EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DP0296

Talba biex titneħħa l-immunità parlamentari tas-Sur Viktor Uspaskich Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta’ Settembru 2010 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Viktor Uspaskich (2009/2147(IMM))

ĠU C 308E, 20.10.2011, p. 90–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 308/90


It-Tlieta 7 ta’ Settembru 2010
Talba biex titneħħa l-immunità parlamentari tas-Sur Viktor Uspaskich

P7_TA(2010)0296

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Viktor Uspaskich (2009/2147(IMM))

2011/C 308 E/19

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Viktor Uspaskich, imressqa mill-awtoritajiet ġuridiċi Litwani fl-14 ta’ Lulju 2009, u mħabbra fis-seduta plenarja tas-7 ta’ Ottubru 2009,

wara li sema' lil Viktor Uspaskich, bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea mehmuż mat-Trattati,

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Mejju 1964 u tal-10 ta’ Lulju 1986 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0244/2010),

A.

billi tressqu proċedimenti kriminali kontra Viktor Uspaskich, Membru tal-Parlament Ewropew, li huwa akkużat fil-proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius b'reati kriminali skont l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 222(1), l-Artikolu 220(1), l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 220(1), l-Artikolu 205(1) u l-Artikolu 24(4) flimkien mal-Artikolu 205(1) tal-Kodiċi Kriminali Litwana,

B.

billi, b'konformità mal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu jgawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess mill-immunitajiet mogħtija lill-Membri tal-Parlament ta’ pajjiżhom, u billi Membru ma jistax jirrikorri għall-immunità meta jinqabad iwettaq reat u billi dan ma jwaqqafx lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta’ wieħed jew waħda mill-Membri tiegħu,

C.

billi l-akkużi li tressqu kontra s-Sur Uspaskich ma jirrelatawx għal opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa matul il-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

D.

billi skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, deputat ta’ parlament nazzjonali (is-Seimas) ma jistax jitqies responsabbli b'mod kriminali, arrestat, u lanqas m'għandu jkollu l-libertà tiegħu ristretta mingħajr il-kunsens tas-Seimas,

E.

billi l-Artikolu 62 ikompli li deputat tas-Seimas ma jistax jiġi ppersegwitat għall-votazzjoni tiegħu jew għad-diskorsi tiegħu fis-Seimas, għalkemm jista' jitqies responsabbli skont il-proċedura ġenerali għal insulti personali jew libelli,

F.

billi s-Sur Uspaskich huwa essenzjalment akkużat b'reati ta’ verifika falza fir-rigward tal-iffinanzjar ta’ partit politiku waqt perjodu qabel l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew,

G.

billi ma tressqet l-ebda evidenza konvinċenti għall-eżistenza ta’ xi fumus persecutionis u r-reati li bihom huwa akkużat is-Sur Uspaskich m'għandhomx x'jaqsmu mal-attivitajiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,

H.

billi huwa għalhekk xieraq li titneħħa l-immunità tiegħu,

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ Viktor Uspaskich;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Litwanja.


(1)  Kawża 101/63 Wagner v. Fohrmann u Krier [1964] ECR 195 u Kawża 149/85 Wybot v. Faure u Oħrajn [1986] ECR 2391.


Top