Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0722

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-Kunsens Ewropew dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Għajnuna Umanitarja – implimentazzjoni ta' azzjoni umanitarja tal-UE effettiva u bbażata fuq il-prinċipji

    /* KUMM/2010/0722 finali */

    52010DC0722

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-Kunsens Ewropew dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Għajnuna Umanitarja – implimentazzjoni ta' azzjoni umanitarja tal-UE effettiva u bbażata fuq il-prinċipji /* KUMM/2010/0722 finali */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 8.12.2010

    KUMM(2010) 722 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Ir-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-Kunsens Ewropew dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Għajnuna Umanitarja – implimentazzjoni ta' azzjoni umanitarja tal-UE effettiva u bbażata fuq il-prinċipji

    SEG(2010) 1505 finali

    INTRODUZZJONI

    Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja[1] ffirmat mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea fl-2007, huwa l-qafas komprensiv ta' politika li jirregola r-rispons tal-għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsens jippreżenta l-għanijiet komuni, il-prinċipji umanitarji fundamentali (tal-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza) u prattiki tajba li l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi ssegwi f'dan il-qasam. L-għan huwa li jiġi żgurat rispons tal-UE għall-kriżijiet umanitarji li jkun effettiv, ta' kwalità għolja u mibni madwar il-ħtiġijiet. Il-Kunsens ikopri l-firxa kollha tal-azzjoni umanitarja: mill-preparatezza u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, sar-rispons immedjat ta' emerġenza u l-għajnuna li ssalva l-ħajja għal nies vulnerabbli fi kriżijiet li jieħdu fit-tul, u sa sitwazzjonijiet ta' tranżizzjoni għall-irkupru u l-iżvilupp aktar fit-tul. Huwa jistabbilixxi standards għoljin għall-azzjoni umanitarja, inkluż kif wieħed ikun donatur tajjeb, sħubija, appoġġ tal-UE għar-rispons umanitarju internazzjonali u rabtiet ma' atturi oħra preżenti f'sitwazzjonijiet ta' kriżi. Il-Kunsens Ewropew jibqa' l-punt ta' referenza għall-għajnuna umanitarja tal-UE, kiseb ir-rikonoxximent u r-rispett tal-komunità umanitarja fl-UE u barra minnha, u ħoloq momentum politiku għat-tisħiħ tal-isforzi konġunti tal-UE f'dan il-qasam matul it-tliet snin li għaddew.

    Sa mill-2007, l-UE pprovdiet assistenza umanitarja primarjament permezz tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet umanitarji sħab sabiex iwasslu l-għajnuna direttament lin-nies fil-bżonn madwar id-dinja sabiex jiżguraw interventi li jsalvaw il-ħajja, protezzjoni u preparatezza. Flimkien, l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea jirrappreżentaw sehem sostanzjali mill-għajnuna umanitarja globali, madwar 45-50 fil-mija tat-total matul l-aħħar tliet snin. Fl-2009, l-UE pprovdiet USD 4,25 biljun (EUR 3,12 biljun) mit-total li kien USD 9,45 biljun (EUR 6,93 biljun) tal-għajnuna umanitarja uffiċjali[2]. Matul l-aħħar tliet snin kompla jkun hemm il-ħtieġa għal interventi fuq skala kbira f'numru żgħir ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi fit-tul (bħas-Sudan, ir-RDK u s-Somalja); il-ħtieġa ta' reazzjoni rapida għal kriżijiet umanitarji li jiddeterjoraw malajr u li huma marbuta ma' kunflitti (pereżempju fil-Ġeorġja, f'Gaża, fil-Kirgiżstan u fis-Sri Lanka); u li tingħata għajnuna sabiex isiru tħejjijiet għan-numru li dejjem qed jikber ta' diżastri naturali, u biex ikun hemm rispons għalihom. Madankollu, fl-istess ħin, l-ambjent operattiv umanitarju, partikolarment f'numru żgħir ta' żoni ta' kunflitt, qed isir dejjem aktar diffiċli, u s-sikurezza u s-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji qed isiru dejjem aktar suġġett ta' tħassib. Diżastri naturali fuq skala kbira, (pereżempju, it-terremot tal-Ħaiti u l-għargħar fil-Pakistan fl-2010) kienu jeħtieġu rispons internazzjonali massiv sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet umanitarji bażiċi u titwitta t-triq għall-irkupru. L-UE rrispondiet malajr bl-użu tal-istrumenti tal-għajnuna umanitarja kif ukoll dawk tal-protezzjoni ċivili sabiex tgħin f'dawn l-emerġenzi. Din il-kumplimentarjetà tal-istrumenti fl-ewwel rispons għad-diżastri naturali, f'konformità mal-impenji tal-Kunsens u l-linji gwida internazzjonali[3] hija element importanti ta' rispons imsaħħaħ tal-UE għad-diżastri. Il-Kummissjoni reċentament ippreżentat rakkomandazzjonijiet għal approċċ imsaħħaħ għar-rispons għad-diżastri tal-UE[4].

    Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-għajnuna umanitarja tal-UE qed tkompli tappoġġja lill-vittmi tal-kriżijiet relatati mal-kunflitti (“emerġenzi kumplessi”), flimkien ma' enfasi speċifika fuq il-persuni fil-bżonn f'sitwazzjonijiet umanitarji 'minsija'. Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja jkopru kemm l-emerġenzi kumplessi kif ukoll is-sitwazzjonijiet ta' diżastri naturali, tkun xi tkun l-iskala tagħhom, sabiex jingħata kontribut biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet umanitarji.

    Il-Komunikazzjoni tfittex li ssaħħaħ l-impenn kollettiv tal-UE sabiex naħdmu flimkien sabiex nimplimentaw il-'Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja' u b'mod partikolari l-miżuri prattiċi inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanjawh[5]. Fuq kollox, il-kunsens jinkoraġġixxi rispons umanitarju tal-UE koerenti, ikkoordinat tajjeb u effettiv li jibni fuq il-kontribuzzjonijiet kumplimentari tas-27 Stat Membru tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea. Quddiem iż-żieda fil-vulnerabilità fl-ifqar partijiet tad-dinja, it-tkomplija taż-żieda fil-ħtiġijiet umanitarji u l-infiq pubbliku ristrett fi żmien ta' tnaqqis ekonomiku, il-ħtieġa għall-Unjoni Ewropea sabiex tuża l-kapaċitajiet u r-riżorsi kollettivi tagħha b'mod effiċjenti sabiex tiżgura l-aqwa impatt possibbli sabiex tgħin lin-nies ikkonfrontati bi kriżi umanitarja hija akbar minn qatt qabel. Dan huwa l-kuntest li fih saret ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-progress taħt il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsens.

    Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu twettqet mill-Kummissjoni Ewropea mal-Istati Membri tal-UE, u f'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-organizzazzjonijiet umanitarji sħab ewlenin. Il-Pjan ta' Azzjoni jkopri sitt oqsma ta' azzjoni, b'49 azzjoni individwali li xi wħud minnhom kienu intenzjonati sabiex jagħmlu kontribuzzjoni 'ta' darba' u oħrajn kienu intenzjonati li jwasslu għal tibdil gradwali fuq perjodu ta' żmien fil-'prattika tal-attività umanitarja' tal-UE. Ħarsa dettaljata lejn il-ħidma li saret taħt il-Pjan ta' Azzjoni s'issa, flimkien ma' indikazzjonijiet ta' prijoritizzazzjoni ulterjuri għall-implimentazzjoni fi ħdan l-oqsma ta' azzjoni eżistenti hija ppreżentata fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż. Din il-Komunikazzjoni mhix qed tipproponi reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni preżenti, iżda numru ta' rakkomandazzjonijiet maħsuba sabiex isaħħu l-isforzi ta' implimentazzjoni madwar l-UE.

    Impenn b'saħħtu tal-UE flimkien ma' numru ta' passi prattiċi lejn it-tisħiħ ulterjuri tal-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew, huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-kontribuzzjoni ta' importanza ewlenija tal-UE għall-għajnuna umanitarja tkun effettiva, koerenti u rikonoxxuta aktar.

    IL-PROGRESS FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN TA' AZZJONI TAL-KUNSENS EWROPEW DWAR L-GħAJNUNA UMANITARJA.

    Fid-dawl tas-sehem qawwi mill-għajnuna umanitarja li hi tirrappreżenta, l-UE, meta taġixxi bħala ħaġa waħda, hija f'pożizzjoni partikolarment tajba li i) tiżgura li r-rispons umanitarju tagħha huwa xieraq, effettiv, ibbażat fuq il-ħtiġijiet ivvalutati, u jieħu f'kunsiderazzjoni dimensjonijiet importanti bħall-ħtiġijiet partikolari tal-gruppi ta' popolazzjoni vulnerabbli; u kif ukoll li ii) teżerċita l-influwenza kollettiva tagħha fuq il-preparatezza tas-sistema umanitarja internazzjonali kollha kemm hi.

    Ir-reviżjoni ta' nofs il-perjodu kkonfermat li kien hemm progress globali tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsens. B'mod ġenerali, kien hemm sforzi notevoli sabiex jiġi kkonsolidat ir-rwol tal-UE fis-sitt oqsma ta' azzjoni kollha kemm huma. Kienu biss ftit ħafna l-azzjonijiet speċifiċi li ġew ridefiniti fid-dawl tal-iżviluppi jew li għadhom iridu jinbdew. Numru ta' oħrajn – pereżempju sforzi ta' persważjoni għall-promozzjoni tal-'ispazju umanitarju' – min-natura tagħhom jitolbu attenzjoni kontinwa.

    Sa mill-adozzjoni tal-Kunsens u l-pjan ta' azzjoni tiegħu, l-għajnuna umanitarja saret istituzzjonalment u legalment qasam ta' politika sħiħ tal-Unjoni Ewropea , li jibni fuq kważi għoxrin sena ta' esperjenza operattiva. Għall-ewwel darba, l-għajnuna umanitarja ngħatat bażi legali separata fit-Trattat ta' Lisbona[6]. Fil-Kunsill, entità preparatorja speċifika: il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Għajnuna Umanitarja u Alimentari (COHAFA)[7] ġiet stabbilita u qed tikkonsolida l-profondità tal-iskambju tal-UE dwar kwistjonijiet ta' strateġija umanitarja u rispons għall-kriżijiet f'kuntatti ta' kull xahar bejn ir-rappreżentanti umanitarji tal-UE. L-interess parlamentari fil-kwistjonijiet umanitarji huwa b'saħħtu, filwaqt li fost il-pubbliku Ewropew għad hemm appoġġ qawwi għall-għajnuna umanitarja Ewropea[8]. Il-qafas ċar ta' politika pprovdut mill-'Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja' kien milqugħ partikolarment tajjeb minn xi wħud mill-Istati Membri l-aktar ġodda tal-UE, li l-approċċi tal-għajnuna tagħhom żviluppaw malajr f'dawn l-aħħar snin. Ukoll, sa mill-adozzjoni, id-dipartiment tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea – ECHO, sar, fl-2010, id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili, taħt ir-responsabbiltà tal-kariga l-ġdida ta' Kummissarju l-ġdid għall-Koperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżijiet.

    B'dawn l-aħħar bidliet organizzattivi, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda turi t-triq 'il quddiem sabiex tiġi żgurata l-kisba ta' kumplimentarjetà sħiħa u sinerġiji massimi bejn l-approċċi tradizzjonali tal-għajnuna umanitarja u l-użu tal-għarfien espert u l-assi fil-qasam tal-protezzjoni ċivili kemm fil-kwartieri ġenerali kif ukoll fit-territorju.

    Matul it-tliet snin tal-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew, l-UE kkontribwiet b'mod qawwi u rapidu kemm permezz tal-finanzjament kif ukoll permezz tal-persważjoni , sabiex tagħti rispons għal sitwazzjonijiet umanitarji li kienu qed jiddeterjoraw malajr u diżastri li tfaċċaw f'daqqa, u wkoll sabiex tittratta mal-kundizzjonijiet diffiċli u li jinbidlu malajr fi kriżijiet umanitarji fit-tul u fuq skala kbira. Approċċ ikkoordinat aħjar bejn id-dipartimenti umanitarji tal-UE u l-esperti u r-rappreżentanti tal-UE fuq it-territorju, li jwassal għal koordinazzjoni aħjar fis-sistema umanitarja internazzjonali, jgħin sabiex jiġu identifikati u solvuti nuqqasijiet kritiċi. Numru ta' bidliet li jirriżultaw mill-Kunsens, flimkien ma' rifless aktar b'saħħtu tal-UE favur rispons flimkien għal dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli, ikkontribwixxew b'mod pożittiv għall-effikaċja ġenerali tar-rispons umanitarju. Fl-2010, l-UE approvat qafas ta' politika speċifiku għall- għajnuna alimentari umanitarja [9] tal-UE bil-għan li tiġi mmassimizzata l-effiċjenza u l-effikaċja tagħha f'konformità mal-aħjar prattiki. L-implimentazzjoni ta' dan il-qafas issa hija prijorità.

    Skont il-pjan ta' azzjoni tal-Kunsens, l-UE mxiet 'il quddiem f'termini li tistabbilixxi u taqsam gwida ta' politika ċara dwar firxa ta' kwistjonijiet bħall-użu tal-flus kontanti u l-vawċers ; in-nutrizzjoni fl-emerġenzi ; u l-integrazzjoni tal-protezzjoni u t-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri fi ħdan l-azzjoni umanitarja.

    L-UE kompliet ukoll tirrevedi l-approċċi tagħha ta' finanzjament u tadatta għaż-żieda fil-ħtiġijiet umanitarji, inkluż f'rispons għal diżastri fuq skala żgħira relatati mal-klima, li saru aktar frekwenti. Il-Kummissjoni Ewropea implimentat serje ta' innovazzjonijiet fil-proċeduri ta' finanzjament u amministrattivi tagħha sabiex tagħmel possibbli finanzjament sa ċerti limiti, riforniment tal-Fond ta' Emerġenza għar-Rispons għad-Diżastri tal-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar, sabiex tkopri rispons rapidu għall-epidemiji, u sabiex tagħmel possibbli l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet umanitarji ma' numru akbar ta' Aġenziji Speċjalizzati tal-Istati Membri. L-Istati Membri tal-UE jirrappreżentaw l-akbar parti mill-kontribuzzjonijiet għall-fondi umanitarji komuni u l-Fond Ċentrali ta' Rispons għall-Emerġenzi , li għandhom il-vantaġġ tal-flessibilità għall-atturi tan-NU u umanitarji f'termini tal-allokazzjoni tar-riżorsi. Minbarra dan, l-UE qed tkompli tagħti attenzjoni speċifika għall-hekk-imsejħa 'Kriżijiet Minsija' – dawk li ftit li xejn jirċievu attenzjoni mill-midja jew minn donaturi internazzjonali.

    L-UE kkontribwiet għal titjib kontinwu fis-sistema umanitarja internazzjonali , permezz ta' promozzjoni qawwija ta' approċċ inklużiv u prattiku fir-rigward tal-użu ta' ragruppamenti għall-koordinazzjoni umanitarja fuq it-territorju, u permezz tal-persważjoni u l-appoġġ finanzjarju tagħha għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' valutazzjoni u l-komparabilità . L-UE involviet ruħha, flimkien mas-sħab umanitarji, fi sforzi kontinwi sabiex tiżgura l-kwalità u l-prijoritizzazzjoni tal-appelli umanitarji u wkoll bilanċ raġonevoli ta' finanzjament fil-kriżijiet u setturi differenti. L-UE pprovdiet appoġġ essenzjali u kontinwu sabiex tiżgura tisħiħ tal-kapaċità ta' rispons fuq il-livell globali , inkluża l-koordinazzjoni, il-prepożizzjonament, il-loġistika umanitarja u s-sikurezza u s-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji. Billi tappoġġja l-isforzi ta' bini ta' kapaċitajiet tal-komunità umanitarja, l-UE tgħin sabiex tittejjeb l-effikaċja u l-kwalità tal-għajnuna umanitarja. It-tisħiħ tal-preparatezza u l-kapaċitajiet ta' rispons huwa essenzjali kemm fil-livell lokali (li jirrappreżenta l-ewwel linja ta' rispons fil-każ ta' emerġenza), u wkoll fil-livelli reġjonali u globali.

    Ħidma flimkien aktar mill-qrib fil-livell tal-UE matul l-aħħar tliet snin diġà saħħaħ b'mod konsiderevoli l-vuċi tal-UE u l-impatt kollettiv fuq kwistjonijiet li jaffettwaw is-sistema kollha fir-rispons umanitarju internazzjonali. L-istandard għoli ta' impenji taħt il-Kunsens Ewropew u l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu huwa apprezzat ħafna fil-komunità aktar wiesgħa ta' atturi umanitarji (in-Nazzjonijiet Uniti, il-Moviment tas-Salib/in-Nofs Qamar l-Aħmar u organizzazzjonijiet mhux governattivi) u l-fora internazzjonali relevanti. Ma' dawn l-impenji jiġi livell għoli ta' aspettattiva li l-UE kollha kemm hi, u d-donaturi individwali tal-UE, se jaġixxu b'impenn sħiħ sabiex jittraduċuhom fi prattika konsistenti f'appoġġ għar-rispons umanitarju fuq it-territorju – inkluża l-promozzjoni tal-koerenza mal-prinċipji umanitarji fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-UE.

    Sħubijiet b'saħħithom u kkoordinati jirrappreżentaw aspett essenzjali tal-għajnuna umanitarja tal-UE. L-UE tappoġġja b'mod qawwi pluralità ta' sħab implimentattivi, u tenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni mill-qrib ta' dawn is-sħab fuq it-territorju sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġi żgurat li l-ħtiġijiet umanitarji huma indirizzati b'mod adegwat. Fl-aħħar nett, il-promozzjoni tal-approċċi parteċipattivi għall-preparatezza għad-diżastri u fir-risponsi tal-għajnuna umanitarja hija wkoll importanti u tista' tikkontribwixxi għal żieda fis-sens ta' responsabbiltà u kontroll dirett lokali, it-tisħiħ tal-kapaċità lokali, u sabiex ir-rispons umanitarju jsir aktar effettiv u addattat.

    POSSIBILTÀ TA' AZZJONI ULTERJURI

    Ir-reviżjoni ta' nofs il-perjodu turi li saru sforzi konsiderevoli sabiex jiġi implimentat il-Kunsens u l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu. Madankollu, għad hemm spazju għal konsolidament ta' sforzi kollettivi tal-UE u tisħiħ tal-impenn tad-donaturi individwali fir-rigward ta' xi sfidi ewlenin sabiex jiġi żgurat li jkun hemm l-aħjar rispons umanitarju internazzjonali possibbli. Dan jinkludi:

    - Strateġiji għall-promozzjoni u s-sensibilizzazzjoni fil-qasam umanitarju; u sforzi ulterjuri sabiex jiġi appoġġjat ix-xogħol ta' organizzazzjonijiet b'mandat sabiex jippromwovu l-konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali inkluż ma' atturi mhux statali armati[10].

    - Is-suffiċjenza globali tal-ippjanar, u ppjanar aktar effettiv, sabiex jinżamm finanzjament adegwat, partikolarment f'sitwazzjonijiet ta' kriżi fit-tul u sabiex jiġi żgurat li tingħata attenzjoni adegwata għal 'Kriżijiet Minsija';

    - Iċ-ċarezza tal-ħtiġijiet globali u miżuri ta' appoġġ tal-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi;

    - It-tisħiħ tal-kapaċità f'punti fejn hemm nuqqasijiet kritiċi fuq il-livell globali – inkluż għal servizzi umanitarji komuni bħall-koordinazzjoni, ir-riżorsi, il-loġistika u s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji; u

    - Impenn imsaħħaħ għall-promozzjoni tar-rwol tal-atturi lokali.

    Huwa essenzjali progress prattiku ulterjuri fuq it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u l-inklużjoni tal-ambjent fiċ-ċentru tad-dibattitu, u wkoll fuq ħidma ma' atturi tal-iżvilupp f'sitwazzjonijiet ta' tranżizzjoni u f'ċikli ta' vulnerabbiltà akuta u kronika. F'sitwazzjonijiet ta' fraġilità, b'mod partikolari, fejn operazzjonijiet umanitarji u interventi tal-iżvilupp jistgħu jikkoeżistu jew isegwu wieħed lill-ieħor, il-kumplimentarjetà, is-sinerġija u l-għażla tajba taż-żmien bejn interventi differenti (settorjali, lokali, reġjonali u nazzjonali) huwa kruċjali għal impatt fit-tul sabiex jinkiseb l-għan aħħari ta' awtodipendenza għal nies affettwati minn kriżijiet.

    Il-ħtieġa li tiġi appoġġjata l-flessibilità tar-rispons f'sitwazzjonijiet differenti ta' kriżi permezz ta' diversità ta' sħab u ta' kanali ta' finanzjament hija rikonoxxuta sew mill-UE kollettivament, bħal ma hija l-ħtieġa li tiġi żgurata r-responsabbiltà u l-enfasi fuq ir-riżultati, partikolarment permezz ta' ġestjoni finanzjarja u komunikazzjoni pubblika sodi. L-UE kollha kemm hi tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-finanzjament kollettiv ġestit min-NU u finanzjament ta' bażi għal organizzazzjonijiet internazzjonali, u għalhekk għandha wkoll responsabbiltà li tiżgura li dan il-finanzjament jiġi allokat skont kriterji trasparenti, u implimentat b'mod effiċjenti skont il-'Prinċipji tas-Sħubija'[11]. Xi Stati Membri u sħab umanitarji ġibdu l-attenzjoni wkoll għall-potenzjal li ssir ħidma fuq il-livell tal-UE dwar l-armonizzazzjoni possibbli tal-obbligi tas-sħab u tar-responsabbiltà.

    SFIDI TA' IMPLIMENTAZZJONI

    Fl-2008, il-Pjan ta' Azzjoni ġie stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea f'koperazzjoni mill-qrib ma' firxa ta' partijiet interessati, partikolarment l-Istati Membri tal-UE li impenjaw ruħhom li jimplimentaw il-pjan. Il-pjan kien mibni madwar sitt oqsma ta' azzjoni sabiex jipprovdi eżiti ċari ta' azzjonijiet individwali.

    F'termini tal-iżgurar ta' implimentazzjoni konsistenti tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja u ħidma proattiva dwar il-Pjan ta' Azzjoni, numru ta' sfidi sistemiċi u ta' diżinn ħarġu fid-deher matul l-ewwel tliet snin, li għandhom jitqiesu matul it-tkomplija tal-implimentazzjoni tiegħu.

    L-ambizzjoni u l-firxa tal-azzjonijiet: Firxa wiesgħa ta' azzjonijiet huma koperti u dawn ivarjaw fin-natura tagħhom b'taħlita ta' azzjonijiet 'ta' darba' u dawk li huma li għadhom għaddejjin u li għandhom il-mira ta' titjib progressiv tar-rispons umanitarju tal-UE. Din il-firxa u varjabilità tal-azzjonijiet fissret li saret ħidma b'mod parallel fuq numru kbir ta' prijoritajiet fuq perjodu qasir ta' żmien. Matul il-proċess ta' reviżjoni, inħass li jista' jkun ta' ġid li jkun hemm prijoritazzazzjoni akbar, b'konċentrazzjoni fuq numru ta' sfidi strateġiċi. Madankollu, fl-istess ħin, il-partijiet interessati individwali huma proponenti qawwija tal-prijoritajiet speċifiċi tagħhom. Irid jinstab bilanċ bejn il-miri strateġiċi li se jtejbu l-effikaċja globali tar-rispons tal-għajnuna u li jiġu avvanzati miżuri prattiċi speċifiċi li jippromwovu sforzi kollettivi f'oqsma partikolari ta' għajnuna umanitarja.

    Il-kapaċitajiet tad-donaturi u t-tmexxija: Il-kapaċità u r-riżorsi tad-donaturi (inkluż il-persunal u l-għarfien espert fil-qasam umanitarju fuq il-post)[12] għadhom pjuttost limitati madwar l-UE u, bħall-baġits tal-għajnuna, jinsabu taħt pressjoni li qiegħda tikber. Fl-istess waqt, il-ħtiġijiet umanitarji qegħdin jiżdiedu. Għalhekk, huwa saħansitra aktar essenzjali li naħdmu flimkien mill-qrib bħala donaturi tal-UE u niżguraw koordinazzjoni akbar tal-isforzi tagħna. L-iskala tal-kontribuzzjonijiet tal-għajnuna umanitarja, u l-għarfien espert operattiv, tvarja konsiderevolment bejn id-donaturi tal-UE. Id-donaturi tal-UE fost l-Istati Membri li għandhom tradizzjoni twila ta' għajnuna bilaterali għad għandhom interess qawwi li jiżguraw rappreżentazzjoni bilaterali b'saħħitha fis-sistema umanitarja internazzjonali li l-UE kollha kemm hi tappoġġjaha bil-qawwa. Madankollu, mingħajr qsim akbar tal-piżijiet, ġbir flimkien tal-informazzjoni u l-għarfien espert, u diviżjoni aktar ċara tad-dmirijiet, l-UE malajr tilħaq il-limiti tagħha f'kapaċità ta' tmexxija sabiex tagħti kontribuzzjoni kkoordinata għat-titjib tar-rispons umanitarju globali.

    Niżguraw il-konsistenza u l-impenn: Filwaqt li l-Kunsens jipprovdi qafas ċar għall-ħidma fuq il-livell tal-UE, il-grad sa liema ġie rikonoxxut espliċitament u integrat fil-prattika eżistenti tad-donaturi tal-UE u fl-iżvilupp tal-politika fil-livell tal-Istati Membri jvarja konsiderevolment[13]. Matul il-proċess ta' reviżjoni, l-organizzazzjonijiet sħab umanitarji indikaw li hemm spazju għal involviment akbar fuq il-livell nazzjonali, f'termini ta' disseminazzjoni u djalogu mal-partijiet interessati dwar kif il-Kunsens qed jiġi implimentat u billi ssir rabta ċara ma' atturi u oqsma ta' politika oħra (partikolarment il-koperazzjoni għall-iżvilupp, ir-relazzjonijiet esterni, id-difiża u s-sigurtà) sabiex jiġi żgurat li l-politika umanitarja hija mifhuma tajjeb u rrispettata fost il-gvernijiet.

    Monitoraġġ tal-progress: Filwaqt li titqies il-kwistjoni tal-kapaċità, l-ebda monitoraġġ madwar l-UE kollha tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ma ġie stabbilit mill-bidu, għalkemm kull sena ġiet ippreżentata taqsira globali tal-azzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea u din ġiet diskussa fil-Kunsill, fuq il-bażi tal-monitoraġġ ġenerali tal-progress mill-UE. Din ir-reviżjoni ta' nofs il-perjodu enfasizzat li monitoraġġ aktar regolari tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni kollu kemm hu fuq l-iskala tal-UE kollha, ikun iffaċilitat billi jiġi stabbilit proċess regolari li aktar faċilment jiġbor informazzjoni dwar azzjonijiet kontributorji mid-donaturi individwali tal-UE. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet meħuda flimkien sabiex jinkiseb titjib fl-attività tal-UE bħala donatur tajjeb, u f'appoġġ għas-sistema umanitarja aktar wiesgħa, hija saħansitra aktar ta' sfida. Dan huwa fil-preżent parzjalment indirizzat permezz ta' dikjarazzjonijiet ċari tar-riżultati u tal-output għal kull azzjoni u qasam ta' azzjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt huwa qasam li għandha tingħatalu kunsiderazzjoni ikbar fil-formulazzjoni ta' suċċessur għall-Pjan ta' Azzjoni kurrenti ta' ħames snin.

    IT-TITJIB TAL-EFFIKAċJA U L-EFFIċJENZA TAR-RISPONS TAL-GħAJNUNA UMANITARJA TAL-UE

    Il-Kunsens jirrappreżenta qafas ta' politika komprensiv li jħares lejn il-futur, li jiġbor fih ġabra qawwija ta' impenji tal-UE li huma maħsuba sabiex jiżguraw rispons ta' għajnuna xieraq, ibbażat fuq il-prinċipji u effettiv.

    Li dawn l-impenji jiġu tradotti meta jkunu qed jiġu ffaċċjati kriżijiet umanitarji f'applikabilità operattiva konsistenti, darba wara l-oħra, ta' sikwit f'ċirkostanzi diffiċli ħafna, jitlob rieda politika qawwija, responsabbiltà konġunta u fehim aħjar mill-gvernijiet tal-prinċipji u l-modalitajiet umanitarji.

    Implimentazzjoni solida tal-Kunsens mis-27 Stat Membru tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea, hija essenzjali għal i) effikaċja akbar tal-għajnuna, inkluż permezz tal-promozzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattiki; ii) sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza fl-għajnuna umanitarja u l-interazzjoni tagħha ma' politiki oħra; u iii) sabiex jiġi mmassimizzat l-isfruttament tal-potenzjal kollu tat-tmexxija tal-UE f'dan il-qasam f'appoġġ għal sistema umanitarja internazzjonali b'saħħitha.

    L-implimentazzjoni ulterjuri tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja għalhekk titlob:

    - Responsabbiltà kondiviża għas-suċċess: Dan ifisser li l-Istati Membri kollha għandhom iġeddu l-impenn tagħhom li jaħdmu flimkien taħt il-Kunsens u li jxerrdu l-Kunsens madwar il-gvern fuq il-livell nazzjonali.

    - Diviżjoni tal-kompiti: F'rikonoxximent tal-kapaċitajiet u t-tradizzjonijiet differenti tal-Istati Membri tal-UE u r-riżorsi limitati ddedikati għall-għajnuna umanitarja fl-organizzazzjonijiet donaturi, jenħtieġ li jkun hemm bidla lejn qsim aktar espliċitu tat-tmexxija u faċilitazzjoni tad-dmirijiet.

    - Prijoritizzazzjoni: Inkluż żvilupp ulterjuri ta' azzjoni konġunta tal-UE f'numru żgħir ta' oqsma ta' importanza ewlenija.

    - Monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tal-impenji tal-Kunsens

    - Skambju strateġiku, djalogu u tagħlim proattivi bejn id-donaturi tal-UE u s-sħab sabiex jiġi żgurat li l-kunċett ta' donatur tajjeb jorbot b'mod ċar mal-prattika operattiva.

    L-oqsma speċifiċi li għandhom jiġu prijoritizzati għal sforzi ulterjuri jinkludu:

    - Kampanji msaħħa favur il-protezzjoni tal-ispazju umanitarju , inkluża l-promozzjoni tal-liġi umanitarja internazzjonali (kemm dik ġenerali kif ukoll dik speċifika għal kull każ).

    - Li naħdmu ma' firxa varjata ta' atturi (inkluż il-militar), donaturi u pajjiżi affettwati mill-kriżijiet sabiex jiġi żgurat fehim qawwi tal-prinċipji umanitarji fundamentali u tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

    - Approċċi b'donaturi varji sabiex tiġi appoġġjata identifikazzjoni ċara komparabbli ta' ħtiġijiet u jiġu indirizzati nuqqasijiet kritiċi fil-kapaċità fis-sistema umanitarja internazzjonali u tmexxija b'saħħitha tal-UE fil-fora internazzjonali li jirriflettu l-piż sħiħ tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-għajnuna umanitarja.

    - L-ippjanar tar-rispons partikolarment għall-kriżijiet fit-tul, inkluż il-qsim tal-informazzjoni dwar l-intenzjonijiet tal-finanzjament, l-istrateġiji u aktar missjonijiet konġunti, evalwazzjonijiet u teħid ta' tagħlim flimkien ma' konsistenza akbar fir-reġistrazzjoni tal-informazzjoni dwar l-allokazzjonijiet tal-għajnuna.

    - It-tkomplija tax-xogħol fuq il-qsim u d-disseminazzjoni tal-prattiki tajba tad-donaturi u appoġġ għall- 'Prinċipji ta' Sħubija' .

    - Rwol imsaħħaħ tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Għajnuna Umanitarja u Alimentari (COHAFA) sabiex jiġi żgurat li l-modalitajiet distintivi u l-għanijiet speċifiċi tal-għajnuna umanitarja jiġu rrispettati għal kollox, filwaqt li jiġu żgurati rabtiet b'saħħithom bejn l-għajnuna umanitarja u oqsma oħra ta' politika.

    - Il-ħidma mal-atturi tal-iżvilupp dwar it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u t-tranżizzjoni minn rispons ta' emerġenza għall-irkupru, inkluża l-valutazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet ta' wara l-kriżijiet.

    Il-benefiċċji ta' sforzi konġunti msaħħa tal-UE sabiex jiġu implimentati l-Kunsens u l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu se jkunu mtejba:

    - Il-fehim għall-prinċipji umanitarji fundamentali u għall-ispeċifiċitajiet u l-isfidi tar-rispons umanitarju. Sensibilizzazzjoni aħjar tista' tinkiseb permezz ta' firxa akbar ta' atturi u kostitwenti mill-pubbliku Ewropew, sal-istrutturi tal-kmand militari, sad-donaturi emerġenti u reġjuni u pajjiżi b'popolazzjonijiet affettwati minn kriżijiet.

    - Effikaċja li tenfasizza kemm tkun addattata l-għajnuna, l-approċċi tal-preparatezza, il-kontinġenza u l-parteċipazzjoni, li jirrikonoxxu b'mod sħiħ ir-rwol minn ta' quddiem nett tar-rispons ta' emerġenza fuq il-livell lokali. L-effikaċja tirrikjedi impenn qawwi favur it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri u l-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' tranżizzjoni.

    - L -effiċjenza , li nibnu fuq id-diversità tad-donaturi tagħna u l-oqsma rispettivi li fihom għandna għarfien espert sabiex niżguraw l-aħjar rispons possibbli ta' għajnuna. Identifikazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet u n-nuqqasijiet, b'aktar ippjanar konġunt. L-effiċjenza għandha tfittex li żżomm l-ispejjeż tat-tranżazzzjonijiet baxxi u li ssaħħaħ l-appoġġ għas-servizzi komuni.

    - Il- koerenza sabiex jiġi żgurat li l-azzjoni esterna tal-UE kollha kemm hi tissalvagwardja rispons umanitarju bbażat fuq il-prinċipji u tappoġġja ż-żamma tal-'ispazju umanitarju' li jopera f'emerġenzi kumplessi. It-twaqqif tas-Servizz Ewropew tal-Azzjoni Esterna jipprovdi opportunità ulterjuri sabiex 'il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja' jiġi integrat bħala l-acquis umanitarju tal-UE.

    SEGWITU PROPOST

    Il-Kummissjoni tipproponi:

    1. L-identifikazzjoni flimkien mal-Istati Membri tal-UE ta' faċilitaturi volontarji u gruppi ta' rappreżentanti tal-Istati Membri li jimpenjaw ruħhom li jwettqu azzjoni konġunta taħt il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsens, inklużi diskussjonijiet dwar prijoritajiet ulterjuri speċifiċi identifikati hawn u fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li hu mehmuż magħha;

    2. Li tiġi definita, flimkien mal-Istati Membri tal-UE u mal-Parlament Ewropew strateġija speċifika ta' sensibilizzazzjoni u disseminazzjoni għall-approċċ Ewropew għall-għajnuna umanitarja, inklużi messaġġi komuni;

    3. Li naħdmu flimkien mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-fattibilità tat-twaqqif ta' miri indikattivi fit-tul (miri umanitarji tal-UE);

    4. L-użu tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Għajnuna Umanitarja u Alimentari għal monitoraġġ annwali tal-progress dwar l-implimentazzjoni tal-Kunsens fuq il-livell tal-UE kollha u tal-Istati Membri;

    5. Sforzi msaħħa tal-UE dwar il-koordinazzjoni tal-ipprogrammar sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr problemi mill-għajnuna ta' emerġenza għall-għajnuna għall-iżvilupp fit-tul.

    6. Evalwazzjoni tal-impatt komprensiva tal-Kunsens Ewropew lejn it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin tal-pjan ta' azzjoni kurrenti tal-Kunsens (li jintemm fl-2013);

    7. Reviżjoni tar-Regolament tal-UE dwar l-Għajnuna Umanitarja sabiex jiġi żgurat li hija allineata mal-impenji ta' politika u li tippermetti l-effiċjenzi massimi f'appoġġ għal rispons rapidu u addattat immexxi mill-UE għall-kriżijiet umanitarji.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jirriflettu fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet għat-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE u sabiex jeħdu nota tal-progress globali kopert fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li hemm miegħu.

    ***

    [1] Il-Ġurnal Uffiċjali C 25/1 30.1.2008

    [2] Servizz tal-Intraċċar Finanzjarju tan-NU Uffiċjali = għajnuna governamentali

    [3] Ara t-taqsima 3.6

    [4] COM (2010) 600, 26.10.2010

    [5] SEC (2008) 1991, 29.5.2008

    [6] L-Artikolu 214 TFUE

    [7] Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 8367/08, 28 ta' April 2008

    [8] E C: Ewrobarometru Speċjali 343 'Għajnuna Umanitarja', Lulju 2010

    [9] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – 'Għajnuna Umanitarja Alimentari' SEC (2010) 374 tal-31.3.2010 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għajnuna umanitarja alimentari 9654/10 tal-10.5.2010.

    [10] Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Protezzjoni tal-Pajżana, S/2009/277, 29 ta' Mejju 2009.

    [11] 'Prinċipji ta' Sħubija – dikjarazzjoni ta' impenn' Bażi Umanitarja Globali, 12 ta' Lulju 2007. Il-prinċipji tas-sħubija bejn l-organizzazzjonijiet umanitarji tan-NU u li mhumiex tan-NU, li jiltaqgħu flimkien taħt l-umbrella tal-Bażi Umanitarja Globali huma: ugwaljanza, trasparenza, approċċ orjentat lejn ir-riżultati, responsabbiltà u kumplimentarjetà.

    [12] M. Spaak, R. Otto: Rapport Finali Revedut 'Study on the Mapping of Donor Coordination (Humanitarian Aid) at the Field Level' ikkummissjonat mid-DĠ ECHO f'isem il-Good Humanitarian Donorship Initiative, it-2 ta' Lulju 2009.

    [13] Sa mill-2009, taħt qafas revedut ta' peer-review, is-16-il donatur tal-UE li huma membri tal-OECD-DAC huma mitluba li jispjegaw kif l-oqfsa ta' politika tagħhom jirriflettu l-orjentazzjonijiet strateġiċi ppreżentati fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

    Top