This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010AE0257
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council amending Directives 2003/71/EC on the prospectus to be published when securities are offered to the public or admitted to trading and 2004/109/EC on the harmonisation of transparency requirements in relation to information about issuers whose securities are admitted to trading on a regulated market’ COM(2009) 491 final — 2009/0132 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat” COM(2009) 491 finali – 2009/0132 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat” COM(2009) 491 finali – 2009/0132 (COD)
ĠU C 347, 18.12.2010, p. 79–83
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 347/79 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat”
COM(2009) 491 finali – 2009/0132 (COD)
(2010/C 347/12)
Relatur Ġenerali: is-Sur GRASSO
Nhar l-14 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat
COM(2009) 491 finali – 2009/0132 (COD).
Nhar it-3 ta’ Novembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tat-18 ta’ Frar 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’156 vot favur, vot 1 kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 L-għan tal-Proposta għal Direttiva huwa li fil-leġiżlazzjoni Komunitarja attwali jiddaħħlu żewġ prinċipji li l-KESE essenzjalment jappoġġja: a) il-kwalità tal-informazzjoni tinfluwenza ħafna l-kapaċità effettiva biex jiġu appoġġjati l-għażliet ta’ investiment li jsiru mill-operaturi, b’mod partikolari l-investituri individwali; b) tista’ ssir amministrazzjoni iktar kost-effettiva fil-ġestjoni tal-informazzjoni billi titneħħa d-duplikazzjoni tal-informazzjoni, u b’hekk jitneħħew l-ispejjeż biex tinħareġ din l-informazzjoni.
1.2 L-applikazzjoni prattika ta’ dawn iż-żewġ prinċipji ġġib magħha problemi ġenwini billi l-kejl tal-kwalità fih innifsu diġà huwa diffiċli, u saħansitra iktar diffiċli fil-każ tal-kwalità tal-informazzjoni. Barra minn hekk, għandu jitqies li l-mekkaniżmi speċifiċi għat-tqassim tal-informazzjoni fis-swieq finanzjarji (li nistgħu niddeffinixxu bħala “effett ta’ osmosis”) u l-effetti trasversali li dawn jiġġeneraw fost id-diversi partijiet ekonomiċi b’interess fl-investiment (“l-effett ta’ sinjal”), jiġġeneraw diskrepanzi, li jistgħu jkunu konsiderevoli, bejn l-ispejjeż biex tinħareġ l-informazzjoni u l-benefiċċji (li jistgħu jkunu ekonomiċi) li jistgħu jinkisbu minnha.
1.3 Għalhekk, il-problemi tal-kwalità u tal-kost-effettività tal-informazzjoni għandhom jiġu indirizzati flimkien, filwaqt li jitqies li l-aħjar inċentiv għall-emittenti tat-titoli biex joħorġu informazzjoni ta’ kwalità tajba huwa li jkunu jistgħu jantiċipaw benefiċċji finanzjarji li jkunu tal-inqas daqs l-ispejjeż li jinġarbu biex tinħareġ l-informazzjoni. Il-valutazzjoni tal-kost-effettività tal-informazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-fatt li jekk l-informazzjoni tkun trasparenti, l-ispiża tal-ġbir tal-kapital tonqos; iżda, jekk l-informazzjoni ma tkunx trasparenti, l-ispiża tal-ġbir togħla (“il-primjum marbut mar-riskju tal-informazzjoni”). Għalhekk, il-KESE jitlob li tinstab soluzzjoni għall-asimetrija tal-informazzjoni sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġbir tal-kapital u b’hekk jitnaqqas il-primjum marbut mar-riskju tal-informazzjoni, u bis-saħħa t’hekk tiżdied il-kompetittività fil-ġbir tal-kapital fost l-intrapriżi Ewropej.
1.4 Parti sostanzjali (madwar tliet kwarti) tad-diskrepanza bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-informazzjoni tiddependi mill-mekkaniżmi strutturali li jintużaw mill-operaturi fis-suq biex ixerrdu l-informazzjoni, filwaqt li parti żgħira biss (madwar kwart) tiddependi mill-informazzjoni li ma tinħariġx mill-emittent. Il-Proposta għal Direttiva tressaq soluzzjonijiet biex titnaqqas l-ewwel waħda minn fost dawn iż-żewġ partijiet tar-riskju marbut mal-informazzjoni, u għaldaqstant, għandha titqies b’mod pożittiv. Il-KESE jenfasizza biss il-bżonn li l-iffrankar konsiderevoli tal-ispejjeż li għandu jirriżulta m’għandux ikun ta’ ħsara għall-kwalità tal-informazzjoni li tinħareġ, għaliex inkella l-inizjattiva tkun kontraproduttiva.
1.5 Il-proposta tqajjem ukoll aspett tal-problema li ma jiġix riżolt. Il-ħtieġa li l-informazzjoni tkun disponibbli għall-investituri mhux esperti tmur kontra l-ħtieġa li jingħataw il-fatti kollha meħtieġa għall-għażla tal-investimenti, għax dan inevitabbilment ifisser li jridu jintużaw dettalji tekniċi. Fil-fehma tal-KESE, waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun il-ħolqien ta’ suq ta’ “intermedjarji tal-informazzjoni”, li jkun separat minn dak tal-intermedjarji iktar konvenzjonali tal-kapital u tar-riskju (normalment dawn jinkludu: il-banek, il-kumpaniji tal-amministrazzjoni, l-intermedjarji speċjalizzati fid-derivattivi, eċċ.) Fid-dawl tal-esperjenza ta’ pajjiżi u sitwazzjonijiet oħrajn, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti strutturi legali speċifiċi ta’ delega (simili għall-proxy voting, anke fl-istadji tat-tnedija u flimkien mal-proposti fid-dokument li qed jiġi diskuss f’din l-opinjoni) u li jiġu rikonoxxuti l-professjonisti fil-qasam tal-informazzjoni finanzjarja (bħall-family office).
2. L-iżvilupp tar-regolamentazzjoni u r-rilevanza tal-kwistjoni
2.1 Il-Kummissjoni Ewropea tagħti ħafna importanza lill-kwistjoni tat-trasparenza tal-informazzjoni fis-swieq finanzjarji. Dan jintwera mill-produzzjoni kontinwa ta’ regoli ġodda. Fil-fatt, il-proposta mressqa fid-dokument COM(2000) 126 fetħet it-triq għal għaxar snin ta’ ħidma biex tiġi żgurata leġiżlazzjoni ċara u trasparenti fi ħdan l-Unjoni dwar il-kodifikazzjoni tal-proċess ta’ ammissjoni tat-titoli għall-kwotazzjoni uffiċjali u l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata. Permezz tal-Proposta għal Direttiva diskussa f’din l-opinjoni, dan il-proċess issa wasal fi stadju ġdid, li għandu l-għan li tittejjeb l-implimentazzjoni tar-regoli marbuta mat-trasparenza tal-informazzjoni billi jitnaqqsu u jiġu ssemplifikati ċerti aspetti tal-pubblikazzjoni tal-prospetti.
Tul l-għaxar snin bejn l-2000 u l-2010, l-enfasi tar-regolamentazzjoni Komunitarja tbiddlet gradwalment.
2.2.1 Id-Direttiva 2001/34 iffokat l-ewwel u qabel kollox fuq il-kwantità ta’ informazzjoni li l-emittenti tat-titoli kienu obbligati jagħtu lill-investituri, skont l-ipoteżi li l-effiċjenza tal-assenjazzjoni tas-swieq finanzjarji hija marbuta direttament ma’ din il-kwantità. B’mod ġenerali, il-KESE appoġġja dan l-approċċ fl-opinjoni tiegħu adottata fid-29 ta’ Novembru 2000 (relatur: is-Sur Lehnhoff, 112-il vot favur, l-ebda vot kontra u l-ebda astensjoni), u ġibed l-attenzjoni biss għall-ħtieġa tas-sempliċità u ċ-ċarezza fl-għoti tal-informazzjoni lill-investituri.
2.2.2 Fl-2003, l-interess dar għall-użu tal-informazzjoni min-naħa tal-operaturi, b’interventi leġiżlattivi li ssupplimentaw it-test oriġinali tad-Direttiva 2001/34. Id-Direttiva 2003/6 rregolat l-hekk imsejjaħ insider dealing, b’mod partikolari dak li jista’ jwassal għall-manipulazzjoni tal-bilanċ tas-swieq finanzjarji, u li b’hekk iwassal biex inaqqas il-fiduċja tal-konsumaturi. Madankollu, ta’ min jenfasizza li din id-direttiva tirreferi għall-emittenti u għall-awtoritajiet superviżorji u ma tantx tagħti attenzjoni lill-impatt fuq l-imġiba tal-investituri meta jużaw din l-informazzjoni. B’konformità ma’ dan l-approċċ, anke d-Direttiva 2003/71 stabbilixxiet il-kriterji għall-abbozzar tal-prospett li jrid jiġi ppubblikat f’każ ta’ offerta pubblika ta’ titoli jew l-ammissjoni tagħhom għall-kummerċ.
2.2.3 Id-Direttiva 2004/109 temenda t-test tad-Direttiva 2001/34 u tiffoka fuq l-arranġamenti tekniċi marbuta mal-iżvelar tal-informazzjoni lill-investituri mill-emittenti li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, bil-għan li s-swieq finanzjarji Ewropej u s-servizzi finanzjarji li joperaw fi ħdanhom jiġu armonizzati u integrati. Fl-opinjoni tal-KESE li ħarġet qabel din id-direttiva, u li ġiet adottata fl-10 ta’ Diċembru 2003, (relatur: is-Sur Simon, 110 voti favur, astensjoni waħda), il-Kumitat laqa’ l-proposti tekniċi ta’ dan it-test u ġibed l-attenzjoni biss għall-possibbiltà li skemi riġidi wisq jistgħu jżidu b’mod sproporzjonat l-ispiża tal-produzzjoni tal-informazzjoni obbligatorja, u b’hekk iwasslu għall-ħolqien ta’ deterrent ekonomiku sostanzjali għat-trasparenza sħiħa tal-informazzjoni, l-iktar għall-emittenti ż-żgħar.
2.2.4 Madankollu, fl-2005, l-integrazzjoni tal-leġiżlazzjoni ffokat fuq is-suġġett tal-hekk imsejħa regolaturi tal-informazzjoni fis-swieq, permezz ta’ miżuri għall-ħolqien ta’ kumitati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. L-iskop kien li l-leġiżlaturi u r-regolaturi Ewropej ikunu jistgħu jirreaġixxu b’aktar effikaċja u rapidità għall-iżviluppi fis-swieq finanzjarji (b'mod partikolari dawk xprunati mit-tibdil teknoloġiku). Fil-31 ta’ Marzu 2004, il-KESE ħareġ opinjoni favur din l-inizjattiva tal-Kummissjoni (relatur: is-Sinjura Fusco, 95 vot favur, 2 astensjonijiet).
2.3 Din il-Proposta għal Direttiva għandha l-għan prinċipali li ttejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttivi 2003/71 u 2004/109, billi tissemplifika xi aspetti tal-proċessi sabiex l-informazzjoni finanzjarja tkun iżjed kompatibbli mal-ħtiġijiet tal-hekk imsejħa investituri individwali u biex tiżdied l-effiċjenza u l-kompetittività internazzjonali tal-emittenti stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-interventi li saru s'issa, din il-Proposta għal Direttiva tiffoka fuq il-kwalità tal-informazzjoni finanzjarja.
2.4 Il-KESE huwa tal-fehma li l-produzzjoni ta’ “kwantità kbira” ta’ informazzjoni ma tfissirx bilfors li tkun ta’ “kwalità tajba”. Dan joħloq ukoll problemi rigward il-kost-effettività tal-informazzjoni, fid-dawl tal-premessa li l-ispejjeż tal-informazzjoni finanzjarja huma iktar marbuta mal-kwantità tal-prospetti ta’ informazzjoni li se jinħarġu milli mal-kwalità tal-kontenut tagħhom. Din il-Proposta għal Direttiva tista’ twassal għall-iffrankar ta’ iktar minn EUR 300 miljun fis-sena, peress li tindirizza għadd ta’ mekkaniżmi li jidduplikaw id-diversi stadji tal-proċessi tat-tqassim tal-informazzjoni.
2.5 Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti swieq li jkunu jistgħu jipprovdu bilanċ tajjeb bejn il-kwantità u l-kwalità tal-informazzjoni bi spejjeż sostenibbli għall-investituri hija kwistjoni li tqajjem ħafna interess. Studji empiriċi reċenti li saru mill-Università Ca' Foscari ta’ Venezia wrew kif ir-riskju ta’ informazzjoni ħażina (l-hekk imsejjaħ riskju marbut mal-iżvelar tal-informazzjoni) ikkontribwixxa għal 37 % tal-volatilità tas-swieq tal-ishma Ewropej fl-aħħar 15-il sena, mingħajr differenza sostanzjali bejn id-diversi setturi. L-istess studji juru li, b’mod sorprendenti, iktar minn tliet kwarti tar-riskju tal-informazzjoni jinbet mill-mekkaniżmi tat-tqassim tal-informazzjoni disponibbli fost l-operaturi tas-suq, filwaqt li l-kwart li jifdal biss jinbet minn distorsjoni fil-proċessi tal-iżvelar tal-informazzjoni min-naħa tal-emittenti. Din l-evidenza hija parti intrinsika tan-natura ekonomika tal-informazzjoni finanzjarja, li hija kkaratterizzata minn spejjeż għolja ta’ produzzjoni flimkien ma’ prezzijiet baxxi ta’ trasmissjoni lil partijiet terzi, konsegwenza diretta tan-nuqqas tad-drittijiet tal-esklużività reċiproka fil-mod kif tintuża l-informazzjoni. Dan huwa fenomenu li fih innifsu jgħin biex inaqqas il-kwalità tal-informazzjoni u tal-mekkaniżmi tat-tqassim tagħha filwaqt li jżid il-kwantità ta’ informazzjoni, ħafna drabi duplikata.
2.6 Għalhekk, il-KESE jilqa’ kull intervent li jirregola l-proċessi ekonomiċi marbuta mal-produzzjoni u t-tqassim tal-informazzjoni, sakemm dan ikun jista’ jikkontribwixxi b’mod effettiv għat-titjib fil-kwalità tal-informazzjoni disponibbli fis-swieq finanzjarji. B’hekk, il-proċess tal-għażla tal-investimenti għall-investituri jiġi ffaċilitat, u b’dan il-mod titnaqqas ukoll l-ispiża tal-ġbir tal-kapital min-naħa tal-emittenti tat-titoli għall-ammissjoni għall-kummerċ.
3. Il-punti prinċipali tal-Proposta għal Direttiva
3.1 Il-Proposta għal Direttiva hija magħmula minn ħames artikoli, li l-ewwel tnejn minnhom jimmodifikaw it-test tad-Direttiva 2003/71/KE (Artikolu 1 tal-proposta, bidliet iktar sostanzjali) u d-Direttiva 2004/109/KE (Artikolu 2 tal-proposta, bidliet inqas sostanzjali). It-tliet artikoli l-oħra jsostnu l-proposta inġenerali peress li jirregolaw it-traspożizzjoni (Artikolu 3), id-dħul fis-seħħ (Artikolu 4) u d-destinatarji (Artikolu 5).
3.2 Analiżi u osservazzjonijiet dwar il-kontenut tal-Artikolu 1 ta’ din il-proposta marbuta mad-Direttiva 2003/71/KE
3.2.1 Proposta għal modifika tal-Artikolu 1(2)(h) u (j) u l-Artikolu 3(2)(e). Żieda tal-paragrafu 4 mal-Artikolu 1
3.2.1.1 It-test il-ġdid qabel kollox jispeċifika li l-limiti tal-applikabbiltà tad-direttiva jirreferu għall-investimenti li jsiru fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea. Din il-kjarifika hija utli, b’mod partikolari sabiex jiġu evitati l-manuvri elużivi permezz tal-frammentazzjoni ta’ transazzjoni waħda mill-perspettiva ekonomika f’ħafna transazzjonijiet li jkunu indipendenti mill-perspettiva legali u li japplikaw f’kuntesti legali differenti. Il-KESE jenfasizza li din il-kjarifika hija meħtieġa wkoll sabiex tiġi evitata kull distorsjoni fit-tqassim tal-informazzjoni fid-diversi kuntesti territorjali u ż-żieda fl-ispejjeż li tista’ tinħoloq, b’impatt konsiderevoli fuq it-transazzjonijiet fuq skala żgħira.
3.2.1.2 Hemm ukoll livelli ġodda tal-limiti tal-applikazzjoni tad-Direttiva b’konformità mal-kuntest attwali tas-swieq finanzjarji. Sabiex jiġi evitat li jiskadu l-limiti, qed jiġi propost li l-Kummissjoni tingħata direttament is-setgħa li tintervjeni f’dawn il-każijiet biex tadattahom għall-kondizzjonijiet attwali għall-għoti tal-informazzjoni lis-swieq finanzjarji. Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li jinħolqu limiti li jistgħu jiġu adattati iktar faċilment għall-kondizzjonijiet tas-suq, iżda jissuġġerixxi li l-modifiki proposti mill-Kummissjoni jkunu bbażati fuq il-proposti tal-awtoritajiet superviżjorji u regolatorji tas-swieq u l-intermedjarji finanzjarji, billi l-attività tagħhom tagħmilhom iktar adatti għall-monitoraġġ kontinwu tal-ħtiġijiet ġenwini tas-suq.
3.2.2 Proposta għal modifika tal-Artikolu 2(1)(e) u (m)(ii)
3.2.2.1 Il-proposta titlob li d-definizzjoni ta’ “investitur kwalifikat” tixbah lil dik li tidher diġà fl-hekk imsejħa Direttiva MIFID. Il-KESE huwa favur din il-proposta għax tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea.
3.2.2.2 Il-proposta tistabbilixxi l-kriterji ta’ definizzjoni tal-ambitu territorjali fil-każ ta’ titoli mhux azzjonarji (titoli mingħajr ekwità) b’valur nominali ta’ inqas minn EUR 1 000 li jkunu ristretti għall-Istat Membru fejn tkun irreġistrata s-sede tal-emittent jew inkella f’dak l-Istat Membru fejn it-titoli jkunu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew fi Stati Membri fejn it-titoli jkunu offruti għall-pubbliku. Il-KESE jaqbel mal-ħsieb tal-proposta li jiġu ssemplifikati l-proċeduri biex jiġu evitati l-ispejjeż eċċessivi li jinħolqu bil-produzzjoni ta’ ħafna prospetti fl-istess ħin. Fid-dawl ta’ dan, josserva li l-valur tas-suq tat-titoli tant huwa differenti mill-valur nominali tagħhom li ħafna drabi dan ikollu funzjoni purament legali sabiex jiddetermina l-livell ta’ parteċipazzjoni f'inizjattiva. B'hekk, mhux it-titoli kollha jkollhom valur nominali u xi sistemi legali jagħtu l-possibbiltà li jinħareġ titolu mingħajr l-hekk imsejjaħ “par value”, b’mod partikolari fil-każ tat-titoli mhux azzjonarji. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-proposta tissostitwixxi kull referenza għad-“denominazzjoni” b’referenza għall-“valur tas-suq” (jew il-valur tat-transazzjoni) tat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital u b’“valur intrinsiku” (underlying value) fil-każ tat-titoli li ma jirrappreżentawx il-kapital.
3.2.3 Proposta għal modifika tal-Artikolu 3 (2)
3.2.3.1 Il-proposta tistabbilixxi l-possibbiltà li l-intermedjarji inkarigati mill-assenjazzjonijiet ikunu jistgħu jużaw il-prospett tal-informazzjoni oriġinali tal-emittent, sakemm dan jikkonforma mal-istandards Ewropej, u b’hekk jiġu evitati l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ dokumenti ulterjuri. Il-KESE jaqbel fil-prinċipju mal-proposta u r-raġunijiet marbuta magħha, iżda jissuġġerixxi li tiġi spjegata aħjar l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda anke fil-każ fejn intermedjarju jkollu sede f’pajjiż terz u jagħmel assenjazzjonijiet f’pajjiż differenti minn dak tal-emittent.
3.2.3.2 Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li l-possibbiltà li l-hekk imsejħa “kaskata fil-livell tal-konsumatur” (retail cascade) tista’ tgawdi mill-opportunitajiet diskussi fil-punt preċedenti 3.2.3.1 ma tikkontradixxix l-iskadenza rapida tal-informazzjoni finanzjarja. B’hekk jipproponi li, meta jiġi ppubblikat prospett, l-awtoritajiet superviżorji u regolatorji tas-swieq li jirreferi għalihom l-emittent (jew l-intermedjarji) jiffissaw termini ta’ skadenza ta’ validità tal-prospett. Ladarba jiskadi, il-prospett irid jiġi aġġornat jekk it-transazzjoni tal-istess prospett tkun għadha għaddejja.
3.2.4 Proposta għal modifika tal-Artikolu 4 (1)(e).
3.2.4.1 Il-proposta testendi l-eżenzjoni stabbilita fit-test li huwa fis-seħħ bħalissa għall-offerti ta’ titoli għall-impjegati tal-kumpaniji li ma jkunux ikkwotati f’suq regolat (inklużi dawk b’titoli kkwotati fi swieq barra l-UE). Din il-proposta għandha l-għan li tneħħi d-differenzi fit-trattament tad-diversi kategoriji tal-kumpaniji (ikkwotati fl-UE meta mqabbla ma’ dawk li mhumiex ikkwotati u dawk ikkwotati barra l-UE) u anke sabiex jitrażżnu l-ispejjeż marbuta mal-assenjazzjonijiet riservati għall-individwi li diġà jkunu informati dwar ir-riskju tal-investiment, billi dawn ikunu impjegati.
3.2.4.2 Il-KESE jaqbel mal-idea li jitnaqqsu l-ispejjeż, iżda jenfasizza li t-transazzjonijiet li jinvolvu titoli li jingħataw lill-impjegati fihom innifishom ifissru informazzjoni sinifikanti għall-investituri li jkunu qed joperaw fl-hekk imsejjaħ suq sekondarju, b’mod partikolari meta jiġu kkunsidrati l-gruppi multinazzjonali. Għalhekk, il-KESE jittama li l-estensjoni tal-eżenzjoni tkun akkumapanjata minn reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza fis-swieq. Il-KESE jista’ jipproponi bidliet għad-direttiva dwar it-trasparenza f’opinjoni fuq inizjattiva proprja separata.
3.2.5 Proposta għal modifika tal-Artikoli 5(2), 6(2) u 7.
3.2.5.1 Il-Proposta għal Direttiva tissuġġerixxi li tingħata iktar importanza lis-sommarju tal-prospett billi dan jingħata ħafna attenzjoni, b’mod partikolari mill-investituri msejħa “fil-livell tal-konsumaturi”. Żbalji fl-abbozzar ta’ dan is-sommarju jistgħu jwasslu sabiex il-pubblikatur jinżamm responsabbli legalment; madankollu, il-proposta tispeċifika li l-kwantità ta’ kliem fid-dokument mhijiex indikatur effettiv tal-valur tal-informazzjoni tad-dokument; minflok, dan jista’ jiġi analizzat mill-kontenut tal-“informazzjoni prinċipali”.
3.2.5.2 Il-KESE jaqbel mal-idea li l-għadd ta’ kliem ma jistax ikun indikatur adegwat tal-valur tal-informazzjoni tas-sommarji, iżda jqis li l-Proposta għal Direttiva għandha tkun iktar ċara billi tipprovdi kriterji għall-ikklassifikar tal-iktar informazzjoni importanti. Billi l-investituri jkollhom bżonn jivvalutaw investiment skont ir-relazzjoni eżistenti bejn ir-riskju u r-redditu mistennija, l-informazzjoni prinċipali għandha tkun dik li l-iktar kapaċi taffettwa r-riskju tal-investiment, kunċett li fih innifsu diffiċilment jiġi identifikat. Għalhekk, qed jiġi propost li l-informazzjoni prinċipali tiġi identifikata skont l-impatt potenzjali li jista’ jinħoloq, li għandu jitkejjel permezz ta’ indikaturi standard li diġà ġew ikkunsidrati f’leġiżlazzjoni Komunitarja oħra bħall-“value-at-risk” (VaR); waħda mis-soluzzjonijiet tekniċi alternattivi iżda li tissemplifika, appoġġjata mill-KESE, hija li fis-sommarju tal-prospett, il-VaR irid jissemma b’mod obbligatorju.
3.2.6 Proposta għal modifika tal-Artikolu 7(2).
Din il-proposta għal modifika għandha l-għan li tadatta l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prospett skont l-ammont ta’ titoli maħruġa u fil-każ tal-ħruġ tad-drittijiet. Huwa minnu li l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prospett mhumiex proporzjonali perfettament għad-daqs tat-transazzjoni finanzjarja u għalhekk it-transazzjonijiet fuq skala iżgħar ibatu konsegwenzi sproporzjonati. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-ħruġ tad-drittijiet, it-tnaqqis tal-obbligi huwa bbażat fuq il-prinċipju li “l-azzjonisti eżistenti diġà jkunu ħadu deċiżjoni inizjali biex jinvestu fil-kumpanija u għandhom ikunu familjari magħha”.
Il-KESE jaqbel li hemm bżonn li jitnaqqas l-impatt tal-ispejjeż fissi marbuta mal-prospetti fuq id-daqs tat-transazzjoni finanzjarja, billi dan huwa kriterju li jista’ jitkejjel. Għall-kuntrarju, jaħseb li hija restrittiva l-ġustifikazzjoni adottata għat-tnaqqis tal-obbligi tad-drittijiet billi l-ħruġ tagħhom ħafna drabi jiddependi minn negozjati ma’ individwi li, billi ma jkollhomx ishma fil-kumpanija li qed toħroġ l-ishma, jistgħu jbatu l-konsegwenzi ta’ asimetrija fl-informazzjoni. Fiż-żewġ każi, kif rajna qabel ukoll, l-introduzzjoni tal-pubblikazzjoni obbligatorja tal-VaR tal-investiment tippermetti t-trażżin tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prospett mingħajr ma jkun hemm impatt kbir fuq il-valur tal-informazzjoni miġbura fis-sommarju tad-dokument.
3.2.7 Proposta għal modifika tal-Artikolu 8
Fl-Artikolu 8 qed jiġi propost li titħalla barra l-informazzjoni dwar il-garanziji mill-Istat sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż globali tat-transazzjoni. Il-KESE jaqbel fil-prinċipju ma’ din il-proposta iżda jissuġġerixxi li l-prospett almenu jinkludi l-aħħar rating tal-garanti billi din l-informazzjoni tvarja bejn l-Istati Membri, saħansitra fil-każ ta’ titoli maħruġa bl-istess munita u billi l-garanzija tista’ tinbet minn entitajiet territorjali li jkunu indipendenti finanzjarjament jew saħansitra minn strutturi bi skop speċjali (Special Purpose Vehicle) li huma tal-Istat.
3.2.8 Proposta għal modifika tal-Artikoli 9 u 14(4)
Il-proposta tipproponi li l-perijodu ta’ validità tal-prospett jiżdied għal 24 xahar (minflok il-perijodu attwali ta’ 12-il xahar). Il-KESE jtenni l-argument tiegħu li hija preċiżament in-natura tal-informazzjoni finanzjarja li ma tippermettix li l-perijodu tal-effikaċja tal-informazzjoni jiġi stabbilit b’mod riġidu; għaldaqstant, jissuġġerixxi li jinżamm il-perijodu attwali ta’ 12-il xahar u li l-awtoritajiet superviżorji u regolatorji jingħataw il-poter li jestenduh għal 12-il xahar ieħor skont talba ġustifikata mill-emittent.
3.2.9 Proposta għal modifika tal-Artikoli 10, 11(1), 12(2) u 14(4)
3.2.9.1 Il-KESE japprova l-proposta li jiġi revokat l-Artikolu 10 tad-Direttiva billi l-obbligu fis-seħħ tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kollha li tkun inġabret fl-aħħar 12-il xahar joħloq spejjeż inutli għall-emittent mingħajr l-ebda benefiċċju għall-investitur li, bis-saħħa tal-għodod moderni tal-informazzjoni, jista’ jaċċessa l-prospetti preċedenti faċilment, speċjalment fid-dawl tal-emenda prevista għall-Artikolu 14, li tipproponi li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet jiġi estiż skont il-limiti ta’ żmien normali.
3.2.9.2 Il-bidliet proposti għall-Artikoli 11 u 12 huma konsegwenza tar-revoka tal-Artikolu 10 u b’hekk, fil-fehma tal-Kumitat, ma għandu l-ebda oġġezzjoni xi jqajjem, mingħajr preġudizzju għas-suġġeriment li sar fil-punt preċedenti.
3.2.10 Proposta għal modifika tal-Artikolu 16
3.2.10.1 L-għan ewlieni tal-proposta huwa li tiċċara l-punt fejn jispiċċa l-obbligu tal-informazzjoni, b’mod partikolari rigward id-diverġenzi potenzjali bejn l-għeluq tal-offerta u l-bidu tal-kummerċ: il-proposta tissuġġerixxi li jintgħażel l-avveniment li jsir l-ewwel. Il-KESE huwa tal-fehma li jkun utli li fil-proposta jiddaħħal l-obbligu li l-intermedjarji inkarigati mill-assenjazzjoni jippubblikaw il-volum tal-kummerċ tat-titoli inkwistjoni fil-perijodu bejn l-għeluq tal-offerta u l-bidu tal-kummerċ. L-informazzjoni dwar il-volum tat-transazzjonijiet f’dan il-perijodu (prattika li kienet tiġi deskritta bħala s-“suq il-griż”) għandha tiġi ċċertifikata minn awtorità superviżorja u regolatorja li għandha wkoll tagħti rendikont tat-transazzjonijiet kollha li jkunu saru bejn l-intermedjarji li jieħdu sehem fl-assenzjazzjoni.
3.2.10.2 Il-proposta tispeċifika wkoll li l-perijodu li fih tista’ tiġi revokata l-aċċettazzjoni min-naħa tal-investituri, li huwa ta’ jumejn wara l-pubblikazzjoni tas-suppliment tal-informazzjoni, ikun armonizzat. Il-KESE japprova l-proposta li jiġu armonizzati l-perijodi tad-dritt tar-revoka iżda jissuġġerixxi li jiddaħħal l-obbligu ta’ notifika għall-investituri li jkunu diġà aċċettaw il-prospett supplimentari permezz ta’ ittra elettronika għal dan l-iskop.
3.2.11 Proposta għal modifika tal-Artikolu 18
Il-modifika proposta għall-Artikolu 18 tad-direttiva attwali hija ta’ natura teknika immens u tippermetti li ċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni tal-prospetti li jkunu ħarġu jiġu notifikati aktar malajr. B’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż u r-riskju tal-iżbalji tekniċi fil-pubblikazzjoni tal-prospetti, b’mod partikolari fil-pajjiżi fejn l-hekk imsejjaħ “passaport” ma jaħdimx kompletament. Il-KESE japprova l-proposta għal modifika.
3.3 Analiżi u osservazzjonijiet dwar il-kontenut tal-Artikolu 2 ta’ din il-proposta marbuta mad-Direttiva 2004/109/KE.
Il-modifiki li qed jiġu proposti fl-Artikolu 2 iservu biex jikkoordinaw il-kontenut tal-punti preċedenti rigward it-test tad-direttiva inkwistjoni. Il-KESE japprova l-modifiki mingħajr preġudizzju għall-punti li ssemmew hawn fuq.
Brussell, 18 ta’ Frar 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI