Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0286

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-kunsill, il-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u l-kumitat tar-reġjuni Rapport dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-UE tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (Rakkomandazzjoni tal-2009 dwar dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji) {KUMM(2010) 284 finali} {KUMM(2010) 285 finali} {SEG(2010) 671}

/* KUMM/2010/0286 finali */

52010DC0286




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 2.6.2010

KUMM(2010) 286 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-UE tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (Rakkomandazzjoni tal-2009 dwar dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji)

{KUMM(2010) 284 finali}{KUMM(2010) 285 finali}{SEG(2010) 671}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-UE tar-Rakkoma ndazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (Rakkomandazzjoni tal-2009 dwar dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. OBJETTIV TAR-RAPPORT

Minkejja li għal xi żmien il-livell ta' rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji kien suġġett ta' ħafna dibattiti, sa issa, ingħatat ftit attenzjoni lill-fokus fil-medda l-qasira u n-nuqqas ta' aġġustament tar-riskju tar-rimunerazzjoni tal-bonusijiet annwali/rimunerazzjoni varjabbli fl-industrija tas-servizzi finanzjarji[1].

Madankollu, jeżisti kunsens mifrux li l-filosofija intrinsika tal-bonusijiet annwali tħeġġeġ it-teħid tar-riskju eċċessiv peress li, fin-nuqqas ta' kwalunkwe dispożizzjoni ta' "malus" jew ta' "irkupru", ir-riċevituri jistgħu jħallsu bi flus kontanti parti biss mill-qliegħ li jiġġeneraw mingħajr ma' jkunu responsabbli għal kwalunkwe telf f'każ li dak ir-riskju jsir realtà.

Dawn il-problemi tal-politika tar-rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji mhumiex limitati għall-pagi ta' diretturi u maniġers, iżda jestendu wkoll għal skemi ta' rimunerazzjoni f'livelli oħra, partikolarment għal dawk il-persuni li xogħolhom jinvolvi t-teħid tar-riskju (eż negozjanti) u li r-rimunerazzjoni tagħhom għal parti varjabbli hija funzjoni ta' prestazzjoni.

Fil-Komunikazzjoni tagħha datata l-4 ta' Marzu, "nixprunaw l-irkupru Ewropew"[2], il-Kummissjoni indikat li se ssaħħaħ ir-Rakkomandazzjoni tal-2004 tagħha dwar ir-rimunerazzjoni fs-servizzi finanzjarji biex jiġu indirizzati inċentivi perversi li hemm fil-kumpaniji.

F'konformità mal-konklużjonijiet tas-Samit tal-G20 f’Londra[3], ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-politika tar-rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji ġiet adottata fit-30 ta' April 2009[4]. Il-Kummissjoni kienet l-ewwel parteċipant fil-G20 li implimentat il-konklużjonijiet tal-G20 dwar il-politika tar-rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji. L-objettiv ewlieni tar-Rakkomandazzjoni l-ġdida huwa li jiġi żgurat li l-politiki tar-rimunerazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji ma jħeġġux it-teħid tar-riskju eċċessiv u li jkunu konformi mal-interessi tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri f’erba’ oqsma prinċipali: (i) l-istruttura tal-politika tar-rimunerazzjoni, (ii) il-governanza (iii) l-iżvelar tal-politika tar-rimunerazzjoni, (iv) is-superviżjoni[5].

Il-Kummissjoni riedet taġixxi malajr u tibgħat sinjal politiku qawwi u immedjat lill-Istati Membri u l-operaturi tas-suq li għandha titwettaq bidla sostanzjali fil-mod kif jitfasslu l-politiki tar-rimunerazzjoni.

Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni wkoll li r-Rakkomandazzjoni għandha tapplika fl-industrija tas-servizzi finanzjarji kollha, irrelevanti mill-istatus tal-istituzzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni kkunsidrat li applikazzjoni limitata tal-prinċipji ġodda (pereżempju għall-banek u l-kumpaniji tal-investiment biss) kienet teskludi l-istituzzjonijiet finanzjarji li jistgħu jkunu wkoll ta' importanza biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, u l-politiki ħżiena ta' inċentiv li jwasslu għal riskju eċċessiv f'dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jkollhom l-istess konsegwenzi li kien hemm fil-banek u fil-kumpaniji tal-investiment. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta' prinċipji dwar prattiki sodi ta' rimunerazzjoni għal parti limitata tal-industrija tas-servizzi finanzjarji jistgħu jirriżultaw f'distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn is-setturi differenti li jikkompetu fuq l-istess suq tax-xogħol biex jattiraw talent simili.

L-objettiv ta' dan ir-rapport, li l-Kummissjoni impenjat ruħha biex tipproduċi sena wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tagħha, huwa li jiġi evalwat kemm l-Istati Membri implimentaw il-qafas neċessarju sabiex jidħlu fis-seħħ il-prinċipji ewlenin tar-Rakkomandazzjoni tal-2009 dwar il-politika tar-rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji. L-Istati Membri ġew mistiedna jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jippromwovu l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2009.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni. Dan ir-rapport huwa finalizzat b'dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport u fih tabelli li jindikaw kemm l-Istati Membri segwew ir-rekwiżiti tar-Rakkomandazzjoni.

2. SEJBIET PRINĊIPALI TAL-EVALWAZZJONI

Sittax-il (16) Stat Membru (BE, BG, CY, DE, ES, FR, HU, IT, LT, LV, LU, MT, NL, RO, SE, UK 'ir-Renju Unit') adottaw il-miżuri nazzjonali skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Mill-11-il Stat Membru li fadal (AT, CZ, DK, EE, EL, FI, IE PL, PT, SI, SK), sitta minnhom indikaw li kienu fil-proċess ta' preparazzjoni jew ta' adozzjoni tal-miżuri nazzjonali rilevanti f'dan il-qasam.

F'sitt Stati Membri (DE, FR, IT, MT, NL, UK) il-prinċipji dwar il-politiki tar-rimunerazzjoni għaqlija huma diġà applikabbli għall-bonusijiet tal-2009. Fi Stati Membri oħra dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti matul l-2010.

Seba' Stati Membri biss (BE, FR, HU, LT, LV, NL, SE) adottaw il-miżuri nazzjonali li japplikaw għall-impriżi finanzjarji fis-settur tas-servizzi finanzjarju kollu. Fid-disa' Stati Membri l-oħra, l-ambitu tal-miżuri nazzjonali jvarja sostanzjalment, għalkemm kollha jkopru l-istituzzjonijiet ta' kreditu.

Is-16-il Stat Membru kollha adottaw miżuri nazzjonali għal politiki ta' rimunerazzjoni tal-aġġustament tar-riskju u huma konformi mal-interess fuq perjodu twil tal-istituzzjonijiet finanzjarji Madankollu, hemm differenzi sostanzjali dwar il-kontenut u l-livell ta' dettall tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jindirizzaw l-istruttura tal-politika tar-rimunerazzjoni.

Għadd limitat ta' Stat Membri implimentaw kompletament ir-rakkomandazzjonijiet importanti dwar il-governanza, bħall-irwol ta' bordijiet (superviżorji) jew il-kwalifikazzjoni u l-għarfien espert ta' membri ta' kumitati ta' rimunerazzjoni.

Il-kontenut tar-rekwiżiti tal-iżvelar ivarja fost l-Istati Membri. Diversi Stati Membri ħabbru li fil-ġejjieni qarib se jadottaw leġiżlazzjoni li l-għan tagħha jkun li ttejjeb ir-rekwiżiti tal-iżvelar.

3. VALUTAZZJONI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-RAKKOMANDAZZJONI

3.1. Ambitu u kwistjonijiet ġenerali

Sittax-il (16) Stat Membru (BE, BG, CY, DE, ES, FR, HU, IT, LT, LV, LU, MT, NL, RO, SE, UK) adottaw il-miżuri nazzjonali skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Ħdax-il (11)Stat Membru (AT, CZ, DK, EE, EL, FI, IE PL, PT, SI, SK), kienu għadhom ma adottaw l-ebda miżura nazzjonali speċifika saż-żmien tal-abbozz ta' dan ir-rapport. Minn dawn il-11-Stat Membru, sitta (CZ, DK, EE, FI, IE u PT) indikaw madankollu li huma jinsabu fil-proċess ta' preparazzjoni jew ta' adozzjoni tal-miżuri nazzjonali rilevanti[6], partikolarment fil-perspettiva tar-reviżjoni tal-ġejjieni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiziti ta' Kapital (CRD)[7].

Fost l-Istati Membri li sa issa ma ħadu l-ebda miżura speċifika u li mhumiex fil-proċess li jwettqu dan, AT u EL argumentaw li huma diġà għandhom ħafna dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rimunerazzjoni. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom x'jaqsmu mal-liġi tal-kumpanija jew il-governanza tal-impriżi b'mod ġenerali u ma jindirizzawx speċifikament il-kwistjonijiet li qajmet ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

SK stmat li r-regolazzjoni tar-rimunerazzjoni mhijiex meħtieġa, meta wieħed iqis il-livelli baxxi ta' rimunerazzjoni ta' maniġers fl-istituzzjonijiet finanzjarji Slovakki, l-impatt limitat tagħhom fuq l-istabbiltà, l-espansjoni baxxa tas-settur tal-banek ta’ investiment u tas-servizzi tal-investiment.

PL ħasset li mhuwiex ġustifikat li tintervjeni fl-iskemi tar-rimunerazzjoni ta' kumpaniji privati f'dan l-istadju, u ħalliet f'idejn il-prudenza u r-reponsabbiltà tal-korpi tal-impriżi rilevanti sabiex jinkludu l-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni fir-regoli tagħhom dwar il-governanza tal-impriżi u l-aqwa prattiki tan-negozju. PL madankollu qed tippjana li jiġu implimentati l-prinċipji nazzjonali rigward il-politika tar-rimunerazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-kumpaniji tal-investiment wara r-reviżjoni tas-CRD.

Bl-eċċezzjoni ta' sitt Stati Membri (DE, FR, IT, MT, NL, UK) li għalihom il-prinċipji dwar il-politiki tar-rimunerazzjoni għaqlija huma diġà applikabbli għall-bonusijiet li ngħataw fl-2009, il-prinċipji dwar il-politiki tar-rimunerazzjoni għaqlija fil-parti l-kbira tal-Istati Membri għandhom jiġu applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti matul l-2010.

Filwaqt li s-16-il Stat Membru kollha li adottaw il-miżuri nazzjonali speċifiċi skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jkopru l-istituzzjonijiet tal-kreditu, seba' Stati Membri biss (BE, FR, HU, LT, LV, NL, SE) adottaw il-miżuri nazzjonali li japplikaw għall-impriżi finanzjarji mas-settur tas-servizzi finanzjarji kollu. Fid-disa' Stati Membri l-oħra, l-ambitu tal-miżuri nazzjonali jvarja sostanzjalment:

- Sitt Stati Membri (BU, CY, ES, IT[8], MT, RO) ikopru biss l-istituzzjonijiet tal-kreditu;

- Stat Membru wieħed (UK) ikopri wkoll il-kumpaniji tal-investiment;

- Stat Membru (DE) ikopri wkoll is-settur tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji tal-investiment;

- Stat Membru (LU) wieħed ikopri l-impriżi finanzjarji kollha ħlief is-settur tal-assigurazzjoni.

F'ħafna Stati Membri, hemm stabbilita kundizzjoni ta' limitu jew ta' daqs biex tiskatta applikazzjoni tar-regoli kollha aktar stretti jew ta' xi wħud minnhom. Fl-IT, id-dispożizzjonijiet ta' Ottubru 2009 tal-Bank tal-Italja identifikaw is-sitt gruppi bankarji ewlenin li, apparti mir-regoli applikabbli għall-banek kollha, għandhom ikunu konformi mal-Istandards tal-Implimentazzjoni tal-FSB ta' Settembru 2009. Fil-UK, il-Kodiċi ta' Rimunerazzjoni tal-FSA inkorporat fil-Manwal tal-FSA japplika għal madwar 26 mill-akbar banek, soċjetajiet tal-bini u intermedjarji finanzjarji inkorporati fil-UK.

F'żewġ Stati Membri (DE, ES), l-istituzzjonijiet finanzjarji koperti qed jintalbu biex jiddeterminaw huma stess safejn għandhom jiġu koperti (awtovalutazzjoni). Fid-DE, l-istituzzjonijiet koperti kollha għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali li jorbtu l-politiki ta' rimunerazzjoni ma' ġestjoni ta' riskju għaqli u objettivi fuq perjodu twil. Madankollu, l-istituzzjoni finanzjarja rilevanti għandha tiddetermina waħidha, abbażi tar-riskju tal-analiżi, jekk għandhomx jiġu applikati rekwiżiti speċjali. Skont DE, "l-analiżi għandha tkun, plawsibbli, komprensiv u trasparenti għal partijiet terzi".

Is-16-il Stat Membru kollha japplikaw il-prinċipji għal dawk il-kategoriji tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni finanzjarja. Madankollu, bosta Stati Membri (BG, CY, HU, IT, MT, NL, RO, SE, UK), konformi mal-linji gwida tas-CEBS, marru lil hinn u inkludew il-kategoriji kollha tal-persunal b'enfażi speċjali fuq l-impjegati ta’ livell għoli u persuni oħra li jieħdu r-riskju. Xi Stati Membri (BE, DE, IT[9], SE) talbu lill-istituzzjonijiet finanzjarji huma stess biex ifasslu lista ta' kategoriji ta' persunal li għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni tagħhom. Minkejja li taw xi eżempji (bħal amministrazzjoni ta' livell għoli jew funzjonijiet ta' kontroll), l-ebda Stat Membru ma ta definizzjoni ta' kategoriji tal-persunal li għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju[10],[11].

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (minbarra FR) adottaw dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji permezz ta' att superviżorju. Dan jista' jikkorrispondi ma' rakkomandazzjoni jew att legali vinkolanti fejn l-awtorità superviżorja tkun ingħatat is-setgħa li toħroġ regoli jew prinċipji obbligatorji. Fi FR, ġie adottat regolament (Arrêté) mill-Ministeru tal-finanzi. Bosta Stati Membri speċifikaw li jekk istituzzjoni finanzjarja rilevanti ma tikkonformax mar-rekwiżiti tagħhom, il-kontrolluri nazzjonali huma intitolati li jieħdu miżuri ta' superviżjoni, eż li jitolbu rettifika tas-sistemi ta' rimunerazzjoni ("miżuri kwalitattivi") jew li jistaqsu għal żidiet kapitali ("miżuri kwantitattivi"). Ir-rakkomandazzjonijet li għandhom x'jaqsmu ma' superviżjoni kienu implimentati f'xi wħud mill-Istati Membri permezz ta' leġiżlazzjoni peress li huma parti mis-setgħat/prerogattivi ġenerali mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti. Ir-rekwiżiti tal-iżvelar xi drabi kienu implimentati f'kodiċi ta' governanza tal-impriżi (meta huma tipikament jikkonċernaw diretturi tal-istituzzjonijiet finanzjarji elenkati).

Ħafna Stati Membri (BG, DE, ES, UK) speċifikaw li l-miżuri ta' superviżjoni attwali kienu mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-ġejjieni. Fi tliet Stati Membri (DE, FR u NL) il-miżuri nazzjonali kienu akkumpanjati minn impenji żejda tal-industrija li jinsabu fil-kodiċi tan-negozju.

Meta l-miżuri nazzjonali ġew adottati, l-Istati Membri indikaw li se japplikawhom għall-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti fuq bażi individwali u konsolidata[12]. F'konformità mar-rekwiżiti tal-UE, il-fergħat tal-istituzzjonijiet taż-ŻEE li joperaw fit-territorju ta' Stat Membru tal-UE mhumiex inklużi.

L-Istati Membri kollha li adottaw il-miżuri nazzjonali inkludew "test ta' proporzjonalità" biex titqies in-natura, id-daqs, kif ukoll l-ambitu speċifiku tal-attivitajiet tal-istituzzjoni finanzjarja. Apparti dan, is-16-il-Stat Memrbu kollha eskludew it-tariffi u l-kummissjonijiet mill-ambitu tal-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali tagħhom, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

3.2. Struttura tal-politika ta’ rimunerazzjoni.

Is-16-il Stat Membru kollha implimetaw ir-rekwiżiti ġenerali li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet 3.1 u 3.2 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rakkomandazzjoni 3.1 tistabbilixxi r-rekwiżit ġenerali li l-politika ta' rimunerazzjoni għandha tkun marbuta ma' ġestjoni ta' riskju għaqli u r-rakkomandazzjoni 3.2 għandha l-għan li tikkonforma l-politiki tar-rimunerazzjoni mal-interessi fuq perjodu twil tal-istituzzjoni finanzjarja. Madankollu, ES illimitat l-ambitu tal-applikazzjoni tar-rakkomandazzjoni 3.2 għall-membri eżekuttivi u dawk tal-bord[13]. Ir-Renju Unit (UK) indika li implimeta "b'mod impliċitu" ir-rakkomandazzjoni 3.2 (minħabba l-kodiċi kumplessiva tagħha)

Għalkemm is-16-il Stat Membru kollha implimentaw ir-rakkomandazzjoni 4.1 abbażi tal-ħtieġa għal bilanċ xieraq bejn il-pagi fissi u dawk varjabbli (bl-eċċezzjoni tal-ES li inkludiet l-istess limitazzjoni bħal ta' hawn fuq), erba' Stati Membri biss (BE, LU, MT, NL) inkludew rekwiżit li l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jistabbilixxu limitu massimu fuq il-komponent varjabbli.

Ħmistax-il (15 )Stat Membru (minbarra RO) implimentaw ir-rakkomandazzjoni 4.2 fuq il-politika tal-bonusijiet. HU biss implimentat parzjalment ir-rakkomandazzjoni peress li ma kien hemm l-ebda provvediment dwar il-possibbiltà li jinżammu l-bonusijiet.

Filwaqt li s-16-il Stat Membru kollha implimentaw ir-rakkomandazzjoni 4.3 dwar id-differiment tal-komponent varjabbli, sitt Stati Membri (BG, CY, HU, LV, MT, and RO) ma inkludew l-ebda referenza għal perjodu minimu tad-differiment. IT inkludiet referenza bħal din għas-sitt banek ewlenin biss. LT ma implimentatx din id-dispożizzjoni għas-settur tal-assigurazzjoni.

Is-16-il Stat Membru kollha implimentaw ir-rakkomandazzjoni 4.4 dwar l-aġġustament tar-riskju għad-differiment tal-pagi varjabbli iżda LT ma estendietx l-ambitu tal-applikazzjoni tiegħu għas-settur tal-assigurazzjoni.

Mis-16-il Stat Membru, tnejn (RO u MT) ma implimentawx ir-rakkomandazzjoni 4.5 dwar il-pagament ta’ tmiem l-impjieg. LT illimitat l-ambitu biex teskludi s-settur tal-assigurazzjoni. FR illimitat l-ambitu għad-diretturi u l-maniġers tal-kumpaniji elenkati.

Sitt Stati Memri biss (BE, DE, ES, LU, MT, NL) implimentaw ir-rakkomandazzjoni 4.6 dwar l-irkupru u l-possibbiltà li tinġabar mill-ġdid parti mill-komponent varjabbli (jew kollu). BG, CY u HU illimitaw l-irkupru għal każijiet ta' frodi. IT illimitat l-ambitu tiegħu għas-sitt banek ewlenin tagħha. LT ma implimentathiex għall-istituzzjonijiet tal-kreditu. FR, LV, RO, SE, UK ma implimentawx din ir-rakkomandazzjoni.

Tliet Stati Membri (BG, MT u RO) ma implimentawx ir-rakkomandazzjoni 4.7 li tikkonċerna l-ħtieġa li l-istruttura tal-politika tar-rimunerazzjoni tiġi aġġornata maż-żmien.

Is-16-il Stat Membru kollha implimentaw ir-rakkomandazzjoni 5.1 dwar il-kejl ta' prestazzjoni.

Tmien Stati Membri (BE, DE, ES, FR, IT, LU, NL, UK) implimentaw ir-rakkomandazzjoni 5.2 li tistabbilixxi qafas li jkopri għadd ta' snin għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni. Il-LV implimentaha iżda żied deroga għall-kuntratti ta' mpjiegi li kienu inqas mill-perjodu tal-prestazzjoni. Ir-RO ma implimentatx ir-rakkomandazzjoni. BG, CY, HU, LT, MT and SE implimentawha parzjalment sal-punt fejn mhumiex jipprevedu qafas speċifiku li jkopri għadd ta' snin iżda fejn jitolbu biss li jitqiesu l-prestazzjoni u r-riskju attwali u tal-ġejjieni fuq perjodu ta' żmien itwal.

Is-16-il Stat Membru kollha implimentaw ir-rakkomandazzjoni 5.3 dwar l-aġġustament tar-riskju tal-kejl ta' prestazzjoni. Madankollu, NL ma speċifikatx li l-aġġustament tar-riskju għandu jqis l-ispiża tal-kapital involut u l-likwidità rikjesta. LT ma implimentatx din ir-rakkomandazzjoni għas-settur tal-assigurazzjoni.

Is-16-il Stat Membru kollha implimentaw ir-rakkomandazzjoni 5.4 li tirrelata mal-inseriment tal-kriterji mhux finanzjarji fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni individwali.

Id-differenzi sostanzjali tal-implimentazzjoni nazzjonali fuq element fundamentali bħall-istruttura tal-politika tar-rimunerazzjoni huma inkwetanti. Id-differenzi jkomplu jiżdiedu fil-każijiet tal-Istati Membri (FR, DE, IT, NL, SE, UK) li implimentaw ukoll l-aktar regoli stretti li jinsabu fl-Istandards tal-Implimentazzjoni tal-FSB[14].

3.3. Governanza

Rigward ir-rakkomandazzjoni 6.1 dwar il-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta interess u li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti dwar proċeduri li jiddeterminaw ir-rimunerazzjoni, ES biss ma implimentathiex. Barra minn hekk, MT u NL biss implimentawha parzjalment peress li huma jew ma inkludew l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-kunflitti ta' interess (MT) jew illimitaw l-ambitu tal-membri tal-bord b'lista limitata ta' kunflitti ta' interess potenzjali (NL).

Is-16-il Stat Membru kollha adottaw miżuri nazzjonali li jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni 6.2 dwar l-irwol tal-bord. Madankollu, żewġ Stati Membri biss (BE u MT) implimentawha parzjalment sal-punt fejn ma hemm l-ebda determinazzjoni mill-bord (tas-superviżjoni) tar-rimunerazzjoni tad-diretturi. Barra minn hekk, fi FR il-bord jiddertermina ir-rimunerazzjoni tad-diretturi biss f'kumpaniji li jkunu rċevew l-assistenza pubblika.

RO biss ma timplimentax ir-rakkomandazzjoni 6.3 dwar l-involviment tal-funzjoni tal-kontroll u, fejn xieraq, id-dipartimenti tar-riżorsi umani jew l-esperti esterni fid-disinnn tal-politika tar-rimunerazzjoni. Madankollu, DE u LT ma implimentawhiex għas-settur tal-assigurazzjoni. LT eskludiet ukoll il-banek mill-ambitu tagħha.

Minn 16-il-Stat Membru, sebgħa biss (BE, FR, LV, LU, NL, SE, UK) implimentaw b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjoni 6.4 dwar l-għarfien espert u l-kwalifiki tal-bord (tas-superviżjoni) u l-membri tal-kumitat tar-rimunerazzjoni. LT ma implimentathiex għall-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Stati Membri oħra (BG, CY, DE, ES, IT) għandhom biss dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kwalifiki u l-indipendenza tal-membri tal-kumitat tar-rimunerazzjoni jew il-funzjonijiet tal-kontroll.

Rigward ir-rakkomandazzjoni 6.5 dwar ir-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-politika tar-rimunerazzjoni permezz tal-funzjonijiet tal-kontroll, ES biss ma implimentathiex.

Tlettax-il (13) Stat Membru (BE, BU, CY, ES, FR, IT, LV, LU, MT, NL, RO, SE, UK) implimentaw ir-rakkomandazzjoni 6.6 dwar membri tal-persunal involuti fil-proċessi tal-kontroll. DE implimentatha għall-istituzzjonijiet tal-kreditu u l-kumpaniji tal-investiment iżda parzjalment biss għas-settur tal-assigurazzjoni (l-ebda dispożizzjoni dwar ir-rimunerazzjoni tal-persunal tal-kontroll). LT ma rriflettietx bis-sħiħ dan il-kontenut għas-settur tal-assigurazzjoni. HU wkoll implimentatha parzjalment biss peress li ma tipprovdix għal regoli speċifiċi dwar ir-rimunerazzjoni għal funzjonijiet ta' kontroll, għajr dawk fir-rigward ta' nuqqas ta' involviment tal-unitajiet tan-negozju.

Ġeneralment, il-livell tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet 6.2 u 6.4 mhuwiex sodisfaċenti u, meta titqies l-importanza tagħhom, dan huwa problematiku.

3.4. Żvelar tal-politika ta’ rimunerazzjoni

Dwar ir-rakkomandazzjoni 7 li fiha rekwiżit tal-iżvelar ġenerali, ES biss ma implimentathiex iżda infurmat dwar leġiżlazzjoni fil-ġejjieni dwar din il-kwistjoni. LT implimentatha parzjalment peress li ma adottatx dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur tal-assigurazzjoni.

Ir-rakkomandazzjoni 8 tispeċifika aktar il-kontenut tar-rekwiżiti tal-iżvelat. Seba' Stati Membri (BE, FR, IT, LV, LU, SE, UK) implimentawha b'mod sħiħ. DE implimentaha b'mod sħiħ għall-istituzzjonijiet tal-kreditu u l-kumpaniji tal-investiment iżda parzjalment biss għas-settur tal-assigurazzjoni (l-ebda dispożizzjoni dettalljata ma hi rikjesta). BG, CY, LT, MT, NL u RO implimentawha parzjalment peress li jew hemm xi rekwiżiti nieqsa jew l-ambitu mhuwiex komplut f'termini ta' istituzzjonijiet finanzjarji koperti jew f'termini ta' kategoriji tal-persunal (jiġifieri id-diretturi biss)/ tip ta' forom legali (jiġifieri il-kumpaniji elenkati biss) koperti. ES u HU ma implimentawhiex.

3.5. Superviżjoni

Ir-rakkomandazzjoni 11 tistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha tiġi kkomunikata mill-istituzzjonijiet finanzjarji lill-awtoritajiet kompetenti, inkluża indikazzjoni tal-konformità. Minn 16-il-Stat Membru, ES biss ma kkonformatx ma' din ir-rakkomandazzjoni. LT ma tipprevedi l-ebda regola speċifika għall kumpaniji tal-assigurazzjoni.

Ir-rakkomandazzjoni 12 tistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jitlobu u jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha li jqisu bħala neċessarja sabiex jevalwaw il-konformità mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Barra mis-16-il-Stat Membru li adottaw il-miżuri nazzjonali, HU biss ma implimentatx din ir-rakkomandazzjoni.

4. ŻVILUPPI ATTWALI

Fil-Komunikazzjoni[15] li takkumpanja r-Rakkomandazzjonijiet imsemmija qabel, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dawn tal-aħħar kienu biss l-ewwel stadju fl-istrateġija tal-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni u dan l-istadju għandu jiġi segwit minn leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE.

F'Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat proposta biex issir reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiziti ta' Kapital (CRD)[16] li tindirizza, inter alia, il-politiki tar-rimunerazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu. Il-Kummissjoni, fil-kuntest ta' kriżi, tat prijorità lill-miżuri leġiżlattivi fis-settur bankarju u tal-kumpaniji ta’ investiment ladarba dan huwa s-settur li fih inħass l-aktar l-impatt negattiv ta' inċentivi żbaljati.

Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni mmirat li jiġu tradotti, fir-rekwiżiti legali tal-UE, il-prinċipji li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni tagħha dwar il-politika ta' rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Il-kontrolluri bankarji huma rikjesti li jissorveljaw il-politiki tar-rimunerazzjoni u qed tingħatalhom is-setgħa li jieħdu miżuri restrittivi fir-rigward tal-banek li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti l-ġodda. Huma se jkollhom bosta miżuri disponibbli biex jieħdu l-miżuri restrittivi rigward in-nuqqas ta' konformità, fosthom li jirrikjedu l-istituzzjoni tnaqqas ir-riskju marbut ma' sistemi ta' rimunerazzjoni partikolari, li jimponu multi jew, bħala l-aħħar tentattiv, li jwettqu żidiet kapitali.

Il-ftehim ġenerali adottat f'Novembru 2009 fil-laqgħa tal-Kunsill ECOFIN wera d-determinazzjoni tal-UE li taġixxi fuq din il-kwistjoni. Filwaqt li jqisu l-Istandards tal-Implimentazzjoni addizzjonali tal-FSB dwar il-pagi adottati f'Settembru 2009, l-Istati Membri komplew jaqblu li għandhom jirriflettuhom b'mod strett fil-proposta tas-CRD[17].

Sadanittant, ġew introdotti dispożizzjonijiet simili dwar il-politika tar-rimunerazzjoni mill-Istati Membri fil-proposta għal direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi ("fondi protetti")[18].

Attwalment iż-żewġ proposti qed jiġu diskussi fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

5. KONKLUŻJONI

Minkejja li l-kriżi pprovdiet il-motivazzjoni meħtieġa biex issir riforma sostanzjali fil-qasam tal-politiki tar-rimunerazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ġiet applikata, bis-sħiħ jew parzjalment, minn 16-il Stat Membru biss. Filwaqt li sitt Stati Membri huma fil-proċess li jadottaw miżuri biex titħeġġeġ l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, xorta hemm għadd relattivament kbir ta' Stati Membri li ma bdew jieħdu l-ebda miżura jew li ħadu miżuri mhux sodisfaċenti. Seba' Stati Membri biss japplikaw miżuri rilevanti mas-settur kollu tas-servizzi finanzjarji. Id-differenzi sostanzjali tal-implimetazzjoni nazzjonali fuq element fundamentali bħall-istruttura tal-politika tar-rimunerazzjoni huma inkwetanti.

B'hekk jeħtieġ li jkun hemm sforzi ulterjuri biex tiġi indirizzata din il-problema. Ma tista' titħaddem l-ebda riforma effettiva mingħajr bidla kulturali reali fil-mod li bih is-settur tas-servizzi finanzjarji jiddeċiedi li jagħti inċentivi lill-persunal tiegħu (mill-impjegati sal-uffiċjali eżekuttivi). Xi wħud mill-istituzzjonijiet finanzjarji diġà esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal riforma f'dan il-qasam u jkomplu jipperċepixxu l-kultura tal-bonus fuq perjodu qasir bħala vantaġġ kompetittiv distint u l-aktar mod profittabbli biex jagħtu inċentiv lill-persunal tagħhom. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom interess kbir biex joħolqu kultura tal-bonus fuq perjodu qasir sabiex tinżamm flessibbiltà għolja fuq il-post tax-xogħol[19]. L-impjegati tas-servizzi finanzjarji jbiddlu biss l-imġiba tagħhom rigward ir-riskju jekk ikunu jafu li se jkunu vvalutati fuq perjodu ta' żmien twil biżżejjed u li l-livell tal-paga tagħhom ikun se jitnaqqas b'mod effettiv jekk jieħdu riskji eċċessivi.

Minkejja l-leġiżlazzjoni tal-ġejjieni, hija meħtieġa gwida superviżjora biex jiġi żgurat approċċ komuni fi ħdan l-UE. Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' kompetenza ugwali, il-konverġenza superviżorja se tkun meħtieġa wkoll fil-kuntest tal-Kumitat ta' Basel.

Fir-rigward tal-prattiki fl-istituzzjonijiet finanzjarji innifishom, f'dan l-istadju, huwa diffiċli li jiġi vvalutat jekk u safejn l-istituzzjonijiet finanzjarji, fil-prattika, daħlu fis-seħħ politiki ta' rimunerazzjoni għaqlin. Għadu kmieni wisq u l-biċċa l-kbira tal-bidliet regolatorji għadhom għaddejjin. Għalkemm l-istituzzjonijiet finanzjarji bdew jimmodifikaw il-prattiki tar-rimunerazzjoni tagħhom, meta wieħed iqis it-tħassib tagħhom dwar l-iżvantaġġi għal min ikun ħa l-inizjattiva, il-probabbiltà hija li mhumiex se jimpenjaw ruħhom għal riforma kumplessiva fuq perjodu twil tal-politika tar-rimunerazzjoni sakemm ma tiġi adotta l-leġiżlazzjoni pendenti f'dan il-qasam[20]. Għalkemm l-istituzzjonijiet finanzjarji qed jikkomunikaw esternament u "jikkumerċjalizzaw b'mod tattiku" uħud mill-bidliet politiki tar-rimunerazzjoni, partikolarment għad-diretturi tagħhom[21], hemm ftit ħafna jew xejn informazzjoni disponibbli jew żvelata dwar ir-rimunerazzjoni individwali f'livell aktar baxx u dwar l-istruttura tagħha.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha:

- tipproponi miżura leġiżlattiva simili dwar ir-rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji mhux bankarji (assigurazzjoni, UCITS) matul l-2010/bidu tal-2011;

- tiżgura li l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew jiftiehmu malajr dwar il-proposti leġiżlattivi pendenti li jindirizzaw il-kwistjonijiet tar-rimunerazzjoni u jimpenjaw ruħhom għal monitoraġġ strett tal-implimentazzjoni fil-ġejjieni mill-Istati Membri;

- jiżguraw li, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-FSB u l-G20, titwettaq applikazzjoni effettiva ta' regoli simili dwar il-politika tar-rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji f'livell globali sabiex jiġu provvduti kundizzjonijiet ta' kompetenza ugwali dwar din il-kwistjoni;

- teżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni regolarment u żżomm id-dritt li żżid kull miżura addizzjonali oħra, kif xieraq.

-

[1] Il-Counterparty Risk Management Policy Group III (Grupp ta' Politika Kontraparti għall-Ġestjoni tar-Riskji III) (CRMPG III) li fl-2008 ġie ffurmat fl-Istati Uniti biex janalizza l-kriżi tas-suq tal-kreditu kkonkluda fir-rapport tiegħu li l-iskemi ta' kumpens fis-servizzi finanzjarji kienu waħda mill-ħames kawżi primarji tal-kriżi finanzjarja. Is-CRMPG III emfasizza l-ħtieġa li l-inċentivi ta' kumpens jiġu konformi b'mod xieraq mal-interessi fuq perjodu twil tal-istituzzjoni finanzjarja u li jiskoraġġixxu l-eċċessi fit-teħid tar-riskju fuq perjodu qasir. Fil-livell tal-UE, ir-rapport de Larosière wasal għall-istess konklużjoni meta rrakkomanda li tingħata attenzjoni lill-istruttura tal-politika ta' rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji u biex "l-inċentivi jeħtiġilhom jikkonformaw mill-ġdid mar-rendiment fit-tul fl-azjenda kollha kemm hi" .

[2] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2009 lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, "Nixprunaw l-Irkupru Ewropew", - COM(2009) 114.

[3] Il-konklużjonijiet tas-Samit tal-G20, f’Londra, fit-2 ta' April 2009, paragrafu 15.

[4] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 22).

[5] Għal spjegazzjoni dettaljata tal-kontenut tar-Rakkomandazzjoni, jekk jogħġbok ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SEC(2010) 671 li jissupplimenta dan ir-Rapport.

[6] Għall-fini ta' dan ir-rapport, se jiġu analizzati biss dawk l-Istati Membri li adottaw il-miżuri nazzjonali skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

[7] COM(2009) 362. Għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 4 ta' dan ir-rapport.

[8] IT indikat li għandhom xi prinċipji ġenerali dwar il-kumpens relatat mad-dispożizzjoni tas-servizzi u l-attivitajiet tal-investiment li se japplikaw għal kumpaniji tal-investiment u kumpaniji ta' ġestjoni ta' assi (Regolament konġunt tal-Bank tal-Italja u l-Consob, maħruġ f'Ottubru 2007).

[9] Għas-6 banek Taljani ewlenin biss.

[10] SE madankollu speċifikat li "Impjegat li l-azzjonijiet tiegħu jista' jkollhom impatt materjali fuq l-esponiment għar-riskju tal-kumpanija huwa definit bil-mod li ġej: Impjegat li jappartjeni għal kategorija ta' persunal li, bħala parti mill-inkarigu tiegħu, jeżerċita jew jista' jeżerċita influwenza mhux insinifikanti fuq l-esponiment għar-riskju tal-kumpanija".

[11] Fir-Renju Unit, l-istituzzjonijiet finanzjarji koperti huma mistennija li jinkludu "Persuni li jwettqu funzjoni ta' influwenza sinifikanti għal kumpanija (u b'hekk għandhom ikunu ġew approvati biex iwettqu din il-funzjoni) u impjegati li l-attivitajiet tagħhom għandhom, jew jista' jkollhom, impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-kumpanija". Il-preżunzjoni hija li impjegat fit-tieni kategorija huwa impjegat kopert jekk it-total tal-kumpens mistenni għall-2009 ikun akbar minn £ 1miljun.

[12] F'xi wħud mill-każijiet, soġġett għar-regoli speċifiċi tax-xogħol u/jew tal-liġi fiskali tal-pajjiż terz li l-kumpaniji tal-grupp joperaw fih.

[13] L-awtoritajiet ta' Spanja argumentaw li jekk jitqies li i) il-politika tar-rimunerazzjoni ma kienetx problema fi Spanja, u ii) il-ħtieġa li tiġi garantita koerenza mal-iżviluppi leġiżlattivi tal-Ewropa, huma qed jistennew l-adozzjoni tad-Direttivi Ewropej rilevanti biex jimplimentawhom.

[14] Hemm differenzi oħrajn minħabba d-dispożizzjonijiet nazzjonali speċifiċi jew fil-każ ta' istituzzjonijiet finanzjarji salvati, iżda dawn huma aktar speċifiċi u limitati fl-ambitu.

[15] COM(2009) 211, 30.4.2009.

[16] COM(2009) 362.

[17] Ara l-ftehim li ntlaħaq fl-10 ta' Novembru 2009 matul il-Kunsill ECOFIN.

[18] COM(2009) 207, 30.4.2009.

[19] Il-bonusijiet fuq perjodu qasir ifissru kuntratti ta' impjieg fuq perjodu qasir. Jekk ikunu jistgħu jnaqqsu l-għadd tal-impjegati fi kwalunkwe żmien fis-sena, l-istituzzjonijiet finanzjarji jtejbu l-kompetizzjoni fost il-persunal u jippreservaw il-livell ta' fondi ta' bonus bħala parti minn din il-kultura ta' mobbiltà.

[20] Ir-rapport tal-IIF riċenti jiddikjara li għalkemm "Kien qed isir progress lejn il-konformita' tal-kumpens mal-Prinċipji tal-IIF/FSB, jeħtieġ li jsir ħafna aktar xogħol. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji mistħarrġa jorbtu l-kumpens mal-prestazzjoni u jużaw differimenti fil-pagamenti ta' kumpens, ħafna ltaqgħu ma' sfidi meta ġew biex jikkonformaw il-kumpens mal-prospettivi ta' riskju u żmien tad-dħul u biex jinkorporaw l-ispiża tal-fatturi kapitali u dawk ta' riskju fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni" .

[21] Dan jinkludi l-limitazzjonijiet fuqhom infushom jew limiti fuq bonusijiet jew paraxuts dehbija għall-uffiċċjli fl-ogħla livell, u ammont sostanzjali ta' flus mogħti għall-karità, eċċ.

Top