Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XG0528(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tat- 12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ( ET 2020 )

ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 119/2


Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)

2009/C 119/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

 

WAQT LI JFAKKAR

li l-endorsjar mill-Kunsill Ewropew ta' Barċellona ta' Marzu 2002 tal-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” li - fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Lisbona - stabbilixxa għall-ewwel darba qafas sod għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, ibbażat fuq objettivi komuni u bil-għan primarju ta' appoġġ għat-titjib tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-iżvilupp ta' għodod komplimentari fil-livell tal-UE, it-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattika permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni;

 

u JIRRIKONOXXI

li l-kooperazzjoni taħt il-programm ta' ħidma msemmi qabel, inklużi l-proċess ta' Kopenħagen u l-inizjattivi fil-kuntest tal-proċess ta' Bolonja, wasslu biex isir progress sinifikanti - b'mod partikolari b'appoġġ għar-riformi nazzjonali fit-tagħlim tul il-ħajja, il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja u l-iżvilupp ta' strumenti Ewropej komuni li jippromwovu l-kwalità, it-trasparenza u l-mobbiltà - iżda li għad fadal sfidi sostanzjali, jekk l-Ewropa trid tikseb l-ambizzjoni tagħha li ssir l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien l-aktar kompetittiva u dinamika fid-dinja;

JENFASIZZA li

1.

L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol kruċjali biex jintlaħqu l-isfidi soċjoekonomiċi, demografiċi, ambjentali u teknoloġiċi li qed tiffaċċja l-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha llum u fis-snin li ġejjin.

2.

L-investiment effiċjenti fil-kapital uman permezz ta' sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ hu komponent essenzjali tal-istrateġija tal-Ewropa biex jintlaħqu l-livelli għoljin ta' tkabbir u impjiegi bbażati fuq l-għarfien u sostenibbli li huma fil-qalba tal-Istrateġija ta' Lisbona, waqt li fl-istess ħin jippromwovu s-sodisfazzjon personali, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva.

JIRRIKONOXXI li

1.

Waqt li jagħti valur lid-diversità Ewropea u l-opportunitajiet uniċi li din iġġib magħha, u waqt li jirrispetta b'mod sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għas-sistemi edukattivi tagħhom, qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ - waqt li jibni fuq il-progress li sar taħt il-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” - jista' jtejjeb aktar l-effiċjenza ta' kooperazzjoni bħal din u jipprovdi benefiċċji u appoġġ kontinwi lis-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ tal-Istati Membri sas-sena 2020.

2.

L-edukazzjoni u t-taħriġ taw kontribut sostanzjali biex jintlaħqu l-għanijiet għall-perijodu fit-tul tal-Istrateġija ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi. B'antiċipazzjoni ta' żviluppi fil-futur b'dan il-proċess, għandhom għalhekk jinżammu l-isforzi biex jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ jibqgħu miżmuma b'mod sod fl-istrateġija usa′. Huwa essenzjali wkoll li l-qafas għall-kooperazzjoni Ewropea għandu jibqa′ flessibbli biżżejjed biex jirrispondi għall-isfidi attwali kif ukoll dawk tal-futur, inklużi dawk li joħorġu taħt kwalunkwe strateġija ġdida wara l-2010.

JINNOTA B'INTERESS

il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ  (1).

JAQBEL li:

1.

Fil-perijodu sal-2020, l-għan primarju tal-kooperazzjoni Ewropea għandu jkun l-appoġġ għal aktar żvilupp fis-sistemi tal-edukazzjoni u taħriġ fl-Istati Membri li huma immirati biex jiżguraw:

(a)

is-sodisfazzjon personali, soċjali u professjonali taċ-ċittadini kollha;

(b)

il-prosperità ekonomika sostenibbli u l-opportunitajiet tal-impjieg, waqt li jiġu promossi l-valuri demokratiċi, il-koeżjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva, u d-djalogu interkulturali.

2.

Għanijiet bħal dawn għandhom jitqiesu f'perspettiva dinjija. L-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza ta' attitudni miftuħa lejn id-dinja kollha bħala prerekwiżit għall-iżvilupp u l-prosperità globali li - permezz tad-dispożizzjoni ta' edukazzjoni eċċellenti u attraenti, opportunitajiet ta' taħriġ u riċerka - jgħinu l-Unjoni Ewropea tilħaq l-objettiv tagħha li ssir ekonomija minn ta' quddiem fid-dinja bbażata fuq l-għarfien.

3.

Il-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perijodu sal-2020 għandha tiġi stabbilita fil-kuntest ta' qafas strateġiku li jkopri s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala ħaġa sħiħa fil-perspetiva ta' tagħlim tul il-ħajja. Tassew, it-tagħlim tul il-ħajja għandu jitqies bħala prinċipju fundamentali li jservi bħala bażi tal-qafas kollu, li huwa mfassal biex ikopri t-tagħlim fil-kuntesti kollha - sew jekk formali, nonformali jew informali - u fil-livelli kollha: mill-edukazzjoni bikrija u l-iskejjel sal-edukazzjoni għolja, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u t-tagħlim lill-adulti.

B′mod speċifiku, il-qafas għandu jindirizza l-erba′ objettivi strateġiċi li ġejjin (spjegati aktar fid-dettall hawn taħt):

(1)

Li jsiru realtà t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità;

(2)

It-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

(3)

Il-promozzjoni tal-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva;

(4)

It-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-kreattività, inkluż l-intraprenditorija, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

4.

Il-monitoraġġ perijodiku tal-progress lejn objettiv stabbilit jipprovdi kontribut essenzjali lejn it-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza. L-objettivi strateġiċi msemmija hawn fuq għandhom għalhekk jiġu akkompanjati matul il-perijodu 2010 - 2020 b'indikaturi u livelli ta' referenza għall-prestazzjoni medja Ewropea (“il-punti ta' riferiment Ewropej”), kif imniżżlin fl-Anness I għal dan id-dokument. Filwaqt li jibnu fuq il-punti ta' riferiment eżistenti, dawn ser jgħinu biex fil-livell Ewropew jitkejjel il-progress ġenerali li sar u jintwera′ dak li nkiseb.

Objettiv strateġiku 1:   Isiru realtà t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità

L-isfidi imposti mill-bidla demografika u l-ħtieġa regolari għall-aġġornament u l-iżvilupp tal-ħiliet f'konformità maċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali li dejjem qed jinbidlu jitolbu approċċ għal tagħlim tul il-ħajja u għal sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ li jirrispondu aħjar għall-bidla u huma aktar miftuħa għad-dinja kollha. Waqt li inizjattivi ġodda fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja jistgħu jkunu żviluppati biex jirriflettu sfidi fil-futur, għadu meħtieġ aktar progress f'inizjattivi li għadhom għaddejjin, speċjalment fl-implimentazzjoni ta' strateġiji koerenti u komprensivi għal tagħlim tul il-ħajja. B'mod partikolari, hija meħtieġa ħidma biex ikun żgurat l-iżvilupp ta' oqfsa għall-kwalifiki nazzjonali bbażati fuq r-riżultati tat-tagħlim rilevanti u r-rabta tagħhom mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, l-istabbiliment ta' mogħdijiet ta' tagħlim aktar flessibbli - inklużi transizzjonijiet aħjar bejn id-diversi setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, aktar ftuħ għal tagħlim mhux formali u informali, u aktar trasparenza u rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim. Huma meħtieġa wkoll aktar sforzi għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-adulti, biex tiżdied il-kwalità tas-sistema tal-iggwidar, u biex it-tagħlim isir aktar attraenti b'mod ġenerali - inkluż permezz tal-iżvilupp ta' forom ġodda ta' tagħlim u l-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' tagħlim.

Bħala element essenzjali fit-tagħlim tul il-ħajja u mezz importanti biex jitjiebu l-possibbiltajiet ta' impjieg u l-adattabbiltà tan-nies, il-mobilità ta' min jitgħallem, l-għalliema u l-għalliema tal-għalliema għandha tiġi estiża gradwalment bil-ħsieb li l-perijodi ta' tagħlim f'pajjiż ieħor - kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-bqija tad-dinja - isiru r-regola aktar milli l-eċċezzjoni. Filwaqt li jsir dan, għandhom jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti fil-Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà. Biex jinkiseb dan ser ikunu meħtieġa sforzi mġedda minn dawk kollha kkonċernati, pereżempju fir-rigward tal-iżgurar ta' finanzjament adegwat.

Objettiv strateġiku 2:   Jitjiebu l-kwalità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ

Sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja li huma kemm effiċjenti kif ukoll ekwi huma kruċjali għas-suċċess tal-Ewropa u għat-tisħiħ tal-opportunitajiet tal-impjieg. L-isfida prinċipali hija li jkun żgurat l-akkwist tal-kompetenzi prinċipali minn kulħadd, filwaqt li jiġu żviluppati l-eċċellenza u l-mod attraenti tal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jagħmluha possibbli għall-Ewropa li żżomm rwol globali b'saħħtu. Biex dan jintlaħaq fuq bażi sostenibbli, jeħtieġ tingħata aktar attenzjoni biex jogħal l-livell tal-ħiliet bażiċi, bħall-ħiliet tal-qari u l-kitba u u l-matematika, fejn il-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija jsiru aktar attraenti u biex jissaħħu l-kompetenzi lingwistiċi. Fl-istess ħin, hemm ħtieġa li jkun żgurat tagħlim ta' kwalità għolja, li jkunu pprovduti edukazzjoni inizjali tal-għalliema adegwata, żvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema u dawk li jħarrġu, u biex il-karriera ta' għalliem issir għażla attraenti bħala karriera. Huwa importanti wkoll li jitjiebu l-governanza u t-tmexxija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u biex jiġu żviluppati sistemi ta' assigurazzjoni ta' kwalità effettiva. Il-kwalita għolja tintlaħaq biss permezz tal-użu effiċjenti u sostenibbli ta' riżorsi - kemm pubbliċi kif ukoll privati, kif adatt - u permezz tal-promozzjoni ta' politika u prattika bbażati fuq l-evidenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

Objettiv strateġiku 3:   Il-promozzjoni tal-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva

Il-politika għall-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tippermetti liċ-ċittadini kollha, irrispettivament miċ-ċirkostanzi personali, soċjali jew ekonomiċi tagħhom, biex jakkwistaw, jaġġornaw u jiżviluppaw tul ħajjithom kemm ħiliet relatati speċifikament mal-impjieg kif ukoll il-kompetenzi prinċipali meħtieġa għall-kapaċità għall-impjieg tagħhom u biex irawmu aktar tagħlim, ċittadinanza attiva u djalogu interkulturali. L-iżvantaġġ edukattiv għandu jkun indirizzat billi jiġu pprovduti edukazzjoni bikrija ta' kwalità għolja u appoġġ immirat, u billi tiġi promossa l-edukazzjoni inklużiva. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jimmiraw biex jiżguraw li kull min ikun qed jitgħallem - inklużi dawk li ġejjin minn sfond żvantaġġat, dawk bi ħtiġijiet speċjali u l-migranti - jikkompletaw l-edukazzjoni tagħhom, inkluż, fejn adatt, permezz ta' edukazzjoni li tagħti ċans ieħor u l-forniment ta' tagħlim aktar personalizzat. L-edukazzjoni għandha tippromwovi kompetenzi interkulturali, valuri demokratiċi u rispett għad-drittijiet fundamentali u l-ambjent, kif ukoll tiġġieled kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, waqt li tħejji liż-żgħażagħ kollha biex jinteraġixxu b'mod pożittiv ma' sħabhom minn ambjenti differenti.

Objettiv strateġiku 4:   It-tisħiħ tal-kreattività u l-innovazzjoni, inkluż l-intraprenditorija, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ

Minbarra li tnissel sodisfazzjon personali, il-kreattività tikkostitwixxi sors ewlieni ta' innovazzjoni, li hija wkoll imbagħad rikkonoxxuta bħala waħda mill-muturi ewlieni ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli. Il-kreattività u l-innovazzjoni huma kruċjali għall-iżvilupp tal-intrapriżi u għall-abbiltà tal-Ewropa biex tikkompeti internazzjonalment. L-ewwel sfida hija li jiġi promoss l-akkwist miċ-ċittadini kollha ta' kompetenzi ewlenin trasversali, bħall-kompetenza diġitali, it-tagħlim kif wieħed jitgħallem, sens ta' inizjattiva u intraprenditorija, u l-għarfien kulturali. It-tieni sfida hija biex ikun żgurat li t-trijangolu ta' għarfien ta’ edukazzjoni-riċerka-innovazzjoni jkun jiffunzjona kompletament. Is-sħubija bejn id-dinja tal-intrapriża u livelli u setturi differenti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka tista’ tgħin biex ikun żgurat li jkun hemm iffukar aħjar fuq il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol u li jkunu mrawwma l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fil-forom kollha tat-tagħlim. Komunitajiet usa′ ta′ tagħlim, li jinvolvu rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħrajn, għandhom ikunu promossi bil-ħsieb li tinħoloq klima li twassal għall-kreattività u rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet professjonali u soċjali, kif ukoll il-benessere individwali.

JAQBEL ULTERJORMENT li:

1.

Fl-isforz biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi t′hawn fuq u b'hekk ikun żgurat kontribut effettiv għar-riformi nazzjonali, il-prinċipji li ġejjin għandhom ikunu osservati fil-perijodu sal-2020:

(a)

Kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tkun implimentata f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja waqt li tagħmel użu effettiv TAl-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK) u l-iżvilupp ta' sinerġiji bejn is-setturi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Waqt li jirrispetta b'mod sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għas-sistemi ta' edukazzjoni tagħhom u n-natura volontarja tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, il-MMK għandu jkun ibbażat fuq:

l-erba′ objettivi strateġiċi għall-kooperazzjoni Ewropea msemmija hawn fuq;

għodod u approċċi ta' referenza komuni;

tagħlim bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prassi, inkluża d-disseminazzjoni tar-riżultati;

monitoraġġ perijodiku u rappurtar;

evidenza u data mill-aġenziji Ewropej (2), in-netwerks Ewropej, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali (3) rilevanti kollha;

użu sħiħ tal-opportunitajiet disponibbli skont il-programmi Komunitarji, partikolarment fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja.

(b)

Il-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tkun pertinenti u konkreta. Hija għandha tipproduċi riżultati ċari u viżibbli li għandhom jiġu ppreżentati, riveduti u disseminati fuq bażi regolari u b'mod strutturat, biex b'hekk ikunu qed jistabbilixxu bażi għal evalwazzjoni u żvilupp kontinwi.

(c)

Il-proċess ta' Kopenħagen fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huwa aspett importanti tal-kooperazzjoni Ewropea taħt il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni. L-għanijiet u l-prijoritajiet segwiti skont dan il-proċess għandhom jikkontribwixxu biex jinkisbu l-objettivi mniżżlin f'dan il-qafas.

(d)

Sabiex l-isforzi tal-Istati Membri biex l-edukazzjoni għolja tkun modernizzata u li jiġi żviluppat Spazju Ewropew għall-Edukazzjoni Għolja jkunu appoġġati, għandu jkun hemm ukoll mira biex tintlaħaq sinerġija mill-qrib mal-proċess ta' Bolonja, b'mod partikolari fir-rigward ta' strumenti għall-assigurazzjoni ta' kwalità, għarfien, mobbiltà u trasparenza.

(e)

Fejn rilevanti, għandha titfittex kooperazzjoni transsettorjali bejn l-inizjattivi tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ u dawk fl-oqsma tal-politika relatati - b'mod partikolari l-impjiegi, l-intrapriżi, il-politika soċjali, il-politika taż-żgħażagħ u l-kultura. Fir-rigward speċifiku tat-trijangolu tal-għarfien, għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sinerġiji bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll il-komplimentarjetà bl-għanijiet tal-Ispazju Ewropew tar-Riċerka.

(f)

Hija meħtieġa kooperazzjoni li tiffunzjona tajjeb bl-użu ta' modi ġodda u trasparenti ta' netwerking mhux biss bejn l-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, iżda wkoll mal-partijiet interessati rilevanti kollha, li għandhom kontribut konsiderevoli x'jagħtu f'termini ta' żvilupp ta' politika, implimentazzjoni u evalwazzjoni.

(g)

Id-djalogu dwar politika ma' pajjiżi terzi u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu rinfurzati, biex b'hekk jipprovdu sors ta' ideat ġodda u tqabbil.

(h)

Fejn adatt, riżorsi finanzjarji mill-Fondi Strutturali Ewropej jistgħu jintużaw biex itejbu s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ f'konformità mal-objettivi strateġiċi globali u l-prijoritajiet tal-Istati Membri.

2.

Is-suċċess tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ jiddependi fuq l-impenn politiku tal-Istati Membri u fuq metodi ta' ħidma effettivi f'livell Ewropew. Minn din il-perspettiva, u bil-ħsieb ta' flessibbiltà akbar, il-metodi ta' ħidma użati fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewropea għandhom ikunu bbażati fuq dan li ġej:

(a)

Ċikli ta' ħidma: il-perijodu sal-2020 ser jinqasam f'serje ta' ċikli, bl-ewwel ċiklu jkopri t-tliet snin mill-2009 sal-2011.

(b)

Oqsma prijoritarji: għal kull ċiklu, numru ta' oqsma prijoritarji għall-kooperazzjoni Ewropea bbażati fuq l-objettivi strateġiċi ser ikunu adottati mill-Kunsill abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni. L-oqsma prijoritarji Ewropej ser ikunu mfasslin biex jippermettu jew kooperazzjoni wiesgħa bejn l-Istati Membri kollha jew kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn numru aktar limitat ta' Stati Membri, f'konformità mal-prijoritajiet nazzjonali. L-oqsma prijoritarji għall-ewwel ċiklu skont dan il-qafas ġdid huma mniżżlin fl-Anness II mehmuż.

(c)

Tagħlim reċiproku: Il-kooperazzjoni Ewropea fl-oqsma prijoritarji msemmijin hawn fuq jistgħu jitwettqu b'mezzi bħal attivitajiet ta' tagħlim tal-pari, konferenzi u seminars, fora ta' livell għoli jew gruppi ta' esperti, panels, studji u analiżi u kooperazzjoni bbażata fuq il-web u, fejn adatt, bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti. Dawn l-inizjattivi kollha għandhom jiġu żviluppati abbażi ta' mandati ċari, skedi ta' żmien u l-miri ppjanati li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membri (ara wkoll il-paragrafu (f) hawn taħt).

(d)

Disseminazzjoni tar-riżultati: biex itejbu l-viżibbiltà u l-impatt fuq livell nazzjonali u Ewropew, ir-riżultati tal-kooperazzjoni ser ikunu disseminati b'mod wiesa' fost il-partijiet interessati rilevanti kollha u, fejn adatt, diskussi fil-livell tad-Diretturi Ġenerali jew Ministri.

(e)

Rappurtar dwar il-progress: Fl-aħħar ta' kull ċiklu - u fil-każ tal-ewwel wieħed taħt il-qafas il-ġdid, għandu jitfassal rapport konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni mhux qabel il-bidu tal-2012. Dan għandu jevalwa l-progress globali fil-ksib tal-objettivi skont dan il-qafas matul iċ-ċiklu l-aktar reċenti u/jew f'qasam tematiku partikolari li għandu jiġi ddefinit mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membri (ara wkoll il-paragrafu (f) hawn taħt). Ir-rapporti konġunti għandhom ikunu bbażati fuq rapporti nazzjonali mfasslin mill-Istati Membri, kif ukoll fuq informazzjoni u data ta' statistika eżistenti. Ir-rapporti konġunti jistgħu jiġu żviluppati biex jinkludu analiżi fattwali tas-sitwazzjonijiet differenti fi Stati Membri individwali, bi qbil sħiħ tagħhom. Ir-rapporti konġunti għandhom iservu wkoll bħala l-bażi biex jiġi stabbilit sett ġdid ta' oqsma prijoritarji għaċ-ċiklu li jmiss.

(f)

Monitoraġġ tal-proċess: Bil-għan li jippromwovu l-ksib ta' riżultati permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni kif ukoll il-pussess tal-metodu kemm f'livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ser jaħdmu mill-qrib fit-tmexxija, it-tmexxija 'l quddiem u l-evalwazzjoni tal-proċess u l-eżiti tiegħu.

3.

Il-qafas strateġiku - inklużi l-punti ta' riferiment u l-metodi ta' ħidma - jista' jiġi rivedut u jsiru l-emendi meħtieġa kollha magħmulin mill-Kunsill fid-dawl ta' kwalunkwe żvilupp ġdid kbir fl-Ewropa, partikolarment id-deċiżjonijiet meħuda dwar l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi lil hinn mill-2010.

GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI biex

1.

Jaħdmu flimkien, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u bl-użu tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni kif imniżżel f'dawn il-konklużjonijiet, biex tittejjeb il-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-perijodu sal-2020 abbażi tal-erba′ objettivi strateġiċi, il-prinċipji u l-metodi ta' ħidma deskritti hawn fuq, u tal-oqsma prijoritarji maqbula għal kull ċiklu (dawk għall-ewwel ċiklu 2009-2011 huma sottolinjati fl-Anness II għal dan).

2.

Jikkunsidraw, abbażi tal-prijoritajiet nazzjonali, l-adozzjoni ta' miżuri f'livell nazzjonali mmirati lejn il-ksib tal-objettivi mniżżlin fil-qafas strateġiku u li jikkontribwixxu għall-ksib kollettiv tal-punti ta' riferiment Ewropej identifikati fl-Anness I għal dan. Ikomplu jikkunsidraw jekk jistgħux jispiraw ruħhom mit-tagħlim reċiproku f'livell Ewropew, huma u jfasslu politiki nazzjonali dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI biex

1.

Taħdem ma' u tappoġġa lill-Istati Membri - matul il-perijodu sal-2020 - fil-kooperazzjoni f'dan il-qafas fuq il-bażi tal-erba′ objettivi strateġiċi, il-prinċipji u l-metodi ta' ħidma deskritti hawn fuq, u l-punti ta' riferiment u l-oqsma prijoritarji maqbula mniżżlin rispettivament fl-Annessi 1 u II għal dan.

2.

Teżamina, b'mod partikolari permezz ta' rapporti ta' progress konġunti, sa liema punt ikunu ġew sodisfatti l-objettivi ta' dan il-qafas. Barra minn dan, twettaq evalwazzjoni matul l-2010 tal-progress li sar biex jintlaħqu l-punti ta' riferiment adottati skont il-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”.

3.

Twettaq ħidma fuq proposti għal punti ta' riferiment possibbli fl-oqsma tal-mobilità, il-possibbiltajiet ta' impjieg u t-tagħlim tal-lingwi, kif indikati fl-Anness I għal dan.

4.

Taħdem mal-Istati Membri biex jeżaminaw kif jistgħu jittejbu l-indikaturi eżistenti, inklużi dawk dwar dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni, u tirrapporta lura lill-Kunsill sal-aħħar tal-2010 dwar sa liema punt jista' jiġi aġġustat il-qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' riferiment adottat mill-Kunsill f'Mejju 2007 (4), sabiex tkun żgurata l-koerenza tiegħu mal-objettivi strateġiċi taħt dan il-qafas. F'dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-oqsma ta' kreattività, innovazzjoni u intraprenditorija.


(1)  Dok. 17535/08 + ADD 1 + ADD 2.

(2)  B′mod partikolari, Cedefop u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ.

(3)  Kull fejn fit-test issir referenza jew tkun implikata l-OECD, għandu jinftiehem li għandu jiġi żgurat id-dritt ta' parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha fil-ħidma ta' dik l-organizzazzjoni.

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2007 dwar qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' riferiment għall-monitoraġġ tal-progress lejn l-objettivi ta' Lisbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ĠU C 311, 21.12.2007, p. 13-15).


ANNESS I

LIVELLI TA' REFERENZA GĦALL-PRESTAZZJONI MEDJA EWROPEA

(“Punti ta' riferiment Ewropej”)

Bħala mezz li jiġi mmonitorat il-progress u jiġu identifikati l-isfidi, kif ukoll bħala kontribut għat-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza, serje ta' livelli ta' referenza għall-prestazzjoni medja Ewropea (“il-punti ta' riferiment Ewropej”) għandha tappoġġa l-objettivi strateġiċi mniżżlin fil-konklużjonijiet ta' hawn fuq għall-perijodu 2010-2020.

Dawn il-punti ta' riferiment jibnu fuq dawk eżistenti (1) adottati taħt il-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”. Huma għandhom ikunu bbażati biss fuq data komparabbli u jieħdu kont tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri individwali. Huma m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala miri konkreti għal pajjiżi individwali li għandhom jintlaħqu sal-2020. Minflok, l-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw, abbażi ta' prijoritajiet nazzjonali u filwaqt li jieħdu kont taċ-ċirkostanzi ekonomiċi li qegħdin jinbidlu, kif u safejn huma jistgħu jikkontribwixxu għall-ksib kollettiv tal-punti ta' riferiment Ewropej permezz ta' azzjonijiet nazzjonali.

Abbażi ta' dan, l-Istati Membri jaqblu dwar il-ħames punti ta' riferiment li ġejjin:

Parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja

Bil-ħsieb li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment dik ta' adulti b'kapaċità baxxa:

Sal-2020, medja ta' madwar 15 % tal-adulti għandhom jipparteċipaw fit-tagħlim tul-il-ħajja (2).

Dawk li għandhom livelli baxxi ta’ ħiliet bażiċi

Bil-ħsieb li jkun żgurat li kull min ikun qed jitgħallem jikseb livell adegwat ta' ħiliet bażiċi, speċjalment fil-qari, il-matematika u x-xjenzi:

Sal-2020, is-sehem ta' dawk ta' ħmistax-il sena li jkollhom livell baxx ta' ħiliet fil-qari, il-matematika u x-xjenza (3) għandu jkun inqas minn 15 %.

Il-kisba ta' kwalifiki fil-livell terzjarju

Minħabba d-domanda li qed tiżdied għal ksib ta' edukazzjoni għolja, u filwaqt li wieħed jirrikonoxxi l-importanza ugwali tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali:

Sal-2020, is-sehem ta' dawk bejn it-30 u l-34 sena li kisbu edukazzjoni terzjarja (4) għandu jkun mill-inqas 40 %.

Dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni

Bħala kontribut biex ikun żgurat li numru massimu ta' dawk li qegħdin jitgħallmu jikkompletaw l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom:

Sal-2020, is-sehem ta' dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni (5) għandu jkun inqas minn 10 %.

Edukazzjoni bikrija

Bil-ħsieb li tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni bikrija bħala bażi għal suċċess edukattiv aktar ′il quddiem, speċjalment fil-każ ta' dawk minn sfond żvantaġġat:

Sal-2020, mill-inqas 95 % tat-tfal bejn l-4 snin u l-età obbligatorja biex wieħed jibda l-edukazzjoni primarja obbligatorja għandhom jipparteċipaw f'edukazzjoni bikrija.

Barra minn hekk, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem fl-oqsma li ġejjin:

Mobilità

Minħabba l-valur miżjud ferm rikonoxxut tal-mobilità tat-tagħlim, u bil-ħsieb li tiżdied din il-mobilità, il-Kummissjoni hi mistiedna tippreżenta lill-Kunsill proposta għal punt ta' riferiment f'dan il-qasam sal-aħħar tal-2010, li inizjalment jiffoka fuq il-mobilità fiżika bejn il-pajjiżi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, li tikkunsidra l-aspetti kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi u li tirrifletti l-isforzi li saru u l-objettivi maqbulin fil-proċess ta' Bolonja, kif enfasizzat l-aktar reċentament fil-konferenza ta' Leuven u Louvain-la-Neuve (6). Fl-istess ħin, il-Kummissjoni hija mistiedna tistudja l-possibbiltà li testendi dan il-punt ta' riferiment biex ikun jinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-mobbiltà tal-għalliema.

Possibbiltajiet ta' impjieg

Minħabba l-importanza tat-tisħiħ tal-opportunitajiet tal-impjieg permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jintlaqgħu l-isfidi attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni hi mistiedna tippreżenta lill-Kunsill proposta għal punt ta' riferiment Ewropew f'dan il-qasam sal-aħħar tal-2010.

It-tagħlim tal-lingwi

Minħabba l-importanza tat-tagħlim ta' żewġ lingwi barranin minn età żgħira, kif sottolinjat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni hi mistiedna tippreżenta lill-Kunsill proposta għal punt ta' riferiment possibbli f'dan il-qasam, ibbażat fuq il-ħidma li għaddejja bħalissa dwar il-kompetenzi lingwistiċi (7), sal-aħħar tal-2012.


(1)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5-6 ta’ Mejju 2003 dwar il-livelli ta’ riferiment tal-prestazzjoni medja Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (Punti ta' riferiment) (dok. 8981/03).

(2)  Jiġifieri l-perċentwali tal-popolazzjoni ta' bejn 25 u 64 sena li tipparteċipa fl-edukazzjoni u t-taħriġ matul l-erba′ ġimgħat ta' qabel l-istħarriġ (Eurostat/Labour Force Survey). Tista' tkun ta' benefiċċju wkoll l-informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja li nġabret mill-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti.

(3)  Sors: OECD/PISA. (Għandu jiġi żgurat id-dritt tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha f'ħidma bħal din). L-indikaturi rilevanti ser ikunu mmonitorati separatament.

(4)  Jiġifieri l-perċentwali ta' dawk bejn it-30 u l-34 sena li kkompletaw b'suċċess livell ta' edukazzjoni terzjarja (livelli 5 u 6 tal-ISCED). (EUROSTAT, UOE).

(5)  Jiġifieri s-sehem tal-popolazzjoni bejn it-18 u l-24 sena li jkollhom biss edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas u li mhumiex involuti aktar fl-edukazzjoni jew it-taħriġ. (EUROSTAT/Labour Force Survey). Għandhom isiru sforzi biex tittejjeb il-kwalità tad-data, inkluż permezz tal-eżaminazzjoni tal-vijabbiltà tal-użu ta' sorsi ta' data addizzjonali.

(6)  Communiqué tal-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli għall-Edukazzjoni Għolja, Leuven u Louvain-la-Neuve, il-Belġju, 28-29 ta' April 2009.

(7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika (ĠU C 172, 25.7.2006, p. 1).


ANNESS II

OQSMA PRIJORITARJI GĦALL-KOOPERAZZJONI EWROPEA FL-EDUKAZZJONI U T-TAĦRIĠ MATUL L-EWWEL ĊIKLU: 2009-2011

Bil-ħsieb li jinkisbu l-erba’ objettivi strateġiċi taħt il-qafas “ET 2020”, l-identifikazzjoni ta' oqsma prijoritarji għal ċiklu ta' ħidma speċifiku għandha ttejjeb l-effiċjenza tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u kif ukoll tirrifletti l-ħtiġijiet individwali tal-Istati Membri, speċjalment hekk kif jinħolqu ċirkostanzi u sfidi ġodda.

L-oqsma prijoritarji, kif imsemmijin fil-paragrafi 2(b) u 2(c) fit-taqsima “jaqbel ulterjorment” ta' hawn fuq u f'aktar dettal hawn taħt, jirriflettu l-ħtieġa li:

(i)

tiġi segwita kooperazzjoni f'oqsma fejn għad hemm sfidi prinċipali;

(ii)

tiġi żviluppata kooperazzjoni f'oqsma meqjusin partikolarment importanti matul dan iċ-ċiklu ta' ħidma partikolari.

F’konformità mal-prijoritajiet nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħżlu dawk l-oqsma ta' ħidma u kooperazzjoni li huma jixtiequ jipparteċipaw fihom f'ħidma ta' segwitu konġunta. Jekk l-Istati Membri jqisuha meħtieġa, il-ħidma dwar oqsma prijoritarji speċifiċi tista' titkompla f'ċikli ta' ħidma sussegwenti.

Objettiv strateġiku 1:   Li jsiru realtà t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobiltà

 

Titwettaq ħidma dwar:

:

Strateġiji għal tagħlim tul il-ħajja

:

Jitlesta l-proċess tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali ta' tagħlim tul il-ħajja, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali u l-iggwidar

:

Qafas Ewropew tal-Kwalifiki

:

F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' April 2008 (1), issir rabta bejn is-sistemi ta' kwalifiki nazzjonali kollha mal-QEK sal-2010, u jingħata appoġġ lill-użu ta' approċċ ibbażat fuq ir-riżultati tat-tagħlim għall-istandards u l-kwalifiki, il-proċeduri ta' valutazzjoni u validazzjoni, it-trasferiment tal-krediti, il-kurrikula u l-assigurazzjoni tal-kwalità.

 

Tiġi żviluppata kooperazzjoni dwar:

:

It-twessigħ tal-mobiltà tat-tagħlim

:

Jaħdmu flimkien biex gradwalment jeliminaw ix-xkiel u jżidu l-opportunitajiet għall-mobiltà tat-tagħlim fl-Ewropa u madwar id-dinja, kemm fil-każ tal-edukazzjoni għolja kif ukoll f'livelli oħrajn, waqt li jinkludu objettivi u strumenti għall-finanzjament ġodda, u waqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet partikolari tal-persuni żvantaġġati.

Objettiv strateġiku 2:   Titjib fil-kwalità u fl-effiċjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ

 

Titwettaq ħidma dwar:

:

It-tagħlim tal-lingwi

:

Biex ikun possibbli għaċ-ċittadini li jikkomunikaw f’żewġ lingwi oħrajn barra mil-lingwa materna tagħhom, fejn rilevanti jkun promoss it-tagħlim tal-lingwi fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) u għall-istudenti adulti, u li l-migranti jiġu pprovduti opportunitajiet li jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż li qed jospitahom

:

L-iżvilupp professjonali tal-għalliema u ta’ min iħarreġ

:

Iffukar fuq il-kwalità tal-edukazzjoni inizjali u l-appoġġ bikri għal karriera tal-għalliema ġodda u li togħla l-kwalità tal-opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema, għal min iħarreġ u personal ieħor involut fl-edukazzjoni (pereżempju dawk involuti f’attivitajiet li jinvolvu t-tmexxija jew l-iggwidar.)

:

Il-governanza u l-finanzjament

:

Jippromwovu l-aġenda ta' modernizzazzjoni fl-edukazzjoni għolja (inklużi l-kurrikula) u l-qafas ta' assigurazzjoni tal-kwalità għall-ETV, u l-iżvilupp tal-kwalità tal-forniment, inkluż tal-personal, fis-settur tat-tagħlim tal-adulti. Il-promozzjoni tal-politika u l-prattika bbażati fuq l-evidenza, waqt li ssir enfasi partikolari fuq l-istabbiliment tal-każ għas-sostenibbiltà tal-investiment pubbliku u, fejn adatt, dak privat.

 

Tiġi żviluppata kooperazzjoni dwar:

:

Il-ħiliet bażiċi fil-qari, il-matematika u x-xjenza

:

Jiġu investigati u disseminati l-prattiki tajba eżistenti u s-sejbiet tar-riċerka dwar il-ħila tal-qari fost it-tfal tal-iskola u biex jinġabru konklużjonijiet dwar il-modi kif jistgħu jittejbu l-livelli tal-litteriżmu fl-UE kollha. Tiġi intensifikata l-kooperazzjoni eżistenti għat-titjib fl-għażla tal-matematika u x-xjenza f'livelli ogħla tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u biex jissaħħaħ it-tagħlim tax-xjenza. Hija meħtieġa azzjoni konkreta għat-titjib tal-livell tal-ħiliet bażiċi, inklużi dawk tal-adulti.

:

“Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda”

:

Ikun żgurat li l-valutazzjoni tar-rekwiżiti tal-ħiliet tal-ġejjieni u t-tqabbil tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol jittieħdu b'mod adegwat fil-proċessi tal-ippjanar tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Objettiv strateġiku 3:   Promozzjoni tal-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-cittadinanza attiva

 

Titwettaq ħidma dwar:

:

Dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni

:

Tisħiħ ta' approċċi preventivi, il-bini ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-setturi edukattivi ġenerali u dawk vokazzjonali u t-tneħħija tal-ostakoli għal min jitlaq mill-iskola qabel iż-żmien biex jerġa’ jirritorna lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ.

 

Tiġi żviluppata kooperazzjoni dwar:

:

L-edukazzjoni ta' qabel dik primarja

:

Il-promozzjoni ta' aċċess ekwu ġġeneralizzat u t-tisħiħ tal-kwalità tal-proviżjoni u l-appoġġ għall-għalliema.

:

L-immigranti

:

L-iżvilupp ta' tagħlim reċiproku dwar l-aħjar prattiki għall-edukazzjoni ta' dawk bi sfond ta' migrazzjoni li qegħdin jitgħallmu.

:

Dawk li jitgħallmu bi bżonnijiet speċjali

:

Il-promozzjoni tal-edukazzjoni inklusiva u t-tagħlim personalizzat permezz ta' appoġġ f'ħinu, l-identifikazzjoni bikrija ta' ħtiġijiet speċjali u servizzi kkoordinati sew. Ikunu integrati s-servizzi fl-iskejjel komuni u jkunu żgurati mogħdijiet li jwasslu għal iżjed tagħlim u taħriġ.

Objettiv strateġiku 4:   It-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-kreattività, inkluż l-intraprenditorija, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ

 

Titwettaq ħidma dwar:

:

Kompetenzi prinċipali trasversali

:

F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' Diċembru 2006 (2), jittieħed kont aktar tal-kompetenzi prinċipali trasversali fil-kurrikula, fil-valutazzjoni u fil-kwalifiki.

 

Tiġi żviluppata kooperazzjoni dwar:

:

Istituzzjonijiet miftuħa għall-innovazzjoni

:

Il-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ metodi ta’ tagħlim speċifiċi (inkluż l-użu ta’ għodod ġodda tal-ICT u t-taħriġ tal-għalliema)

:

Sħubija

:

L-iżvilupp ta' sħubiji bejn dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ u n-negozji, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, l-atturi kulturali u l-industriji kreattivi, u l-promozzjoni ta' trijangolu ta' għarfien li jaħdem sew.


(1)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.


Top