Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010BP0462

    Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: H. Cegielski-Poznań mill-Polonja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 14 ta’ Diċembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/006 PL/H. Cegielski-Poznań mill-Polonja) (COM(2010)0631 – C7-0361/2010 – 2010/2266(BUD))
    ANNESS

    ĠU C 169E, 15.6.2012, p. 169–172 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 169/169


    It-Tlieta 14 ta’ Diċembru 2010
    Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: H. Cegielski-Poznań mill-Polonja

    P7_TA(2010)0462

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/006 PL/H. Cegielski-Poznań mill-Polonja) (COM(2010)0631 – C7-0361/2010 – 2010/2266(BUD))

    2012/C 169 E/31

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0631 – C7-0361/2010),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (IIA tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2),

    wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0352/2010),

    A.

    billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija u biex tgħin l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,

    B.

    billi l-ambitu tal-FEAG twessa' għal applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 'l quddiem biex jinkludi s-sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

    C.

    billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti kemm jista' jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni fis-17 ta’ Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,

    D.

    billi l-Polonja talbet l-assistenza fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw 189 sensja f'H. Cegielski-Poznań u erba' mill-fornituri tagħha, li joperaw fis-settur tal-manifattura tal-magni diżil tal-baħar,

    E.

    billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEAG,

    1.

    Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG;

    2.

    Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura mgħaġġla u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, li tipprovdi appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista' jwettaq fir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

    3.

    Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-riintegrazzjoni individwali tal-ħaddiema ssensjati fix-xogħol; itenni li għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas m'għandha tieħu post miżuri ta’ ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

    4.

    Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tiegħu, inkluża evalwazzjoni tal-effetti li għandhom dawn is-servizzi temporanji u personalizzati fuq ir-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol, fuq perjodu twil, tal-ħaddiema ssensjati;

    5.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta’ approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Soċjali Ewropew li ma jkunx intuża, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu proprji u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

    6.

    Jinnota madankollu li, bil-għan li l-FEAG jiġi mmobilizzat għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ lill-SMEs u l-innovazzjoni; jisgħobih min-nuqqasijiet severi tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment waqt kriżi ekonomika li għandha żżid b'mod sinifikanti l-bżonn ta’ appoġġ bħal dan;

    7.

    Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta’ strumenti varji oħra maħluqa mill-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta’ rieżami ta’ nofs il-perjodu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

    8.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha tippreżenta informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, tanalizza l-kriterji ta’ eliġibilità u tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hu konformi mat-talbiet tal-Parlament;

    9.

    Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

    10.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    11.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


    It-Tlieta 14 ta’ Diċembru 2010
    ANNESS

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-xxx

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/006 PL/H. Cegielski-Poznań mill-Polonja)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi sostenn addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2)

    L-ambitu tal-FEAG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 ’l quddiem biex jinkludi s-sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

    (3)

    Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

    (4)

    Il-Polonja ressqet applikazzjoni fit-8 ta’ Marzu 2010 għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG, fir-rigward ta’ sensji fl-intrapriża H. Cegielski-Poznań Poland S.A. u ssupplementata b’informazzjoni addizzjonali sal-10 ta’ Awwissu 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mobilizzat l-ammont ta’ EUR 114 250.

    (5)

    IL-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Polonja.

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 114 250 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi, …

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


    Top