Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0261

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Analiżi tal-politika ambjentali tal-2008” COM(2009) 304 finali

ĠU C 347, 18.12.2010, p. 84–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Analiżi tal-politika ambjentali tal-2008”

COM(2009) 304 finali

(2010/C 347/13)

Relatur: is-Sur Daniel RETUREAU

Nhar l-24 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Analiżi tal-politika ambjentali tal-2008

COM(2009) 304 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Jannar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’118 voti favur, 4 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat iqis li l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri ħadu l-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima u tal-iżvilupp sostenibbli b’serjetà kbira. Madanakollu għad fadal ħafna xi jsir sabiex jiġu adottati pożizzjonijiet komuni u sabiex naħdmu favur impenji espressi f’ċifri u progressivi fil-livell internazzjonali, billi neżaminaw mill-ġdid il-politiki ta’ għajnuna għall-pajjiżi tal-AKP u b’mod iktar ġenerali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-istess għandu jgħodd għall-imsieħba kummerċjali prinċipali, fosthom fl-ewwel post l-Istati Uniti.

1.2   Il-marka ekoloġika totali tal-prodotti għandha tkun soġġetta għal standards minimi. Jeħtieġ li l-politika Ewropea tkompli tgħaqqad il-leġislazzjoni u l-istrumenti u inizjattivi volontarji sabiex iġġib bidla fl-imġiba u iktar konsiderazzjoni tal-problemi l-ġodda li ser ikollna niffaċċjaw bħala speċi umana; l-oqsma tal-“informazzjoni” u l-“edukazzjoni” għandhom jiġu żviluppati fis-soċjetà ċivili.

1.3   Il-politika integrata “klima-enerġija” bdiet tagħmel effett; jeħtieġ li tkompli tiġi żviluppata billi tiġi estiża għal gassijiet b’effett ta’ serra u setturi oħra (l-ewwel u qabel kollox kull forma ta’ trasport) u permezz ta’ appoġġ tal-kooperazzjoni internazzjonali.

1.4   Leġislazzjoni bħal REACH jew ir-responsabbiltà ambjentali ser ikomplu jaqdu rwol prinċipali li jissaħħaħ permezz tal-inizjattivi tal-industriji, taċ-ċittadini u tal-konsumaturi.

1.5   Bosta direttivi li ġew adottati matul dawn l-aħħar snin jeħtieġu segwitu bir-reqqa li jiżgura t-traspożizzjoni tajba u l-effikaċja tal-liġi nazzjonali hekk kif inhi implimentata, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha.

1.6   Ir-rapport huwa komplet u utli iżda l-messaġġ tiegħu twassal tajjeb liċ-ċittadini?

2.   Il-punti essenzjali tar-rapport tal-Kummissjoni

2.1   Għaċ-ċittadini, l-2008 kienet is-sena fejn saru iktar konxji minn qatt qabel tal-kriżi globali tad-tibdil fil-klima, li saret prijorità politika essenzjali għalihom.

2.2   Dan jenfasizza l-bżonn li norjentaw l-iżvilupp lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u l-ħarsien tar-riżorsi. Qegħdin jiġu ppjanati sforzi ikbar sabiex nindirizzaw dawn l-isfidi

2.3   L-ekonomija ntlaqtet sew minn kriżi mingħajr preċedent; il-kriżi finanzjarja qerdet l-investimenti fl-ekonomija reali u rriżultat f’rata sinifikanti ta’ qgħad u żieda enormi fid-defiċit pubbliku minħabba s-self pubbliku u l-investimenti fil-banek u l-istituzzjonijiet tal-kreditu.

2.4   Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonsisti f’komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew; il-KESE ma jiġix ikkonsultat formalment dwar ir-rapporti perjodiċi ta’ progress iżda b’mod ġenerali jitlob li jirċievi r-rapporti sabiex ikun jista’ jsegwi l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni u l-orjentazzjonijiet Komunitarji.

2.5   Ir-rapport annwali dwar il-politika ambjentali tal-2008 iqis l-inizjattivi Komunitarji u l-effikaċja tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-impenji ta’ Kyoto għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, u l-impenji l-ġodda li kienu mistennija joħorġu mill-konferenza ta’ Kopenħagen ta’ Diċembru. Il-Kumitat adotta opinjoni dwar dan (1).

2.6   Skont il-Kummissjoni u fid-dawl tat-tbassir li sar, l-UE miexja fid-direzzjoni t-tajba sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-UE u l-Istati Membri, mill-inqas il-biċċa l-kbira tagħhom, ser ikunu kapaċi jirrispettaw l-impenji tat-tnaqqis tagħhom. B’riżultat tal-isforzi unilaterali ta’ wħud mill-Istati Membri li qegħdin jikkunsidraw ċerti miżuri supplimentari, huwa saħansitra mistenni li jinqabżu l-għanijiet stabbiliti.

2.7   Ir-rapport jevalwa l-oqsma differenti li għalihom tapplika l-politika Komunitarja tal-ambjent iżda d-dokument tal-Kummissjoni huwa biss sommarju; ir-rapport sħiħ jikkonsisti f’iktar minn 200 paġna u huwa ppreżentat fil-forma ta’ anness għad-dokument COM.

2.8   Skont iċ-ċifri kompleti li jirreferu għall-2006, f’Ġunju 2008 il-livell ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE-15 kien 2.7 % iktar baxx mis-sena ta’ referenza (1990), minkejja tkabbir ekonomiku ta’ madwar 40 % matul l-istess perjodu. Il-politiki u l-miżuri attwali għandhom jippermettu tnaqqis totali ta’ 3.6 % fl-2010 meta mqabbel mas-sena ta’ referenza, jiġifieri f’nofs il-perjodu 2008-2012 li għalih l-impenn tat-tnaqqis huwa ta’ 8 %. Tnaqqis supplimentari ta’ 3 %, li jwassal għal tnaqqis totali ta’ 6.6 %, huwa mistenni li jinkiseb mix-xiri ta’ krediti minn proġetti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fil-pajjiżi terzi skont il-mekkaniżmi ta’ Kyoto. Tnaqqis addizzjonali ta’ 1.4 % huwa mistenni mill-“carbon sinks”.

2.9   B’hekk inkunu nistgħu nilħqu l-għan ta’ Kyoto u anki mmorru lil hinn minnu, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri għadhom ma integrawx fil-previżjonijiet tagħhom il-limiti stabbiliti għall-allokazzjoni tal-kwoti ta’ emissjonijiet għall-perjodu ta’ skambju 2008-2012 tal-kwoti Komunitarji tal-emissjonijiet, li minnhom huwa mistenni tnaqqis addizzjonali ta’ 3.3 % meta mqabbel mas-sena ta’ referenza.

3.   Kummenti

3.1   It-tbassir tal-Kummissjoni fir-rapport tal-2008 huwa bbażat fuq data kompleta iżda relattivament antika u fuq data mhux kompleta mill-2006 lil hawn. Madanakollu din kienet l-unika data disponibbli fl-2008, u l-Kummissjoni qieset ir-riżultati rilevanti kollha li nġabru sa qabel il-pubblikazzjoni. Minkejja r-riżultat diżappuntanti tal-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-Klima, il-Kumitat jemmen li l-UE għandha tilħaq l-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li stabbiliet għall-2012 u għandha tkompli taħdem għat-tnaqqis li adottat għall-2020.

3.2   Bosta direttivi li ġew adottati matul dawn l-aħħar snin jeħtieġu segwitu bir-reqqa li jiżgura t-traspożizzjoni tajba u l-effikaċja tal-liġi nazzjonali hekk kif inhi implimentata, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha. Uħud mill-Istati Membri ma rnexxielhomx jiksbu l-għanijiet li ngħatawlhom. Ir-rapport jixħet dawl kemm fuq il-problemi u l-ostakli li għad hemm kif ukoll fuq il-progress li sar. Huwa rapport komplet, dettajljat u li jħabbar indikaturi ġodda sabiex titkejjel il-marka ekoloġika totali tal-prodotti u l-attivitajiet. Jeħtieġ li dan ir-rapport u rapporti futuri oħra jixxerrdu tajjeb fost il-pubbliku u li jħeġġu bidliet fl-imġiba fil-qasam tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum.

3.3   Il-Kumitat mhux konvint għal kollox mill-argument li l-kriżi hija opportunità tajba sabiex il-mezzi ta’ produzzjoni u konsum jiġu orjentati mill-ġdid favur soluzzjonijiet iktar sostenibbli. Il-poter tal-akkwist ta’ numru dejjem jikber ta’ familji qiegħed jonqos ħafna b’riżultat tal-qgħad u l-għeluq ta’ intrapriżi, li f’ċerti każijiet mexxew il-produzzjoni tagħhom f’pajjiżi terzi. L-impjieg u d-dar huma l-preokkupazzjonijiet prijoritarji fil-perjodu qasir, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, u hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet pożittivi f’dan ir-rigward.

3.4   Ix-xogħol prekarju, għal perjodu determinat u part-time, qed jiżviluppa u dan iġib miegħu nuqqas ta’ stabbiltà li ma tħeġġiġx bidla fit-tendenzi tal-konsum tal-familji u l-intrapriżi. L-intrapriżi għandhom it-tendenza li jesportaw il-prodotti li jikkawżaw l-iktar tiniġġis ’il barra mill-UE iktar milli jinvestu f’mudelli produttivi oħra issa li l-kreditu tant naqas, b’mod partikolari għall-SMEs.

3.5   Ir-rapport jindirizza b’mod ħafif biss il-kwistjoni tal-konsegwenzi tal-kriżi, li għadhom mhux qed jiġu indirizzati b’mod li jiffavorixxi l-ambjent. L-impatt tal-kriżi huwa kbir anki fil-pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk li qed jiżviluppaw. F’mument meta l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u d-diversi fondi l-oħra qed jonqsu malajr, huwa diffiċili li jitfasslu politiki effikaċi fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi. Hemm bżonn ta’ bidla rapida fl-imġiba sabiex ngħinu lill-pajjiżi li m’għandhomx il-mezzi jew it-teknoloġiji biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima.

3.6   Jekk immorru lura għal sitwazzjoni “business as usual” bl-istess organizzazzjoni ekonomika, mhux ser nagħmlu progress lejn ambjent iktar sigur u ta’ kwalita’ aħjar. Is-sinjali li qed jibagħtu s-swieq finanzjarji u l-industrija xejn ma huma inkoraġġanti għalissa. Hemm bżonn ta’ rieda politika soda kif ukoll ta’ mobilizzazzjoni msaħħa taċ-ċittadini Ewropej u informazzjoni oġġettiva u mhux “katastrofista” mill-mezzi tax-xandir.

Fil-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-industrijalizzazzjoni (iċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja, eċċ.), il-mudelli antiki ta’ konsum tal-pajjiżi industrijalizzati b’ekonomiji bbażati fuq is-suq għadhom meqjusa bħala objettiv li jrid jintlaħaq, u l-gvernijiet kif ukoll iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi jinterpretaw b’mod negattiv il-limiti li qed jiġu imposti fuqhom fil-qasam tat-tniġġis, il-bidla fl-istil ta’ ħajja u t-tendenzi tal-konsum. Huma jqisu l-obbligi tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bħala xorta ta’ inġustizzja storika lejhom fi żmien fejn qed jaħdmu sabiex joħorġu mill-faqar u jippromovu l-edukazzjoni u s-saħħa permezz tal-industrijalizzazzjoni ta’ sottokuntrattar għall-intrapriżi transnazzjonali.

3.7.1   Huma qed jitolbu għajnuna u trasferiment tat-teknoloġiji li għandna nqisu b’serjetà kbira jekk irridu nimxu fit-triq li fetħu l-ftehimiet dwar il-klima.

3.8   Il-kwistjoni tat-trasport tal-oġġetti minn post għal ieħor fi ktajjen ta’ produzzjoni frammentati u lejn postijiet imbiegħda għandha tiġi eżaminata u għandha tkun soġġetta għal miżuri adatti. Attwalment, l-internalizzazzjoni mill-ġdid tal-ispejjeż għall-ambjent u l-klima hija piż fuq il-konsumatur, kemm bħala spiża kif ukoll bħala sors ta’ tniġġis. Il-Kumitat għalhekk jappoġġja l-isforzi li qed isiru sabiex tiġi riveduta l-Konvenzjoni MARPOL u sabiex jiġi limitat it-tniġġis mill-bastimenti; iżda jeħtieġ li jiġu introdotti wkoll regolamenti globali għas-swieq finanzjarji, għal loġistika tat-trasport imtejba kif ukoll sabiex tiġi appoġġjata l-produzzjoni sostenibbli.

3.9   Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-gvernijiet għandhom jużaw il-pjanijiet ta’ rilanċ ekonomiku tagħhom għall-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija billi jiżviluppaw infrastrutturi ambjentali li jiffavorixxu l-ekoinnovazzjoni.

3.10   Poitika ambjentali b’saħħitha tista’ tagħti bidu għal irkupru ekoloġiku b’marka tal-karbonju mnaqqsa u orjentazzjoni ġdida fit-tendenzi tal-konsum tal-intrapriżi u tal-familji.

3.11   It-telf rapidu tal-bijodiversità fid-dinja (it-telf ta’ bosta speċijiet ta’ annimali u pjanti fosthom l-għasafar u n-naħal li ntlaqtu ħażin ħafna u li huma importanti ħafna għall-produttività agrikola) għandu jħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ politiki li jwaqqfu l-qerda tal-ispeċijiet. Dan jikkonċerna b’mod partikolari:

il-ġestjoni tal-foresti u t-temma tal-qerda tal-foresti primarji u tropikali;

il-metodi agrikoli li jintużaw (ġie stabbilit li l-prodotti fitosanitarji li qed jintużaw bħalissa għandhom impatt negattiv fuq is-saħħa tan-naħal u l-ikel tal-għasafar).

3.12   Il-Kumitat jilqa’ b’mod pożittiv il-ħolqien ta’ indikaturi ġodda li jqisu l-bijodiversità u l-klima bħal dawk li introduċa l-EUROSTAT fl-oqsma prijoritarji tas-sitt programm ta’ azzjoni ambjentali.

3.13   Is-CO2 mhuwiex l-uniku gass b’effett ta’ serra u jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-emissjonijiet tan-NOx (ossidju tan-nitroġenu) u kulma għandu impatt fuq is-saff tal-ożonu jew li jista’ jikkontribwixxi għat-tisħin globali.

3.14   Il-Kumitat jinsisti fuq l-għarfien u l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini li għandhom ikunu orjentati favur l-użu ta’ prattiki tajba fil-konsum tal-prodotti, it-tnaqqis tal-ammont ta’ skart u s-separazzjoni selettiva tal-iskart; is-sensibilizzazzjoni tal-intrapriżi u l-inklużjoni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fl-impenji tagħhom fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali huma indispensabbli wkoll.

3.15   Il-biċċa l-kbira tal-programmi u l-leġislazzjonijiet li jissemmew fir-rapport kienu s-suġġett ta’ opinjonijiet tal-KESE fiż-żmien opportun (2) u l-KESE waqqaf osservatorju permanenti tal-iżvilupp sostenibbli sabiex jikkontribwixxi b’mod iktar effikaċi fl-istrateġiji tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fis-segwitu tal-politiki u l-leġislazzjonijiet Komunitarji u fil-monitoraġġ tal-effettività tagħhom.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 116.

(2)  Opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 128, 18.5.2010, p. 122; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 97; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 75; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 92; ĠU C 306, 16.12.2009, p. 42; ĠU C 277, 17.11.2009, p. 67; ĠU C 277, 17.11.2009, p. 62; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 88; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 55; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 50; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 46; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 34; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 59; ĠU C 306, 16.12.2009, p. 39; ĠU C 204, 9.8.2008, p. 66.


Top