Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0343

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew

/* KUMM/2010/0343 finali */

52010DC0343

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew /* KUMM/2010/0343 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 7.7.2010

KUMM(2010)343 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew

Investment presents itself as a new frontier for the common commercial policy. It-Trattat ta' Lisbona jipprovdi għall-Unjoni biex tikkontribwixxi għat-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq l-investiment barrani dirett. F'dan ir-rigward it-Trattat jagħti kompetenza esklużiva lill-Unjoni[1]. Din il-Komunikazzjoni tesplora kif l-Unjoni tista' tiżviluppa politika ta' investiment internazzjonali li żżid il-kompetittività tal-UE u għaldaqstant tikkontribwixxi għall-għanijiet ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, kif stipulat fl-Istrateġija Ewropa 2020[2]. Din tħares lejn l-orjentazzjonijiet ewlenin ta' politika ta' investiment għall-futur, kif ukoll lejn il-parametri ewlenin għal azzjoni immedjata f'dan il-qasam.

B'mod parallel ma' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament li jistabbilixxi arranġamenti tranżitorji marbuta mal-ftehim tal-investiment bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi[3]. L-għan tagħha hu li tipprovdi ċertezza legali kemm lill-investituri tal-UE u dawk barranin li joperaw skont dawn it-termini ta' dan il-ftehim. Ir-Regolament propost u din il-Komunikazzjoni huma biss l-ewwel passi fl-iżvilupp ta' politika ta' investiment internazzjonali Ewropew, li se jkun gradwali u mmirat u se jqis ukoll tweġibiet għal din il-Komunikazzjoni.

DEFINIZZJONI, IMPATT U XEJRIET REċENTI

L-investiment barrani dirett (IBD) hu ġeneralment ikkunsidrat li jinkludi kwalunkwe investiment barrani li jservi biex jistabbilixxi konnessjonijiet fit-tul u diretti mal-impriża li għaliha l-kapital hu disponibbli sabiex twettaq attività ekonomika[4]. Meta l-investimenti jieħdu l-forma ta' pussess ta' ishma dan l-għan jassumi minn qabel li l-ishma jippermettu lill-azzjonist biex jipparteċipa b'mod effettiv fil-ġestjoni ta' dik il-kumpanija jew fil-kontroll tagħha[5]. Dan jikkuntrasta ma' investimenti barranin fejn m'hemmx intenzjoni li jinfluwenzaw il-ġestjoni u l-kontroll ta' impriża. Investimenti bħal dawn, li ħafna drabi jkunu fuq medda qasira ta' żmien u xi kultant ta' natura spekulattiva, ta' spiss jissejħu "investimenti tal-portafoll"[6].

Il-globalizzazzjoni rat żieta drammatika ta' movimenti ta' kapital, inklużi notevolment tal-IBD Kemm bħala kawża u effett tal-globalizzazzjoni, fl-2007, is-sena qabel l-investiment kien affettwat mit-turbulenza ekonomika u finanzjarja globali, il-flussi tal-IBD kellhom rekord għoli ta' kważi EUR.1 5000 biljun[7].

L-IBD jirrappreżenta sors importanti ta' profitti ta' produttività u għandu rwol kruċjali fit-twaqqif u l-organizzazzjoni ta' negozji u impjiegi kemm fil-pajjiż u barra mill-pajjiż. Permezz tal-IBD, il-kumpaniji jibnu l-katini ta' forniment globali li huma parti mill-ekonomija internazzjonali moderna. L-innovazzjoni fit-trasport u t-teknoloġiji ta' informazzjoni min-naħa tagħhom iffaċilitaw il-kummerċ u l-globalizzazzjoni tal-intrapriża tan-negozju lil hinn mill-konfini ta' korporazzjonijiet kbar. L-investiment u l-kummerċ illum jiddependu minn xulxin u jikkumplimentaw lil xulxin. Illum madwar nofs il-kummerċ dinji jsir bejn affiljati ta' intrapriżi multinazzjonali, li jinnegozjaw oġġetti u servizzi intermedji.

Filwaqt li r-relazzjoni bejn l-IBD u t-tkabbir ekonomiku u l-benessri hija waħda kumplessa, meta wieħed iqis kollox, kemm l-investiment intern u dak barrani għandhom impatt pożittiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi ġewwa u barra l-UE, inklużi l-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Fl-UE, l-investiment barrani jagħmel kontribuzzjoni pożittiva u sinifikanti lejn il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, notevolment fil-forma ta' produttività ogħla. Għall-kuntrarju ta' opinjoni li xi kultant tkun espressa, reviżjoni tal-istat kurrenti tar-riċerka fuq l-IBD u l-impjiegi turi li ebda impatt negattiv li jista' jitkejjel fuq impjieg globali għadu ma ġie identifikat b'relazzjoni mal-investiment barrani[8]. Madankollu, filwaqt li l-bilanċ aggregat huwa pożittiv, jista' jkun hemm effetti negattivi fuq bażi ta' settur speċifiku, ġeografika u/jew individwali. Għall-kuntrarju, il-benefiċċji globali tal-FDI intern fl-UE huma stabbiliti sew, notevolment b'relazzjoni mar-rwol tal-investiment barrani fil-ħolqien tal-impjiegi, mat-titjib fl-allokazzjoni ta' riżorsi, mat-trasferiment ta' teknoloġija u kapaċitajiet, maż-żieda fil-kompetizzjoni u t-tisħiħ tal-kummerċ. Dan jispjega għaliex l-Istati Membri tagħna, bħal nazzjonijiet oħrajn madwar id-dinja, jagħmlu sforzi sinifikanti biex jattiraw l-investiment barrani.

Illum, l-UE hija l-kemm ospitant kif ukoll is-sors ewlieni tad-dinja tal-IBD. Bħala "mexxejja tas-suq", l-UE tibbenefika mill-ftuħ tagħha għall-bqija tad-dinja, inkluż fil-qasam tal-investiment.

Filwaqt li l-istokkijiet u l-flussi tal-IBDI llum għadhom ikkonċentrati ħafna fost il-pajjiżi industrijalizzati, ekonomiji emerġenti tas-suq saru dejjem iktar attivi kemm bħala investituri u dawk li jirċievu l-investiment, inkluż permezz tal-investiment sponsorjat mill-istat bħal Fondi ta' Investimenti Sovrani, li mhux biss għandhom aktar assi iżda għandhom ukoll aktar politiki ta' investiment diversifikati minn qabel.[9] Din it-tendenza saret aktar viżibbli matul il-perjodu kurrenti ta' turbulenza fl-ekonomija dinjija meta l-investimenti lill-ekonomiji emerġenti u minnhom jew żdiedu jew naqsu b'mod inqas drammatiku mill-flussi bejn il-pajjiżi industrijalizzati. B'mod ġenerali, dan sarraf f'żieda tas-sehem relattiv ta' ekonomiji emerġenti fil-fluss tal-IBD globali, kemm flussi ta' dħul u dawk ta' ħruġ. Għaldaqstant, l-UE ma tistax tippermetti li toqgħod lura mill-kompetizzjoni globali biex tattira u tippromwovi l-investiment għall-partijiet kollha tad-dinja u mingħandhom.

L-INVESTIMENT BħALA FRUNTIERA ġDIDA GħALL-POLITIKA KUMMERċJALI KOMUNI

Id-deċiżjonijiet tal-investiment huma bbażati primarjament fuq il-konsiderazzjonijiet tas-suq, jiġifieri profitti mistennija mill-investimenti. Għaldaqstant, dawn id-deċiżjonijiet huma affettwati ħafna mill-ambjent ekonomiku, politiku u legali ta' kwalunkwe ekonomija kkonċernata. L-investituri jagħmlu suċċess f'ambjent stabbli, sod u prevedibbli. Politika ta' investiment internazzjonali komuni mhijiex l-uniku determinant ta' flussi ta' dħul u ta' ħruġ tal-IBD. Madankollu, din isservi l-għan fundamentali li jassigura l-investituri li huma kapaċi joperaw f'ambjent ta' negozju miftuħ, xieraq u rregolat b'mod ġust, kemm fil-fruntieri ta' pajjiż ospitanti u madwaru. F'dan ir-rigward, il-ftuħ għall-investiment għandu jkompli jservi bħala punt ta' riferiment biex jistipula l-politiki tagħna. L-UE se tkompli sservi ta' ambjent ta' investiment miftuħ, billi tilqa' investituri barranin u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-ekonomija Ewropea u s-soċjetà b'mod globali. Fl-istess ħin, l-Unjoni għandha tiżgura li l-investituri tal-UE barra l-pajjiż igawdu minn kundizzjonijiet indaqs, li jassiguraw kemm kundizzjonijiet uniformi u ottimi għall-investiment permezz tat-tneħħija progressiva ta' restrizzjonijiet fuq l-investiment. Għaldaqstant huwa garantit approċċ aktar attivist li jiżgura r-relazzjonijiet tal-investiment tal-UE ma' msieħba ta' pajjiżi terzi li jikkostitwixxi "triq b'żewġ direzzjonijiet". Għadd ta' elementi ta' bażi u studju ġenerali diġà huma disponibbli, inkluż permezz tax-xogħol analitiku estensiv li sar mill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD u l- UNCTAD. Dawn huma ta' bażi għal politika ta' investiment internazzjonali komuni.

(a) It-"TIB u l-elementi" tal-politika ta' investiment

L-aktar manifestazzjoni viżibbli tal-politiki tal-Istati Membri dwar l-investiment matul l-aħħar ħamsin sena huwa n-numru tal-hekk imsejħa Trattati tal-Investiment Bilaterali (TIB) li huma kkonkludew ma' pajjiżi terzi. Il-Ġermanja kienet l-ewwel nazzjon fid-dinja li kkonkludiet it-TIB, fl-1959, u ħafna pajjiżi madwar id-dinja segwewha, inkluż l-Istati Membri kollha minbarra wieħed[10]. B'total ta madwar 1200 ftehim li jkopri l-forom kollha tal-investiment, l-Istati Membri flimkien illum jirrappreżentaw kważi nofs il-ftehim tal-investiment li hu attwalment fis-seħħ madwar id-dinja[11]. Ħarsa ġenerali ta' TIB konklużi mill-Istati Membri hi stipulata fl-Anness ta' din il-Komunikazzjoni.

Permezz tat-TIB, l-Istati Membri fittxew, u kisbu, garanziji speċifiċi minn pajjiżi terzi dwar it-trattament tal-investituri u l-investimenti tagħhom minn dawn il-pajjiżi terzi, pereżempju impenji kontra trattament diskriminatorju jew mhux ġust jew garanzija ta' kumpens f'waqtu, adegwat u effettiv f'każ ta' esproprjazzjoni. Dawn il-garanzi ta' ħarsien għall-investiment jikkostitwixxu element importanti wieħed ta' bini ta' kunfidenza fis-sigurtà legali meħtieġ biex jittieħdu deċiżjonijiet ta' investiment sodi. Għaldaqstant, ftehim bħal dan ta' ħarsien għall-investiment hu meqjus bħala mod effettiv biex jippromwovi u jattira l-investiment, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn istituzzjonijiet domestiċi u politiki ekonomiċi domestiċi fihom innifishom mhumiex meqjusa bħala suffiċjenti biex jagħtu garanziji bħal dawn.

Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha kkonkludew ftehim bħal dan, u mhux il-ftehim kollu jipprovdi għall-istess standards għoljin. Dan iwassal għal kundizzjonijiet mhux indaqs għall-kumpaniji tal-UE li qed jinvestu barra, jiddependi jekk dawn humiex koperti bħala "nazzjonali" skont it-TIB ta' ċerti Stati Membri jew le.

Aspett ieħor ta' dan il-ftehim tal-Istati Membri hu li dawn jirrelataw mat-trattament tal-investituri "wara d-dħul" jew "wara l-ammissjoni" biss. Dan jimplika li t-TIB tal-Istati Membri ma jipprovdu ebda impenji li jorbtu fir-rigward tal-kundizzjonijiet tad-dħul, lanqas minn pajjiżi terzi fir-rigward tal-investiment ta' ħruġ minn kumpaniji tal-Istati Membri tagħna, u lanqas viċi versa. Bil-mod il-mod, l-Unjoni Ewropea bdiet timla l-vojt tad-"dħul" jew tal-"ammissjoni" permezz kemm tal-ftehim multilaterali u dak bilaterali fil-livell tal-UE li jkopri l-aċċess għas-suq tal-investiment u l-liberalizzazzjoni tal-investiment. Dawn tejbu l-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq għall-investituri kollha tal-UE, notevolment billi jiżguraw it-trattament mhux diskriminatorju ta' investituri mad-dħul fis-suq ta' pajjiż terz[12].

(b) Lejn politika ta' investiment internazzjonali komuni

Politika komprensiva ta' investiment internazzjonali komuni teħtieġ tindirizza aħjar il-ħtiġijiet tal-investitur mill-ippjanar għall-istadju ta' profitt jew mill-istadju ta' qabel sa wara l-ammissjoni. Għaldaqstant, il-politika tagħna ta' kummerċ se tfittex li tintegra l-liberalizzazzjoni tal-investiment u l-ħarsien tal-investiment. Ir-Riċerka tikkonferma li dispożizzjonijiet sostantivi ta' investiment fi ftehim kummerċjali wiesa' jagħmlu impatt aktar qawwi fuq il-kummerċ u l-flussi tal-FDI, jew li l-kombinazzjoni ta' regoli sostantivi ta' investiment u dispożizzjonijiet li jilliberalizzaw partijiet oħra tal-ekonomija flimkien jagħmlu impatt aktar sinifikanti fuq il-kummerċ u l-investiment[13].

Politika ta' investiment internazzjonali mmirata lejn sostenn għall-kompetittività tal-impriżi Ewropej se tagħti l-aħjar kontribut permezz tal-kooperazzjoni u tan-negozjati fil-livell tal-Unjoni[14]. Sabiex ikunu effettivi, garanziji minn pajjiżi terzi dwar il-kundizzjonijiet tal-investiment għandhom jiġu f'forma ta' impenji li jorbtu skont il-liġi internazzjonali. Għaldaqstant, in-negozjati ta' investiment ma' pajjiżi terzi, li għalihom nistgħu nibnu fuq l-istruttura u s-sustanza ta' aktar mill-1100 TIB li jeżistu bħalissa, se jippermettu lill-UE biex tkabbar, tiddefinixxi aħjar u tħares l-ispazju kompetittiv li hu disponibbli għall-investituri kollha tal-UE. Aktar 'il quddiem, għandna jkollna sitwazzjoni fejn l-investituri mill-UE u minn pajjiżi terzi ma jkunux jeħtieġu li jistrieħu fuq it-TIB li ġew konklużi minn Stat Membru wieħed jew ieħor għal ħarsien effettiv tal-investimenti tiegħu.

Il-politika għall-investiment ħafna drabi hija kkumplimentata bi sforzi għall-promozzjoni tal-investiment minn Stati Membri u livelli sottonazzjonali tal-gvern. L-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom b'mod kempetittiv biex jippromwovu kemm l-investiment ta' dħul u dak ta' ħruġ lejn u mill-ġurisdizzjonijiet tagħhom, bħal fil-qasam tal-kummerċ jew tal-promozzjoni ta' esportazzjoni. L-isforzi tagħhom ta' spiss jistrieħu fuq varjetà ta' strumenti, li jvarjaw minn inċentivi tal-investiment għal skemi ta' għajnuna u sostenn. Filwaqt li hi r-responsabbiltà tal-Unjoni li tippromwovi l-mudell Ewropew u s-suq waħdieni bħala destinazzjoni għal investituri barranin[15], ma jidhirx li hu vijabbli u lanqas mixtieq li jiġu sostitwiti l-isforzi għall-promozzjoni tal-investiment tal-Istati Membri, sakemm dawn jaqblu mal-politika kummerċjali komuni u jibqgħu konsistenti mal-liġi tal-UE.

AġENDA TAN-NEGOZJATI DWAR L-INVESTIMENT TAL-UE

Bħal fl-oqsma kollha tat-tfassil tal-politika Ewropea, l-enfasi tal-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tagħti riżultati aħjar bħala Unjoni mir-riżultati li nkisbu jew li setgħu nkisbu mill-Istati Membri b'mod individwali. Għaldaqstant, l-azzjoni futura tal-Unjoni f'dan il-qasam għandha tkun ispirata u ggwidata mill-aħjar standards disponibbli, sabiex toffri kundizzjonijiet indaqs ta' kwalità għolja lill-investituri kollha tal-UE.

Madankollu, il-mudell ta' 'wieħed tajjeb għal kulħadd' għal ftehim tal-investiment ma' pajjiżi terzi la jkun neċesserjament vijabbli u lanqas mixtieq. L-Unjoni se jkollha tqis kull kuntest speċifiku ta' negozjati. L-interessi tal-partijiet interessati tagħna kif ukoll il-livell ta' żvilupp tal-imsieħba tagħna għandhom jiggwidaw inter alia l-istandards li tistipula l-Unjoni f'negozjati speċifiċi ta' investiment. Bl-istess mod, jeħtieġ li n-natura tal-ftehim eżistenti tal-Istati Membri ma' kull pajjiż terz ikkonċernat tkun meqjusa. Filwaqt li t-TIB konklużi reċenetement mill-Istati Membri għandhom struttura u kontenut simili ħafna, hemm ftit varjazzjonijiet. Dawn jistgħu jiddeterminaw b'mod ugwali l-għanijiet li għandhom jitwettqu f'kuntest speċifiku ta' negozjati.

Il-Kummissjoni tressaq dawn il-prinċipji u l-parametri wesgħin li ġejjin għall-ftehim ta' investiment futur. Dawn għandhom jiġu żviluppati u spjegati fir-rakkomandazzjonijiet ta' negozjati għal pajjiż speċifiku li se tippreżenta l-Kummissjoni wara din il-Komunikazzjoni.

(a) Kriterji għall-għażla ta' pajjiżi msieħba

L-IBD bħalissa qed jikkonċentra ħafna fost ekonomiji żviluppati. Filwaqt li dan jirrifletti l-importanza ekonomika ta' dawn il-pajjiżi f'termini ta' PGD, dan qiegħed ukoll jenfasizza l-kundizzjonijiet favorevoli għal investituri barranin li huma stabbiliti f'uħud minn dawn is-swieq. Il-kummerċ attwali u l-flussi tal-investiment huma fihom innifishom determinanti importanti għad-definizzjoni tal-prijoritajiet għan-negozjati tal-investiment tal-UE. L-Unjoni għandha tmur fejn jixtiequ jmorru l-investituri tagħha, l-istess bħal m'għandha twittilhom it-triq barra mill-pajjiż, permezz tal-liberalizzazzjoni tal-flussi tal-investiment. Swieq bi tkabbir ekonomiku jew prospetti ta' tkabbir sinifikanti jippreżentaw opportunità partikolari fl-ambjent attwali ta' kompetittività li dejjem tiżdied. Huwa importanti li l-investituri tal-UE jkollhom aċċess għal dawn is-swieq u li fost it-tibdil li dawn l-ekonomiji jistgħu jkunu għaddejjin minnu, jibbenefikaw mid-disponibbiltà ta' garanziji suffiċjenti għal trattament ġust u prevedibbli. L-interessi tal-UE fin-negozjati tal-investiment ikunu wkoll iddeterminati inter alia mill-klima politika, istituzzjonali u ekonomika tal-pajjiżi msieħba tagħna. Ir-'robustezza' tal-ħarsien tal-investitur permezz jew tal-pajjiż ospitant jew l-arbitraġġ internazzjonali jkunu determinanti importanti fid-definizzjoni ta' pajjiżi ta' priorità għan-negozjati tal-investiment tal-UE. B'mod partikolari, il-kapaċità u l-prassi tal-imsieħba tagħna fil-ħarsien tal-istat ta' dritt, f'manjiera li tipprovdi ambjent sikur u sod lill-investituri, huma determinanti ewlenin għall-evalwazzjoni tal-valur tan-negozjati ta' ħarsien għall-investiment.

Fuq medda qasira ta' żmien , l-opportunitajiet biex issir verament l-integrazzjoni tal-investiment fil-politika komuni kummerċjali se jirriżultaw f'negozjati li għadhom għaddejjin li fihom l-Unjoni s'issa kkonċentrat biss fuq l-aċċess għas-suq għall-investituri[16]. Il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTAs) ibbażati fuq il-kompetittività tal-aħħar ġenerazzjoni huma ispirati preċiżament mill-mira li jiftħu t-triq għall-potenzjal ekonomiku tas-swieq dinjin importanti tat-tkabbir għall-kummerċ u l-investiment tal-UE. L-Unjoni għandha interess li twessa' l-ambitu tan-negozjati għall-oqsma kollha tal-investiment. F'ċerti każi, nistgħu wkoll nirreaġixxu għal talba mingħand sħabna n-negozjaturi stess. Fin-negozjati bejn l-UE u l- Kanada għal Ftehim Ekonjomiku u Kummerċjali Komprensiv, siħibna wera interess fi ftehim li jinkludi l-ħarsien tal-investiment. Negozjati oħrajn li qed isiru, fejn għandu jitqies il-ħarsien tal-investiment jinkludu n-negozjati bejn l-UE u l-Indja għal Ftehim għall-Kummerċ u l-Investiment fuq Bażi Wiesgħa, in-negozjati bejn l-UE u s-Singapor għal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, u n-negozjati dwar il-kummerċ bejn l-UE u l- Mercosur.

Fuq medda ta' żmien bejn qasira u medja , l-Unjoni għandha wkoll tikkunsidra taħt liema ċirkostanzi jista' jkun ta' vantaġġ li tasal għal ftehim ta' investiment waħdieni. Iċ-Ċina, li hi kkaratterizzata minn proporzjon qawwi ta' investimenti f'oqsma ġodda, li jinkludu investimenti mill-UE, tista' tkun kandidata għal ftehim ta' investiment waħdieni li fih għandhom ikunu mħarsin kull tip ta' beni, inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-Kummissjoni se tesplora l-vantaġġi u l-prattiċità li jsir ftehim ta' investiment ta' dan it-tip maċ-Ċina, u mbagħad tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament. Ir- Russja wkoll toffri opportunitajiet u sfidi partikolari għall-investituri Ewropej. In-negozjati għall-investimenti mar-Russja, inkluz il-ħarsien tal-investiment għandhom jiġu kkunsidrati u diskussi aktar fil-fond, pereżempju fil-kuntest ta' ftehim komprensiv, bħal mhu l-ftehim li jkun se jieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni.

Jekk ftehim dwar l-investiment komprensiv u li japplika għal kullħadd, ma' pajjiż jew ma' grupp ta' pajjiżi, ma jkunx possibbli, jew ma jkunx vantaġġuż fil-ġejjieni qrib, jista' jkun hemm il-possibbiltà ta' ftehim settorjali li l-vantaġġi, il-prattiċità u l-impatti possibbli tagħhom jiġu vvalutati iżjed fil-fond. Dawn in-negozjati settorjali għandhom jissejsu fuq il-prinċipji stipulati f'din il-Komunikazzjoni u għandhom jibqgħu konformi ma' żviluppi tal-politika komuni dwar l-investiment aktar 'il quddiem. Bl-istess mod, il-prattiċità ta' inizjattiva mulitlaterali tista' tkompli tiġi kkunsidrata 'il quddiem.

(b) Ħarsa lil hinn mill-investiment dirett barrani

Filwaqt li l-investituri għandhom interess ewlieni li jistabbilixxu u jikkontrollaw il-beni tagħhom f'pajjiżi barranin, dawn l-investimenti diretti dejjem se jagħtu lok għal trasferimenti addizzjonali, pereżempju bir-ripatrijazzjoni tal-profitti. Huwa importanti li politika komuni internazzjonali dwar l-investiment mhux biss tiffaċilita li jsir investiment dirett – ix-xiri jew it-twaqqif ta' intrapriża barranija – iżda wkoll li tiffaċilita u tħares il-ħidmiet kollha li jmorru ma' dan l-investiment u jagħmluh prattikabbli: il-pagamenti, il-ħarsien ta' assi intanġibbli bħal mhuma d-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, eċċ.

Għaldaqstant, it-tiswir tal-politika dwar l-investiment għandu jkun konsistenti mal-Kapitolu tat-Trattat dwar il-kapital u l-pagamenti (l-Artikoli 63-66 TFUE), li jistipola li, fil-prinċipju, ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-pagamenti u fuq il-movimenti tal-kapital, li jinkludu kemm dawk marbutin mal-investimenti diretti, kif ukoll mal-investimenti portafoll, kemm bejn Stati Membri kif ukoll bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, huma pprojbiti. Dak il-kapitolu ma jipprevedix speċifikament għall-possibbiltà li jitwettqu ftehim internazzjonali dwar l-investiment, inkluż l-investiment portafoll. Minkejja dan, sa fejn il-ftehim internazzjonali dwar l-investiment jaffettwaw l-ambitu tar-regoli komuni stabbiliti fil-Kapitolu tat-Trattat dwar il-kapitali u l-pagamenti, il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni biex twettaq ftehim f'dan il-qasam tkun implikata[17].

(c) L-iffissar ta' standards ta' ħarsien tal-investiment

Kwistjoni ewlenija hija dik marbuta mar-regoli sostantivi li l-Unjoni tfittex li ddaħħal fil-ftehim dwar il-kummerċ u l-investiment. Kif inhuma l-affarijiet issa, l-Unjoni tiddependi l-iżjed fuq il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni fin-negozjati dwar l-investiment, u dan huwa l-qofol tas-sistema tal-kummerċ globali. In-nondiskriminazzjoni ssoltu tiġi implimentata permezz ta' żewġ standards bażiċi, "it-trattament tan-nazzjon l-aktar preferit" u "t-trattament nazzjonali", li t-tnejn li huma huma standards relattivi minħabba li t-tnejn li huma jagħmlu paragun mat-trattament skont l-oriġini minflok ma jiddefinixxu standard ta' trattament assolut. Għaldaqstant, il-kontenut tagħhom ikun iddeterminat skont it-trattament li jagħti pajjiż lill-investituri u l-investimenti barranin u lill-investituri u l-investimenti tiegħu

Filwaqt li n-nondiskriminazzjoni għandha tibqa' l-ingredjent ewlieni tan-negozjati dwar l-investiment tal-UE, it-Trattati ta' Investiment Bilaterali jużaw standards oħra barra din, bħall-"trattament ġust u rett" wara d-dħul u trattament ta' "sigurtà u ħarsien sħaħ". Dawn l-istandards ma jissuġġerixxux paragun mal-mod li bih jiġu ttrattati l-investimenti kumparabbli. Barra minn hekk, numru ta' TIB tal-Istati Membri jistipulaw favur il-ħarsien tad-drittijiet kuntrattwali mogħtija minn gvern lil investitur barrani ("klawsola umbrella"). Dawn intużaw tradizzjonalment fit-TIB tal-Istati Membri u, fost oħrajn, huma element importanti li għandhom jispiraw in-negozjati ta' ftehim dwar l-investiment fuq il-livell tal-UE.

Fattur ewlieni tal-aħjar prassi tal-Istati Membri huma l-klawsoli li jagħmlu ċerti kundizzjonijiet fuq l-eżerċitar tad-dritt tal-esproprjazzjoni tal-pajjiż li jilqa' l-investituri barranin. Filwaqt li b'segwitu tal-Artikolu 345 TFUE, it-Trattat ma jaffettwax id-dritt ta' Stat Membru li jiddeċidi ċerti beni għandhomx ikunu proprjetà pubblika jew privata, il-każistika tal-Qorti turi li dan ma għandux l-effett li jeżenta l-miżuri ta' esproprjazzjoni mir-regoli fondamentali tat-Trattat, inklużi dawk dwar il-libertà tal-istabbilizzazzjoni u l-moviment liberu tal-kapital[18]. Konsegwentement, il-miżuri ta' esproprjazzjoni fl-UE ma għandhomx ikunu diskriminatorji[19] u jridu jkunu proporzjonali biex jilħqu l-mira leġittima tagħhom (pereżempju billi jipprovdu għal kumpens xieraq).[20] Għalhekk l-Unjoni għandha tinkludi klawsoli preċiżi li jittrattaw din il-kwistjoni għall-investimenti u l-ftehim kummerċjali tagħha tal-ġejjieni. Jeħtieġ li tkun żgurata formolazzjoni ċara tal-bilanċ fost l-interessi differenti involuti, bħal ma hu l-ħarsien tal-investituri kontra l-esproprjazzjoni illegali, jew id-dritt ta' kull Parti li tfassal ir-regoli fl-interess tal-pubbliku. Bl-istess mod, għandhom jiddaħħlu klawsoli tal-UE li jiżguraw it-trasferiment liberu tal-fondi kapitali u tal-pagamenti mill-investituri.

Fl-aħħar, għandu jkun imfakkar li l-politika dwar il-kummerċ u l-investiment tal-Unjoni għandha taqbel mal-mod li bih l-UE u l-Istati Membri tagħha jirregolaw l-attività ekonomika fl-Unjoni u lil hinn mill-fruntieri tagħha. Il-ftehim dwar l-investiment għandhom ikunu konsistenti mal-politiki l-oħra tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inklużi l-politiki dwar il-ħarsien tal-ambjent, dwar xogħol deċenti, dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, dwar il-ħarsien tal-konsumatur, dwar id-diversità kulturali, il-politika dwar l-iżvilupp u l-politika dwar il-kompetizzjoni. Il-politika dwar l-investiment tibqa' tippermetti li l-Unjoni u l-Istati Membri jadottaw u jinfurzaw il-miżuri meħtieġa biex isegwu l-għanijiet tal-politika pubblika.

Politika komuni dwar l-investiment għandha wkoll tissawwar b'mod iżjed ġenerali fuq il-prinċipji u l-miri tal-ħidma esterna tal-Unjoni, li jinkludu l-avvanzament tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet umani u tal-iżvilupp sostenibbli (Artikolu 205 TFUE u Artikolu 21 TFUE). F'dan ir-rigward, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, li dan il-mument qegħdin jiġu aġġornati, huma strument importanti fil-bilanċjament tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-investituri.

(d) Infurzar tal-impenji tal-investiment

Mira ewlenija tal-Unjoni hija li tiżgura l-infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet dwar l-investiment. F'dawn l-aħħar snin l-Unjoni żiedet l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-ftehim li jiġu negozjati fil-qasam tal-politika komuni kummerċjali jistgħu jkunu infurzati b'mod effettiv, u li dan qiegħed isir, jekk ikun hemm bżonn, anki permezz ta' riżoluzzjoni ta' tilwim li tkun torbot. Fl-FTAs reċenti kollha tagħha l-Unjoni daħħlet sistema effikaċi u espedjenti li twassal għar-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn l-istati. Din is-sistema għar-riżoluzzjoni ta' tilwim fil-ġejjieni se tittratta d-dispożizzjonijiet dwar l-investiment għall-ftehim dwar il-kummerċ u l-investiment tal-UE.

Biex l-infurzar effikaċi jkun żgurat, il-ftehim ta' investiment fihom ukoll dispożizzjonijiet għar-riżoluzzjoni ta' tilwimiet bejn l-investituri u l-istati, li jippermettu lill-investituri li jressqu l-ilmenti tagħhom kontra gvern quddiem qrati internazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu jorbtu[21]. Ir-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn l-investituri u l-istati, li hija parti ewlenija tal-wirt li tieħu l-Unjoni mit-TIB tal-Istati Membri, hija importanti għaliex investiment jinvolvi l-formazzjoni ta' relazzjoni fuq medda twila ta' żmien mal-istat li qed jilqa' l-investitur, li ma tistax faċilment tiġi trasferita għal suq ieħor jekk tinqala' xi problema fl-investiment. L-investitur u l-istat tant hija karatteristika stabbilita fil-ftehim ta' investiment li kieku kellha tkun nieqsa, l-investituri jiġu skuraġġati u l-kunċett ta' ekonomija li tkun trid tilqa' l-investiment minn barra tkun inqas attraenti għall-investituri minn dawk li jkollhom.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-ftehim tal-UE tal-ġejjieni li jinkludu l-ħarsien tal-investiment, għandhom jinkludu l-mezzi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istati. Dan iqajjem l-isfidi marbutin parzjalment mal-uniċità tar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istati fil-leġiżlazzjoni ekonomika internazzjonali u parzjalment minħabba li l-Unjoni mhijiex storikament attur sinifikanti f'dan il-qasam. L-istrutturi li hemm illum huma, sa ċertu punt, mhux addattati għall-wasla tal-Unjoni. Biex nieħdu pereżempju, il-Konvenzjoni dwar ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim dwar l-Investiment bejn l-Istati u Ċittadini ta' Stati Oħra (il-Konvenzjoni ICSID), hija miftuħa għall-firma u għar-ratifikazzjoni minn stati li huma membri tal-Bank Dinji jew li huma partitarji għall-Istatut tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. L-Unjoni Ewropea ma tikkwalifika taħt ebda minn dawn il-kriterji.

Biex toqrob lejn mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim bejn l-investituri u l-istati, l-Unjoni għandha tkompli tibni fuq il-prattiki tal-Istati Membri biex tasal għall-aqwa mezzi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim li huma l-aktar riċenti. Fost l-isfidi ewlenin hemm:

- It- trasparenza tar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istati. Konformi mal-atteġġament tal-UE fid-WTO, l-UE trid tiżgura li r-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn l-investituri u l-istati ssir b'mod trasparenti (inklużi t-talbiet għall-arbitraġġ, is-sottomissjonijiet, is-seduti pubbliċi, l-osservazzjonijiet amicus curiae u l-pubblikazzjoni tal-aġġudikazzjonijiet);

- L- atomizzazzjoni tat-tilwimiet u l-interpretazzjonijiet . Il-konsistenza u l-karatteristika li n-nies ikunu jistgħu jobsru kif se taġixxi huma kwistjonijiet ewlenin, u għandhom jitqiesu l-impjieg ta' arbitri kważi-permanenti (kif jiġri fil-prattika tal-FTAs tal-UE) u/jew mekkaniżmi tal-appell, f'każijiet fejn hemm probabbiltà li jkun hemm bosta talbiet skont xi ftehim partikolari;

- Regoli għat-tmexxija tal-arbitraġġ. Il-Kummissjoni għandha tistudja, flimkien ma' partijiet interessati, il-possibbiltà li l-Unjoni Ewropea tipprova tidħol fil-Konvenzjoni ICSID (filwaqt li tosserva li dan jkun jirrekjedi l-emendazzjoni tal-Konvenzjoni ICISD)[22].

(e) Ir-responsabbiltà internazzjonali

Konformi mal-mira tal-Kummissjoni li tiżviluppa politika internazzjonali dwar l-investiment fuq livell tal-UE, għandha tkun indirizzata l-kwistjoni tar-responsabbiltà internazzjonali bejn l-UE u l-Istati Membri fi ftehim dwar l-investiment tal-UE. L-Unjoni Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni, tiddefendi l-azzjonijiet kollha tal-istituzzjonijiet tal-UE. Minħabba l-kompetenza esterna esklussiva, il-fehma tal-Kummissjoni hi li l-Unjoni Ewropea għandha tkun l-uniku konvenut f'każi fejn miżuri li jkunu ttieħdu minn Stat Membru li jolqtu ħażin xi investimenti ta' ċittadini jew kumpanniji ta' pajjiż terz li jidħlu fl-ambitu tal-ftehim ikkonċernat. Waqt li tkun qiegħda tiżviluppa l-politika tal-investiment internazzjonali tagħha, il-Kummissjoni se tieħu ħsieb din il-kwistjoni u b'mod partikolari l-lat tal-kumpens finanzjarju, permezz tal-istrumenti disponibbli, li possibbilment jkunu jinkludu leġiżlazzjoni ġdida.

KONKLUżJONI

L-attribuzzjoni tat-Trattat ta' Lisbona tal-kompetenza esklussiva tal-UE fuq l-FDI tintegra l-FDI fil-politika komuni kummerċjali. Tippermetti wkoll li l-UE tafferma l-impenn tagħha favur l-ambjent miftuħ għall-investiment li tant kien fundamentali għall-prosperità tagħha u li tkompli tippromwovi l-investiment, kemm dak dirett, kif ukoll l-investiment portafoll, fost affarijiet oħra bħala għodda għall-iżvilupp ekonomiku.

Sa issa, l-Unjoni u l-Istati Membri ħadmu separatament fuq il-mira komuni li jipprovdu lill-investituri b'ċertezza legali u ambjent stabbli, ġust u regolat kif xieraq fejn fih jistgħu jeżerċitaw il-kummerċ tagħhom Filwaqt li l-Istati Membri kkonċentraw fuq il-promozzjoni u l-ħarsien ta' kull forma ta' investiment, il-Kummissjoni elaborat aġenda ta' liberalizzazzjoni ffokata fuq l-aċċess għas-suq għall-investiment dirett. F'dan ir-rigward, tpartit ċar u komplementari tal-ħidma fil-qasam tal-investiment irriżulta f'univers pjuttost kbir u atomizzat ta' ftehim ta' investiment.

Bl-għanijiet li tkun żgurata l-kompetittività esterna, li l-investituri kollha tal-UE jieħdu trattament uniformi, u li jkollhom saħħa massima fin-negozjati, politika komuni internazzjonali dwar l-investiment għandha tindirizza t-tipi kollha tal-investiment, u notevolment, tassimila l-qasam tal-ħarsien tal-investiment. L-Unjoni għandha ssegwi l-aħjar prassi disponibbli biex tiżgura li ebda investitur tal-UE ma jmur għar milli kieku kien taħt it-TIB tal-Istati Membri.

Waqt li l-ħarsien u l-liberalizzazzjoni tal-investiment se jsiru strumenti ewlenin ta' politika internazzjonali komuni dwar l-investiment, se jibqa' lok sinifikanti għall-Istati Membri biex isegwu u jimplimentaw politiki ta' promozzjoni tal-investiment li jikkumplementaw u jimxu id f'id mal-politika internazzjonali komuni dwar l-investiment. B'mod ġenerali, politika komuni se teħtieġ aktar, u mhux inqas, kooperazzjoni u koordinazzjoni fost l-Unjoni u l-Istati Membri.

Permezz ta' negozjati għall-investiment, li fil-prinċipju jkunu diretti bħala parti min-negozjati kummerċjali aktar wesgħin, l-UE għandha tipprova takkwista impenji li jorbtu mingħand l-imsieħba tagħha, li jiggarantixxu u jħarsu l-moviment liberu ta' kull tip ta' investiment. Tibqa' tkun hemm l-għażla wkoll ta' negozjati waħdiena dwar l-investiment. Fuq medda qasira ta' żmien, il-Kummissjoni tfittex li taddatta d-direttivi tan-negozjar biex twessa' l-ambitu tan-negozjati għal numru ta' pajjiżi li għaddejjin in-negozjati kummerċjali magħhom, għal dawk li għandhom interess qawwi u għal min diġà għamel talba. Filwaqt li l-prinċipji u l-parametri għal dawn in-negozjati se jkunu ispirati mill-"aħjar prassi" li żviluppaw l-Istati Membri, din il-Komunikazzjoni diġa tagħti idea ġenerali tal-ambitu u tal-istandards li għandha tiffissa l-Unjoni permezz tan-negozjati internazzjonali dwar l-investiment.

Kif jidher hawn fuq, ir-Regolament propost, li jirrigwarda arranġamenti tranżizzjonali għal ftehim ta' investiment bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, u din il-Komunikazzjoni, huma biss l-ewwel passi fl-iżvilupp ta' politika Ewropea dwar l-investiment internazzjonali, li se jsir bil-mod il-mod u jkun immirat, u se jqis ir-reazzjonijiet għal din il-Komunikazzjoni.

Anness: Ħarsa ġenerali lejn numru ta' Trattati Bilaterali tal-Investiment li ngħaqdu minn Stati Membri

[pic]

Nota: Informazzjoni magħrufa mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-15 ta' Ġunju 2010

[1] L-Artikolu 206 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li bit-twaqqif ta' unjoni doganali skont l-Artkoli 28 sa 32, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi, fl-interess komuni, għat-tneħħija progressiva ta' restrizzjonijiet fuq kummerċ internazzjonali u investiment barrani dirett, u t-tnaqqis tad-dazji u ostakoli doganali u oħrajn. L-Artikolu 207 jinkludi investiment barrani dirett bħala wieħed mill-oqsma koperti mill-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni. Il-politika kummerċjali komuni hija qasam ta' kompetenza esklużiva skont l-Artikolu 3(1) tat-TFUE.

[2] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv" - COM (2010)2020, 3.3.2010.

[3] Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi arranġamenti tranżitorji għal ftehim ta' investiment bilaterali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi

[4] It-termini "investiment dirett" dehru fil-Kapitolu dwar movimenti kapitali u ħlasijiet tat-Trattat tal-KE u issa fl-Artikoli 63-66 tat-TFUE. F'dak il-kuntest, huma ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tan-Nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361/KEE tal-24 ta' Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU L 178,8.7.1988, p. 5-18), li min-naħa tagħha hi bbażata ħafna fuq definizzjonijiet aċċettati b'mod wiesa' tal-FMI u l-OECD. Ara eżempju Is-Sentenza tat-12 ta' Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation , Każ C-446/04, ECR p. I-11753, para. 181. Ara wkoll pereżempju is-Sentenzi tal- 24 Mejju 2007, Holb ö ck , C-157/05, ECR. p. I-4051, para. 34; 23 ta' Ottubru 2007, Commission/Germany , C-112/05, ECR p. I-8995, para. 18; 18 ta' Diċembru 2007, Skatterverket v A , C-101/05, para. 46; 20 ta' Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund , C-194/06, para. 100; 14 ta' Frar 2008, Commission/Spain , C-274/06, para. 18; u s-26 ta' Marzu 2009, Commission/Italy , C-326/07, para. 35.

[5] Ara eżempju Is-Sentenzi tat-12 ta' Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation , Każ C-446/04, ECR p. I-11753, para. 182; tal-24 ta' Mejju 2007, Holböck , C-157/05, ECR p. I-4051, para. 35; 23 ta' Ottubru 2007, Commission/Germany , C-112/05, ECR p. I-8995, para. 18; 20 ta' Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund , C-194/06, para. 101; u s-26 ta' Marzu 2009, Commission/Italy , C-326/07, para. 35.

[6] Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeskriviet il-kunċett ta' "investiment tal-portafoll" bħala " l-akkwist ta' ishma fis-suq kapitali bl-intenzjoni biss li jsir investiment finanzjarju mingħajr ebda intenzjoni li tinfluwenza l-ġestjoni u l-kontroll tal-impriża". Ara s-Sentenza tas-26 ta Settembru 2008, Commission/Netherlands , Każijiet Konġunti C-282/4 u C-283/04, ECR p. I-9141, para. 19.

[7] Ir-Rapport tal-Investiment Dinji 2009 tal-Konferenza dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNCTAD).

[8] 2010 Impact of EU outward FDI, Copenhagen Economics.

[9] Il-Kummissjoni stipulat l-approċċ tagħha lejn Fondi ta' Investimenti Sovrani fl-2008. Ara: COM(2008) 115, 27.02.2008.

[10] It-Trattat ta' Investiment Bilaterali bejn il-Ġermanja u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, 1959. L-Irlanda hi l-uniku Stat Membru li m'għandha ebda Trattat ta' Investiment Bilaterali ma' pajjiż terz.

[11] Ir-Rapport ta' Investiment Dinji 2009 tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD), p. 32. L-UNCTAD jirrapporta total ta' 2676 TIB, iżda din iċ-ċifra tinkludi TIB intra-UE, li huma TIB fost l-Istati Membri tal-UE. Il-kategorija tal-aħħar ta' dan il-ftehim mhix koperta b'din il-Komunikazzjoni.

[12] Fil-livell multilaterali, il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) jistipula qafas għal impenji ta' impriżi dwar il-provvista tas-servizzi permezz ta' preżenza kummerċjali (ddefinita bħala "mode 3"mill-Artikolu I ta' GATS). Fil-livell bilaterali, l-Unjoni kkonkludiet negozjati mal-Korea dwar Ftehim ta' Kummerċ Liberu, li jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq għall-investituri u l-istabbilimenti.

[13] OECD (2006), Analiżi tal-impatt ekonomiku tad-dispożizzjoni tal-investiment fi ftehim ta' kummerċ reġjonali, Dokument ta' Ħidma tal-Politika għall-Kummerċ OECD Nru 36, 11.07.2006.

[14] Innota li, skont l-Artikolu 207(2) tat-TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklusiva biex tilleġiżla b'mod awtonomu dwar l-FDI, bħal f'oqsma oħrajn tal-politika kummerċjali komuni, bħar-regolament għall-importazzjoni u l-esportazzjoni.

[15] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni " Suq waħdieni għall-Ewropa tal-21 seklu" - COM(2007) 725

[16] Argument ieħor legali favur l-inkorporazzjoni tal-impenji tal-investiment fil-ftehim kummerċjali huwa marbut mal-fatt li meta l-ftehim kummerċjali jikkonformaw mar-regoli dwar l-integrazzjoni ekonomika tad-WTO, ikunu eżentati mill-obbligu tad-WTO tat-trattament tal-pajjiż l-aktar favorit, li jirrekjedi li l-membri tad-WTO minnufuh u mingħajr kundizzjonijiet jagħtu l-iżjed trattament favorevoli lill-kumplament tal-membri. Fi kliem ieħor, jekk ikun offrut fi ftehim kummerċjali biss, trattament preferenzjali, pereżempju dwar aċċess ta' suq tal-investiment, jista' jibqa' preferenzjali. Dan huwa l-iktar relevanti għal FDI fis-setturi tas-servizzi, billi l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) jindirizza l-forniment tas-servizzi permezz ta' preżenza kummerċjali, li huwa essenzjalment FDI.

[17] L-Artikolu 3.2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li "l-Unjoni wkoll għandha kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f'att leġislattiv tal-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista' teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista' tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom."

[18] Ara pereżempju s-Sentenzi tat-23 ta' Frar 2003, C-452/01, Ospelt [2003] ECR I-9743, para. 24; tal-1 ta' Lulju 1999, C-302/97, Konle [1999] ECR I-3099, para. 38; u tas-6 ta' Novembru 1984, Fearon , C-182/83, ECR [1984] p. 3677, para. 7.

[19] Qorti tal-Ġustizzja, Sentenza tas-6 ta' Novembru 1984, Fearon , C-182/83, ECR [1984] p. 3677.

[20] Il-Qorti tal-EFTA, Sentenza tas-26 ta' Ġunju 2007, Kawża E-2/06, Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA/in-Norveġja, paragrafu 79; Artikolu 17 (1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea .

[21] It-Trattat dwar il-Kodiċi tal-Enerġija, li hija firmatarja tiegħu l-UE, daqstant fih mezzi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istati.

[22] Il-Komunitajiet Ewropej innegozjaw b'suċċess l-emendazzjoni u mbagħad l-iffirmar ta' numru ta' ftehim/id-dħul f' organizzazzjonijiet. Eżempju reċenti hija l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali.

Top