This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0712
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Reaping the benefits of electronic invoicing for Europe
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa
/* KUMM/2010/0712 finali */
/* KUMM/2010/0712 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 2.12.2010 KUMM(2010) 712 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa INTRODUZZJONI L-Istrateġija Ewropa 2020[1] tippreżenta għas-seklu 21 viżjoni ta’ ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa li hija kompetittiva għall-aħħar u tenfasizza li hija ħaġa kruċjali li naħsdu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali kollha ta’ soċjetà diġitali. Għal dan il-għan, l-iffatturar elettroniku (l-iffatturar e) jifforma parti mill-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea Aġenda Diġitali għall-Ewropa [2] li tagħti importanza lill-ksib ta’ suq diġitali uniku u ssejjaħ għat-tneħħija tal-ostakli regolatorji u tekniċi li jipprevjenu l-adozzjoni fuq firxa wiesgħa tal-iffatturar elettroniku. Għall-iskapitu tal-konsumaturi kif ukoll tal-intrapriżi, ir-regoli eżistenti li jirregolaw l-iffatturar elettroniku fl-Ewropa għadhom frammentati skont id-diviżjonijiet nazzjonali u l-biċċa l-kbira tal-potenzjal tal-iffatturar elettroniku għadu ma ġiex sfruttat. Barra minn hekk, l-iskambju ta’ fatturi elettroniċi għadu kumpless wisq u jqum ħafna flus, b’mod partikolari għall-SMEs. Filwaqt li 42 % mill-intrapriżi kbar jgħidu li jirċievu jew jibgħatu fatturi elettroniċi, ir-rata tal-adozzjoni fost l-SMEs baqgħet f’livell aktar baxx (22 %)[3]. Minħabba dan, ir-rata medja tal-penetrazzjoni tas-suq tal-iffatturar elettroniku hija pjuttost baxxa fl-Ewropa u bħalissa hija stmata għal madwar 5 % tal-fatturi kollha li jiġu nnegozjati annwalment[4] għal skopijiet ta’ relazzjonijiet ta’ bejn in-Negozji. Dan joħloq opportunitajiet importanti għal titjib. L-adozzjoni bil-massa tal-iffatturar elettroniku fi ħdan l-EU għandha twassal għal benefiċċji ekonomiċi sinifikanti u huwa stmat li t-tranżizzjoni minn karta għal fatturi elettroniċi se tiġġenera ffrankar ta' madwar EUR 240 biljun fuq perjodu ta’ sitt snin[5]. Barra minn hekk, minħabba r-rabta mill-qrib bejn l-iffatturar u l-proċessi ta' ħlas, il-ħolqien taż-Zona Unika tal-Pagamenti bl-Euro (Single Euro Payments Area - SEPA) joffri pjattaforma għat-tnedija ta’ skemi tal-iffatturar elettroniku Ewropej interoperabbli. Sal-2020 il-Kummissjoni tixtieq li l-iffatturar elettroniku jsir il-metodu l-aktar użat għall-iffatturar fl-Ewropa. Il-Kummissjoni tinsab impenjata li taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma' partijiet interessati oħra li jeħtieġ li jagħtu sehemhom sabiex din il-mira tinkiseb u sabiex jinħoloq l-ambjent xieraq għall-iskjerament mifrux tal-iffatturar elettroniku. F’konformità ma’ dan, il-Komunikazzjoni tindirizza l-prijoritajiet li ġejjin: - li tiżgura ċertezza legali u ambjent tekniku ċar għall-iffatturar elettroniku li għandu jiffaċilita l-adozzjoni tagħha bil-massa - li tinkoraġġixxi u tippromwovi l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet miftuħa u interoperabbli għall-iffatturar elettroniku abbażi ta’ standard komuni, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-SMEs - li tappoġġa l-użu tal-iffatturar elettroniku bl-istabbiliment ta’ strutturi organizzazzjonali, bħal fora nazzjonali dwar l-Iffatturar elettroniku u Forum Ewropew Multilaterali għal Partijiet Interessati. VANTAġġI TAL-IFFATTURAR ELETTRONIKU Bil-kontra tal-fatturi fuq karta, il-fatturi elettroniċi jipprovdu d-data kollha f’format diġitali. B’hekk l-iffatturar elettroniku joffri vantaġġi sostanzjali meta mqabbel mal-iffatturar fuq karta. Jippermetti anqas dewmien għal pagamenti, anqas żbalji, spejjeż imnaqqsa ta’ stampar u tal-posta u, l-aktar importanti, ipproċessar integrat bis-sħiħ. Għalhekk karatteristika partikolari tal-iffatturar elettroniku hija l-potenzjal tiegħu għall-awtomatizzazzjoni, speċjalment fil-każ li l-fattura tintbagħat f’format strutturat. Is-sistemi tal-katina tal-forniment finanzjarju tal-emittent jew tal-fornitur tas-servizz jistgħu jiġġeneraw u jittrasferixxu awtomatikament u direttament il-fatturi elettroniċi lil dawk tad-destinatarju. Il-biċċa l-kbira tal-vantaġġi ekonomiċi għaldaqstant ma joriġinawx mill-iffrankar fl-ispejjeż tal-istampar jew tal-posta iżda aktar mill-proċess sħiħ ta’ awtomatizzazzjoni u ta’ integrazzjoni bejn il-partijiet kummerċjali mill-ordni sal-pagament. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tar-regoli tal-VAT għall-fatturi elettroniċi u fuq karta mistennija li tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-intrapriżi sa massimu ta’ EUR 18 biljun fiż-żmien medju skont il-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Piżjiet Amministrattivi[6]. Il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku mistennija wkoll li jaffettwaw il-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspetti konvenjenti tal-fatturi elettroniċi mqabbli mal-fatturi fuq karta. Madankollu għandu jkun żgurat li l-konsumaturi mingħajr aċċess jew b’aċċess limitat għall-internet ma għandhomx jintesew u li l-konsumaturi għandhom dejjem jitħallew jitolbu għal fattura fuq karta. Barra minn hekk u f’konformità mal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE, l-iffatturar elettroniku għandu jikkonforma mal-protezzjoni tad-data personali u mad-dritt għal ħajja privata. Fl-aħħar nett, il-benefiċċji ambjentali mill-iffatturar elettroniku f’termini tat-tnaqqis fil-konsum tal-karta u fl-ispejjeż tal-enerġija għat-trasportazzjoni huma sinifikanti wkoll, u jiġġeneraw iffrankar tal-karbonju li jista’ jammonta għal tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 ta’ 1 miljun tunnellata fis-sena[7] għall-UE. L-INVOLVIMENT TAL-PARTIJIET INTERESSATI Fir-reazzjoni tagħha għall-ħtiġijiet tas-suq u għat-talbiet tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet Grupp tal-Esperti dwar l-iffatturar elettroniku biex jistudja l-ostakli li jxekklu l-użu mħaffef tal-iffatturar elettroniku fi ħdan l-UE. Fi tmiem l-2009, il-Grupp tal-Esperti ppubblika r-rapport finali tiegħu inkluż proposta għal Qafas għall-Iffatturar Elettroniku Ewropew (European Electronic Invoicing - EEI)[8]. Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: - L-ilħiq tal-ħtiġijiet tal-SMEs bħala fokus ta’ prijorità, billi tingħata attenzjoni fuq għadd ta’ rekwiżiti speċifiċi tan-negozju. - L-armonizzazzjoni u l-għoti ta’ ċarezza fil-qafas legali u tal-VAT madwar l-UE kollha abbażi tat-trattament ugwali bejn il-fatturi fuq karta u dawk elettroniċi u appoġġjati minn Kodiċi ta’ Prassi mħejji mill-Grupp tal-Esperti. - Il-ħolqien ta’ sistema ta’ fatturar elettroniku li tipprovdi l-massimu ta’ interoperabbiltà u ta’ aċċess. - L-adozzjoni mill-parteċipanti kollha kemm fi ħdan is-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku ta’ kontenut standard komuni għall-fattura u ta’ mudell tad-data – il-verżjoni 2 tal-Cross Industry Invoice (CII) tal-UN/CEFACT. - L-istabbiliment ta’ proċess organizzazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Qafas EEI fil-livell tal-Istat Membru u tal-UE. Ir-rapport kien soġġett għall-konsultazzjoni mal-pubbliku[9] li ffaċilitat li l-partijiet interessati kollha jirreaġixxu għar-rakkomandazzjonjiet proposti. Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu qablu mal-messaġġi, ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet prinċipali tar-rapport. Il-proċess tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati intemm b’konferenza kbira dwar is-suġġett tal-iffatturar elettroniku fl-Ewropa[10] li saret taħt l-awspiċi tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill fis-27 u fit-28 ta' April 2010 f’Madrid. Il-konferenza vvalidat ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp tal-Esperti li l-proposti tagħhom kienu appoġġjati globalment. IL-QAGħDA TAL-IFFATTURAR ELETTRONIKU FL-UNJONI EWROPEA Ir-rata tal-adozzjoni tal-fatturi elettroniċi S’issa, ir-rati tal-adozzjoni tal-fatturi elettroniċi huma relattivament baxxi u jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri. Filwaqt li 23 % mill-intrapriżi jgħidu li jirċievu jew jibgħatu fatturi elettroniċi[11] (li fl-UE27 ivarja minn 8 % għal 41 %), l-għadd ta’ fatturi elettroniċi strutturati nnegozjati għadu baxx, partikolament fost l-SMEs . Fuq in-naħa tal-provvista, is-suq tal-iffatturar elettroniku huwa fil-biċċa l-kbira fframmentat. Aktar minn 400 fornitur tas-servizz tal-iffatturar elettroniku huma attivi fl-UE l-aktar fil-livell domestiku, u joffru varjetà sħiħa ta’ mudelli tan-negozju tal-iffatturar elettroniku. F’ċerti Stati Membri[12], qed jitniedu jew diġà tniedu inizjattivi tas-settur pubbliku, biex l-iffatturar elettroniku jkun mandatorju għall-akkwist pubbliku. Dawn il-proġetti huma kruċjali biex titħaffef ir-rata tal-penetrazzjoni tas-suq tal-iffatturar elettroniku. Fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni nediet il-proġett PEPPOL[13] (Pan-European Public Procurement On-line) li għandu fil-mira tiegħu li l-komunikazzjoni elettronika bejn l-intrpriżi (inklużi l-SMEs) u l-korpi tal-gvernijiet tkun possibbli madwar l-Ewropa kollha għall-proċessi kollha tal-akkwist, inkluż in-negozjar tal-fatturi. Is-soluzzjoni żviluppata għall-iffatturar elettroniku interoperabbli tista’ tintuża mill-ġdid anke barra l-qasam tal-akkwist pubbliku fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn in-negozji. L-iffatturar elettroniku fiż-Żona Unika tal-Pagamenti bl-Euro (Single Euro Payments Area - SEPA[14]) Il-fatturi kummerċjali jirrappreżentaw pass wieħed biss fil-katina globali tal-forniment finanzjarju: purchase-to-pay [il-proċess kummerċjali sħiħ marbuta max-xiri u l-bejgħ]. B'mod partikolari bis-saħħa tar-rabta mill-qrib bejn fatturi u pagamenti, huwa importani li l-iffatturar elettroniku jiddaħħal fil-kuntest usa' ta' suq integrat ta' pagamenti elettroniċi. Il-ħolqien ta' żona unika integrata ta' pagamenti bl-euro li mill-bidu nett kellu l-appoġġ qawwi tal-Kummissjoni jiffaċilita l-konnessjoni tal-proċessi tal-ħruġ ta' fatturi ma' dawk tal-pagamenti. Filwaqt li s-SEPA u l-iffatturar elettroniku huma żewġ proġetti distinti, madankollu t-tnejn igawdu mill-vantaġġi ta' xulxin. Is-SEPA tista' toħloq punt tat-tluq għal inizjattiva b'suċċess tal-iffatturar elettroniku billi tippromwovi l-integrazzjoni sħiħa tul il-proċess tal-katina tal-forniment finanzjarju u l-adozzjoni bil-massa tal-iffatturar elettroniku tista' tkun ta' benefiċċju għall-migrazzjoni SEPA minħabba r-rabta mill-qrib bejn pagamenti u fatturi . Is-SEPA għandha l-għan tat-trattament awtomizzat u integrat tal-pagamenti mill-bidu sal-aħħar. Dan jelimina l-ħtieġa għal intervent manwali, u b'hekk joħloq vantaġġi ekonomiċi sostanzjali. Għaldaqstant, standard tal-iffatturar elettroniku għandu jkun konformi mal-istandard ISO 20022 għal messaġġi tas-servizzi finanzjarji, li qed jintuża attwalment fil-kuntest tas-SEPA. L-ambjent legali u tekniku attwali għal fatturi elettroniċi u l-piżijiet li jistgħu jirriżultaw mill-adozzjoni Aspetti legali Il-VAT u r-regoli dwar l-iffatturar elettroniku Minħabba l-għażliet disponibbli għall-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet legali attwalment applikabbli għall-VAT fir-rigward tal-iffatturar elettroniku ġewwa l-UE rriżultaw f'ġabra ta' rekwiżiti diżassoċjati. Dan ħoloq kumplessità għal partijiet kummerċjali li jixtiequ jużaw soluzzjonijiet tal-iffatturar elettroniku speċjalment għal intrapriżi li għandhom operazzjonijiet transkonfinali. Madankollu, fit-13 ta' Lulju 2010 l-Kunsill adotta d-Direttiva 2010/45/UE li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni [l-iffatturar][15]. Din id-Direttiva li għandha tkun trasposta sal-1 ta' Jannar 2013, tistabbilixxi regoli ġodda dwar il-VAT fir-rigward tal-iffatturar elettroniku u tneħħi l-ostakli għall-użu tal-iffatturar elettroniku billli toħloq trattament ugwali għal fatturi fuq karta u għal dawk elettroniċi, filwaqt li tiżgura wkoll li l-ebda rekwiżit addizzjonali ma jiġi imponut fuq il-fatturi fuq karta. F'konformità mal-Artikolu 233 il-ġdid tad-Direttiva, in-negozji se jkunu liberi biex jibgħatu u jirċievu fatturi elettroniċi sakemm dawn jieħdu ħsieb li jwettqu "kwalunkwe kontroll tan-negozju li joħloq rekord affidabbli tal-verifika bejn fattura u provvista ta’ merkanzija jew servizzi" bl-istess mod kif qed isir bħalissa għal fatturi fuq karta. Aspetti legali oħra Minbarra l-leġiżlazzjoni dwar il-VAT, l-iffatturar elettroniku huwa mdaħħal f'ġabra mħallta ta' rekwiżiti legali li jkopru regoli dwar il-kontabbiltà, il-verifika, il-protezzjoni tad-data personali, l-arkivjar u d-dwana. Għalkemm il-VAT ġeneralment jitqies bħala ostaklu prinċipali, jeħtieġ li nidentifikaw liema minn dawn ir-regoli oħrajn jikkostitwixxu huma wkoll aktar ostakli għall-użu tal-iffatturar elettroniku fi ħdan l-UE. Ċerti soluzzjonijiet tal-iffatturar elettroniku jagħmlu użu mill-firem elettroniċi. Madankollu, id-diversità tar-rekwiżiti legali fost l-Istati Membri fir-rigward tal-firem elettroniċi wasslu għal problemi ta' interoperabbiltà transkonfinali li kkontribwixxew għat-trażżin fl-introduzzjoni tas-soluzzjonijiet tal-iffatturar elettroniku safejn dawn jagħmlu użu mill-firem elettroniċi. Minkejja l-impatt pożittiv tad-dispożizzjonijiet legali eżistenti dwar l-użu tal-firem elettroniċi u l-impenji politiċi li ttieħdu mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, jenħtieġ approċċ aktar koordinat u komprensiv biex l-interoperabbiltà transkonfinali tal-firem elettroniċi madwar l-UE tkun faċilitata. Għal dan il-fini, fil-qafas tal-Aġenda Diġitali l-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi d-Direttiva 1999/93/KE attwali [16] għall-firem elettroniċi. Interoperabbiltà u aċċess Fil-prattika l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet tal-iffatturar elettroniku tippermetti lil partijiet kummerċjali jinnegozjaw fatturi elettroniċi mingħajr ma jiġu ristretti minn limiti organizzazzjonali u mid-diversi teknoloġiji, abbażi ta' rekwiżiti legali, proċessi tan-negozju u standards tekniċi komuni. In-nuqqas ta' interoperabbiltà bejn il-mudelli ta' negozju u soluzzjonijiet distinti jġib miegħu r-riskju li l-intrapriżi u speċjalment l-SMEs possibbilment ikollhom jinvestu f'ħafna sistemi u soluzzjonijiet biex jinnegozjaw il-fatturi elettroniċi. Dan iwassal għal spejjeż bla bżonn u jkompli jxekkel l-adozzjoni bil-massa. Permezz tas-soluzzjonijiet tal-iffatturar elettroniku interoperabbli, se jkun possibbli li biż-żmien jinħoloq għadd ta' netwerks interkonnessi u interoperabbli li jippermettu l-aċċess għal numru massimu ta' partijiet kummerċjali. Standards Fil-kuntest attwali, ma hemm l-ebda standard li qed jintuża globalment għall-iffatturar elettroniku. Id-diversità fir-rekwiżiti tad-data u tal-użu, u l-approċċi li jvarjaw ħafna fl-implimentazzjoni tagħhom, wasslu għall-frammentazzjoni tas-suq. S'issa l-ebda waħda mill-formats eżistenti ma kisbet prominenza. L-Interskambju tad-Data Elettronika (Electronic Data Interchange - EDI[17]) li għadu jintuża minn ħafna kumpaniji multinazzjonali ta' sikwit ma jirriżultax prattiku għall-biċċa l-kbira tal-SMEs. Bl-istess mod ħafna formats proprjetarji jintużaw biss minn kumpanija waħda multinazzjonali u mill-fornituri tagħha. B'konsegwenza, il-parteċipanti fis-suq, bħall-intrapriżi, il-kumpaniji tas-softwer u l-fornituri tas-servizzi finanzjarji llum ikollhom bil-fors jappoġġaw formats multipli, li jeħtieġu mmappjar sostanzjali u eżerċizzji ta' konverżjoni biex ilaħħqu mad-data espressa f'sintassi differenti. Bosta organizzazzjonjiet internazzjonali u Ewropej tal-istandarizzazzjoni bħalissa qed jaħdmu fuq l-istandardizzazzjoni tal-iffatturar elettroniku. Fil-livell internazzjonali, ic-Ċentru tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iffaċilitar tal-Kummerċ u għan-Negozju Elettroniku, [United Nations Centre for Trade Facilitation and Electronic Business - UN/CEFACT] żviluppa u qed isostni l-istandard u l-mudell tad-data għall-iffatturar Cross-Industry Invoice (CII), u qed jikkoopera ma' (OASIS), [Organisation for the Advancement of Structured Information Standards] għall-konverġenza bejn il-fattura Universal Business Language (UBL) u l-istandard CII. Barra minn hekk, UN/CEFACT qed jikkoopera mal-ISO (International Organisation for Standardisation) għall-integrazzjoni tal-mudell tad-data CII fl-istandard ISO 20022 Invoice Message . Fil-livell Ewropew, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (European Committee for Standardization - CEN) qed imexxi għadd ta' workshops dwar kwistjonijiet speċifiċi fl-implimentazzjoni tal-iffatturar elettroniku[18]. STRATEġIJA BIEX JITħEġġEġ L-UżU TAL-IFFATTURAR ELETTRONIKU Prijoritajiet ewlenin għall-promozzjoni tal-iffatturar elettroniku fl-UE Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp tal-Esperti u tal-konklużjonijiet tal-konsultazjoni pubblika, il-Kummissjoni tipproponi l-appoġġ tal-introduzzjoni bil-massa tal-iffatturar elettroniku billi tingħata attenzjoni għall-erba' prijoritajiet ewlenin li ġejjin. L-iżgurar ta' ambjent legali konsistenti għall-iffatturar elettroniku Mill-1 ta' Jannar 2013, ir-regoli ġodda tal-VAT dwar l-iffatturar elettroniku stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE se jirrikjedu lill-Istat Membri li jaderixxu għall-prinċipju tat-trattament ugwali tal-fatturi fuq karta u tal-fatturi elettroniċi. L-Istati Membri mhumiex se jitħallew aktar iżidu rekwiżiti speċifiċi bħal pereżempju li jinsistu li l-fatturi elettroniċi jkunu bbażati fuq firem elettroniċi avvanzati jew EDI. Minflok dawn l-għażliet teknoloġiċi se jissarrfu f'alternattivi li jistgħu jibqgħu jintużaw, bl-istess mod li jistgħu jintużaw kontrolli tan-negozju, min-naħa tan-negozji biex jiggarantixxu l-'awtentiċità tal-oriġini' u l-'integrità tal-kontenut' tal-fatturi elettroniċi. Kwanlunkwe differenza fl-interpretazzjoni u t-traspożizzjoni sussegwenti tar-regoli mill-Istati Membri fil-prattika tista' tippreżenta diffikultajiet fl-użu tal-fatturi elettroniċi. Dan jista' jżid piżijiet u spejjeż ta' konformità għan-negozju, u b'hekk jillimita l-użu tal-iffatturar elettroniku. Għalhekk, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura l-fehim komuni tar-regoli l-ġodda dwar l-iffatturar elettroniku li għandu jgħin biex tinkiseb traspożizzjoni konsistenti u koerenti tad-Direttiva 2010/45/UE. Azzjonijiet: 1.1 Biex tiżgura traspożizzjoni konsistenti u f'waqtha tad-Direttiva l-ġdida dwar il-VAT, fi Frar 2011 il-Kummissjoni se torganizza seminar Fiscalis[19], li jinvolvi lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri kollha. Wara dan is-seminar, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa għal aktar gwida għall-Istati Membri u għan-negozji. 1.2 Biex tipprevedi l-prinċipju tat-trattament ugwali kif stipulat fid-Direttiva l-ġdida dwar il-VAT; l-Istati Membri huma mitluba li jippermettu li l-fatturi jintbagħtu u jsiru disponibbli 'b'mezzi elettroniċi oħra' kif stipulat fl-Artikolu 233 tad-Direttiva attwali dwar il-VAT (2006/112/KE). 1.3 Studju estern għall-Kummissjoni qed jeżamina l-metodi alternattivi għall-ġbir tal-VAT inkluż ir-rwol tal-iffatturar elettroniku. Il-Kummissjoni se tippreżenta dawn is-sejbiet u qabel tmiem l-2010 se tippubblika Green Paper dwar il-futur tal-VAT biex tistimola dibattitu dwar kwistjonijiet bħal kif l-iżviluppi l-ġodda fit-teknoloġiji tal-IT jistgħu jiffaċilitaw il-ġbir tal-VAT. 1.4 Fl-2011 il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tad-Direttivan (1999/93/KE) dwar il-firem elettroniċi bil-għan li jingħata qafas legali għar-rikonoxximent u l-interoperabbiltà transkonfinali ta' sistemi sikuri għall-awtentikazzjoni elettronika. Il-kisba tal-adozzjoni bil-massa bi-saħħa tal-parteċipazzjoni tal-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju L-għan li jitħeġġeġ l-użu tal-iffatturar elettroniku f-UE ma jistax jinkiseb mingħajr l-SMEs li jirrappreżentaw aktar minn 99 % tan-negozji Ewropej. Filwaqt li ħafna mill-intrapriżi l-kbar diġà qed jużaw fatturi elettroniċi, il-livell tal-adozzjoni min-naħa tal-SMEs għadu relattivament baxx. Bl- Att dwar in-Negozji ż-Żgħar[20] l-UE impenjat ruħha għall-prinċipju 'Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir', jiġifieri li tingħata attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-SMEs. Dan għandu japplika wkoll għas-suq tal-iffatturar elettroniku, li għandu joffri soluzzjonijiet għall-SMEs li jkunu sempliċi, irħas, affidabbli u f'konformità mal-VAT. Intrapriżi żgħar jaħdmu ma' ħafna partijiet kummerċjali differenti (intrapriżi kbar, konsumaturi, awtoritajiet pubbliċi, SMEs oħra) li jistgħu esiġu li jużaw l-iffatturar elettroniku skont is-soluzzjonijiet tekniċi differenti. L-iżvilupp ta' proċessi u standards interoperabbli tul il-katini tal-forniment, inkluż l-iffatturar elettroniku, se jiffaċilita l-adozzjoni bil-massa mill-SMEs. Biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-katini tal-forniment diġitali, il-Kummissjoni tappoġġja azzjonijiet ta' wiri fuq skala kbira fis-setturi tal-industrija u tas-servizzi (moda, awtomobbli, trasport u loġistika) Dawn il-proġetti għandhom fil-mira tagħhom it-titjib fit-tranżazzjonijiet tan-negozju u jikkontribwixxu għaż-żieda fil-kapaċità tal-innovazzjoni u fil-kompetittività tal-intrapriżi. Għaldaqstant, mhuwiex biss importanti li n-negozji ż-żgħar jitħejjew għal din it-tranżizzjoni internament (f'termini ta' għarfien u infrastruttura) iżda wkoll li esternament, il-fornituri tas-servizzi li jużaw l-ffatturar elettroniku jiżviluppaw servizzi u soluzzjonijiet li jirrikjedu investiment baxx f'infrastruttura u ħiliet u b'hekk l-iffatturar elettroniku jgħin biex l-SMEs itejbu l-effiċjenza u jiffrankaw fl-operazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni ttqis li l-azzjonijiet li ġejjin se jgħinu lill-SMEs biex jaħsdu l-vantaġġi kollha mid-dematerjalizzazzjoni tal-fatturi. Azzjonijiet: 2.1 Il-Kummissjoni se tivvaluta b'mod sħiħ l-effett ta' kwalunkwe rekwiżit tekniku u legali tal-futur għall-iffatturar elettroniku fuq l-SMEs billi tapplika l-prinċipju 'Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir' u t-'test tal-SME' u tistenna li l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni jagħmlu l-istess. 2.2 Il-Kummissjoni se torganizza u tipparteċipa f'attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni biex tinforma lill-SMEs dwar il-potenzjal tal-iffatturar elettroniku. Se jiġu esplorati sinerġiji mal-attivitajiet promozzjonali eżistenti (pereżempju l-ġimgħa Ewropea tal-SME, il-ġimgħa tal-Ħiliet Elettroniċi) u ma' netwerks eżistenti (pereżempju n-Netwerk Ewropew għall-Appoġġ tan-Negozju Elettroniku, in-Netwerk għall-Intrapriżi Ewropej). 2.3 Il-Kummissjoni se tkompli tespandi inizjattivi li jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-katina tal-forniment diġitali. Fl-2011, je jiġu varati żewġ azzjonijiet ġodda fil-qafas tal-Programm dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP). L-ixprunar ta' ambjent li joħloq aċċess massimu Sabiex tkun żgurata l-introduzzjoni bil-massa tal-iffatturar elettroniku hija essenzjali li jinħoloq ambjent li jiffaċilita għadd massimu ta' partijiet kummerċjali li jinnegozjaw fatturi bejniethom. Filwaqt li l-azzjonijiet għaddejjin bħalissa se jtejbu l-interoperabbiltà tal-fatturi elettroniċi, il-Kummissjoni tara l-ħtieġa għal aktar azzjonijiet fil-livell organizzazzjonali u tekniku[21]. Għandu jinkiseb ħafna progress f'dawn ir-rakkomandazzjonijiet qabel id-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT (l-1 ta' Jannar 2013). L-ewwel nett għandhom jiġu definiti b'mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet kummerċjali u tal-fornituri tas-servizzi fir-rigward tal-interoperabbiltà fil-livell organizzazzjonali u dawn għandhom ikunu adottati mill-paretċipanti fis-suq permezz ta' Kodiċi ta' Prassi. Barra minn hekk, l-adozzjoni u l-użu ta' identifikaturi u/jew indirizzi mhux ambigwi iżda rikonoxxuti fuq firxa wiesgħa, tal-partijiet kummerċjali u tal-fornituri tas-servizzi għandhom jiffaċilitaw l-ipproċessar tal-fatturi elettroniċi. Minbarra dan, biex tkun żgurata l-interkonnessjoni tal-mudelli tal-iffatturar elettroniku, il-partijiet kummerċjali u l-fornituri tas-servizzi għadhom ifittxu qbil dwar kwistjonijiet bħall-ġestjoni tar-riskju, l-indirizzar u l-modi ta' trażmissjoni, ftehimiet dwar ir-roaming, standards, l-għodod għall-flussi ta' komunikazzjoni u r-rekwiżiti ta' sigurtà. L-azzjonijiet li ġejjin huma meħtieġa biex ikun żgurat li biż-żmien, il-partijiet kummerċjali jkunu jistgħu jikkonnettjaw bejniethom u joħolqu netwerk tal-UE saħansitra aktar mifrux għat-twassil tal-adozzjoni bil-massa tal-iffatturar elettroniku. Azzjonijiet: 3.1 B'qies għall-ħidma tal-Grupp tal-Esperti dwar l-iffatturar elettroniku, sa tmiem l-2011, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni għandu jiżviluppa Kodiċi ta' Prassi. Dan il-Kodiċi ta' Prassi, li għandu jiġi adottat mill-partijiet kummerċjali, mill-fornituri tas-servizzi u mill-awtoritajiet pubbliċi, għandu jinkludi terminolġija konsistenti u definizzjoni tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tal-parteċipanti differenti fi ħdan il-proċess tal-iffatturar elettroniku. 3.2 Sa tmiem l-2011 CEN għandu janalizza l-ħtieġa u jipproponi azzjonijiet għall-adozzjoni tal-proċeduri interoperabbli tal-indirizzar u tat-trażmissjoni min-naħa tal-parteċipanti fl-industrija fl-iffatturar elettroniku. Il-promozzjoni ta' mudell tad-data standard għall-fatturi elettroniċi Waħda mill-isfidi ewlenin għall-iskjerament tal-iffatturar elettroniku hija d-definizzjoni ta' mudell tad-data semantika uniku u ċar li tiddeskrivi l-elementi ta' informazzjoni meħtieġa għall-fatturi elettroniċi. Mudell tad-data partikolari uniku u komuni għandu jiffaċilita l-interoperabbiltà semantika u jiżgura n-newtralità tat-teknoloġija. F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp tal-Esperti, "il-verżjoni 2 tal-Cross Industry Invoice (CII) tal-UN/CEFACT għandha tiġi adottata bħala l-mudell tad-data semantiku komuni ta' referenza li fuqu huma bbażati s-soluzzjonijiet għall-kontenut standard tal-fatturi elettroniċi tal-futur". Id-definizzjoni dwar kif dan il-mudell tad-data sussegwentement jiġi adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-negozju għandha titħalla tiġi determinata mis-suq. Il-parteċipanti kollha fis-suq kemm fis-setturi privati kif ukoll dawk pubbliċi huma mħeġġa jiżviluppaw u jimplimentaw, jew jaqblu dwar, soluzzjonijiet li huma konformi mal-mudell tad-data tal-verżjoni 2 tas-CII. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta' dan il-mudell tad-data għandha tkun appoġġata minn organizzazzjonijiet ta' standards internazzjonali biex jiżguraw l-aċċessibbiltà u l-istabbiltà f'termini ta' regolazzjoni, manteniment u kwalità konsistenti. Fl-Ewropa, CEN permezz tal-kumitati u l-workshops tekniċi tiegħu, għandu jaġixxi bħala faċilitatur li jixpruna l-implimentazzjoni tal-istandards rilevanti u tal-linji gwida ta' appoġġ għall-implimentazzjoni, u li jiżgura l-appoġġ tal-entitajiet ta' standards internazzjonali għar-rekwiżiti Ewropej. Madankollu fuq perjodu ta' żmien qasir, il-qbil dwar standard uniku ma għandux jipprevjeni milli jintużaw is-soluzzjonijiet tal-iffatturar elettroniku, sakemm dawk is-soluzzjonijiet jikkonformaw, jew joqorbu lejn konverġenza dwar, ir-rekwiżiti tal-mudell tad-data komuni għall-fatturi elettroniċi. Azzjonijiet: 4.1 Fl-2011, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) se jfassal linji gwida għall-implimentazzjoni tal-mudell tad-data tal-verżjoni 2 tas-CII. Dawn il-linji gwida għandhom ikunu bbażati fuq id-data elementari tal-fatturi kif propost mill-Grupp tal-Esperti dwar l-iffatturar elettroniku u għandhom iqisu l-istandard ISO 20022 Invoice message , il-ħidma tal-iffatturar elettroniku tas-CEN, il-workshops BII u EBES, u inizjattivi oħra bħall-proġett PEPOL.Skont id-domanda tas-suq, għandu jkun previst l-iżvilupp ta' aktar linji gwida li jkopru dominji/proċessi tan-negozju oħrajn. 4.2 Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) se jaħdem mal-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, bħall-UN/CEFACT u l-ISO, u se jikkomunika rekwiżiti speċifiċi għall-iżvilupp ulterjuri tal-mudell tad-data CII. 4.3 UN/CEFACT huwa mistieden li jaħdem għall-iżvilupp imħaffef ta' messaġġi tan-negozju elettroniku li huma komplementari għall-fatturi elettroniċi, u li se jtejbu l-kapaċità tan-negozji, tal-kummerċ u tal-organizzazzjonijiet amministrattivi biex jinnegozjaw prodotti u servizzi rilevanti b'mod effettiv. L-organizzazzjoni tal-iskjerament tal-iffatturar elettroniku fl-UE Azzjoni koordinata hija neċessarja kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew għall-appoġġ tal-iskjerament tal-iffatturar elettroniku. Din l-azzjoni tippromwovi soluzzjonijiet nazzjonali kompatibbli għat-titjib fil-funzjonament tas-suq intern billi tagħmel tranżazzjonijiet transkonfinali aktar effiċjenti u anqas ta' piż għall-konsumaturi, għan-negozji u għall-awtoritajiet pubbliċi. Il-promozzjoni tal-iffatturar elettroniku fil-livell nazzjonali L-Istati Membri jinsabu f'pożizzjoni tajba biex jappoġġaw, jiżviluppaw u jiffaċilitaw l-użu tal-iffatturar elettroniku. Għandhom jiżguraw li l-prassi kummerċjali, fiskali u tal-akkwist pubbliku fil-livell nazzjonali jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' ambjent tal-iffatturar elettroniku b'aċċess madwar l-UE kollha. Azzjoni: 5.1 L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġija għall-promozzjoni tal-iffatturar elettroniku fil-livell nazzjonali. Din l-istrateġija għandu jkollha l-għan li: - tappoġġa l-użu tal-iffatturar elettroniku, b'mod partikolari minn SMEs - tikkoordina fil-livell nazzjonali l-inizjattivi eżistenti u dawk li għad iridu jittieħdu għall-użu tal-iffatturar elettroniku, inkluż l-aspetti legali, ta' standardizzazjoni u interoperabbiltà b'dimensjoni Ewropea. - tagħmel monitoraġġ u tistabbilixxi miri għal-livell ta' adozzjoni tal-iffatturar elettroniku. 5.2 Biex jappoġġaw it-twettiq ta' dawn l-objettivi, l-Istati Membri għandhom jorganizzaw fora nazzjonali multilaterali dwar l-iffatturar elettroniku għal partijiet interessati u jinfurmaw lill-Kummissjoni dwarhom sa Ġunju 2011. Il-fora nazzjonali għandhom jiżguraw rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-partijiet interessati, bil-parteċipazzjoni suffiċjenti tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-utenti tas-servizzi tal-iffatturar elettroniku inklużi konsumaturi, SMEs u negozji kbar. Il-promozzjoni tal-iffatturar elettroniku fil-livell Ewropew L-azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri għandhom ikunu kkoordinati biex ikun żgurat li l-fatturi elettroniċi jistgħu jiġu nnegozjati fl-UE b'mod liberu. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-iffaċilitar tat-tranżazzjonijiet transkonfinali, speċjalment għall-SMEs. Azzjoni: 6.1 Il-Kummissjoni se tistabbilixxi għal 3 snin forum Ewropew multlaterali għal partijiet interessati dwar l-iffatturar elettroniku, minn issa 'l quddiem 'il-Forum Ewropew dwar l-Iffatturar-E', magħmul minn delegati li ġejjin minn fora nazzjonali u rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet Ewropej rilevanti mill-komunità tal-utenti, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Grupp ta’ Ħidma l-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali[22].Id-dmirijiet prinċipali tal-Forum Ewropew għall-Iffatturar-E se jkunu li jassisti l-Kummissjoni f'dawn l-oqsma: - il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq tal-iffatturar elettroniku u tal-livell tal-adozzjoni tal-iffatturar elettroniku fis-setturi tal-industrija u tas-servizzi fl-Istati Membri. - it-twettiq ta' skambju ta' esperjenza u prassi tajba li mbagħad jiffaċilita l-bidu ta' soluzzjonijiet tal-iffatturar elettroniku interoperabbli - l-identifikazzjoni tal-problemi li jinqalgħu b'mod partikolari fir-rigward tat-tranżazzjonijiet transkonfinali u proponiment ta' soluzzjonijiet xierqa. - l-appoġġ u monitoraġġ tal-ħidma li twassal għall-adozzjoni ta' mudell tad-data standard għall-iffatturar elettroniku 6.2 Il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet kollha l-oħra tal-UE għandhom imexxu bl-eżempju tagħhom billi jimplimentaw l-iffatturar elettroniku għall-iskopijiet tal-akkwist pubbliku tagħhom stess. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tipproċedi bl-iskjerament tal-proġett e-Prior. 6.3 Fl-2011, il-Kummissjoni se timmira għal monitoraġġ bl-istatistika aħjar tal-adozzjoni tal-iffatturar elettroniku. KONKLUżJONI L-adozzjoni bil-massa tal-iffatturar elettroniku mistenni li ġġib vantaġġi għall-UE globalment u li tikkontribwixxi għall-kompetittività tagħha. Barra l-UE, ir-rata tal-penetrazzoni tas-suq tal-iffatturar elettroniku qed tikber b’mod sostanzjali u hija ta’ importanza kruċjali li l-EU ma taqax lura f'żviluppi bħal dawn. L-Istati Membri u l-partijiet interessati huma mistiedna japprovaw il-prijoritajiet u l-azzjonijiet ewlenin proposti u għall-ksib tal-adozzjoni bil-massa tal-iffatturar elettroniku. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-azzjonijiet kollha u l-użu tal-iffatturar elettroniku, u sa tmiem l-2013 se tippreżenta rapport dwar il-progress lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Fil-każ li r-rapport dwar il-progress jiżvela li ma sarx progress sodisfaċenti fl-adozzjoni tal-iffatturar elettroniku u li kien hemm frammentazzjoni kostanti, jistgħu jittieħdu aktar azzjonijiet u rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati dawk l-oqsma li qed ixekklu l-adozzjoni bil-massa. L-iskjerament tal-iffatturar elettroniku bl-istabbiliment ta’ strutturi governamentali bħall-Fora Nazzjonali u l-Forum Ewropew Multilaterali għal Partijiet Interessati għandu jgħin biex jinbena approċċ tal-UE konsistenti dwar l-iffatturar elettroniku u jiffaċilita l-emerġenza ta' ambjent interoperabbli tal-iffatturar elettroniku fil-livell pan Ewropew. [1] COM(2010) 2020, http://ec.europa.eu/europe2020/index_en.htm. [2] COM(2010) 245,http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0245:FIN:MT:PDF. [3] Enterprises sending and/or receiving e-invoices [mhux disponibbli bil-Malti], Eurostat, 2009. [4] E-invoicing – E-billing in Europe [mhux disponibbli bil-Malti], Billentis, 2009. [5] SEPA potential benefits at stake, Capgemini ,http://ec.europa.eu/internal_market/payments/docs/sepa/sepa-capgemini_study-final_report_en.pdf. [6] COM(2009) 15,http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2009:0015:FIN:MT:PDF. [7] Din hija ċifra kkalkulata abbażi ta' studju mid-Dipartiment għar-riċerka dwar l-Istrateġiji Ambjentali fl-Istitut Irjali tat-Teknoloġija fl-Isvezja, li jistma li l-effett totali tas-sostituzzjoni tal-karta bil-fatturi elettroniċi għandu jwassal għal tnaqqis annwali tal-karbonju li jikkorrispondi għal bejn 39°000 sa 41°000 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 fis-sena. [8] Ir-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Iffatturar Elettroniku ,http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2009/e-invoicing/report_en.pdf. [9] Il-ġabra fil-qosor tar-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika,http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/document.cfm?action=display&doc_id=5814&userservice_id=1&request.id=0. [10] http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/e-invoicing/benefits/conference_electronic_invoicing_en.htm [11] Enterprises sending and/or receiving e-invoices [mhux disponibbli bil-Malti], Eurostat, 2009.http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/graph.do?tab=graph&plugin=0&language=en&pcode=tin00114. [12] Ittieħdu inizjattivi ġodda fid-Danimarka, fil-Finlandja, fl-Italja, fi Spanja u fl-Isvezja biex l-iffatturar elettroniku jsir mandatorju għall-awtoritajiet pubbliċi fi ħdan perjodi taż-żmien distini. Final Report of the Expert Group on e-Invoicing , 2009 [mhux disponbbli bil-Malti], pp. 15-16, http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2009/e-invoicing/report_en.pdf. [13] Aktar tagħrif dwar din l-inizjattiva huwa disponibbli fuq www.peppol.eu. [14] http://ec.europa.eu/internal_market/payments/sepa/index_en.htm [15] Id-Direttiva 2010/45/UE,http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2010:189:0001:0008:MT:PDF. [16] Id-Direttiva 1999/93/KE,http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=DD:13:24:31999L0093:MT:PDF [17] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 1994/820/KE,http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:31994H0820:EN:HTML. [mhux disponibbli bil-Malti] [18] Il-Workshop tas-CEN dwar l-Iffatturar elettroniku waqqaf l-E-Invoice Gateway (http://www.e-invoice-gateway.net), portal indipendenti li jipprovdi gwida u informazzjoni relatata mal-pajjiż dwar l-iffatturar elettroniku. [19] Fiscalis 2013 huwa programm ta' kooperazzjoni tal-UE li jgħin lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali biex joħolqu u jiskambjaw informazzjoni u għarfien espert, għal aktar tagħrif:http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/tax_cooperation/fiscalis_programme/fiscalis2013/index_en.htm. [20] COM(2008) 394,http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2008:0394:FIN:MT:PDF. [21] F'konformità mal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (European Interoperability Framework - EIF) tal-futur għas-servizzi pubbliċi, wieħed jista' jiddistingwi erba' livelli: legali, organizzazzjonali, semantiku u tekniku. [22] Id-Direttiva 95/46/KE, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31–50.