This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0734
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL Review of the transitional measures regarding the acquisition of agricultural real estate foreseen in the Accession Treaty 2005
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Reviżjoni tal-miżuri tranżitorji rigward l-akkwist ta’ proprjetà immobbli agrikola previst fit-Trattat tal-Adeżjoni 2005
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Reviżjoni tal-miżuri tranżitorji rigward l-akkwist ta’ proprjetà immobbli agrikola previst fit-Trattat tal-Adeżjoni 2005
/* KUMM/2010/0734 finali */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Reviżjoni tal-miżuri tranżitorji rigward l-akkwist ta’ proprjetà immobbli agrikola previst fit-Trattat tal-Adeżjoni 2005 /* KUMM/2010/0734 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 14.12.2010 KUMM(2010) 734 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Reviżjoni tal-miżuri tranżitorji rigward l-akkwist ta’ proprjetà immobbli agrikola previst fit-Trattat tal-Adeżjoni 2005 RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Reviżjoni tal-miżuri tranżitorji rigward l-akkwist ta’ proprjetà immobbli agrikola previst fit-Trattat tal-Adeżjoni 2005 SOMMARJU It-Trattat tal-Adeżjoni ffirmat fl-2005 mal-Bulgarija u r-Rumanija[1] jistabbilixxi perjodu tranżitorju ta’ seba’ snin (mill-2007 sal-2014) li jippermetti lil dawn l-Istati Membri jżommu r-restrizzjonijiet eżistenti fuq l-akkwist ta’ art agrikola u żoni ta' forestrija minn persuni fiżiċi u ġuridiċi ta’ pajjiżi oħrajn tal-UE/ŻEE. Huwa jistabbilixxi wkoll li, fit-tielet sena wara l-adeżjoni, dawn il-miżuri tranżitorji għandhom jiġu riveduti mill-Kummissjoni.[2] L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li janalizza dawn ir-restrizzjonijiet temporanji u l-effetti tagħhom sabiex jirrapporta dwar il-potenzjal għat-tqassir jew it-twaqqif tal-perjodu tranżitorju qabel id-data stipulata fit-Trattat tal-Adeżjoni. Fid-dawl ta’ dan l-għan, fl-2009 ġie kkummissjonat studju. L-istudju u dan ir-rapport jikkonkludu li: - Ma hemm l-ebda projbizzjoni totali fuq l-akkwisti ta’ art agrikola fil-Bulgarija u r-Rumanija. Għalhekk, minkejja r-restrizzjonijiet temporanji, preżenza barranija konsiderevoli (fil-forma ta’ inkorporazzjoni ta’ kumpaniji ġodda jew il-parteċipazzjoni f’dawk residenti, l-istabbiliment miċ-ċittadini tal-UE bħala bdiewa li jaħdmu għal rashom u l-kiri ta’ art agrikola) kienet akkomodata mingħajr ebda xokk viżibbli għas-sistema. Fid-dawl tal-aċċess limitat għall-kapital u l-frammentazzjoni tal-art fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati, dan l-investiment barrani jista’ saħansitra jitqies bħala li jgħin biex jissolvew xi restrizzjonijiet istituzzjonali. L-attivitajiet tal-investituri barranin jistgħu jirriżultaw f’impatt pożittiv fuq ir-riforma agrikola fil-Bulgarija u r-Rumanija, permezz tal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, billi jipprovdu l-kapital tant meħtieġ għall-produzzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni tal-użu tal-art u t-tisħiħ tal-valuri tal-art. - Id-diskrepanza f’termini ta’ dħul u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-art fil-Bulgarija u r-Rumanija meta mqabbla mal-Istati Membri l-oħrajn tal-UE qiegħda tonqos maż-żmien, iżda xorta għadha waħda konsiderevoli u nieqsa sewwa minn konverġenza kompleta. Madankollu, it-tnaqqis ta’ din id-diskrepanza la kien mistenni u lanqas ma kien meqjus bħala kondizzjoni neċessarja biex jintemmu d-derogi. - L-indikaturi soċjo-ekonomiċi għall-produzzjoni agrikola qegħdin jitjiebu, u din ix-xejra pożittiva mistennija tissokta. Madankollu, xorta waħda għad hemm diskrepanza importanti bejn iż-żewġ Stati Membri l-ġodda u l-Istati Membri l-oħrajn tal-UE f’termini tal-produttività u s-sehem tal-impjiegi agrikoli fl-impjiegi totali. Għalkemm il-perjodu ta’ żmien kopert fi tħejjija ta’ dan ir-rapport huwa neċessarjament qasir, fuq il-bażi tas-sitwazzjoni fil-Bulgarija u r-Rumanija, kif stabbilit fir-reviżjoni ta’ nofs it-term, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-limiti ta’ żmien għall-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi tranżitorji fuq l-akkwisti ta’ art agrikola ma għandhomx jitqassru. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza għal dawn iż-żewġ Stati Membri li jużaw tajjeb il-bqija tal-perjodu tranżitorju sabiex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tas-settur agrikolu. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, li jiġi kkunsidrat li s-swieq agrikoli jkomplu jinfetħu għal investiment barrani permezz ta’ miżuri moderati saħansitra qabel jagħlaq il-perjodu tranżitorju jidher bħala ta’ benefiċċju għall-promozzjoni tal-kompetittività tas-settur agrikolu fil-Bulgarija u r-Rumanija. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rakkomandat li jittieħdu ċerti miżuri fuq bażi volontarja: - li persuni barranin mill-UE, mhux stabbiliti fl-UE2, jitħallew jakkwistaw liberament ċertu ammont miż-żona agrikola tal-pajjiż; - li persuni barranin mill-UE, mhux stabbiliti fl-UE2, jitħallew jakkwistaw liberament ċertu ammont mill-art agrikola, sa ammont massimu speċifikat għal kull tranżazzjoni, possibbilment flimkien ma’, f’kull tranżazzjoni, ħtieġa li jsiru ċerti investimenti fl-innovazzjoni teknoloġika; - li persuni barranin mill-UE, mhux stabbiliti fl-UE2 iżda li jikru proprjetajiet agrikoli, jitħallew jakkwistaw liberament irziezet u l-art li fuqha jkunu mibnija. RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Reviżjoni tal-miżuri tranżitorji rigward l-akkwist ta’ proprjetà immobbli agrikola previst fit-Trattat tal-Adeżjoni 2005 Il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta dan ir-rapport lill-Kunsill skont il-Protokoll dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti għall-adeżjoni tar-Repubbliki tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea. Il-Protokoll u l-Annessi VI u VII tiegħu fihom il-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni tal-miżuri tranżitorji, inklużi l-perjodi tranżitorji li matulhom jistgħu jinżammu r-restrizzjonijiet eżistenti fuq ix-xiri ta’ art agrikola, foresti u żoni ta’ forestrija minn ċittadini nazzjonali u persuni ġuridiċi ta’ pajjiżi oħrajn tal-UE/ŻEE. Iż-żewġ Annessi jistipulaw li reviżjoni ġenerali ta’ dawn il-miżuri tranżitorji, fil-forma ta’ rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, għandha ssir fit-tielet sena wara d-data tal-adeżjoni. Fid-dawl ta’ dan l-obbligu, konsulent[3] wettaq studju[4], li analizza l-impatt tal-miżuri tranżitorji fuq is-settur agrikolu fil-Bulgarija u r-Rumanija (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għalihom bħala l-UE2). 1. Bażi legali għar-rapport tal-Kummissjoni L-Artikolu 63 tat-TFUE jiġbor fih il-libertà fundamentali tal-movimenti tal-kapital[5] li tinkludi, fost l-oħrajn, reġim ta’ investiment ħieles għal akkwisti ta’ proprjetà ta’ beni immobbli[6]. It-Trattat tal-Adeżjoni ffirmat mal-Bulgarija u r-Rumanija fl-2005 jipprevedi li, b’deroga tal-libertà tal-movimenti tal-kapital fit-Trattat, iż-żewġ Stati Membri ġodda huma mogħtija perjodu tranżitorju ta’ seba’ snin mill-2007 (id-data tal-adeżjoni) sal-2014, li matulu huma jistgħu jżommu r-restrizzjonijiet eżistenti fil-leġiżlazzjoni tagħhom fid-data tal-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni fir-rigward tal- akkwist tal-art agrikola, il-foresti u ż-żoni ta’ forestrija . L-Artikolu 20 tal-Protokoll dwar il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti għall-adeżjoni tar-Repubbliki tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea jistipula li l-miżuri tranżitorji msemmija fuq għandhom jiġu applikati taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VI (il-Bulgarija) u l-Anness VII (ir-Rumanija) tiegħu. L-Annessi jiddikjaraw li " reviżjoni ġenerali ta’ dawn il-miżuri tranżitorji għandha ssir fit-tielet sena wara d-data tal-adeżjoni. Għal dan il-għan, il- Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kunsill . Il-Kunsill jista’, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li jqassar jew itemm il-perjodu tranżitorju…" 2. L-arranġamenti tranżitorji Fin-negozjati tal-adeżjoni, tħassib simili għal dak imqajjem minn sebgħa mill-għaxar Stati li ssieħbu fl-UE fl-2004, wassal lill-Bulgarija u r-Rumanija biex jitolbu perjodu tranżitorju rigward l-akkwist ta’ art agrikola minn ċittadini nazzjonali ta’ Stati Membri oħrajn tal-UE u persuni ġuridiċi skont il-liġijiet ta’ Stat Membru ieħor, li la huma stabbiliti u lanqas irreġistrati fir-Rumanija u l-Bulgarija[7] (minn hawn ’il quddiem imsejħa persuni barranin mill-UE). Ir-raġuni ewlenija għal din it-talba tidher li hija ħtieġa li jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi għall-attivitajiet agrikoli fid-dawl tal-introduzzjoni tas-suq waħdieni u t-tranżizzjoni għall-Politika Agrikola Komuni . Il-miżuri tranżitorji huma maħsuba biex itaffu l-impatt ta’ suq miftuħ għall-proprjetà immobbli agrikola fl-UE2 li jirriżulta mil-livell relattivament baxx tagħhom tal-prezzijiet tax-xiri tal-art u d-dħul tal-bdiewa meta mqabbel mal-bqija tal-UE (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għalihom bħala l-UE25). Madankollu, minħabba li r-restrizzjonijiet fuq l-investiment barrani jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp tas-settur agrikolu, u b’mod partikolari fuq il-produttività, l-innovazzjoni teknoloġika u l-kompetittività tiegħu, il-Bulgarija u r-Rumanija jistgħu japplikaw biss id-dispożizzjonijiet restrittivi tagħhom għal perjodu tranżitorju limitat għal seba’ snin (mill-2007 sal-2014). 3. Għanijiet tar-rapport L-għan tal-Kummissjoni huwa li tirrevedi l-impatt tal-adeżjoni u r-restrizzjonijiet temporanji fuq is-settur agrikolu fl-UE2. Hija sejra tikkunsidra wkoll ir-relevanza kontinwa tat-tħassib li wassal lill-Bulgarija u lir-Rumanija biex jitolbu perjodi tranżitorji għall-akkwist b’xejn tal-art agrikola. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-ħtieġa li jinżammu l-perjodi tranżitorji għall-perjodu tranżitorju previst u tirrapporta dwar il-fattibbiltà għat-tqassir jew it-twaqqif tiegħu qabel l-2014, id-data stipulata fit-Trattat tal-Adeżjoni. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ippreċeduta minn studju ta’ CEPS 2010, li jinkludi stħarriġ u analiżi tal-iżviluppi li saru fl-UE2 sa min-negozjati tal-adeżjoni tagħhom u t-tqabbil tagħhom mas-sitwazzjoni fl-UE25. 4. Approċċ metodoloġiku Sabiex jinftiehem l-impatt attwali u futur tar-restrizzjonijiet tas-sjieda tal-art, l-istudju ffoka fuq żewġ kwistjonijiet: (i) sa liema punt ir-restrizzjonijiet fuq is-sjieda mill-barranin jaffettwaw l-effikaċja tal-iskambji tal-art, l-allokazzjoni tal-art u t-tkabbir tal-produttività, u (ii) sa liema punt għadhom validi l-fatturi li fuqhom huwa bbażat it-tħassib tal-Bulgarija u r-Rumanija (li jkun hemm kontroll kbir ħafna tal-art minn persuni barranin jekk ir-restrizzjonijiet ma jkunux fis-seħħ). L-istħarriġ iffoka fuq il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin: analiżi komparattiva tar-restrizzjonijiet tranżitorji tal-UE2; fatturi oħrajn li jaffettwaw is-swieq għall-artijiet agrikoli u t-tranżazzjonijiet tal-artijiet; kif żviluppaw is-swieq tal-artijiet agrikoli fis-snin riċenti, b’mod partikolari f’termini tal-prezzijiet tal-art u tal-kiri, l-iżvilupp tad-dħul agrikolu u l-grad ta’ konverġenza tiegħu mal-UE25; u analiżi ta’ xi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni agrikola fl-UE2 meta mqabbla mal-indikaturi korrispondenti fl-UE25. 5. Ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni wara t-tliet snin ta’ sħubija fl-UE Ir-restrizzjonijiet fuq is-sjieda mill-barranin u l-funzjonament tas-swieq tal-artijiet Ir-restrizzjonijiet introdotti mill-Bulgarija u r-Rumanija jikkonċernaw is-sjieda (iżda mhux kiri) mill-barranin (jiġifieri bdiewa mhux residenti u entitajiet legali biss) ta’ art agrikola. Minħabba li r-restrizzjonijiet fuq l-akkwisti tal-art minn persuni barranin fl-UE2 huma ta’ natura limitata, għandu jiġi enfasizzat li t-tranżazzjonijiet effiċjenti tal-artijiet agrikoli jidhru li huma mfixkla wkoll minn firxa ta’ fatturi oħrajn, pereżempju: (i) restrizzjonijiet u imperfezzjonijiet fis- swieq kapitali li jirriżultaw fil-ħtieġa inevitabbli għall-bdiewa li jiffinanzjaw ix-xiri tal-art mit-tfaddil tagħhom stess; (ii) frammentazzjoni tal-art li tillimita l-bejgħ tal-art agrikola minħabba li x-xerrejja huma aktar interessati fix-xiri ta’ żoni kkonsolidati; (iii) spejjeż amministrattivi kbar marbuta mat-tranżazzjonijiet tal-artijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà. Restrizzjonijiet legali fuq l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni barranin applikabbli fl-UE2 It-Trattat tal-Adeżjoni mal-Bulgarija u r-Rumanija jistipula l-possibbiltà li jinżammu, għal perjodu tranżitorju ta’ seba’ snin wara l-adeżjoni, ir-regoli nazzjonali li skonthom il-persuni barranin mill-UE ma jistgħux, ġeneralment, jakkwistaw art agrikola. Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, persuni barranin mill-UE setgħu jakkwistaw art agrikola fl-UE2 diġà matul il-perjodu tranżitorju. Barra minn hekk, fiż-żewġ pajjiżi, persuni barranin mill-UE jistgħu jikru art agrikola liberament. Fil-Bulgarija u r-Rumanija, l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni barranin mill-UE kien irregolat b’mod simili: (i) Ċittadini tal-UE li jixtiequ jistabbilixxu lilhom infushom bħala bdiewa li jaħdmu għal rashom u jakkwistaw art agrikola fil-Bulgarija u r-Rumanija la huma soġġetti għal xi restrizzjonijiet u lanqas għal xi proċeduri differenti minn dawk applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali; (ii) L-entitajiet legali stabbiliti fil-Bulgarija u r-Rumanija jistgħu wkoll jakkwistaw liberament art agrikola fi kwalunkwe Stat minnhom, irrispettivament mil-livell ta’ parteċipazzjoni barranija fil-kapital tagħhom. Dawn il-possibbiltajiet ta’ investiment għal persuni barranin mill-UE juru bil-provi li r-restrizzjonijiet applikabbli fl-UE2 huma inqas restrittivi minn dawk li jeżistu fi wħud mill-Istati li ssieħbu fl-UE fl-2004 u li talbu għal perjodu tranżitorju fuq l-akkwist tal-art agrikola (minn hawn ’il quddiem il-pajjiżi tal-UE7[8]). Id-differenza prinċipali hija li l-Bulgarija u r-Rumanija ma għandhom ebda restrizzjoni fuq l-akkwisti tal-art minn entitajiet legali stabbiliti fit-territorju tagħhom, irrispettivament mill-parteċipazzjoni barranija fil-kapital ta’ dawk l-entitajiet. Ta’ min jenfasizza wkoll li l-Bulgarija u r-Rumanija stabbilixxew kundizzjonijiet inqas restrittivi li jridu jiġu ssodisfati miċ-ċittadini tal-UE qabel jistabbilixxu lilhom infushom bħala bdiewa li jaħdmu għal rashom u jagħmlu użu mid-dritt tagħhom li jiksbu art agrikola f’dawn il-pajjiżi. Madankollu, ma teżisti ebda dejta uffiċjali dwar is-sjieda minn barranin ta’ art agrikola fil-Bulgarija u r-Rumanija, b’hekk l-impatt tar-restrizzjonijiet ma jistax jiġi kkalkolat faċilment. Madankollu, l-informazzjoni miġbura minn sorsi varji minn esperti nazzjonali tal-art li jipparteċipaw fl-istudju[9] tissuġġerixxi li hemm sjieda sostanzjali mill-barranin ta’ proprjetà immobbli agrikola fiż-żewġ pajjiżi. L-akkwist ta’ art minn investituri barranin kien inkoraġġit b’mod ċar bħala riżultat tar-restituzzjoni tal-art lil sidien privati. Ir-restrizzjonijiet legali li jirregolaw l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni barranin mill-UE fil-Bulgarija u r-Rumanija juru li ma hemm ebda projbizzjoni stretta u totali fuq akkwisti barranin fis-seħħ u għalhekk tista’ ma titqiesx bħala essenzjali għall-kisba tal-għanijiet segwiti bl-introduzzjoni tal-perjodu tranżitorju. Investimenti diretti barranin Żieda fl-investiment dirett barrani (FDI) fl-agrikoltura jkollha impatt importanti fuq l-aċċess tant meħtieġ għall-kapital, it-teknoloġija u l-għarfien fis-settur. Minn stokk totali ta’ FDI ta’ madwar EUR 32 biljun fil-Bulgarija sal-2008 u ta’ madwar EUR 43 biljun sal-2007 fir-Rumanija, l-FDI li mar fis-settur agrikolu fil-Bulgarija jammonta għal EUR 166 miljun u għal EUR 280 miljun fir-Rumanija. Minkejja li huma ammonti relattivament żgħar, dawn l-investimenti, flimkien mal-effetti mifruxa stimulanti (vertikali) li jirriżultaw mill-FDI f’setturi relatati (eż. fis-settur tal-ikel), għandhom impatt pożittiv fuq it-titjib tal-produttività agrikola u l-valur tal-art. L-influwenza tal-adeżjoni mal-UE fuq is-swieq tal-artijiet tal-UE2 Minkejja r-restrizzjonijiet (parzjali) fuq l-investiment barrani li jkopri s-settur agrikolu, l-adeżjoni mal-UE diġà ħalliet influwenza pożittiva fuq l-iżvilupp ta’ dan is-settur. Billi stimulat l-investimenti barranin fl-ekonomija globali tal-UE2 u billi ffaċilitat it-tkabbir tas-settur finanzjarju, l-adeżjoni mal-UE tejbet l-aċċess għall-krediti u l-assigurazzjoni għall-bdiewa, li wassal għal titjib fil-produttività agrikola, żieda fid-domanda għall-art u żieda fil-valuri tal-artijiet. Barra minn hekk, is-sussidji għall-irziezet tal-UE2 konnessi mal-Politika Agrikola Komuni (PAK), għalkemm għadhom f’livell aktar baxx meta mqabbla mas-sussidji disponibbli għal irziezet fi Stati Membri oħrajn tal-UE, jammontaw għal parti importanti mid-dħul tal-bdiewa fl-UE2. Minħabba li ħafna mis-sussidji huma marbuta jew mal-art jew inkella mal-produzzjoni, huma jinkoraġġixxu d-domanda għall-art u jistimolaw iż-żieda fil-produttività. It-tibdil tas-swieq tal-artijiet fl-UE2 Id-daqs globali tas- suq tal-bejgħ tal-artijiet fil-Bulgarija u r-Rumanija huwa żgħir. Fil-Bulgarija, ca. 140.000 ettaru ta’ art agrikola ġiet skambjata permezz ta’ bejgħ sal-2008. Fir-Rumanija, l-iskambji ta’ art agrikola permezz ta’ bejgħ kienu jammontaw għal ca. 220.000 ettaru sal-2009. Madankollu, fiż-żewġ pajjiżi, l-art skambjata permezz ta’ bejgħ għall-perjodu 1999 – 2008 żdiedet b’seba’ darbiet. Madwar il-perjodu tal-adeżjoni, il-bejgħ tal-art fil-Bulgarija żdied b’45% (fil-perjodu 2006 – 2008) u żdied b’aktar minn tliet darbiet fir-Rumanija (fil-perjodu 2005-2009). Għalkemm is-swieq tal-bejgħ tal-art jidhru li qegħdin jiżviluppaw b’mod simili fl-UE2, is- swieq tal-kiri tal-art ivarjaw b’mod konsiderevoli. Il-kiri huwa ferm inqas importanti fir-Rumanija milli fil-Bulgarija. Fl-UE27, ir-Rumanija għandha l-aktar sehem baxx ta’ kiri[10], għalkemm dan żdied matul dawn l-aħħar snin. Fir-Rumanija, bħal f’pajjiżi oħrajn, il-kiri tal-art huwa aktar importanti għal entitajiet legali akbar li jikru aktar minn terz tal-art li jużaw (36% fl-2007). Madankollu, fl-2007, madwar 35% biss tal-art agrikola totali fir-Rumanija ntużat minn irziezet kummerċjali, filwaqt li l-entitajiet legali fil-Bulgarija kellhom madwar 53% tal-art agrikola totali. L-istudju għamel użu minn sorsi nazzjonali biex jikseb l-istatistika għall- prezzijiet tal-bejgħ u l-kiri tal-art . Wara l-adeżjoni, il-prezzijiet totali tal-kiri żdiedu biss b’mod moderat[11]. B’kuntrast ma’ dan, fis-snin madwar u wara l-adeżjoni, iż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-art kienet waħda konsiderevoli. Fil-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni (2004-2006), il-prezzijiet tal-bejgħ tal-art fil-Bulgarija żdiedu b’24% (għal-livell ta’ EUR 895 għal kull ettaru). Wara l-adeżjoni, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-art fil-Bulgarija żdiedu b’34% meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni u, bejn l-2007 u l-2008, laħqu livell ta’ EUR 1202 għal kull ettaru. Fir-Rumanija, fil-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni (2004-2005), il-prezzijiet tal-bejgħ tal-art żdiedu b’aktar minn 200% għal madwar EUR 900 għal kull ettaru, b’żieda partikolarment qawwija fl-2005, is-sena meta ġie ffirmat it-Trattat tal-Adeżjoni. Wara l-adeżjoni, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-art agrikola komplew żdiedu b’aktar minn 50% meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni, għal EUR 1400 għal kull ettaru fl-2008. Bħala riżultat taż-żieda msemmija u spjegata hawn fuq fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-art fil-Bulgarija u r-Rumanija, id-diskrepanza fil-prezzijiet tal-art bejn dawn iż-żewġ pajjiżi u l-UE25 qiegħda tonqos. Madankollu, xorta waħda għad hemm differenza notevoli bejn il-prezzijiet tal-art fl-UE2 u dawk fl-UE15 (l-Istati Membri tal-UE qabel l-1 ta’ Mejju 2004). B’kuntrast ma’ dan, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-art fl-UE2 issa jistgħu jitqabblu ma’ dawk fl-UE7[12]. Madankollu, meta wieħed iżomm f’moħħu li s-swieq tal-kiri huma miftuħa għal persuni barranin fiż-żewġ pajjiżi tal-UE2, ta’ min jinnota li l-konverġenza fil-prezzijiet tal-kiri wara l-adeżjoni ma kinitx aktar qawwija minn dik fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-art. Dan il-fenomenu jista’ jittieħed bħala indikatur li l-kiri ta’ art agrikola mingħajr possibbiltà ta’ kombinazzjoni mal-akkwist ta’ art meħtieġa għal attivitajiet agrikoli huwa ta’ attrazzjoni limitata biss għall-investituri barranin. L-istruttura soċjo-ekonomika tas-settur agrikolu Il-proċess ta’ trasformazzjoni li għaddej fis-settur agrikolu fl-UE2 diġà qiegħed juri riżultati pożittivi. Id-dejta disponibbli turi li fl-2008, il-ħsad tal-qamħ fil-Bulgarija kien jammonta għal 70% tal-livell tal-UE25 u l-ħsad fir-Rumanija kien jammonta għal madwar 60% tal-livell tal-UE25. Id-diskrepanza fil-produttività tax-xogħol bejn l-UE2 u l-UE25 qiegħda tonqos ukoll għalkemm għad hemm differenzi kbar. Fl-2008, is-sehem tal-valur miżjud għal kull input ta’ xogħol agrikolu fir-Rumanija kien madwar 45% tal-livell tal-UE25 u fil-Bulgarija kien jammonta għal 60% tal-livell tal-UE25. Madankollu, ta’ min jinnota li l-input tax-xogħol agrikolu tnaqqas b’mod konsiderevoli fil-Bulgarija u r-Rumanija (aktar minn 40% mill-2000 sal-2009)[13]. Barra minn hekk, filwaqt li fl-2007 is-sehem tal-impjiegi fis-settur agrikolu kien ta’ 18% fil-Bulgarija u 28% fir-Rumanija, dan is-sehem kien ta’ 5% biss fl-UE25. Id-dħul agrikolu reali fuq l-input tax-xogħol żdied mis-sena 2000 sal-2008 b’madwar 51% fil-Bulgarija u bi 68% fir-Rumanija.[14] Madankollu, għalkemm id-differenzi bejn id-dħul mis-settur agrikolu fl-UE2 u fl-UE25 qegħdin jonqsu maż-żmien, huma xorta għadhom importanti. Fl-2008, id-dħul mis-settur agrikolu fil-Bulgarija kien jammonta għal nofs il-livell tal-UE15[15] iżda kien eqreb tad-dħul medju mis-settur agrikolu fl-UE7. Madankollu, id-dħul mis-settur agrikolu fir-Rumanija fl-2008 kien jammonta għal kwart ta’ dak fl-UE15 u, filwaqt li kien komparabbli ma’ dak fil-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, xorta waħda kien għadu taħt id-dħul medju mis-settur agrikolu fl-UE7.[16] 6. Konklużjonijiet L-iżvilupp tas-settur agrikolu fil-Bulgarija u r-Rumanija, b’mod partikolari, it-tisħiħ tal-produzzjoni agrikola, it-titjib fil-produttività, iż-żieda fid-dħul mis-settur agrikolu u fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-art, juri li, għalkemm għadhom preżenti, id-differenzi bejn l-UE2 u l-UE25 qegħdin jonqsu b’mod evidenti maż-żmien. Għalhekk, it-tħassib imfisser matul in-negozjati tal-adeżjoni, b’mod partikolari li d-dħul u l-prezzijiet tal-art relattivament aktar baxxi fl-UE2 meta mqabbla mal-UE25 iwasslu għal akkwist mifrux ta’ art minn persuni barranin jekk ir-restrizzjonijiet temporanji fuq l-investimenti barranin fis-settur agrikolu ma jkunux fis-seħħ, jidher issa, tliet snin wara l-adeżjoni, li għadu validu, iżda sa ċertu punt biss. L-analiżi tas-sitwazzjoni attwali fis-settur agrikolu fil-Bulgarija u r-Rumanija turi li r-restrizzjonijiet ma jammontawx għal projbizzjoni totali u stretta fuq l-investimenti barranin fl-art agrikola. Fl-istess ħin, hemm fatturi istituzzjonali li jnaqqsu l-veloċità, sa ċertu punt, tal-progress tar-riforma strutturali agrikola fl-UE2. Fost dawn il-fatturi hemm imperfezzjonijiet fis-swieq kapitali, il-frammentazzjoni tal-art u spejjeż għoljin ta’ tranżazzjoni. Għalhekk, jidher li l-għanijiet segwiti mir-restrizzjonijiet temporanji, jiġifieri t-tnaqqis tal-impatt ta’ suq miftuħ għall-proprjetà immobbli agrikola fl-UE2, jistgħu jinkisbu aħjar jekk, matul il-perjodu tranżitorju, il-bdiewa lokali jista’ jkollhom ukoll aċċess mingħajr tfixkil għall-kapital. Dan għandu jagħtihom iċ-ċans li jikkonsolidaw l-art tagħhom, jinvestu fit-teknoloġija, itejbu l-produttività tagħhom u, bħala konsegwenza, iwassal għal żieda fid-dħul mis-settur agrikolu u fil-prezzijiet tal-art. Madankollu, fis-sitwazzjoni ta’ imperfezzjonijiet fis-suq tal-kapital, parzjalment minħabba l-kriżi finanzjarja, hemm ħtieġa kbira ta’ kapital ġdid biex ikompli jiffaċilita u jistimola l-iżvilupp tas-settur agrikolu fl-UE2. Għalhekk, il-ftuħ ta’ dawk is-swieq għal investimenti barranin permezz ta’ miżuri moderati saħansitra qabel l-għeluq tal-perjodi tranżitorji għall-iżgurar tal-kompetittività tas-settur agrikolu fl-UE2 jixraqlu riflessjoni serja. Fil-kuntest tal-proposta ta’ hawn fuq, tista’ tingħata kunsiderazzjoni għall-introduzzjoni tar-riformi moderati li ġejjin: - li persuni barranin mill-UE, mhux stabbiliti fl-UE2, jitħallew jakkwistaw liberament ċertu ammont ta’ art agrikola tal-pajjiż; - li persuni barranin mill-UE, mhux stabbiliti fl-UE2, jitħallew jakkwistaw liberament ċertu ammont ta’ art agrikola, sa ammont massimu speċifikat għal kull tranżazzjoni, possibbilment ikkombinati f’kull tranżazzjoni ma’ ħtieġa li jsiru ċerti investimenti fl-innovazzjoni teknoloġika; - li persuni barranin mill-UE, mhux stabbiliti fl-UE2 iżda li jikru proprjetajiet agrikoli fihom, jitħallew jakkwistaw liberament irziezet u l-art li fuqha jkunu mibnija. Ta’ min iżomm f’moħħu li diġà teżisti preżenza barranija konsiderevoli fis-suq agrikolu tal-Bulgarija u r-Rumanija permezz ta’ entitajiet legali stabbiliti fl-UE2 u li joperaw b’kapital barrani, persuni barranin li jikru art agrikola mingħajr restrizzjonijiet, u bdiewa mill-UE li jaħdmu għal rashom u li għandhom ir-residenza tagħhom fl-UE2. L-akkwist tal-artijiet minn dawn l-investituri mill-UE ma wassalx għal xi xokkijiet viżibbli fis-sistema. L-attivitajiet ekonomiċi tagħhom jistgħu saħansitra jitqiesu bħala li qegħdin jgħinu biex jissolvew in-nuqqasijiet sistematiċi konnessi mal-problemi istituzzjonali li jieħdu fit-tul u li jxekklu l-użu aktar effiċjenti tal-art agrikola u għalhekk il-produttività agrikola. Barra minn hekk, bl-istess mod, jidher li mhuwiex probabbli li jkun hemm xokkijiet kbar minn takeovers kbar ħafna ta’ art wara t-tmiem tal-perjodu tranżitorju, minħabba li l-investituri futuri x’aktarx li jkunu dawk li, fil-prinċipju, ikunu interessati fis-suq agrikolu tal-UE2 iżda mhux sal-punt li diġà jkollhom bżonn jistabbilixxu lilhom infushom hemmhekk matul il-perjodu tranżitorju u li jakkwistaw art agrikola issa bi prezz li qabel kien saħansitra aktar baxx. Minbarra dan, l-iżvilupp tal-prezzijiet fis-suq tal-kiri diġà mingħajr restrizzjonijiet jidher li jindika li, anki wara t-tmiem tal-perjodu tranżitorju, iċ-ċaqliq gradwali fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-art għall-grad ta’ konverġenza tal-UE25 jista’ jkompli. L-investituri barranin huma mistennija li jikkombinaw l-attivitajiet tagħhom max-xiri u l-kiri ta’ art agrikola. Minħabba d-dati tal-għeluq stabbiliti fit-Trattat tal-Adeżjoni tal-2005 għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport, il-perjodu studjat[17] huwa qasir wisq biex ikollu evidenza empirika aktar estensiva dwar l-impatt tal-adeżjoni u restrizzjonijiet temporanji fuq l-iżvilupp tas-suq agrikolu fl-UE2. Madankollu, l-istudju tal-Kummissjoni wera li d-diskrepanza bejn l-UE2 u l-UE25 f’termini ta’ dħul u prezzijiet tal-art, li kienet fost l-aktar tħassib qawwi f’dawn iż-żewġ pajjiżi fiż-żmien tal-adeżjoni, naqset matul dawn l-aħħar snin iżda xorta waħda għadha nieqsa sewwa minn konverġenza kompleta. Għalhekk, il-konverġenza kompleta la hija kondizzjoni mistennija u lanqas neċessarja għat-tmiem tad-derogi. L-istudju ta’ CEPS 2010 kompla juri li l-pajjiżi tal-UE2 sejrin jingħataw parir tajjeb biex ipoġġu l-bqija tal-perjodu tranżitorju għal użu tajjeb fit-trawwim tal-iżvilupp fis-settur agrikolu u t-tħejjija għat-tmiem inevitabbli tar-restrizzjonijiet temporanji. Minħabba li l-investimenti barranin jidhru li jikkontribwixxu għall-proċess tar-razzjonalizzazzjoni tal-użu tal-art agrikola, it-tisħiħ tal-produttività, iż-żieda tal-livell ta’ innovazzjoni teknoloġika u t-titjib tal-kompetittività tas-swieq agrikoli, jidher li huwa xieraq li l-pajjiżi tal-UE2 jiġu rakkomandati biex jikkunsidraw miżuri għal ftuħ ulterjuri tas-setturi agrikoli rispettivi tagħhom fuq bażi volontarja. Fuq il-bażi tas-sitwazzjoni fl-UE2 fir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-miżuri tranżitorji għall-akkwist tal-art agrikola, il-Kummissjoni ma tikkonkludix li l-limiti ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi temporanji fil-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jitqassru. [1] ĠU L 157 tal-21 ta’ Ġunju 2005, paġna 11. [2] L-Artikolu 3.2 tal-Annessi VI u VII għall-Protokoll tal-Adeżjoni jistabbilixxi li: "Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kunsill. Il-Kunsill jista’, billi jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li jqassar jew li jtemm il-perjodu tranżitorju…" [3] Ċentru għall-Istudji tal-Politika Ewropea (CEPS). [4] "Reviżjoni tar-Restrizzjonijiet Tranżitorji Miżmuma mill-Bulgarija u r-Rumanija fir-rigward tal-Akkwisti ta’ Proprjetà Immobbli Agrikola", minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-Istudju ta’ CEPS 2010 http://ec.europa.eu/internal_market/capital/reports. [5] Ara n-nomenklatura tal-movimenti kapitali stabbiliti fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU 1988 L 178, p. 5). Għalkemm din id-Direttiva ġiet revokata mit-Trattat ta’ Maastricht, in-nomenklatura hija rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala li għandha valur indikattiv. [6] Il-perjodu tranżitorju ta’ 5 snin mogħti lill-Bulgarija u r-Rumanija fir-rigward tal-akkwist ta’ proprjetà ta’ beni immobbli għal residenzi sekondarji mhuwiex soġġett għal dan ir-rapport. [7] Skont il-kliem espliċitu tat-Trattat tal-Adeżjoni, immedjatament wara l-adeżjoni, ir-regoli kollha msemmija hawn fuq huma wkoll applikabbli direttament għaċ-ċittadini nazzjonali u l-entitajiet legali taż-ŻEE. [8] Dawn huma r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakja. [9] Ara l-ispjegazzjonijiet u l-eżempji proposti fit-taqsima 4 u t-taqsima 6 tal-istudju ta’ CEPS 2010. [10] Ara t-Tabella 4 fil-paġna 20 tal-istudju ta’ CEPS 2010. [11] Fil-Bulgarija, fejn il-kiri tal-art huwa ferm aktar importanti milli huwa fir-Rumanija, il-prezz tal-kiri wara l-adeżjoni fl-2008 kien 17% biss ogħla mill-prezz tal-kiri qabel l-adeżjoni fl-2006. [12] Ara l-figura 11 u t-tabella 17 fil-paġni 43-44 tal-istudju ta’ CEPS 2010. [13] Sors: Eurostat (Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura, Statistiċi ta’ Input tax-Xogħol Agrikolu). [14] Skont l-indikatur A tad-dħul minn attività agrikola (sors: Eurostat, Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura). [15] Standard tas-Saħħa tax-Xiri. [16] Ara l-figura 18 fil-paġna 54 tal-istudju ta’ CEPS 2010. [17] Ħafna mill-istatistika disponibbli fid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-rapport tirreferi għal dejta limitata għall-2008.