impatt tagħhom fuq it-territorju u fuq il-koeżjoni bil-għan li jiġu promossi sinerġiji effettivi u sabiex jiġu identifikati u promossi l-aktar mezzi xierqa fil-livell Ewropew ta’ appoġġ għall-investiment lokali u reġjonali fl-innovazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jitqiesu ċ-ċirkustanzi soċjali u ekonomiċi differenti tat-tliet tipi ta’ reġjuni (konverġenza, tranżizzjoni u kompetittività), u l-varjazzjonijiet fil-kapaċità kreattiva u innovattiva u l-ispirtu ta’ intraprendenza; jenfasizza f’dan il-kuntest li l-investiment fir-R&Ż, kif ukoll dak fl-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-teknoloġiji effiċjenti fir-riżorsi, jibbenefika s-setturi tradizzjonali u ż-żoni rurali bħalma jibbenefika l-ekonomiji ta’ servizzi ta’ ħiliet avvanzati, u għalhekk isaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

6.

Jenfasizza l-potenzjal kbir tal-ibliet li jsegwu r-riċerka u l-innovazzjoni; jemmen li politika urbana aktar intelliġenti bbażata fuq l-avvanzi teknoloġiċi u li tindirizza l-fatt li 80 % tal-popolazzjoni tal-Ewropa tgħix fl-ibliet, li propju fihom insibu l-akbar differenzi soċjali, tikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli; u għalhekk jitlob sabiex id-dimensjoni urbana tiddaħħal fil-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni;

Sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali, l-FP7 u s-CIP

7.

Jirrikonoxxi li, permezz tal-assenjazzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-2007-2013, il-politika ta’ koeżjoni hi f’pożizzjoni aħjar li toħloq sinerġiji mal-politiki ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni, u li fl-istess waqt id-dimensjoni territorjali saret aktar u aktar importanti fl-FP7 u s-CIP; jappella li tingħata kunsiderazzjoni lil mekkaniżmu ta’ assenjazzjoni bbażat fuq il-prestazzjoni b’fokus tematiku aktar b’saħħtu li jippermetti li jingħataw risposti politiki xierqa għall-isfidi l-ġodda;

8.

Jinnota li l-infiq fuq ir-R&Ż&I skont il-programm ta’ qafas huwa allokat fuq il-bażi tal-kriterji ta’ eċċellenza, li jinvolvi modalità aktar kompetittiva tal-aċċess għall-parteċipanti, li jirrikjedi kapaċità teknika għolja u għarfien qawwi tal-proċeduri amministrattivi u finanzjarji; jenfasizza li din is-sitwazzjoni toħloq konċentrazzjoni għolja fil-clusters ekonomiċi u fir-reġjuni ewlenin tal-UE, u b’hekk tillimita s-sinerġiji pożittivi fil-grupp ta’ reġjuni u Stati Membri li mixjin fid-direzzjoni t-tajba iżda li għadhom ma laħqux l-għan; jinnota li ż-żieda fid-disparità reġjonali f’termini ta’ potenzjal ta’ riċerka u innovazzjoni u l-garanzija tal-koerenza reali tal-politika huma sfidi li jridu jiġu indirizzati kemm mill-politika ta’ koeżjoni, kif ukoll mill-politika ta’ riċerka u innovazzjoni, irrispettivament mill-fatt li l-korpi implimentattivi jeżistu fuq livelli differenti (supranzzjonali, nazzjonali, sottonazzjonali) u huma rregolati minn loġiki differenti (il-koeżjoni vs. l-eċċellenza);

9.

Jinsisti li l-innovazzjoni effettiva tiddependi mill-qrubija tas-sinerġiji miksuba, u jiddispjaċih li l-opportunitajiet eżistenti għal dawn is-sinerġiji fl-iffinanzjar għadhom mhumiex magħrufin sew; jistieden lir-reġjuni, bħala l-aġenti prinċipali għall-informazzjoni u l-kapaċità ta’ analiżi, kif ukoll lill-Istati Membri, biex iżidu l-isforzi biex itejbu l-komunikazzjoni; jenfasizza li sinerġiji effettivi jeħtieġu sett kumpless ta’ relazzjonijiet bejn l-aġenti li jipproduċu, iqassmu, jippromwovu u jimplimentaw forom differenti ta’ għarfien; jenfasizza wkoll li l-korpi nazzjonali, reġjonali u lokali differenti li jamministraw l-FP7, is-CIP u l-Fondi Strutturali għandhom ikunu konxji tal-possibilitajiet offruti minn kull wieħed minn dawn l-istrumenti u jitlob sabiex ikun hemm koordinazzjoni aħjar bejn dawn l-atturi u l-politiki;

10.

Jenfasizza li l-interventi mmirati lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jikkapitalizzaw fuq l-assi u l-kapaċitajiet reġjonali u jifformaw parti minn strateġija ta’ innovazzjoni reġjonali bbażata fuq innovazzjoni intelliġenti; jikkunsidra li tali strateġiji jeħtieġu rwol imsaħħaħ għar-reġjuni u l-ibliet fl-issettjar u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali; jitlob għalhekk sabiex tiġi kkunsidrata l-possibilità li jerġgħu jiġi stabbiliti azzjonijiet innovattivi fi ħdan il-Fondi Strutturali bl-iskop li jippromwovu l-istrateġiji ta’ innovazzjoni reġjonali;

11.

Jinnota l-possibilitajiet eżistenti tal-finanzjament imħallat; għaldaqstant, jenfasizza li l-finanzjament imħallat mhuwiex permess bejn il-Fondi Strutturali u l-programmi ta’ qafas; jenfasizza li l-istrumenti jistgħu jitħalltu biex ikopru jew attivitajiet kumplimentari iżda separati, bħal fil-każ tal-infrastruttura tar-riċerka, jew partijiet konsekuttivi ta’ proġetti relatati, bħall-iżvilupp u s-segwitu ta’ idea ġdida dwar ir-riċerka, jew inkella proġetti fl-istess netwerk jew kluster;

12.

Jemmen li l-fatt li mhuwiex permess il-finanzjament mist bejn il-Fondi Strutturali u l-Programmi Qafas jipprevjenji lir-reġjuni milli jużaw iż-żewġ strumenti fl-istess waqt u li proċessi strateġiċi “minn isfel 'il fuq” effettivi f’livelli reġjonali u lokali jistgħu jgħinu fl-eliminazzjoni tal-qabżiet jew sovrappożizzjonijiet tal-fondi mill-SF, FP7 u CIP;

13.

Jenfasizza li s-sinerġija hija b’mod speċjali effiċjenti fil-bini tal-kapaċità; f’dan il-kuntest jirreferi għall-proġett tal-immaniġjar tal-iffinanzjar fil-Forum għal Strateġija Ewropea dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka (ESFRI) u l-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni tal-prijoritajiet ta’ ffinanzjar tar-riċerka tal-UE fil-livell reġjonali u nazzjonali;

14.

Jenfasizza li s-sinerġija tmur lil hinn mill-finanzjament kumplimentari tal-proġett; iqis li l-iżvilupp tal-kapaċità, in-netwerking u t-trasferiment tal-għerf huwa għamla importanti ta’ sinerġija u jinnota li l-istrumenti kollha joffru opportunitajiet għal tali skambji;

15.

Jinnota li s-sinerġiji attwali mill-perspettiva tal-benefiċjarju dirett tal-finanzjament jiddependu mill-kapaċità organizzattiva u strateġika tal-benefiċjarju li jikkombina l-appoġġ minn strumenti differenti tal-UE; jstieden lill-atturi reġjonali joħolqu strateġiji reġjonali li jistgħu jiffaċilitaw il-kombinament tal-finanzjamenti;

16.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jallokaw biżżejjed riżorsi mill-SF għar-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari l-innovazzjonijiet sostenibbli, u jsaħħu l-kapaċitajiet għar-riċerka; isostni l-ħtieġa li jkun hemm promozzjoni u applikazzjoni b’suċċess tal-mudelli fit-trijangolu tal-għerf u biex jiġi żgurat li jkun hemm żvilupp sostenibbli tal-oqfsa ta’ riċerka reġjonali u strateġiċi għall-innovazzjoni b’kollaborazzjoni mal-intrapriżi, maċ-ċentri tar-riċerka, mal-universitajiet u mal-awtoritajiet pubbliċi; jenfasizza l-potenzjal ta’ clusters innovattivi reġjonali ta’ għarfien għoli fl-immobilizzazzjoni tal-kompetittività reġjonali u jilqa’ l-inklużjoni tal-iżvilupp tal-kluster kemm fl-FP7 u anke fis-CIP (azzjoni tar-Reġjuni ta’ Għerf fl-FP7); Jenfasizza l- Komunitajiet għall-Għarfien u l-Innovazzjoni (KICs) il-ġodda stabbiliti fil-qafas tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), li jorbtu l-clusters reġjonali Ewropej ta’ għarfien intensiv; jinnota li l-iskambju ta’ għarfien fil-klusters reġjonali jista’ jkun iffaċilitat ukoll mill-Fondi Strutturali; jenfasizza li tali clusters jirrappreżentaw opportunità maġġuri b’mod partikolari għar-reġjuni żvantaġġati;

17.

Jitlob lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jagħmlu użu aħjar mill-SF ħalli jibnu l-kapaċità għar-riċerka, l-għarfien u l-innovazzjoni fir-reġjuni tagħhom, ngħidu aħna bit-twaqqif ta’ infrastruttura tar-riċerka, billi dan jippermettilhom jieħdu sehem fl-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE; jinkoraġġixxi lir-reġjuni jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom ta' R&Ż b'mod li jkunu komplementari għal dawk tal-FP7 u jappella għal ippjanar fit-tul f’livell reġjonali biex jinkisbu s-sinerġiji li jidderivaw mill-komplementarjetajiet tematiċi bejn l-istrumenti li bihom isir il-finanzjament;

18.

Jenfasizza l-importanza tal-analizzar, tal-qsim u tal-integrar tal-aqwa prattiki li jirrigwardaw is-sinerġiji bejn l-istrumenti tal-politika; f’dan il-kuntest jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-koperazzjoni interdipartimentali u jitlobha żżid l-analiżi fil-livell reġjonali tal-potenzjal u l-ħtiġijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir tad-dejta kwalitattiva disponibbli; kif ukoll eżami tal-interrelazzjonijiet ma’ strumenti oħrajn fl-istudji tal-valutazzjoni dwar wieħed mit-tliet strumenti finanzjarji, sabiex tkun tista’ tingħata gwida konġunta;

19.

Jinnota b’sosdifazzjon il-Gwida Prattika tal-UE għal Opportunitajiet ta’ Finanzjament għar-Riċerka u l-Innovazzjoni; jirrakkomanda li fil-futur tali noti ta’ gwida ta’ min ikunu pprovduti hekk kif l-oqsfa leġiżlattivi jidħlu fis-seħħ; jistenna d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jinkludi eżempji ta’ sinerġiji fil-prattika; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu r-rwol ta’ faċilitatur, billi tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki, u tevalwa l-possibilità li tagħti appoġġ espert addizzjonali dwar opportunitajiet ta’ finanzjament Komunitarju permezz ta’ noti ta’ gwida ex-ante u permezz ta’ “manwal għall-utent”; għall-immaniġġjar u l-amministrazzjoni prattika tal-proġetti ta' riċerka u ta’ innovazzjoni bl-iskop li jinkisbu r-riżultati maħsuba;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-burokrazija għall-FP7 u s-CIP biex jissaħħu l-effetti tas-sinerġiji mal-Fondi Strutturali;

21.

Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar kif tista’ ssir aktar faċli l-applikazzjoni għall-għajnuna taħt id-diversi programmi permezz tal-użu ta’ programmi tal-kompjuter b’manwali standardizzati;

22.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-attivitajiet tagħha li għandhom l-għan li jrawmu s-sinerġija, u biex iżżomm lill-Parlament Ewropew aġġornat dwar l-iżvilupp tagħhom, partikolarment dwar is-sitwazzjoni tal-koperazzjoni vertikali bejn l-UE u l-entitajiet nazzjonali u reġjonali;

23.

Jappoġġja kollaborazzjoni isħaħ bejn il-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-FP7, il-ġesturi tal-programmi tar-R&Ż u tal-aġenziji tal-innovazzjoni, billi jippermettu li l-aspetti jew il-fażijiet differenti tal-proġetti ta’ riċerka u żvilupp jiġi ffinanzjati minn għejun differenti;

Rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss

24.

Jilqa’ l-enfasi fl-abbozz tal-istrateġija tal-UE 2020 dwar l-interdipendenza bejn il-politiki, l-importanza tal-integrazzjoni tal-politika u l-ħtieġa ta’ sinerġiji aħjar u ta’ sħubija aktar b’saħħitha fit-tfassil tal-politiki pubbliċi; jappella biex tingħata kunsiderazzjoni lill-ħtieġa espressa mill-bliet u mir-reġjuni għal qafas aktar komprensiv fit-tliet setturi tal-politika inkluża struttura ta’ liaison tekniku fi ħdan il-Kummissjoni biex timmonitorja u tikkoordina s-sinerġiji għall-innovazzjoni u r-riċerka u l-programmi ta’ żvilupp, u jitlob biex jiġi assoċċjat mat-tifsil u l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-iffinanzjar tal-UE u r-regolamenti tal-għajnuna statali; jappella wkoll sabiex l-koeżjoni territorjali jkollha rwol speċjali f’dan ir-rigward;

25.

Jemmen li l-programmi futuri tar-R&Ż&I għandhom jikkumplimentaw l-isforzi nazzjonali, billi jorjentawhom u jiddinamizzawhom bl-iskop li jirrivitalizzaw l-irwol gwidatur u l-effett multiplikatur tal-għarfien, l-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-investiment nazzjonali fir-R&Ż&I;

26.

Jenfasizza li sabiex l-għarfien u l-innovazzjoni jiġu kkonsolidati bħala mezzi ta’ tkabbir ekonomiku futur, jeħtieġ li tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni, nibnu fuq ir-riżultati tar-riċerka, nippromwovu l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien madwar l-Unjoni, nisfruttaw l-ITCs bl-aktar mod sħiħ, niżguraw li l-ideat innovattivi jiġu riflessi fil-prodotti u s-servizzi li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi ta’ kwalità u li jkkontribwixxu biex jintlaqgħu l-isfidi tal-bidla soċjali fl-Ewropa u fid-dinja, minkoraġġixxu l-intraprendenza, nagħtu prijorità lill-ħtiġijiet tal-utenti u l-opportunitajiet tas-suq, u niggarantixxu ffinanzjar aċċessibbli u adegwat abbażi ta’ rwol ewlieni għall-Fondi Strutturali;

27.

Jappoġġa t-tliet inizjattivi bandiera tal-Istrateġija tal-UE 2020 għall-kisba tat-tkabbir intelliġenti, jiġifieri “Unjoni għall-Innovazzjoni”, “Youth on the move” u “Aġenda diġitali għall-Ewropa”, li fl-implimentazzjoni tagħhom il-Fondi Strutturali se jkollhom rwol ewlieni;

28.

Iqis li politika reġjonali tal-UE qawwija u ffinanzjata sew u li minnha jibbenefikaw ir-reġjuni kollha tal-UE hija prekundizzjoni biex jintlaqħu l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE tal-2020 sabiex jiġi żgurat tkabbir intelliġenti, sostenibbli u integrat b’livelli għolja ta’ impjiegi, u produttività, kif ukoll biex tinkiseb koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza mogħtija mill-istrateġija tal-UE 2002 fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni;

29.

Jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni u konsolidazzjoni tal-irwol tal-istrumenti tal-UE li jappoġġaw l-innovazzjoni, speċjalment il-Fondi Strutturali, l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD), il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, is-CIP u l-pjan SET, bl-iskop li jkun hemm razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi, li jiffaċilitaw l-aċċess għall-iffinanzjar, speċjalment għall-SMEs, u jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ inċentivi innovattivi bbażati fuq il-kisba tal-objettivi marbuta mat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u integrattiv, kif ukoll għall-promozzjoni ta’ koperazzjoni eqreb mal-EIB;

30

Jikkunsidra li l-Fondi Strutturali huma l-istrumenti xierqa ta’ appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-kreattività u l-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta’ aktar flessibilità biex jiġi żgurat l-użu malajr ta’ dan l-iffinanzjar għall-iskopijiet ta’ promozzjoni ta’ inizjattivi innovattivi tan-negozju; jenfasizza f’dan il-kuntest il-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikulari lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fuq skala wiesgħa, billi jiġi offrut appoġġ faċilment aċċessibbli, u jiġi pprovdut aċċess imtejjeb għar-riċerka, u t-trasferiment tat-teknoloġija u l-innovazzjoni orjentata lejn applikazzjoni prattika;

31.

Jirrikkmanda li t-total tal-finanzjament li ma jintefaqx f’reġjuni partikolari skont in-N+2 u n-N+3 jerġa’ jiġi assenjat lil proġetti u inizjattivi Komunitarji fuq bażi reġjonali;

32.

Ifakkar li l-koeżjoni territorjali hi ta’ natura orizzontali u multisettorjali, u għalhekk il-politiki tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tagħha; itenni li dan il-kunċett mhuwiex limitat għall-effetti tal-politika reġjonali, iżda jiffoka wkoll fuq il-koordinazzjoni ma’ politiki oħra tal-Unjoni li huma maħsuba għall-iżvilupp sostenibbli u li joffru riżultati tanġibbli fil-livell reġjonali, sabiex il-forom speċifiċi ta’ potenzjal reġjonali jiġu żviluppati u jintużaw bis-sħiħ, u sabiex jiżdied l-impatt tagħhom fuq il-post, biex ir-reġjuni jingħataw spinta ħalli jsiru aktar kompetittivi u attraenti u biex tinkiseb il-koeżjoni territorjali; huwa tal-opinjoni li “l-konċentrazzjoni, il-koperazzjoni, u l-konnessjoni” huma l-koordinati ewlenin tal-koeżjoni territorjali biex jintlaħaq żvilupp territorjali aktar ibbilanċjat fl-UE;

33.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ politiki bbażati lokalment u jqis li l-bliet u r-reġjuni għandhom jistinkaw għal speċjalizzazzjoni intelliġenti u sostenibbli billi jiddefinixxu ftit prijoritajiet ta’ innovazzjoni bbażati fuq l-objettivi tal-UE u fuq il-ħtiġijiet tagħhom, kif identifikati fl-Istrateġiji ta’ Innovazzjoni Reġjonali tagħhom, u jikkonċentraw ir-riżorsi assenjati mill-UE fuq dawn il-prijoritajiet identifikati; huwa tal-opinjoni li l-kapaċità ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-intraprendituri li jattiraw u jikkonvertu l-għarfien f’vantaġġ kompetittiv sostenibbli hija kruċjali għall-prestazzjoni ekonomika reġjonali b’valur miżjud anki għar-reġjuni tal-madwar inklużi partijiet ta’ Stati Membri ġirien;

34.

Jindika li r-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp ta’ emissjonijiet baxxi jew saħansitra zero tal-karbonju u l-iffrankar enerġetiku, huma ta’ importanza kritika fl-indirizzar tal-isfidi dinjin, bħalma hija l-bidla klimatika u s-sigurtà tal-provvisti enerġetiċi kif ukoll it-titjib tal-kompettittività f’livell reġjonali u lokali;

35.

Jappoġġja l-proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-ħolqien ta’ “netwerk virtwali ta’ kreattività” li jkun miftuħ għal kulħadd (negozji, awtoritajiet lokali u reġjonali, l-awtoritajiet pubbliċi ċentrali, is-settur privat u ċ-ċittadini) u li jipprovdi pariri, assistenza u aċċess għal kapital ta’ riskju u servizzi tekniċi; jenfasizza li netwerk virtwali joffri l-vantaġġ addizzjonali li jipprovdi, lill-abitanti ta’ gżejjer, reġjuni periferali, żoni rurali u muntanjużi u żoni b’popolazzjoni ta’ densità baxxa, aċċess aktar faċli għal pariri esperti, edukazzjoni u informazzjoni, appoġġ għan-negozju u gwida finanzjarja;

36.

Jenfasizza li l-koperazzjoni transnazzjonali hi l-bażi fundamentali tal-FP7 u s-CIP, u li l-koperazzjoni territorjali (permmezz ta’ programmi transnazzjonali, interreġjonali u transkonfinali) tkun integrata mill-Fondi Strutturali; jitlob lill-Kummissjoni biex fil-futur issaħħaħ l-objettiv tal-koperazzjoni territorjali Ewropea permezz tal-integrazzjoni ulterjuri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibilitajiet ta’ tisħiħ tal-koperazzjoni territorjali fil-qasam tal-innovazzjoni f’kull wieħed mill-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza li għarfien aħjar tar-riżultat tal-FP7 u tas-CIP fil-livell reġjonali jiffaċilita l-koordinazzjoni prattika bejn il-politika Reġjonali tal-UE u dawk il-programmi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari għal din il-koordinazzjoni; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jieħdu aktar miżuri għal kooperazzjoni transnazzjonali effettiva billi jiżviluppaw strateġiji reġjonali u nazzjonali koerenti għall-ksib tas-sinerġiji; jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-aċċessibilità tad-dejta f’din il-kwistjoni;

37.

Jenfasizza li taħt is-Seba’ Programm ta’ Qafas jingħata appoġġ lill-koperazzjoni transnazzjonali fid-diversi forom tagħha kemm fl-UE u kemm barra l-UE, f’numru ta’ oqsma tematiċi li jikkorrispondu għall-oqsma prinċipali tal- għarfien u t-teknoloġija, li fihom huwa neċessarju li r-riċerka ta’ kwalità għolja tiġi appoġġjata u kkonsolidata sabiex l-isfidi soċjali, ekonomiċi, ambjentali u industrijali li qed tiffaċċja l-Ewropa jiġu trattati;

38.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza l-impatt ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni meħuda diġà fuq l-immaniġjar tal-Fondi Strutturali bl-iskop li jiġi ppreparat il-qafas leġiżlattiv futur;

39.

Jirrikonoxxi li kemm il-ġestjoni kondiviża kif ukoll il-ġestjoni ċentralizzata jirrikjedu regoli speċifiċi, u li l-approċċ “top-down” tal-FP7 u tas-CPI u l-approċċ “bottom-up” tal-Fondi Strutturali t-tnejn għandhom il-vantaġġi tagħhom; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li r-regoli, proċeduri u prattiki (regoli tal-eliġibilità, prezz standard għal kull unità, pagamenti ta’ darba, eċċ.) li jirregolaw strumenti differenti jiġu armonizzati u li jkun żgurat li jkun hemm koordinazzjoni mtejba (tal-iskedi għas-sejħiet għall-proposti, temi u tipi ta’ sejħiet, eċċ.); jappella lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibilitajiet għal dan l-għan, mingħajr preġudizzju għall-ħiliet tal-Istati Membri u tar-reġjuni li jinsabu taħt ġestjoni kondiviża, filwaqt li jinkuraġġixxi kultura amministrattiva li tippromwovi approċċ multidixxiplinarju permezz ta’ strateġiji trans-settorajli komuni f’sensiela ta’ oqsma tematiċi, u permezz tad-djalogu kontinwu bejn il-komunitajiet differenti tal-politika sabiex tissaħħaħ il-koerenza fil-politika; jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-amministrazzjoni tal-fondi kkonċernati u jitlob sabiex, fl-istess ħin li jsir użu mis-sinerġiji, iż-żvantaġġi speċifiċi taż-żewġ pilastri ta’ appoġġ jiġu promossi u fl-istess waqt jiżdied l-impatt tagħhom;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Pjan tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li daqt se jiġi ppreżentat, ikun redatt bil-ħsieb li jsaħħaħ s-sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u l-Programmi ta' Qafas għar-Riċerka u l-Innovazjzoni (FP7, CIP);

41.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa kriterji speċifiċi ta’ evalwazzjoni għall-valutazzjoni ta’ proġetti inovattivi, u biex tqis il-proponiment ta’ inċentivi regolatorji futuri għall-implimentazzjoni ta’ miżuri innovattivi;

42.

Jara ħtieġa ċara għal aktar għarfien esperti fil-livel reġjonali fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-iffinanzjar, il-proċeduri amministrattivi u finanzjarji, l-immaniġjar finanzjarju u l-inġinerija finanzjarja; jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibilità li jiġi pprovdut aktar appoġġ speċjalizzat u li tiżgura koperazzjoni eqreb bejn in-Netwerk Enterprise Europew u l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fond strutturali u rabta aktar mill-qrib bejn l-Inizjattiva Lead-Market, il-pjattaformi tat-teknoloġija u l-pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi reġjonali;

43

Jinsisti dwar l-importanza li jiġu kkunsidrati l-opportunitajiet indaqs meta tiġi evalwata s-sostenibilità ta’ proġetti u jiġi determinat l-aċċess għall-iffinanzjar mill-Fondi Strutturali u strumenti Komunitarji oħra;

44.

Jenfasizza l-importanza ta’ għajnuna aħjar fl-implimentazzjoni ta’ politiki u programmi li jkabbru s-sinerġija fi ħdan il-katina ta’ infrastrutturi tar-riċerka u l-iżvilupp – innovazzjoni – ħolqien tax-xogħol;

45.

Jemmen li infrastrutturi ta’ riċerka kbar kofinanzjati mill-Fondi Strutturali għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni ogħla minn bord ta’ evalwazzjonijiet inter pares internazzjonali, li jkollha effett pożittiv fuq l-infiq effiċjenti ta’ Fondi Strutturali allokati;

46.

Huwa konvint li l-impenn mil-leadership politika hija kemm prekondizzjoni għall-koerenza fil-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll għodda għat-titjib tagħha; b’dan quddiem għajnejh, jitlob li jitwaqqaf qafas ta’ politika strateġika għar-riċerka u l-innovazzjoni, aġġustat fid-dawl tal-progress, l-informazzjoni ġdida u ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, u konsistenti mal-miri u l-prijoritajiet nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

47.

Itenni li l-mekkaniżmi informali li jiggvernaw il-koeżjoni territorjali u l-ippjanar spazjali fil-Kunsill għandhom jiġu sostitwiti minn strutturi aktar formali; huwa tal-opinjoni li dan l-iżvilupp akkumpanjat mill-ħolqien u t-tisħiħ ta’ strutturi integrati u intertematiċi jirriżulta f’koordinazzjoni aħjar tal-politiki;

*

* *

48.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(2)  ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.

(3)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2007)0184.

(6)  Testi adottati, P6_TA(2007)0212.

(7)  Testi adottati, P6_TA(2009)0163.

(8)  Testi adottati, P6_TA(2009)0156.

(9)  Testi adottati, P6_TA(2009)0165.


Top