This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0112
INTERIM REPORT FROM THE EUROPEAN COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL On Progress in Bulgaria under the Co-operation and Verification Mechanism
RAPPORT INTERIM MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika
RAPPORT INTERIM MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika
/* KUMM/2010/0112 finali */
RAPPORT INTERIM MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika
[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 23.3.2010 KUMM(2010)112 finali RAPPORT INTERIM MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika RAPPORT INTERIM MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika 1. INTRODUZZJONI – Meta l-Bulgarija ngħaqdet mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Jannar 2007, ġie stabbilit Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika (minn hawn 'il quddiem MKV)[1] biex jgħin lill-Bulgarija tirrimedja ċerti nuqqasijiet fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u biex jissorvelja l-progress f'dawn l-oqsma permezz ta' rapporti perjodiċi. Dan ir-rapport huwa rapport interim li jipprovdi aġġornament tekniku dwar l-iżviluppi sinifikanti li seħħew matul dawn l-aħħar 6 xhur fil-Bulgarija taħt il-MKV. Ma jinkludix evalwazzjoni tal-progress miksub. L-aħħar rapport adottat mill-Kummissjoni fit-22 ta' Lulju 2009 u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għadhom il-punt ta' referenza għall-evalwazzjoni tal-progress miksub meta mqabbel mal-parametri ta' riferiment u l-identifikazzjoni tal-isfidi li għad baqa'. Il-Kummissjoni se tipprovdi evalwazzjoni oħra fis-sajf tal-2010. 2. IR-RIFORMA ĠUDIZZJARJA U L-ĠLIEDA KONTRA L-KORRUZZJONI U L-KRIMINALITÀ ORGANIZZATA: IS-SITWAZZJONI ATTWALI Matul dawn l-aħħar sitt xhur, il-Bulgarija tat bidu għal diversi proposti konkreti għal riforma li jwieġbu għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni: Bħalissa fil-Parlament qed issir diskussjoni dwar reviżjoni parzjali tal-Kodiċi ta' Proċedura Penali u qed isir xogħol fuq riforma sostanzjali tal-Att dwar il-Konfiska tal-Assi Kriminali (Criminal Assets Forfeiture Act) u fuq reviżjoni tal-Liġi dwar il-Kunflitti ta' Interess. Il-Bulgarija ddeċidiet ukoll li ssaħħaħ l-istrutturi tal-prosekuzzjoni fil-ġlieda kontra reati serji bl-użu ta' timijiet konġunti ta' investigazzjoni għal ċerti kawżi prijoritarji li jinvolvu korruzzjoni f'livell għoli u kriminalità organizzata. Barra minn hekk, il-Bulgarija nediet riforma strutturali tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul u l-Aġenzija Nazzjonali Doganali u bdiet ħidma fuq strateġija komprensiva biex tiġġieled il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Fl-istess waqt, l-Ispettorat għall-Kunsill Suprem tal-Maġistratura kompla bir-rekord tajjeb tiegħu u l-Kunsill Suprem tal-Maġistratura (KSM) segwa l-monitoraġġ ta' kawżi li huma ta' interess pubbliku għoli. Madanakollu, il-ġudikatura kompliet tipproduċi ftit riżultati biss f'kawżi li jinvolvu korruzzjoni f'livell għoli u l-kriminalità organizzata filwaqt li f'Jannar 2010 sar delitt ieħor fit-triq. Allegazzjonijiet ta' korruzzjoni serja relatata ma' ħatriet għoljin fil-ġudikatura li jinvolvu membri tal-KSM għad iridu jiġu studjati għalkollox. Qabel ma ssir l-evalwazzjoni li jmiss jeħtieġ isir segwitu amminsitrattiv iktar imħaffef u komplet għat-tħassib tal-Kummissjoni rigward irregolaritajiet, kunflitt ta' interess u frodi fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE. 3. IL-PROSPETTIVI F'dawn l-aħħar sitt xhur, il-Bulgarija nediet għadd ta' inizjattivi importanti li juru rieda favur riforma. Dawn l-isforzi huma ta' min ifaħħarhom. Minkejja li l-meritu tagħhom, ladarba jiġu implimentati, jista' jiġi evalwat biss fid-dawl tal-kontribut effettiv tagħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-krimintalità organizzata, l-isforzi reċenti tal-Bulgarija jixhdu għarfien dejjem jiżdied li jeħtieġ isiru riformi sostanzjali u importanti ħafna. Sabiex tikseb riżultati prattiċi u miżurabbli f'għadd sinifikanti, il-Bulgarija għandha tifrex aktar l-isforzi tagħha ta' riforma. Ir-riformi li rrakkomandat il-Kummissjoni f'Lulju 2009 għandhom isiru kwistjonijiet ta' prijorità nazzjonali u jeħtieġ jiġu mnedija f'iktar oqsma sabiex fil-ġudikatura ssir riforma iktar fil-fond. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lill-Bulgarija f'dan l-isforz u l-evalwazzjoni fil-fond li jmiss dwar il-progress se tippreżentah sas-sajf ta' din is-sena. 4. AġġORNAMENT TEKNIKU DWAR IL-PARAMETRI TA' RIFERIMENT 4.1. Parametru ta' Riferiment 1: Adozzjoni ta' emendi Kostituzzjonali li jeliminaw kwalunkwe ambigwità dwar l-indipendenza u r-responsabbiltà tas-sistema ġudizzjarja L-Ispettorat għall-Kunsill Suprem tal-Maġistratura (KSM) kompla jirreġistra rekord tajjeb fl-ispezzjonijiet. L-Ispettorat mexxa spezzjonijiet skedati tas-sistema ġudizzjarja Bulgara kollha ħlief għall-fergħa ċivili tal-Qorti tal-Appell tar-Reġjun ta' Sofia. Minkejja li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ispettorat lill-qrati u lill-uffiċċji tal-prosekuturi ma ġewx segwiti b'mod konsistenti fil-kawżi kollha, l-Ispettorat irrapporta li l-ispezzjonijiet ipproduċew effett viżibbli preventiv fost il-maġistrati. Il-grupp ta' ħidma konġunt tal-KSM li twaqqaf m'ilux u l-Ispettorat għandhom jikkontribwixxu għat-twaħħid tal-prattika dixxiplinarja, jassistu biex l-ispezzjonijiet isiru b'mod immirat u fl-applikazzjoni tas-sejbiet mill-ispezzjonijiet mill-KSM għal proċeduri ta' evalwazzjoni u ħatriet. Il-prassi kurrenti tindika li s-sanzjonijiet imposti mill-KSM huma ħafna drabi laxki. Ċerti kazi wkoll ingħalqu minħabba li kienu għaddew l-iskadenzi statutorji. 4.2. Parametru ta' Riferiment 2: L-iżgurar ta' proċess iktar trasparenti u effiċjenti bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' att dwar is-sistema ġudizzjarja ġdid u l-kodiċi l-ġdid ta' proċedura ċivili. Rapport dwar l-impatt ta' dawn il-liġijiet ġodda u dwar il-kodiċi ta' proċedura penali u ta' proċedura amministrativa, notevolment dwar il-fażi ta' qabel il-proċess Bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, il-gvern introduċa diversi emendi għall-Kodiċi ta' Proċedura Penali bil-għan li jitjiebu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-proċess ġudizzjarju. Id-dibattitu fil-Parlament s'issa wera li hemm mnejn li mhux l-emendi kollha jsibu appoġġ[2]. Abbozzi ta' emendi għall-Kodiċi Penali ppreżentati mill-Gvern għandhom l-għan li jsaħħu s-sanzjonijiet għal reati bħall-omiċidju, ħtif u frodi tal-kreditu. Il-Bulgarija tipprovdi evalwazzjoni pożittiva tal-istrument tal-patteġġament li wassal għal iktar effiċjenza ġudizzjarja. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta' proċedura mħaffa rriżultat f'laxkezza bla bżonn f'każi fejn l-akkuża kienet sostnuta minn evidenza. Bħala riżultat tal-evalwazzjoni, l-awtoritajiet Bulgari qed jikkunsidraw li jeskludu ċerti offiżi kriminali serji mill-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa u bil-għan li jiġi limitat il-poter tal-qorti li tagħti sentenzi taħt il-minimu ddefinit[3]. Ma ġie rrappurtat l-ebda progress rigward il-proċeduri biex jiġi adottat l-abbozz ġdid tal-Att dwar l-Istrumenti Statutorji li għandu jintroduċi regoli ċari għat-trasparenza u d-dibattitu pubbliku u jikkodifika l-istadji differenti tal-proċess leġiżlattiv. 4.3. Parametru ta' Riferiment 3: Tkompli r-riforma ġudizzjarja sabiex tissaħħaħ il-professjonaliżmu, ir-responsabilità u l-effiċjenza. Tevalwa l-impatt ta' din ir-riforma u tippubblika r-riżultati kull sena Kompliet tiġi kkritikata l-evalwazzjoni tal-maġistrati minħabba li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu qed jingħataw l-ogħla marka. Bi tweġiba għal rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-KSM adotta ordinanza biex issaħħaħ il-ġustizzja u l-oġġettività tal-eżerċizzju annwali tal-evalwazzjoni.[4] Il-Kunsill Suprem tal-Maġistrati kompla jissorvelja l-każi ta' interess pubbliku għoli għall-ħeffa fl-istadju tal-ġuri. Minn ħamsin tali każ, ġie rrappurtat li disa' każi rriżultaw f'kundanna.[5] Il-KSM identifika r-raġunijiet għad-dewmien f'ċerti każi u ħareġ rakkomandazzjonijiet b'segwitu, madanakollu, kompla d-dewmien abbużiv f'ċerti każi importanti.[6] Matul it-tieni nofs tal-2009, ħarġu fil-pubbliku allegazzjonijiet ta' qligħ mill-użu ta' influwenza rigward il-ħatriet ta' membri għoljin tal-ġudikatura li kienu jinvolvu membri tal-KSM. Bi tweġiba għall-allegazzjonijiet, il-KSM nieda proċeduri dixxiplinarji formali kontra għadd ta' maġistrati. Żewġ membri tal-KSM irriżenjaw mill-karigi tagħhom taħt pressjoni pubblika u marru lura fil-maġistratura. Qabel dan, il-KSM iddikjara li ż-żewġ membri kienu vvjolaw il-kodiċi etika tal-maġistrati u l-Kunsill kien sejjaħ għar-riżenja tagħhom. Huwa rrapurtat li n-nuqqas ta' bażi legali żamm lura lill-KSM milli jieħu miżuri dixxiplinarji kontrihom. Bi tweġiba, il-Ministeru tal-Ġustizzja ppreżenta proposta għal emenda fl-Att dwar is-Sistemi Ġudizzjarji li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-responsabbiltà dixxiplinarja tal-membri tal-Kunsill Suprem tal-Maġistrati.[7] Minn mill-inqas tletin maġistrat allegatament involuti, sbatax-il maġistrat irriżenjaw fuq allegazzjonijiet ta' qligħ mill-użu tal-influwenza f'dan il-każ. Ġie rrappurtat li nbdew proċedimenti dixxiplinarji kontra l-maġistrati kollha suspettati bi qligħ mill-użu tal-influwenza li applikaw għal pożizzjonijiet amminsitrattivi, irrispettivament jekk inħatrux jew le. Il-proċedimenti dixxiplinarji tal-KSM s'issa rriżultaw f'seba' demozzjonijiet. Minħabba li l-proċedimenti ma nbdewx mill-prosekuzzjoni kontra kwalunkwe wieħed mill-maġistrati involuti, l-allegazzjonijiet ma setgħux jiġu vverifikati fis-sustanza. Wara diversi sinjali pubbliċi, il-KSM nieda investigazzjoni dwar l-irregolariajiet f'qorti reġjonali. Ir-rapport tal-investigazzjoni li ġie adottat mill-KSM fi Frar kixef għadd ta' nuqqasijiet serji fil-ġestjoni tal-qorti.[8] Segwitu dixxiplinari u legali għall-konklużjonijiet jinsabu pendenti. In-nuqqas ta' kontabbiltà tal-Prosekutur Pubbliku Ewlieni kienet ikkritikata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani.[9] Is-sentenza tal-QEDU sejħet lill-Bulgarija twaqqaf sistema ta' kontrolli u bilanċi fost l-istituzzjonijiet fis-sistema ġudizzjarja 4.4. Parametru ta' Riferiment 4: Twettaq u tirrapporta dwar investigazzjonijiet professjonali, mhux partiġġjani dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-livelli għolja. Tirrapporta dwar l-ispezzjonijiet interni ta' istituzzjonijiet pubbliċi u dwar il-pubblikazzjoni ta' assi ta' uffiċjali fil-livelli għolja Bħala segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Bulgarija ħolqot ħames timijiet konġunti addizzjonali biex jindirizzaw każi ewlenin ta' kriminalità organizzata (ara parametru ta' riferiment 6). Dawn it-timijiet ingħataw ukoll il-kariga, fuq bażi sperimentali, tal-investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta' frodi u negliġenza waqt il-qadi ta' dmirijiet uffiċjali minn tliet ex-Ministri u żewġ Membri Parlamentari. Fil-bidu ta' Marzu, ġew irreġistrati b'kollox sitt akkużi li kienu jinvolvu żewġ ex-ministri, żewġ Membri Parlamentari u ex-direttur ta' aġenzija statali. Il-Bulgarija saħħet il-kapaċità tat-tim konġunt investigattiv biex jiġġieled il-frodi rigward l-UE. Il-Bulgarija tirrapporta li minn 125 każ taħt investigazzjoni mit-tim fl-2009, 108 fajl intbagħtu lill-qorti. Bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Bulgarija ħejjiet emendi għal-liġi dwar il-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess bil-għan li twaqqaf kummissjoni bl-inkarigu li timplimenta l-liġi taħt is-superviżjoni tal-Parlament. Huwa mistenni li t-twaqqif ta' kummissjoni speċjalizzata għandu jestendi l-ambitu limitat tal-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kunflitt ta' interess f'oqsma oħra, itejjeb l-infurzar tagħha u jżid l-effettività tagħha permezz tal-applikazzjoni ta' sanzjonijiet jew il-konfiska tal-assi. Għadd ta' kawżi ta' korruzzjoni f'livell għoli bħalissa qed jiġu investigati. Seba' akkużi ġew irreġistrati dan l-aħħar iżda żewġ kawżi importanti quddiem il-qorti dwar frodi għadhom qed jiltaqgħu ma' ħafna dewmien. Minn Lulju 2009 'l hawn ma ġew irrappurtati ebda akkużi f'kawżi ta' korruzzjoni f'livell għoli. Għad hemm rapporti ta' kontrolli insuffiċjenti fil-livell amministrattiv biex jiġu evitati irregolaritajiet u jinkixfu vjolazzjonijiet amministrattivi. F'diversi każi, jaslu sinjali għand l-awtoritajiet ġudizzjarji qabel isiru l-kontrolli amministrattivi. Fl-istess ħin, il-korpi ta' kontroll amministrattivi mhumiex biżżejjed pro-attivi biex jistabbilixxu r-riskji u jidentifikaw każi possibbli ex-officio ta' frodi u korruzzjoni. Ir-riformi li għandhom iwasslu għal iktar kontabbiltà u effiċjenza bdew fl-Aġenzija Nazzjonali għad-Dħul u fl-Aġenzija Nazzjonali Doganali. Ġie rrappurtat li l-implimentaqzzjoni tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni u Sejbien ta' Kunflitt ta' Interess wasslet biex, minn nofs l-2009 'l hawn, jiġu stabbiliti seba' u erbgħin każ ta' irregolarità. Madanakollu, il-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-assi ta' uffiċjali f'livelli għoljin, Ministri u Membri Parlamentari fuq sit dedikat tal-Uffiċċji Nazzjonali tal-Verifika ma kenitx aġġornata b'mod sistematiku u lanqas ma ġie rrappurtat segwitu mill-korpi ta' kontroll tal-verifika tad-dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk, minn Diċembru 2009 'l hawn ma ġie rrappurtat ebda segwitu għal allegazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess fost uffiċjali għolja u Membri Parlamentari minn kumitat parlamentari imwaqqaf apposta. 4.5. Parametru ta' Riferiment 5: It-teħid ta' aktar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni partikolarment fuq il-fruntieri u fi ħdan il-gvern lokali Fit-18 ta' Novembru 2009, il-Kunsill tal-Ministri adotta strateġija ambizzjuża biex tbiegħed u tikkumbatti l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, li għandha tiġi implimentata tul is-settur pubbliku kollu bl-għajnuna ta' pjan ta' azzjoni u assistenza barranija. Il-Bulgarija għandha żżid l-isforzi amministrattivi biex tbiegħed milli jsiru rregolaritajiet fl-appalt pubbliku u biex issegwi t-tħassib fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE. Għandu jkun importanti li r-riżultati tad-diskussjonijiet Parlamentari dwar emendi fil-liġi tal-appalt pubbliku jiżguraw protezzjoni effettiva kontra l-frodi u l-korruzzjoni fl-appalt pubbliku.[10] 4.6. Parametru ta' Riferiment 6: Implimentazzjoni ta' strateġija għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'enfasi fuq ir-reati serji, il-ħasil tal-flus kif ukoll fuq is-sekwestru sistematiku tal-assi tal-kriminali. Rappurtar dwar investigazzjonijiet ġodda u li għadhom għaddejjin, akkużi u kundanni f'dawn l-oqsma Bi tweġiba għal rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Bulgarija waqqfet ħames timijiet investigattivi konġunti permanenti taħt id-direzzjoni tal-Uffiċċju Suprem tal-Prosekuzzjoni tal-Kassazzjoni. Dawn it-timijiet huma mmexxija minn prosekuturi u jinkludu uffiċjali tal-pulizija investigattivi, maġistrati investigattivi, maġistrati u rappreżentanti tal-Aġenzija Statali għas-Sigurtà Nazzjonali (ASSN), din tal-aħħar b'mod partikolari biex tiġbor informazzjoni finanzjarja. Il-ħames timijiet se jiffukaw prinċipalment fuq l-investigazzjoni ta' każijiet importanti ta' kriminalità organizzata[11]. Bi tweġiba għal rakkomandazzjoni oħra tal-Kummissjoni, il-Bulgarija għandha l-ħsieb li ssaħħaħ sew il-leġiżlazzjoni dwar il-konfiska tal-assi kriminali kif ukoll il-mandat tal-Kummissjoni għall-Konfiska tal-Assi Kriminali (CEPACA). L-emendi jinkludu b'mod partikolari: it-twessigħ tad-definizzjoni ta' "persuni relatati" li l-assi tagħhom jistgħu jinqabdu, l-għoti tad-dritt liċ-CEPACA li taġixxi ex-officio , tagħmel stima tal-assi fuq il-bażi tal-valur tas-suq tagħhom u t-trasferiment tal-obbligu tal-provi meta jkun hemm suspett li l-assi ġew akkwistati b'mod illegali. L-emendi legali jiffukaw fuq il-konfiska tal-assi mill-qrati ċivili li jkunu indipendenti minn deċiżjoni speċifika f'każ kriminali iżda kkundizzjonata minn għadd ta' elementi oħra bħal ngħidu aħna l-istorja kriminali wara l-każ. Huwa mistenni li l-abbozz jasal fil-Parlament f'Marzu wara li ssir konsultazzjoni pubblika. Minn nofs l-2009 'l hawn, il-Bulgarija wettqet sensiela ta' arresti u nediet investigazzjonijiet b'konnessjoni ma' gruppi ta' kriminalità organizzata. Matul l-istess perjodu, ġew irreġistrati żewġ akkużi f'kawżi bi profil għoli, waħda għal qtil u t-twaqqif ta' grupp ta' kriminalità organizzata u oħra għal evażjoni tat-taxxa. Fit-tieni każ ġew iffriżati ħafna assi[12]. Xhud potenzjali f'każ ta' kriminalità organizzata bi profil għoli nqatel f'Sofia fil-5 ta' Jannar 2010. Kawżi fil-qorti ta' kriminalità organizzata ġeneralment urew ftit zvilupp minn nofs l-2009 'l hawn u ebda kundanna ma ġiet irrappurtata f'dan il-perjodu. Il-Bulgarija qed tikkunsidra li saħħaħ il-protezzjoni legali kontra l-ħasil tal-flus permezz ta' emendi għall-att notarili li jipprojbixxu ħlas f'kontanti għall-bejgħ ta' beni immobbli. L-emendi bħalissa qed jiġu diskussi mill-Parlament. [1] Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/929/KE tat-13 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija biex jiġu indirizzati parametri speċifiċi ta' riferiment fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 58). [2] L-emendi jestendu l-ammissibbiltà tal-evidenza fil-qorti u jnaqqsu l-formalità tal-proċeduri ġudizzjarji. Dawn jinkludu l-ammissibbiltà bħala evidenza fil-qorti ta' dikjarazzjonijiet minn uffiċjali tal-pulizija, dokumenti uffiċjali pprovduti mill-OLAF (l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi) u informazzjoni miġbura permezz ta' metodi investigattivi speċjali qabel il-ftuħ tal-fażi ta' qabel il-proċess. Emendi oħra jinkludu proċeduri ssimplifikati biex jiġu rreġistrati l-akkużi, il-possibbiltà li jiġi assenjat avukat lill-akkużat permezz ta' deċiżjoni tal-qorti, it-tħaffif tat-trasferiment ta' każi bejn distretti ġudizzjarji u d-dritt għall-prosekuzzjoni biex tappella minn sentenzi tal-qorti. Matul it-tieni qari tal-4 ta' Marzu, il-Parlament irrifjuta li tiġi introdotta l-possibbiltà li uffiċjali tal-pulizija li jkunu qed jinvestigaw jagħtu evidenza fil-qorti u ppospona d-diskussjoni dwar il-possibbiltà li jiġi assenjat avukat lil akkuzat b'deċiżjoni tal-qorti. [3] Skont l-abbozzi tal-proposti għall-emendi fil-Kodiċi tal-Proċedura Penali, il-proċedura mħaffa mhux se tiġi applikata iktar għal qtil premeditat jew meta l-offiża titwettaq taħt l-influwenza tad-droga jew l-alkoħol, meta reat jitwettaq minn jew kontra imħallef, prosekutur jew organu investigattiv, lanqas għall-ħtif ta' persuni, t-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tad-droga jew il-produzzjoni jew il-ħażna tad-droga. [4] It-tibdil ewlieni jinkludi trasferiment tar-responsabbiltà għall-evalwazzjoni tal-maġistrati anzjani għall-kummissjoni ċentrali tal-evalwazzjoni flimkien mal-Kunsill Suprem tal-Maġistrati, il-ħolqien ta' żewġ sotto-kummissjonijiet għall-imħallfin u l-prosekuturi, il-ħtieġa li jiġu vverifikati 15-il każ tal-kandidat magħżula b'mod addoċċ għall-evalwazzjoni. Barra minn hekk, fl-evalwazzjonijiet se tittieħed kunsiderazzjoni tas-sejbiet tal-Ispettorat u s-sanzjonijiet. [5] Tmienja minn disa' kundanni saru fl-ewwel nofs tal-2009, u l-aħħar waħda f'Lulju 2009. Ma ġiex rappurtat il-livell tal-pieni u jekk id-deċiżjonijiet ġewx infurzati. [6] Pereżempju, f'każ partikolari ġew irreġistrati r-raġunijiet li ġejjin għal dewmien rikurrenti: l-akkużat naqas li jidher (tliet darbiet), l-akkużat assenti minħabba mard u xhieda ma jattendux (darbrtejn). [7] Skont il-pjani, il-membri tal-KSM li jimminaw l-awtorità tal-ġudikatura jistgħu jkunu suġġetti għal esklużjoni permanenti minn ħatriet fil-ġudikatura. [8] Ir-rapport jikkonferma allegazzjonijiet kontra l-kap tal-qorti rigward konflitt ta' interess u irregolaritajiet mas-sistema ta' allokazzjoni każwali tal-kawżi. [9] Kolevi v il-Bulgarija (nru tal-applikazzjoni 1108/02), disponibbli fuq: www.echr.coe.int/ECHR/homepage_en . [10] Skont xi proposti biex tiġi emendata l-liġi tal-appalt pubbliku, offerti pubbliċi irregolari ma jiġux ikkanċellati, iżda jkunu suġġetti għall-ħlas ta' multa kuntrattwali ta' 2% tal-valur tal-kuntratt mill-awtorità kontraenti. [11] Minn nofs l-2009 'l hawn, il-Bulgarija rrestrinġiet il-kompetenza tal-Aġenzija Statali għas-Sigurtà Nazzjonali (SANS). Minkejja li rappreżentanti tas-SANS jipparteċipaw fit-timijiet konġunti mwaqqfa dan l-aħħar, ir-responsabbiltà għall-investigazzjoni ta' każi dwar kriminalità organizzata ttieħdu lura għand il-Ministeru tal-Intern. Min-naħa l-oħra, kif rappurtat, SANS se żżomm ir-responsabbiltà biex tiġbor l-informazzjoni rigward korruzzjoni f'livell għoli. L-istruttura ta' Koordinazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFCOS) ukoll ġiet trasferita lura għall-Ministeru tal-Intern mill-Ministeru tal-Finanzi. [12] B'kollox, minn nofs l-2009 'l hawn, il-Bulgarija tirrapporta 29 akkuza relatati mal-kriminalità organizzata.