This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0369
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND TO THE COUNCIL Review of Directive 94/19/EC on Deposit Guarantee Schemes
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Reviżjoni tad-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta’ Garanzija għal [tad-]Depożiti
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Reviżjoni tad-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta’ Garanzija għal [tad-]Depożiti
/* KUMM/2010/0369 finali */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Reviżjoni tad-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta’ Garanzija għal [tad-]Depożiti /* KUMM/2010/0369 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 12.7.2010 KUMM(2010)369 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Reviżjoni tad-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta’ Garanzija għal [tad-]Depożiti KUMM(2010) 368 RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Reviżjoni tad-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta’ Garanzija għal [tad-]Depożiti 1. INTRODUZZJONI Dan ir-rapport ikopri dawk il-kwistjonijiet imqajma mill-klawżoli tar-reviżjoni tal-Artikoli 7(1a) u 12(1) tad-Direttiva li mhumiex, jew mhumiex għal kollox, indirizzati mill-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 94/19/KE: – L-adegwatezza ta’ livell ta’ kopertura fissa ta’ EUR 100 000 (l-Artikolu 7(1)(a)); – L-adegwatezza u l-arranġamenti biex tiġi pprovduta kopertura sħiħa għal ċerti bilanċi tal-kontijiet miżjuda temporanjament (l-Artikolu 12(1)(b)); – Il-benefiċċji u l-kostijiet tal-introduzzjoni ta’ Skema ta’ Garanzija tad-Depożiti pan-Ewropea (l-Artikolu 12(1)(d)); – L-armonizzazzjoni tal-ambitu tal-prodotti u d-depożitanti koperti, inklużi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u tal-awtoritajiet lokali (l-Artikolu 12(1)(f)); – Ir-rabta bejn l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti u mezzi alternattivi ta’ rimborż lid-depożitanti, bħal mekkaniżmi ta’ żborż ta’ emerġenza (l-Artikolu 12(1)(g)). Dan ir-Rapport għandu għalhekk jinqara flimkien mal-proposta leġiżlattiva li jakkumpanja. Finalment, ir-rapport jiddiskuti wkoll fil-qosor ir-rabta bejn l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti u l-ħidma tal-Kummissjoni dwar ir-riżoluzzjoni bankarja. 2. IL-LIVELL U L-AMBITU TAL-KOPERTURA Din it-taqsima tittratta l-livell xieraq ta’ kopertura, il-bilanċi ta' depożitu temporanjament għoljin u l-ħtiġijiet speċjali tal-awtoritajiet u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME). 2.1. L-adegwatezza ta’ livell fiss ta’ kopertura ta’ EUR 100 000 Id-Direttiva 2009/14/KE titlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-livell tal-kopertura tagħhom ikun iffissat għal EUR 100 000. Din id-Direttiva kienet adottata fil-ħarifa tal-2008 meta l-kriżi finanzjarja aggravat. Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, f’dak iż-żmien ma saret ebda valutazzjoni tal-impatt. Il-Kummissjoni ivvalutat retroattivament l-adegwatezza ta’ livell fiss ta’ kopertura ta’ EUR 100 000. L-approċċ tal-‘armonizzazzjoni minima’ meħud mid-Direttiva 94/19/KE rriżulta f’differenzi sinifikanti bejn il-livelli ta’ kopertura fl-Istati Membri. Meta l-kriżi finanzjarja aggravat fil-ħarifa tal-2008, uħud mid-depożitanti tal-UE ttrasferixxew id-depożiti tagħhom minn banek fi Stati Membri b’livell aktar baxx ta’ kopertura għal dawk bi protezzjoni akbar tad-depożiti. Dawn id-differenzi jistgħu jikkawżaw distorsjonijiet serji. It-trasferimenti tad-depożiti bbażati biss fuq fattur wieħed (il-livell tal-kopertura) jista’ jkollhom prezz għoli għad-depożitanti, minħabba li l-bdil minn bank għal ieħor jista’, pereżempju, jaffettwa r-rata tal-imgħax li jaqilgħu. Għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, tali ħruġ f’daqqa u sinifikanti ta’ depożiti jista’ joħloq tensjonijiet qawwija ta’ likwidità. Dan jista’ jaffettwa l-‘ekonomija reali’ (minħabba li l-banek jistgħu jillimitaw l-attività ta’ self tagħhom fi żminijiet ta’ instabilità finanzjarja) u eventwalment iwassal għal intervent mill-gvern u l-użu tal-fondi pubbliċi. Barra minn hekk, jekk id-depożitanti jagħżlu l-bank tagħhom skont il-protezzjoni tad-depożiti offruta (li ma tiġix ikkontrollata mill-banek), minflok skont il-kwalità u l-kostijiet jew il-benefiċċji tal-prodott, huma ma jkunux qegħdin jieħdu vantaġġ sħiħ mis-Suq Intern. Sabiex jiġu evitati dawn id-distorsjonijiet fil-ġejjieni u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali madwar is-Suq Intern, il-livell tal-kopertura għandu fil-prinċipju jkun l-istess kullimkien. Il-livelli tal-kopertura fl-Istati Membri għadhom ivarjaw ħafna, mill-minimu ta’ EUR 50 000 għal EUR 103 291 fl-Italja[1] u saħansitra garanziji bla limitu f’xi Stati Membri. Bħalissa, 16 mis-27 Stat Membru jew diġà qegħdin japplikaw il-livell ta’ kopertura ta’ EUR 100 000 jew inkella għandhom leġiżlazzjoni fis-seħħ biex jintroduċu dan il-livell matul din is-sena. Għalhekk, ir-riverżjoni lejn kwalunkwe livell ta’ kopertura aktar baxx minn EUR 100 000 tista’ toħloq konfużjoni għad-depożitanti u, billi tiggrava bla bżonn ir-riskju tal-assalti bankarji, tista’ terġa’ ddgħajjef il-fiduċja. Jista’ wkoll jiġi miżinterpretat li l-UE nieqsa minn viżjoni ċara u strateġija globali konsistenti għar-riforma tal-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti, li huma element prinċipali tas-salvagwardja finanzjarja. Livell ta’ kopertura fiss ta’ EUR 100 000 huwa l-aħjar soluzzjoni f’termini ta’ effikaċa u kosteffiċenza. Dan il-livell għandu jtejjeb il-protezzjoni tad-depożiti b’mod sostanzjali mingħajr ma jżid b’mod sproporzjonat il-kostijiet għall-banek u d-depożitanti. Meta mqabbel mal-livelli tal-kopertura applikabbli fl-Istati Membri qabel il-kriżi finanzjarja, dan il-livell għandu jżid l- ammont tad-depożiti koperti minn 61% għal 72% tad-depożiti eliġibbli; huwa għandu jżid ukoll in- numru ta’ depożiti koperti totalment minn 89% għal 95% tad-depożiti eliġibbli. Il-benefiċċji li jġib miegħu l-adottar ta’ livell ta’ kopertura ogħla minn EUR 100 000 ikunu limitati ħafna (pereżempju, il-livell ta’ EUR 200 000 għandu jżid in-numru ta’ depożiti koperti b’mod sħiħ b’inqas minn 2% biss) u, għalhekk, kopertura ogħla ma tidhirx li tiġġustifika l-kost addizzjonali. Konsegwentement, il-mekkaniżmu attwali li jżid il-kopertura għal livell fiss ta’ EUR 100 000 huwa adattat. 2.2. Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME) u awtoritajiet lokali Bil-għan li tiġi ssimplifikata u armonizzata s-sistema u biex jiġi żgurat li jsir żborż aktar malajr billi tiġi ffaċilitata l-verifika tal-pretensjonijiet, il-Kummissjoni hija favur li tinkludi jew teskludi kategoriji sħaħ ta’ depożitanti bħal impriżi u awtoritajiet fl-Istati Membri kollha minflok tiddistingwi fi ħdan kategorija partikolari (jiġifieri skont id-daqs tal-intrapriża jew in-natura tal-awtorità) ladarba distinzjonijiet bħal dawn jieħdu ħafna ħin u jiswew ħafna flus. L-SMEs preżentament huma koperti sal-punt li huma awtorizzati jippreżentaw karti bilanċjali fil-qosor. Dan huwa bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għad-definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar skont l-UE. Billi din is-subkategorija ta’ SMEs diġà tammonta għal 98.7% tal-impriżi kollha tal-UE (99.8% li kieku kienu koperti l-SMEs kollha), il-kostijiet biex jiġu identifikati madwar 1% tad-depożitanti meta jsir l-iżborż u d-dewmien potenzjali fil-proċess biex jiġu rrimborsati d-depożitanti huma stmati li huma ogħla mill-benefiċċji mistennija tat-twarrib ta’ żborżi għal numru daqshekk baxx ta’ depożitanti. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li tkopri l-intrapriżi kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom. Billi d-depożiti mill-awtoritajiet lokali huma bħalissa esklużi f’20 Stat Membru, l-esklużjoni tagħhom għalhekk tkun rilevanti biss f’seba’ Stati Membri u jkollha impatt aktar limitat mill-inklużjoni tagħhom. Il-livell ta’ kopertura ta’ EUR 100 000 ikun insinifikanti għal ħafna minnhom, billi huwa stmat li madwar 83% tal-awtoritajiet lokali fl-UE għandhom depożiti ta’ aktar minn EUR 50 000 u madwar 72% ta’ aktar minn EUR 100 000. Madankollu, fi wħud mill-Istati Membri tal-UE-12 (pereżempju, ir-Repubblika Ċeka u l-Litwanja), id-depożiti medji tal-muniċipalitajiet huma l-aktar baxxi fl-UE, għalhekk, l-impatt hemmhekk jista’ jkun ogħla. Fl-UE hemm ħafna inqas awtoritajiet lokali minn depożitanti (madwar 121 000 awtorità lokali u 450 miljun depożitant oħrajn). In-numru limitat ta’ awtoritajiet lokali mqabbel ma’ dak tad-depożitanti l-oħrajn kollha jnaqqas l-impatt fuq l-istabilità finanzjarja f’każ ta’ falliment ta’ bank. Anki jekk il-muniċipalitajiet ikunu teknikament insolventi, hemm mezzi skont il-liġi nazzjonali li jistgħu jiġu adottati sabiex ikun żgurat li dawn ikunu jistgħu jkomplu jaqdu d-dmirijiet bażiċi tagħhom lill-pubbliku u, jekk ikun meħtieġ, dawn għandhom aċċess ferm aktar faċli għall-kreditu miċ-ċittadini ordinarji. Filwaqt li l-impriżi kollha għandhom ikunu koperti minn Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti, l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu esklużi. 3. SKEMA PAN-UE TA’ GARANZIJA TAD-DEPOżITI Sabiex itejbu l-kooperazzjoni transkonfinali fost l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti u jegħlbu l-frammentazzjoni attwali tas-sistema (fl-UE hemm kważi 40 skema), is-servizzi tal-Kummissjoni analizzaw il-benefiċċji u l-kostijiet tal-introduzzjoni ta’ Skema pan-UE ta’ Garanzija tad-Depożiti. L-alternattivi strutturali li ġejjin kienu kkunsidrati: - entità waħda li sservi bħala skema pan-UE, li tieħu post l-iskemi eżistenti; - skema addizzjonali fil-livell tal-UE (l-hekk imsejħa t-‘28 reġim’) li tissupplimenta u tappoġġja l-iskemi eżistenti fis-27 Stat Membru; - netwerk ta’ skemi eżistenti (‘sistema tal-UE ta’ Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti’), inkluża faċilità ta’ self reċiproku; dan ikun ifisser li jekk tiġi eżawrita l-kapaċità finanzjarja ta’ SDG waħda, din tkun tista’ tissellef il-flus mill-iskemi l-oħrajn (sistema simili hija applikata fl-Awstrija). Fir-rigward ta’ sħubija, ġew ikkunsidrati l-alternattivi li ġejjin: (i) il-banek kollha bħala membri; (ii) il-banek transkonfinali biss bħala membri (jiġifieri l-banek b’fergħat fi Stat Membru ieħor); (iii) banek kbar u sistematikament importanti biss bħala membri. Skema ta’ Garanzija tad-Depożiti pan-UE waħda tkun kosteffiċenti, minħabba li tiffranka spejjeż amministrattivi ta’ madwar EUR 40 miljun fis-sena. Għalhekk, tista’ tkun soluzzjoni ekonomikament effikaċi biex tegħleb il-problema tal-frammentazzjoni, iżda hemm xi kwistjonijiet legali li jeħtieġ li jiġu investigati aktar. Għaldaqstant, l-idea ta’ skema pan-UE waħda għandha titqies bħala proġett aktar fit-tul u tkun soġġetta għal reviżjoni ulterjuri sal-2014. Hija għandha tkun ukoll konformi mal-iżviluppi u l-progress f’dak li għandu x’jaqsam mal-arkitettura superviżorja ġdida fl-UE u mal-iżviluppi fir-riżoluzzjoni bankarja (ara t-taqsima li jmiss). Sistema tat-‘28 reġim’ tidher pjuttost ineffikaċi minħabba li żżid il-kumplessità mingħajr ma tissolva l-problema tal-inkonsistenzi li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ kważi 40 skema fl-UE. Huwa relattivament faċli li jitwaqqaf netwerk ta’ skemi eżistenti (‘sistema tal-UE ta’ Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti’) ladarba dan ma jkun jirrikjedi ebda bidla fl-istruttura legali tal-iskemi nazzjonali. Barra minn hekk, il-fiduċja tad-depożitanti tissaħħaħ jekk ikun hemm faċilità ta’ self reċiproku bejn l-iskemi, minħabba li r-riskju ta’ intervent mill-gvern ikun inqas probabbli. F’din is-sitwazzjoni, netwerk ta’ Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti b’faċilità ta’ self reċiproku (ara l-Anness) għandu jitqies bħala l-ewwel pass biex tiġi stabilita skema pan-UE waħda fil-ġejjieni. Ta’ min jinnota li l-introduzzjoni ta’ skema pan-UE tippresupponi l-armonizzazzjoni sħiħa tal-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti u tista’ għalhekk tidħol fis-seħħ biss wara li jintlaħaq il-livell ta’ mira għall-fondi tagħhom ta’ 1.5% tad-depożiti eliġibbli. Skema pan-UE ta’ Garanzija tad-Depożiti ta’ kwalunkwe struttura għandha tinkludi l-banek kollha. Kwalunkwe alternattiva oħra tkun potenzjalment distortiva u tkun tidher inkonsistenti mas-Suq Intern. 4. ŻBORż TA’ EMERġENZA Il-Kummissjoni tipproponi li tnaqqas il-perjodu tal-iżborż għal sebat ijiem. Madankollu, l-iżborż ta’ emerġenza ma ġiex identifikat bħala alternattiva preferibbli. Il-ħlas malajr ta’ ċertu ammont bil-quddiem (pereżempju EUR 10 000 fi tlett ijiem) filwaqt li jinżamm il-perjodu attwali tal-iżborż (jiġifieri bejn erba’ u sitt ġimgħat) għal ammonti ta’ aktar minn EUR 10 000 jirrikjedi li l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti jħallsu darbtejn u l-ispejjeż (li jirriżultaw minn riżorsi umani u tekniċi) x’aktarx li jiżdiedu wkoll kważi bid-doppju. Żborż malajr mingħajr verifika xierqa tal-pretensjonijiet (minħabba pressjoni ta’ ħin) jista’ jirriżulta f’rata ogħla min-normal ta’ ħlasijiet żbaljati. Dan jirriżulta f’aktar spejjeż għall-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti minħabba r-riżorsi meħtieġa biex jiġu rkuprati l-flus imħallsa bi żball. Dan jista’ jkun diffiċli ħafna fil-prattika u jieħu ħafna ħin, peress li aktarx iġiegħel lill-iskemi jikkontestaw pretensjonijiet quddiem il-qrati. ‘Żborż ta’ emerġenza’ jista’ jkun ukoll ta’ detriment għall-fiduċja tad-depożitanti, minħabba li jibgħat sinjal negattiv ħafna tas-suq lid-depożitanti. Id-depożitanti li jirċievu biss parti mid-depożiti tagħhom fuq avviż qasir jistgħu jaħsbu li l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti ma għandhiex fondi biżżejjed biex tħallas l-ammont sħiħ u tista’ għalhekk tikkawża assalt fuq il-banek billi jipprovaw jirtiraw id-depożiti kollha tagħhom. Għalhekk, ‘żborż ta’ emerġenza’ ma jkunx kosteffiċenti u jista’ jnaqqas il-fiduċja tad-depożitanti. Jekk Skema ta’ Garanzija tad-Depożiti tista’ tiżborża EUR 10 000 wara tlett ijiem, hija għandha tkun tista’ wkoll tħallas EUR 100 000 fi żmien ta’ skadenza qasir jekk tkun iffinanzjata b’mod xieraq. Huwa ħafna aktar effiċenti li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb żborż standard ferm aktar malajr kif stipulat fil-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni. 5. GARANZIJA TA’ DEPOżITU U RIżOLUZZJONI BANKARJA (ALTERNATTIVI GħALL-IżBORż) L-alternattiva għall-iskattar tal-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti u l-likwidazzjoni tal-bank għandha tkun riżoluzzjoni bankarja (jiġifieri l-organizzazzjoni ta’ falliment ordnat) li tinvolvi kontinwità tas-servizzi bankarji, biex b’hekk id-depożitanti jkollhom aċċess kontinwu għall-fondi tagħhom. B’mod partikolari, id-depożiti jistgħu jiġu ttrasferiti f’bank ieħor. Madankollu, id-Direttiva dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti ma għandhiex tkun preskrittiva żżejjed fuq dawn l-alternattivi għall-iżborż, billi r-riżoluzzjoni bankarja hija s-suġġett ta’ komunikazzjonijiet separati[2] li jwittu t-triq għal proposta leġiżlattiva fil-futur qrib. Il-proposta dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti ma għandhiex tantiċipa l-ħidma li għaddejja fuq ir-riżoluzzjoni bankarja u, min-naħa l-oħra, il-progress fuq l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti ma għandux jieħu fit-tul minħabba żviluppi ulterjuri f’dan il-qasam. Soluzzjoni tajba tkun li jiġi żgurat li d-Direttiva dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti tibqa’ adattabbli għall-bidliet li jirriżultaw mill-ħidma ulterjuri fuq ir-riżoluzzjoni bankarja. Konsegwentement, il-Kummissjoni tipproponi li l-kost għall-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti tat-trasferiment tad-depożiti bħala miżura ta’ riżoluzzjoni ma għandux jaqbeż il-kost tar-rimborż lid-depożitanti. Li kieku l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti kellhom mandat usa', jiġifieri inkluż miżuri ta’ intervent bikri (eż. rikapitalizzazzjoni, assistenza fil-likwidità, garanziji, eċċ.), ikollhom ikunu ffinanzjati adegwatement. Ikun meħtieġ jinġabru fondi addizzjonali aktar mil-livell ta' mira. Ir-raġuni hija li r-riżoluzzjoni bankarja hija alternattiva għall-iżborż filwaqt li intervent bikri mhux dejjem jipprevjenti l-iżborż aktar tard. Għal din ir-raġuni, l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti għandhom jitħallew sa ċertu punt biss jużaw l-mezzi finanzjarji taħghom sabiex jevitaw falliment bankarju mingħajr ma jkunu ristretti jiffinanzjaw it-trasferiment tad-depożiti. * * * Anness: Spjegazzjoni tal-elementi tal-finanzjament f’‘netwerk tal-UE ta’ Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti’ soġġett għal self reċiproku [pic] Sors: Is-Servizzi tal-Kummissjoni. [1] Fin-Norveġja, il-livell (konvertit) ta’ kopertura jammonta għal aktar minn € 240 000. [2] Ara COM(2009)561 u COM(2010)254.