EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0584

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW dwar abbozz ta' Pjan Direzzjonali li jistabbilixxi Ambjent Komuni Għall-Iskambju ta' Informazzjoni għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE

/* KUMM/2010/0584 finali */

52010DC0584

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW dwar abbozz ta' Pjan Direzzjonali li jistabbilixxi Ambjent Komuni Għall-Iskambju ta' Informazzjoni għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE /* KUMM/2010/0584 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 20.10.2010

KUMM(2010) 584 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

dwar abbozz ta' Pjan Direzzjonali li jistabbilixxiAmbjent Komuni Għall-Iskambju ta' Informazzjonigħas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

dwar abbozz ta' Pjan Direzzjonali li jistabbilixxiAmbjent Komuni Għall-Iskambju ta' Informazzjonigħas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE Abbozz ta' Pjan Direzzjonali li jistabbilixxi Ambjent Komuni Għall-Iskambju ta' Informazzjoni għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE

INTRODUZZJONI

Fil-15 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni[1] 'Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima fl-UE: Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE" (CISE), li tistipula prinċipji ta' gwida għat-twaqqif tiegħu.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Novembru 2009, il-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni .[2] approva l-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq, li titlob lill-Kummissjoni biex sal-aħħar tal-2010 tippreżenta pjan direzzjonali li jistabilixxi is-CISE. Dan il-pjan direzzjonali għandu jkun iddettaljat aktar fl-2011 biex jikkunsidra r-riżultati tal-proġetti pilota. Il-Kummissjoni trid tagħti wkoll sal-2013, valutazzjoni tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-CISE. Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali[3] tenna l-istess approċċ fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2010 dwar il-Politika Marittima Integrata.

Il-komunikazzjoni attwali twieġeb għat-talba tal-Kunsill.

Fil-preparazzjoni tal-abbozz tal-Pjan Direzzjonali attwali, il-Kummissjoni kkonsultat mas-sottogrupp ta' Esperti tal-Istati Membri dwar l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima ('GRUPP TA' ESPERTI TAL-ISTATI MEMBRI') li jaħdmu bħala forum ta' koordinazzjoni, skont il-mandat tal-konklużjonijiet tal-Kunsill. Ir-rappreżentazzjoni kbira intersettorjali f'dawn il-laqgħat, li tinkludi rappreżentanti mill-Komunità ta' Difiża fil-livell tal-Istati Membri, ippermettiet kontribuzzjoni sostanzjali għall-fehim komuni tal-kwistjonijiet involuti. Waqt il-preparazzjoni tal-pjan direzzjonali, il-Kummissjoni żammet ukoll kuntatt ma' gruppi oħra settorjali, bħal Grupp ta' Livell Għoli għal SafeSeaNet.

L-għan tas-sorveljanza marittima integrata huwa li tiġġenera għarfien tas-sitwazzjoni tal-attivitajiet fuq il-baħar, b'impatt fuq is-sikurezza u s-sigurtà marittima, il-kontroll tal-fruntieri, it-tniġġis u l-ambjent tal-baħar, il-kontroll tas-sajd, l-infurzar ġenerali tal-liġi, id-difiża u l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun iffaċilitat it-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-valur miżjud tal-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima huwa li jtejjeb l-istampa settorjali attwali dwar l-għarfien marittimu tal-Komunitajiet tal-Utenti settorjali[4] tal-Istati Membri tal-UE u l-Istati taż-ŻEE, b'dejta oħra rilevanti dwar is-sorveljanza intersettorjali u transkonfinali fuq bażi ta' bżonn ta' għarfien kif ukoll ta' bżonn u r-responsabbiltà ta' skambju. Il-bżonn għall-iskambju ta' informazzjoni, b'mod partikolari f'każ ta' theddida imminenti, għandha tkun ibbalanċjata minn sidha kontra r-riskju ta' nuqqas ta' skambju ta' din l-informazzjoni. Stampi mtejba bħal dawn se jżidu l-effikaċja tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u jtejbu l-infiq effettiv fil-qasam.

L-indirizz tal-eżerċizzju tal-iskambju ta' informazzjoni minn perspettiva ġenerali Ewropea se jiżgura li l-Komunitajiet tal-Utenti jkunu rappreżentati bl-istess mod, u li l-għanijiet u r-restrizzjonijiet settorjali tagħhom ikunu kkunsidrati kif ukoll li l-iżvilupp ta' Ambjent Komuni Għall-Iskambju ta' Informazzjoni jirriżulta wkoll f'valur miżjud għall kull Komunità tal-Utenti. Se tiżgura wkoll li s-sistemi Ewropej jintużaw bl-aħjar mod filwaqt li jkunu f'konformità totali mal-prinċipju ta' sussidjarjetà.

ĦARSA ġENERALI LEJN IL-PJAN DIREZZJONALI

Id-diskussjonijiet fil-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri ikkonkludew li dan il-pjan direzzjonali għandu jwassal għal ħolqien ta' sistema ta' skambju ta' informazzjoni ddeċentralizzata, li tgħaqqad il-Komunitajiet tal-Utenti kollha kemm dawk ċivili kif ukoll militari. It-twaqqif tas-CISE għandu jkun proċess flessibbli li jippermetti li jkun hemm titjib tekniku u tkabbir fil-valur settorjali. Waqt l-iżvilupp tas-CISE għandhom jiġu kkunsidrati sistemi eżistenti u ppjanati hekk kif xieraq. Dan il-proċess ma għandux itellef l-iżvilupp ta' sistemi ta' informazzjoni settorjali eżistenti u ppjanati, sakemm tkun ikkunsidrata l-ħtieġa ta' interoperabbiltà li tippermetti l-iskambju ta' informazzjoni ma' sistemi oħra. Għandha tkun użata l-esperjenza li tkun inġabret mis-sistemi ta' skambju ta' informazzjoni li jippermettu kooperazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar.

Meta wieħed iqis l-għadd sinifikanti ta' parteċipanti potenzjali fis-CISE, id-diversità tal-oqsfa legali u l-iskambji possibbli, ma tantx huwa probabbli li se jkun hemm soluzzjoni teknika waħda li se tkun tajba għal kull skambju ta' informazzjoni fis-CISE. Għalhekk, l-arkitettura tas-CISE għandha tkun imfassla bħala interkonnessjoni kosteffiċenti u ddeċentralizzata ta' saffi differenti ta' informazzjoni li jżidu l-effiċjenza fis-sistemi ta' sorveljanza marittima billi jimlew il-vojt fl-informazzjoni eżistenti fl-Ewropa kollha filwaqt li jevitaw ir-ripetizzjoni tad-dejta .

Dawn is-saffi huma mmexxija mis-sidien rispettivi tal-informazzjoni relatata fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE u bbażati fuq l-istrumenti legali applikabbli. Il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll il-mandati tal-Aġenziji tal-UE stabbiliti f'dawn l-istrumenti legali se jkunu għaldaqstant rispettati b'mod sħiħ.

Il-ħtiġijiet komuni għall-maġġoranza tal-Komunitajiet tal-Utenti huma marbuta mal-ksib ta' stampa bażika aktar ċara dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima li hi utli għall-komunitajiet tal-utenti kollha. Din l-istampa tista' tkun magħmula minn dejta ta' kull daqs li toħroġ minn taħlita ta' sistemi u sensuri li jidentifikaw l-għanijiet kooperattivi u dawk li mhumiex.

Id-dejta dwar din l-istampa bażika ta' traffiku marittimu mhijiex ikklassifikata u tista' tkun maqsuma bla ebda restrizzjoni bejn il-Komunitajiet kollha sakemm jitqiegħdu f'posthom il-protezzjonijiet meħtieġa.

Il-ħtiġijiet speċifiċi ta' ċerta Komunitajiet tal-Utenti li jservu sabiex jagħmlu din l-istampa bażika marittima aktar kompleta huma:

1. Il-ksib ta' dejta fir-rigward ta' attivitajiet illegali u theddid li jħallu impatt kemm fuq is-sigurtà interna u dik esterna tal-UE, u li jinvolvu kull tip ta' bastiment. Informazzjoni bħal din tinġabar essenzjalment mill-gwardji kostali, mill-gwardji tal-fruntieri, mis-servizzi tal-pulizija u l-forzi tad-difiża.

2. Il-ksib ta' informazzjoni speċifika dwar il-qabda, li tiġbor magħha informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti tas-sajd fil-ġlieda kontra s-sajd illegali.

3. Il-ksib ta' dejta elettronika avvanzata dwar il-prodotti kollha deħlin u ħerġin mit-territorju tad-dwana tal-UE sabiex tippermetti prevalutazzjoni tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-prodotti.

Xi informazzjoni li jkollhom dawn il-Komunitajiet hija sensittiva ħafna u għalhekk tista' tkun trażmessa biss minn punt għal ieħor jew permezz ta' u bejn netwerks settorjali siguri. Fil-preżent, l-informazzjoni u l-għarfien skambjati bejn il-komunitajiet iseħħ f'ambitu strettament definit, li spiss ikun imfassal permezz ta' ftehim internazzjonali. Is-CISE għalhekk mhux se jkun ibbażat fuq il-prinċipju li kulħadd jagħmel skambju ta' kollox, iżda se jkun ibbażat fuq "skambju fuq bażi ta' bżonn ta' għarfien u responsabbiltà ta' skambju".

Eżempju ta' saffi ta' informazzjoni (mhux ġerarkiċi)

[pic]

Il-Komunitajiet tal-Utenti se jkollhom ikunu involuti b'mod sħiħ fl-elaborazzjoni ta' dawn is-sitt stadji li ġejjin kif ukoll tal-valutazzjoni ta' impatt identifikata mill-Kummissjoni u mill-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri hekk kif meħtieġ għall-iżvilupp tas-CISE.

Stadju 1 – L-identifikazzjoni tal-Komunitajiet tal-Utenti kollha: L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jidentifikaw il-parteċipanti fl-iskambju ta' informazzjoni. Minħabba d-diversità fl-organizzazzjoni amministrattiva fl-Istati Membri tal-UE u fl-Istati taż-ŻEE hemm il-bżonn li l-konċentrazzjoni tkun fuq il-'funzjonijiet' ibbażati fuq 'Komunitajiet tal-Utenti' diġà stabbiliti aktar milli fuq tipi ta' awtoritajiet nazzjonali.

Stadju 2 – L-identifikazzjoni ta' gruppi ta' dejta u analiżi tad-differenza għal skambju tad-dejta sabiex ikun hemm garanzija ta' valur miżjud fuq is-CISE: Permezz ta' (a) tfassil ta' mappa tal-iskambji tad-dejta li diġà qed iseħħu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u (b) tfassil ta' analiżi tad-differenza biex tkun identifikata d-domanda settorjali għal dejta li bħalissa mhux qed taqbel mal-provvista.

Stadju 3 – Livelli komuni ta' klassifikazzjoni tad-dejta , li jindirizzaw il-problema li l-Komunitajiet tal-Utenti settorjali jikklassifikaw l-istess tip ta' dejta b'mod differenti. Mingħajr ma dan jinterferixxi mal-livelli ta' klassifikazzjoni nazzjonali tad-dejta u minħabba l-iskambju tad-dejta fis-CISE, Stadju 3 għandu jidentifika liema livelli ta' klassifikazzjoni nazzjonali jikkorrispondu ma' xulxin u b'hekk jistabbilixxi raġunijiet komuni għall-iskambju tad-dejta skont is-CISE.

Stadju 4 – L-iżvilupp ta' qafas ta' appoġġ għas-CISE li jiddefinixxi qafas tekniku ta' appoġġ għas-CISE, u għalhekk għat-twaqqif ta' punt ta' referenza komuni bejn is-sistemi settorjali eżistenti u dawk ippjanati bil-għan li jkun jista' jseħħ skambju tad-dejta settorjali. Dan għandu jitfassal mir-rappreżentanti tad-diversi Komunitajiet tal-Utenti settorjali bbażati fuq ir-riżultati disponibbli tal-FP7 u l-proġetti pilota (eż. MARSUNO, BluemassMed, il-proġett pilota EUROSUR dwar in-netwerk ta' komunikazzjoni, GMES, PT MARSUR, proġetti pilota bbażati fuq SafeSeaNet).

Stadju 5 – L-istabbiliment ta' drittijiet ta' aċċess iwassal għall-identifikazzjoni tad- drittijiet tal-utenti li jappartjenu lill-komunitajiet settorjali differenti sabiex ikun hemm aċċess intersettorjali għal gruppi ta' dejta varji. Dan għandu x'jaqsam biss ma' dejta li għandha tiġi skambjata permezz tas-CISE fl-UE u fiż-ŻEE[5].

Stadju 6 – Il-garanzija tar-rispett tad-dispożizzjonijiet legali timmira lejn garanzija li jkun hemm qafas legali ċar għall-iskambju, li mill-inqas jiddefinixxi n-natura tad-dejta involuta, il-kapaċità u d-dritt tal-fornituri tad-dejta u tar-riċevituri għall-iskambju tad-dejta, l-għanijiet (u l-metodi) tal-iskambju kif ukoll li tiġi inkorporata l-protezzjoni meħtieġa fir-rigward tal-kunfidenzjalità u s-sikurezza ta' (ċerta) dejta u l-protezzjoni ta' dejta personali, fejn din tista' tkun rilevanti. L-ostakoli għall-iskambju tad-dejta preżenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għandhom ikunu identifikati u għandhom jiġu eżaminati s-soluzzjonijiet biex dawn ikunu megħluba.

L-ISTADJI LEJN PJAN DIREZZJONALI

Prinċipju 1: Approċċ li jgħaqqad lill-Komunitajiet tal-Utenti kollha inkluż il-Komunità tad-Difiża

Stadju 1: L-identifikazzjoni tal-Komunitajiet tal-Utenti kollha

Għan: l-identifikazzjoni tal-membri tas-CISE

Deskrizzjoni : Meta wieħed iqis illi l-organizzazzjoni interna tal-awtoritajiet tal-Istati Membri tvarja b'mod konsiderevoli, huwa propost li jkunu determinati l-Komunitajiet ta' Utenti li qed jipparteċipaw fis-CISE b'rabta mal- 'funzjonijiet' imwettqa li ġejjin:

4. Is-Sigurtà Marittima[6] (inkluż it-Tiftix u s-Salvataġġ), is-Sigurtà Marittima[7] u l-prevenzjoni mit-tniġġis ikkawżat mill-vapuri[8],

5. Il-kontroll tas-sajd

6. Il-preparazzjoni għat-tniġġis marittimu u r-rispons; L-Ambjent tal-baħar

7. Id-Dwana[9]

8. Il-Kontroll tal-fruntieri[10]

9. L-infurzar tal-liġi ġenerali[11]

10. Difiża[12]

Deskrizzjoni indikattiva ta' dawk il-funzjonijiet tingħata fl-Anness.

Azzjoni : Kull Stat Membru għandu jidentifika liema awtorità jew awtoritajiet ikollha jew ikollhom il-funzjonijiet imsemmija hawn fuq. Tista' tiġi identifikata aktar minn awtorità waħda għal kull funzjoni. Abbażi ta' dan, dawn l-awtoritajiet se jkunu rikonoxxuti bħala membri tal-Komunità tal-Utenti u kull waħda tkun intitolata biex " tipprovdi u/jew tirċievi informazzjoni fuq livell nazzjonali minn sistemi u mekkaniżmi internazzjonali, reġjonali, Komunitarji, militari, u tas-sigurtà interna fuq il-bażi tal-ħtieġa tal-għarfien, f'konformità mal-kundizzjonijiet tal-użu u drittijiet ta' aċċess definiti għall-utent, sabiex tinbena l-istampa tas-sitwazzjoni individwali definita skont l-utent. " (Prinċipju 1 tal-Komunikazzjoni tal-2009).

Kull awtorità identifikata għandha tindika wkoll jekk hijiex marbuta ma' netwerk nazzjonali, reġjonali jew Ewropew u tidentifika l-membri l-oħra ta' dan in-netwerk.

B'mod partikolari fil-livell tal-UE, il-funzjoni (1) hija diġà koperta mid-Direttiva Ewropea għall-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti[13] Minħabba li s-sistema hija operazzjonali, l-utenti tagħha diġà kienu definiti.

Fil-livell tal-UE, funzjoni (5) se tkun koperta permezz ta' EUROSUR, li se tagħti lill-Istati Membri l-qafas tekniku u operazzjonali xieraq biex jiżdied l-għarfien dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni tagħha u biex jitjiebu il-kapaċitajiet ta' reazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

Funzjoni (6) tikkonċerna żona kbira, koperta b'mod partikolari mir-responsabbilitajiet interni ta' sigurtà trattati mill-EUROPOL u aġenziji oħra rilevanti. L-integrazzjoni tad-dejta fin-netwerk EUROSUR għandu wkoll jiġi kkunsidrat.

Flimkien ma' din l-azzjoni, il-Kummissjoni għandha telenka l-aġenziji/l-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE skont il-funzjonijiet rilevanti.

Atturi : L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti

Żmien: L-aħħar tal-2010

Stadju 2: L-Identifikazzjoni ta' Gruppi ta' Dejta u Analiżi tad-Differenza għal Skambju tad-Dejta

Għan : Sabiex jiġu ddeterminati s-serje ta' dejta għas-sorveljanza eżistenti u futura u sabiex tkun identifikata domanda mifruxa fuq l-UE għall-iskambju tad-dejta intersettorjali li bħalissa mhux qed jaqbel mal-provvista. Dan għandu jsir fuq livell nazzjonali, reġjonali u dak tal-UE.

Deskrizzjoni : Id-dejta dwar il-monitoraġġ u s-sorveljanza rilevanti għas-CISE tinsab fis-sistemi tal-UE u dawk nazzjonali żviluppati skont il-liġi tal-UE kif ukoll fis-sistemi nazzjonali u reġjonali żviluppati skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali. It-tfassil ta' mappa li tkopri kull dejta dwar is-sorveljanza tal-Komunità tal-Utenti li hemm disponibbli u d-domanda ta' din il-Komunità għal dejta rilevanti mill-komunitajiet l-oħrajn għandha tippermetti l-identifikazzjoni tad-differenza rispettiva bejn id-domanda u l-provvista ta' dejta dwar is-sorveljanza marittima.

L-identifikazzjoni ta' differenza preżenti bħal din turi l- valur miżjud li jiġi prodott meta din id-differenza tiġi assoċjata permezz ta' skambju eventwali ta' dejta dwar is-sorveljanza marittima intersettorjali mal-UE kollha.

Azzjoni :

(a) Identifikazzjoni tad-dejta: Kull Komunità tal-Utenti f'kollaborazzjoni mal-gruppi ta' xogħol rispettivi tagħhom u l-Aġenziji tal-UE (jekk xieraq) għandha tidentifika d-dejta rilevanti dwar is-sorveljanza li tuża bħalissa (identifikazzjoni tal-provvista), id-domanda tagħha għal dejta rilevanti minn komunitajiet oħrajn (identifikazzjoni tad-domanda) filwaqt li tindika l-bażi legali korrispondenti għal kull grupp ta' dejta u jekk din għandhiex informazzjoni li tinvolvi dejta personali jew id-dritt għall-proprjetà intelletwali (IPR) jew kwalunkwe restrizzjoni legali oħra.

(b) Analiżi tad-differenza : Abbażi ta' din l-identifikazzjoni, għandha tiġi stabbilita d-differenza bejn id-domanda u l-provvista.

Atturi : Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri f'kollaborazzjoni stretta mal-gruppi ta' ħidma settorjali.

Dan ix-xogħol għandu jkun iffaċilitat permezz ta' Grupp Tekniku Konsultattiv (TAG) ad hoc multidixxiplinarju magħmul minn rappreżentanti ta' kull Komunità tal-Utenti, rappreżentant minn BLUEMASSMED u MARSUNO kif ukoll Aġenziji tal-UE u inizzjattivi pertinenti. Kull espert minn dawn għandu jikkontribwixxi permezz ta' għarfien sħiħ tal-progress li sar fil-qasam. It-TAG se jipprovdi mudell għall-identifikazzjoni tad-domanda u l-provvista msemmija aktar 'il fuq abbażi ta' liema Komunitajiet tal-Utenti individwali jagħtu l-kontribut tagħhom. Ix-xogħol ta' dan il-grupp għandu jkun iffaċilitat permezz taċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea li jagħmel l-aħjar użu mill-inizzjattivi attwali u dawk ippjanati fil-livell tal-UE. Kwalunkwe progress li jsir għandu jkun ippreżentat lill-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri.

Żmien : L-aħħar tal-2011

Prinċipju 2: Il-bini ta' qafas tekniku għall-interoperabbiltà – L-aħjar użu tas-sistemi eżistenti filwaqt li jinżammu konnessjonijiet (minn punt għal punt) dedikati għal ċertu tipi ta' dejta

Stadju 3: Livelli ta' Klassifikazzjoni ta' Dejta Komuni

Għan : Sabiex ikun iffaċilitat l-iskambju intersettorjali, il-Komunitajiet tal-Utenti għandhom jiżviluppaw approċċ komuni meta jqassmu l-livelli ta' klassifikazzjoni.

Deskrizzjoni : Minħabba l-fatt li s-CISE għandha tkun biss għodda ta' trażmissjoni bejn il-komunitajiet ta' utenti differenti, u mhux pjattaforma (iċċentralizzata) fejn tinżamm dejta li tista' tkun skambjata, kull Komunità tal-Utenti tibqa' responsabbli għall-ġbir u l-ħażna tad-dejta tagħha permezz tas-sistemi settorjali tagħha u l-istandards tas-sigurtà. Madankollu dan iwassal għall-problema fejn l-istess gruppi ta' dejta jistgħu jkunu kklassifikati mill-komunitajiet tal-utenti differenti b'mod differenti. Sabiex tinbena biżżejjed fiduċja għall-iskambju tad-dejta b'mod intersettorjali u diċentralizzat, hemm il-bżonn li jkun żviluppat approċċ komuni fir-rigward tal-livelli ta' klassifikazzjoni. Il-livelli ta' klassifikazzjoni ta' dejta rikonoxxuti minn kulħadd stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea[14] għandhom ikunu applikati.

Azzjoni : L-iżvilupp ta' ontoloġija komuni sabiex l-istess dejta jkollha l-istess klassifikazzjoni jew waħda kompatibbli bil-għan li jkun iffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni intersettorjali, f'żewġ fażijiet:

11. Ħarsa ġenerali komparattiva fir-rigward tal-attribuzzjoni tal- livelli ta' klassifikazzjoni tad-dejta (eż. UE Ristretta, UE Kunfidenzjali, eċċ.) lill-gruppi ta' dejta rilevanti. Dawk il-livelli se jkunu riflessi f'xogħol ta' definizzjoni li se jsir fil-futur.

12. Il-Komunitajiet tal-Utenti għandhom jivverifikaw il-prattiċi attwali tagħhom fir-rigward tal-attribuzzjoni tal-varji livelli ta' klassifikazzjoni ta' dejta lill-gruppi ta' dejta rilevanti.

Atturi :

Stadju 1 għandu jitwettaq mill-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri b'appoġġ mill-Grupp Tekniku Konsultattiv (TAG) imsemmi aktar 'il fuq.

Stadju 2 għandu jsir mill-Komunitajiet tal-Utenti rilevanti, b'appoġġ milll-gruppi ta' ħidma ta' esperti rilevanti u mill-Aġenziji tal-UE hekk kif xieraq filwaqt li jikkunsidraw kull inizzjattiva rilevanti oħra bħal ma huma proġetti pilota li qed isiru bħalissa. Il-proġetti pilota MARSUNO u BluemassMed li jitrattaw l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima għandhom jassistu lill-Komunitajiet tal-Utenti f'din il-ħidma.

Żmien :

Stadju 1: 2011

Stadju 2: L-ewwel trimestru tal-2012

Stadju 4: L-iżvilupp ta' qafas ta' appoġġ għas-CISE

Għan : Biex ikunu stabbiliti servizzi interoperabbli u lingwa teknika komuni għall-iskambju ta' dejta dwar is-sorveljanza marittima b'mod deċentralizzat.

Barra minn dan, irid ikun hemm attenzjoni sabiex is-sigurtà ġenerali tal-IT tas-CISE tkun żgurata u żviluppata.

Deskrizzjoni : Meta tiġi identifikata d-dejta għall-iskambju fi Stadju 2, iridu jiġu stabbiliti l-aħjar mezzi tekniċi għall-iskambju tad-dejta.

Jista' jiġi maħsub approċċ komuni għal-lingwa tal-informatika bil-għan li tkun permessa l-interoperabbiltà tad-dejta bejn is-sistemi rilevanti. F'approċċ bħal dan, il-Komunitajiet tal-Utenti jistgħu jittraduċu d-dejta tagħhom li ġejja mis-sistemi tagħhom stess f'format li sar qbil ġenerali dwaru disponibbli għall-Komunitajiet tal-Utenti kollha u li jista' jinqara minn kull sistema tal-kompjuter awtorizzata li taċċessa n-netwerk. Sa ċertu punt, is-softwer komuni meħtieġ jista' jkun żviluppat b'mod konġunt fl-ambitu ta' sistema open source.

Il-vantaġġi ta' approċċ bħal dan għall-iskambju tad-dejta jkunu li:

13. Jippermetti Ambjent Komuni għall-Iskambju ta' Informazzjoni 'CISE' b'mod relattivament sempliċi (li jevita xogħol prinċipali ta' standardizzazzjoni bejn sistemi differenti ta' sorveljanza) li għandhom jiġu żviluppati pass wara pass u jibdew mill-informazzjoni li tista' tinqasam b'mod aktar faċli.

14. Sistemi eżistenti tad-diversi msieħba jintlaqtu biss sakemm jiżdied modul li jippermetti lis-servizzi tal-Internet li jieħdu d-dejta meħtieġa.

15. Approċċ għal żvilupp tas-softwer open source jippermetti li l-lingwa tal-informatika użata b'mod ġenerali tkun aġġornata fi kwalunkwe żmien skont il-ħtiġijiet tal-futur, u b'hekk ikunu evitati żviluppi multipli għaljin u mhux meħtieġa, l-esklussività tal-bejjiegħ hekk kif jgħin biex jinbnew komunitajiet b'interess komuni.

Madankollu, ċirkustanzi oħra jistgħu jitolbu l-iskambju tad-dejta u l-interoperabbiltà bbażati fuq tekniki u proċeduri oħrajn differenti mill-approċċ maħsub (eż. f'każijiet ta' dejta fi żmien reali, speċjalment meta din tkun ta' natura kklassifikata, jew meta tinkiseb simultanjament fuq distanzi kbar.) F'każijiet bħal dawn, jistgħu jkunu meħtieġa tekniki differenti (eż dawk ibbażati fuq teknoloġiji satellitarji), filwaqt li jiġu kkunsidrati l-istandards internazzjonali tad-dejta, bħal dawk li jinsabu fid-Direttorju ta' Elementi Kummerċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (United Nations Trade Elements Directory - UNTDED), l-esperjenza prattika ta' proġetti rilevanti tal-RTD u sistemi ta' skambju ta' informazzjoni militari diġà żviluppati. Ir-riżultati minn proġetti ta' riċerka li għadhom qed isiru, li huma rilevanti għat-tisħiħ tal-kompetittività industrijali, eż. f'termini tal-iżvilupp ta' standards xierqa ta' interoperabbiltà, jistgħu wkoll ikunu utli fit-tisħiħ tal-bażi teknoloġika għas-CISE.

Azzjoni: Il-Grupp Tekniku Konsultattiv (TAG) imsemmi aktar 'il fuq għandu jiddefinixxi l-għażliet li għandhom jiġu ppreżentati u diskussi mal-Komunitajiet tal-Utenti. Kwalunkwe progress li jsir għandu jiġi ppreżentat lill-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri.

Atturi : TAG, il-GRUPP TA' ESPERTI TAL-ISTATI MEMBRI u l-gruppi ta' xogħol settorjali

Żmien : 2012

Prinċipju 3: Kooperazzjoni Ċivili/Militari

Il-Komunità tad-Difiża għandha tipparteċipa fl-elaborazzjoni tas-CISE. Biex tagħmel dan, fl-ambitu ta' Stadju 1, l-Istati Membri jidentifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tagħhom. Għalhekk kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet militari tiegħu jkomplu jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali billi jipparteċipaw f'sottogrupp fi ħdan il-Kummissjoni ta' Esperti tal-Istati Membri dwar l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) se tieħu sehem bħala l-Aġenzija rilevanti fil-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri u fil-Grupp Tekniku Konsultattiv li jagħti l-kontribut tiegħu permezz tal-għarfien li għandu dwar it-Tim ta' Proġett dwar is-sorveljanza Marittima (PT-Marsur).

Ir-Rapport tal-EDA "Wise Pen" se jkun ippublikat fis-26/04/2010 u huwa ta' kontribut importanti lejn l-iżvilupp ta' kooperazzjoni aħjar bejn is-CSDP u l-atturi ċivili tas-sorveljanza marittima, l-aktar fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni.

Prinċipju 4: Dispożizzjonijiet legali speċifiċi

Stadju 5: Id-Definizzjoni tad-dritt ta' aċċess

Għan : Stadju 5 jikkonsisti fid-determinazzjoni tad-dritt ta' aċċess tal-Komunitajiet tal-Utenti għad-dejta ta' xulxin.

Deskrizzjoni : Skont l-istadji preċedenti, kull Komunità tal-Utenti għandha tistabbilixxi liema drittijiet ta' aċċess trid tagħti lill-komunitajiet tal-utenti oħra għal kwalunkwe grupp ta' dejta (tal-UE jew dejta nazzjonali) li tixtieq taqsam u li qed jitolbu komunitajiet tal-utenti oħrajn.

Id-drittijiet ta' aċċess tal-utenti għandhom bżonn ikunu kkonsolidati u aġġornati. Sabiex jiġu indirizzati ċirkustanzi speċifiċi, id-drittijiet ta' aċċess se jkunu ġestiti b'mod dinamiku mis-sidien tal-informazzjoni u jistgħu jinkludu l-possibbiltà, f'ċirkustanzi speċifiċi, li l-aċċess ikun ibblokkat jew jingħata aktar meta jkun hemm bżonn.

Azzjoni : Skont mudell żviluppat mit-TAG, il-Komunitajiet tal-Utenti jiddikkjaraw l-intenzjoni tagħhom li jaqsmu gruppi partikulari tad-dejta tagħhom ma' Komunitajiet ta' Utenti oħra abbażi tal-ħtiġijiet tad-dejta identifikati fl-analiżi tad-differenza msemmija 'il fuq. Minħabba li s-CISE mhijiex pjattaforma għall-ħżin tad-dejta, iżda għodda għal trasferiment tad-dejta minn punt għal ieħor, hemm bżonn li jsir studju dwar sa liema punt il-politiki eżistenti tad-dejta settorjali jistgħu jintużaw għal skambju tad-dejta intersettorjali permezz tas-CISE. Il-Grupp Tekniku Konsultattiv għandu jiġbor il-proposti magħmula mill-Komunitajiet tal-Utenti f'tabella komprensiva ta' deskrizzjoni. Din it-tabella għandha tkun sottomessa mill-Kummissjoni lill-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri biex tiġi vvalidata.

Dan l-approċċ jipprovdi r-riżultat li ġej:

16. L-għaqda tal-Komunitajiet tal-Utenti bbażata fuq il-loġika għarfien/skambju

17. Qafas mhux ġerarkiku għall-interoperabbiltà

18. Ambjent flessibbli ta' skambju ta' informazzjoni li jippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu dejta nazzjonali/reġjonali skont il-ħtieġa

19. Approċċ komuni għall-attribuzzjoni tal-livelli ta' klassifikazzjoni tad-dejta

20. L-effiċjenza fl-infiq hekk kif l-istess dejta tintuża għal raġunijiet differenti

Attur: It-TAG, gruppi ta' ħidma settorjali f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri.

Żmien : 2012

Stadju 6: Il-provvediment ta' qafas legali koerenti

Għan : Biex ikun hemm garanzija li d-dejta hija skambjata skont qafas legali xieraq.

Deskrizzjoni : Sal-aħħar tal-2011, il-proġetti pilota għandhom jipprovdu ħarsa preliminarja lejn l-ostakli legali, amministrattivi u dawk tekniċi li jfixklu l-iskambju tad-dejta, l-aħjar modi għall-promozzjoni tal-iskambju u l-identifikazzjoni ta' kif wieħed għandu jikkonforma mal-ħtiġijiet ta' kunfidenzjalità u l-iskambju ta' informazzjoni. Għalhekk dan l-istadju għandu l-għan li jiżgura li għal kull skambju hemm qafas ċar fir-rigward tad-drittijiet u d-dmirijiet rispettivi tal-parteċipanti fl-iskambju. Għandu jkun hemm kunsiderazzjoni xierqa flimkien ma' kwistjonijiet legali, bħall-kunfidenzjalità tad-dejta, id-drittijiet ta' proprjetà intelletwali, protezzjoni tad-dejta personali kif ukoll il-pussess tad-dejta, skont liġi nazzjonali u internazzjonali.

Azzjoni : L-identifikazzjoni ta' liema ħtiġijiet ta' skambju ta' informazzjoni huma diġà koperti minn qafas legali internazzjonali jew dak tal-UE u dawk li għandhom bżonn ikunu stabbiliti abbażi tal-qafas jew oqsfa leġiżlattivi ġodda.

Atturi : Il-GRUPP TA' ESPERTI TAL-ISTATI MEMBRI f'koordinazzjoni mal-gruppi ta' esperti settorjali.

Valutazzjoni ta' Impatt inkluż dik dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji

Il-Kummissjoni se twettaq Valutazzjoni ta' Impatt li għandha tkun sostnuta mill-istadji 1 sa 6 tal-Pjan Direzzjonali preżenti qabel ma titressaq proposta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew għall-implimentazzjoni tas-CISE. Se tistabbilixxi perjodu ta' żmien xieraq biex l-Istati Membri u l-korpi rilevanti tal-UE jimplimentaw is-CISE.

Sabiex ikun żgurat li l-Unjoni taġixxi biss fil-limiti ta' kompetenzi li jingħatawlha mill-Istati Membri fit-Trattati, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-UE, kull meta l-azzjonijiet jolqtu kwistjonijiet ta' kompetenza nazzjonali (eż. stadju 2), dawn ma jkunux riflessi fil-pjan direzzjonali u lanqas fil-proposta tal-Kummissjoni.

Żmien : L-istadji differenti tal-abbozz ta' pjan direzzjonali u b'mod partikolari x-xogħol fil-Grupp tal-Esperti tal-Istati Membri u fil-gruppi ta' ħidma settorjali għandhom jikkostitwixxu elementi varji ta' tħejjija tal-Valutazzjoni ta' Impatt. L-abbozzar aħħari tal-Valutazzjoni ta' Impatt għandu jsir sal-2013.

KONKLUżJONI

L-abbozz attwali tal-Pjan Direzzjonali jistabbilixxi approċċ flessibbli, pass wara pass, lejn il-bini ta' CISE deċentralizzat li jirrifletti konsultazzjoni estensiva mal-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri hekk kif mitlub mill-Kunsill.

L-implimentazzjoni effettiva tiegħu tiddependi fuq l-impenn tal-atturi identifikati tul l-istadji differenti. Il-Kummissjoni se tiżgura l-implimentazzjoni koerenti tal-Pjan Direzzjonali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu garanzja ta' koerenza tali fil-gruppi ta' ħidma settorjali. Il-Grupp ta' Esperti tal-Istati Membri għandu jiżgura koerenza ġenerali fil-proċess ta' integrazzjoni tas-sorveljanza marittima.

Il-punt sa fejn l-approċċ reġjonali jkun segwit għas-CISE għandu jkun rifless aktar mill-Istati Membri fi ħdan il-proġetti pilota MARSUNO u BlueMassMed u rriferuti għas-sottogrupp ta' Esperti tal-Istati Membri fi ħdan il-Kummissjoni. Dan il-grupp se jirrifletti wkoll dwar il-limitu u l-modalitajiet ta' assoċjazzjoni tal-pajjiżi kandidati jew dawk potenzjalement kandidati ma' din l-inizzjattiva fi stadju xieraq tal-proċess ta' integrazzjoni. L-assoċjazzjoni xierqa ta' ċerta Stati li mhumiex membri tista' wkoll tkun ikkunsidrata fil-futur. Hekk kif mitlub mill-Kunsill, dan il-Pjan Direzzjonali se jkunu rivedut fl-aħħar tal-2011.

ANNESS

.

Il-Membri tas-CISE (Komunitajiet tal-Utenti) | Monitoraġġ tas-CISE u l-funzjonijiet ta' appoġġ |

1. Is-Sikurezza Marittima (li tinkludi SAR) , is-sikurezza marittima u l-prevenzjoni mit-tniġġis ikkawżat mill-vapuri | Il-monitoraġġ tal-konformità mar-regolamenti dwar is-sikurezza u l-prevenzjoni mit-tniġġis ikkawżat mill-vapuri (bini, tagħmir, ekwipaġġ/passiġġieri, tagħbija); appoġġ għall-operazzjonijiet ta' infurzar |

Il-monitoraġġ tal-konformità mar-regolamenti dwar is-sikurezza tan-navigazzjoni (sikurezza dwar it-traffiku tal-bastimenti); appoġġ għall-operazzjonijiet ta' infurzar |

Il-monitoraġġ tal-konformità mar-regolamenti dwar is-sigurtà tal-vapuri; appoġġ għall-operazzjonijiet ta' infurzar |

Appoġġ għal fluss sikur u effiċjenti tat-traffiku tal-bastimenti; ġestjoni tat-traffiku tal-bastimenti |

Twissija/identifikazzjoni bikrija tal-vapuri/persuni f'diffikultà; appoġġ għall-operazzjonijiet ta' rispons (tiftix u salvataġġ, salvataġġ ieħor relatat mal-vapuri u bastimenti, post għal rifuġju) |

Twissija/identifikazzjoni bikrija għat-theddid għas-sigurtà marittima, fl-ambitu ta' SOLAS Kapitolu XI-2; appoġġ għall-operazzjonijiet ta' rispons |

Twissija/identifikazzjoni bikrija tat-theddid/atti ta' piraterija jew serq bl-użu tal-armi; appoġġ għall-operazzjonijiet ta' rispons |

2. Il-kontroll tas-sajd | Monitoraġġ tal-konformità mar-regolamenti tas-sajd; appoġġ għall-operazzjonijiet ta' infurzar |

Twissija/identifikazzjoni bikrija tas-sajd illegali jew tal-ħatt tal-ħut; appoġġ għall-operazzjonijiet ta' rispons |

3. Il-preparazzjoni għat-tniġġis tal-baħar u r-rispons; L-Ambjent tal-baħar | Il-monitoraġġ tal-konformità mar-regolamenti dwar il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar; appoġġ għall-operazzjonijiet ta' infurzar |

Twissija/identifikazzjoni bikrija ta' inċidenti/aċċidenti li jista' jkollhom impatt ambjentali; appoġġ għall-operazzjonijiet ta' rispons kontra t-tniġġis |

4. Id-Dwana | Il-monitoraġġ tal-konformità mar-regolamenti tad-dwana dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u ċ-ċaqliq ta' oġġetti; appoġġ għall-operazzjonijiet ta' infurzar |

Twissija/identifikazzjoni bikrija għat-traffikar kontra l-liġi ta' oġġetti (narkotiċi, armi, eċċ); appoġġ għall-operazzjonijiet ta' rispons |

5. Kontroll tal-fruntieri | Il-monitoraġġ tal-konformità mar-regolamenti dwar l-immigrazzjoni u l-qsim tal-fruntieri; appoġġ għall-operazzjonijiet ta' infurzar |

Twissija/identifikazzjoni bikrija tal-każi ta' immigrazzjoni illegali jew ta' traffikar tan-nies; appoġġ għall-operazzjonijiet ta' rispons |

6. Infurzar ġenerali tal-liġi | Il-monitoraġġ tal-konformità mal-liġi applikabbli fiż-żoni tal-baħar, fejn hemm kompetenza politika u appoġġ għar-rinforz u/jew operazzjonijiet ta' rispons |

7. Difiża | Il-monitoraġġ bħala appoġġ għal xogħlijiet ta' difiża ġenerali, bħal: L-eżerċitar tas-sovranità nazzjonali fil-baħar; Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u attivitajiet oħra ostili barra mill-UE; Xogħlijiet oħra fl-ambitu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, definiti fl-Artikolu 42 u 43 tat-TUE |

GLOSSARJU TAT-TERMINI

.

BluemassMed: Blue Maritime Surveillance System Med, Proġett pilota dwar l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima, ikkofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea

CISE: Ambjent Komuni għall-Iskambju tal-Informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE

PSDK: Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni

EDA: L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża

EUROPOL: L-Aġenzija għall-Infurzar tal-Liġi Ewropea

EUROSUR: Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri

GMES: Il-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà hija l-Inizzjattiva Ewropea għall-istabbiliment ta' kapaċità Ewropea għall-Osservazzjoni tad-Dinja

MARSUNO: Sorveljanza marittima tal-baċiri tal-ibħra fit-Tramuntana tal-Ewropa, Proġett pilota għall-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima, ikkofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea

PT MARSUR: Grupp tal-Proġett tas-Sorveljanza Marittima – proġett tal-EDA dwar ' in-netwerk ta' sorveljanza marittima'

SafeSeaNet: Safe Sea Network; Pjattaforma Ewropea għal Skambju ta' Dejta Marittima bejn l-awtoritajiet tat-trasport marittimu tal-Istati Membri.

SOLAS: Il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sikurezza tal-Ħajja fuq il-Baħar

TAG: Grupp Tekniku Konsultattiv; Magħmul minn rappreżentanti ta' dawk il-Komunitajiet tal-Utenti għas-Sorveljanza Marittima kollha li huma rilevanti; taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea t-TAG għandha tipprovdi kontribut tekniku biex ikun elaborat l-abbozz ta' Pjan Direzzjonali għall-ħolqien tas-CISE

VMS: Sistema ta' Sorveljanza Satellitari tal-Bastimenti użata fis-settur tas-sajd

Wise Pen: Tim ta' ħames Ammiralli li ppreżentaw lill-Bord tat-Tmexxija tal-EDA r-rapport: 'Sorveljanza marittima b'appoġġ għas-CSDP'

[1] COM(2009) 538 finali

[2] http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/pdf/external_relations_council_conclusions_17112009_en.pdf

[3] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/genaff/115184.pdf, paġna 16

[4] Għal-lista ddettaljata tal-Komunitajiet tal-Utenti kollha ara l-punt 3.1 u l-anness

[5] Id-dejta dwar l-ambjent għandha tkun miftuħa għall-aċċess skont il-Konvenzjoni Aarhus.

[6] Is-Sigurtà Marittima fl-ambitu tal-konvenzjonijiet IMO rilevanti b'mod partikolari l-konvenzjonijiet SOLAS, STCW u COLREG u leġislazzjoni oħra relatata tal-UE.

[7] Is-Sigurtà Marittima, fl-ambitu ta' SOLAS Kapitolu XI-2, Regolament 725/2004 u d-Direttiva 2005/65/EC. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament 725/2004: "is-sigurtà marittima" tfisser diversi miżuri preventivi bl-intenzjoni li jipproteġu t-trasport bil-baħar u l-portijiet kontra t-theddid ta' atti kriminali internazzjonali.

[8] Il-Konvenzjoni MARPOL 73/78 u leġislazzjoni oħra tal-UE relatata.

[9] B'enfasi fuq il-kontroll tal-prodotti.

[10] B'enfasi fuq il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali fil-fruntieri esterni tal-UE.

[11] B'enfasi fuq il-prevenzjoni minn kwalunkwe attività kriminali/illegali u fuq l-attivitajiet amministrattivi tal-pulizija fil-qasam marittimu tal-UE.

[12] Ara wkoll Prinċipju 3 aktar 'l isfel.

[13] 2002/59/KE kif emendat bi 2009/17/KE.

[14] Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2001, ĠU L 317 tat-3.12.2001 hekk kif emendata. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija aktar 'il fuq hija bbażata fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 01 ĠU L 101 tal-11.4.01 hekk kif emendata.

Top