Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0468

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ tisħib voluntarju bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ghana dwar l-infurzar tal-liġi għall-foresti, il-governanza u l-kummerċ fi prodotti tal-injam lejn il-Komunità

/* KUMM/2009/0468 finali - ACC 2009/0126 */

52009PC0468

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ tisħib voluntarju bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ghana dwar l-infurzar tal-liġi għall-foresti, il-governanza u l-kummerċ fi prodotti tal-injam lejn il-Komunità /* KUMM/2009/0468 finali - ACC 2009/0126 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.9.2009

KUMM(2009) 468 finali

2009/0126 (ACC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ tisħib voluntarju bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ghana dwar l-infurzar tal-liġi għall-foresti, il-governanza u l-kummerċ fi prodotti tal-injam lejn il-Komunità

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi għall-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ (l-ILFGK),[1] approvat mill-Kunsill fl-2003[2], jipproponi sensiela ta’ miżuri li jinkludu sostenn għall-pajjiżi li jipproduċu l-injam, kollaborazzjoni multilaterali biex jikkumbattu l-kummerċ tal-injam illegali, is-sostenn għall-inizjatttivi tas-settur privat kif ukoll miżuri li jfixklu l-investiment f’attivitajiet li jinkoraġġixxu l-qtugħ illegali tas-siġar. Il-qofol tal-Pjan ta’ Azzjoni huwa t-twaqqif tal-Partenarjati tal-ILFGK bejn il-Komunità u l-pajjiżi li jipproduċu l-injam li għandhom l-għan li jwaqqfu l-qtugħ illegali tas-siġar. Fl-2005, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2173/2005[3] li jistabbilixxi skema ta’ liċenzjar u mekkaniżmu biex jivverifika l-legalità tal-importazzjoni tal-injam fil-Komunità.

F’Diċembru 2005, il-Kunsill ħareġ direttivi fejn ta’ struzzjoni lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehimiet ta’ partenarjat ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam sabiex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi għall-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ (l-ILFGK) u b’mod partikolari biex jiġi inkoraġġit il-kummerċ fl-importazzjoni ivverifikata tal-injam fil-Komunità minn tali pajjiżi imsieħba[4]. Il-ftehim mal-Ghana huwa wieħed minn dawn il-partenarjati li għandhom jiġu nnegozjati bejn pajjiż produttur u l-Komunità.

Il-Kummissjoni bdiet in-negozjati mal-Ghana fi Frar 2007. In-negozjati damu sejrin għal 18-il xahar u involvew erba’ laqgħat wiċċ imb’wiċċ u seba’ laqgħat fuq livell ta’ ħidma teknika. Matul in-negozjati, il-Kummissjoni kienet assistita f’dan l-inkarigu minn għadd ta’ Stati Membri Matul dan il-perjodu, l-Kummissjoni żammet lill-Kunsill aġġornat b’rapporti regolari lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Foresti, kif ukoll lill-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE u r-rappreżentanti bbażati fil-Ghana. Wara kull laqgħa ta’ negozjati l-partijiet żammew laqgħat pubbliċi ta’ aġġornament biex il-partijiet interessati jinżammu infurmati bil-progress li jkun sar waqt it-taħdidiet. Barra minn hekk, il-Ghana adottat approċċ ta’ parteċipazzjoni fl-iżvilupp tal-ftehim li kien jinvolvi lis-soċjetà ċivili u s-settur pubbliku.

Il-ftehim jindirrizza l-elementi kollha li hemm fid-direttivi ta’ nnegozjar tal-Kunsill. B’mod partikolari, il-Ftehim jistabbilixxi l-qafas, l-istituzzjonijiet u s-sistemi tal-iskema ta’ liċenzjar tal-ILFGK Il-ftehim jagħti ħarsa ġenerali tal-kontrolli fuq il-kumpaniji ta' forniment, il-qafas ta’ konformità legali u l-ħtiġiet ta’ verifika indipendenti għas-sistema. Dawn huma stabbiliti fl-Annessi mal-Ftehim u jipprovdu deskrizzjoni dettaljata tal-istrutturi li għandhom jisħqu fuq l-assigurazzjoni tal-legalità mal-ħruġ ta’ liċenzja għall-ILFGK. Il-Ghana żviluppat id-definizzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni applikabbli permezz ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati. Din id-definizzjoni tinkludi liġijiet u regolamenti li jagħtu d-drittijiet għall-ħsad, il-ġestjoni tal-foresti, il-leġiżlazzjoni għall-ambjent u x-xogħol, rekwiżiti fiskali, ir-rispett għad-drittijiet taż-żamma u l-użu tal-komunitajiet li jkunu sidien tal-artijiet, u obbligazzjonijiet oħra soċjali li huma mdaħħla fil-liġijiet konnessi mal-foresti, kif ukoll rekwiżiti dwar il-kummerċ għall-esportazzjoni.

Il-Ftehim imur lil hinn mill-kopertura ta’ prodotti limitati proposti fl-Anness II tar-Regolament tal-ILFGK (KE) Nru 2173/2005 biex ikopri l-kummerċ fil-prodotti kollha tal-injam u, permezz ta’ dan il-ftehim, il-Għana tikkommetti ruħha li tibni sistema li tkun tipprovdi assigurazzjoni lill-Komunità li l-prodotti kollha tal-foresta li jkunu ġejjin mill-Ghana jkunu prodotti b’mod legali u li jkunu ta’ kontribuzzjoni pożittiva u sostenibbli għat-tkabbir ekonomiku fil-Ghana.

Il-Ftehim jagħmel dispożizzjoni għall-kontrolli tal-importazzjonijiet mal-fruntieri tal-Komunità kif stabbiliti mir-Regolament tal-ILFGK (KE) Nru 2173/2005 u r-Regolament assoċjat ta’ Implimentazzjoni tiegħu Nru 1024/2008. Il-Ftehim jinkludi deskrizzjoni tal-liċenzja tal-Ghana għall-ILFGK li jadotta l-format preskritt fir-Regolamrnt ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 1024/2008.

Il-Ftehim jistabbilixxi mekkaniżmu għad-djalogu u l-kooperazzjoni dawr l-ILFGK mal-Komunità, magħruf bħala l-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ Konġunt u ta’ Reviżjoni. Il-Ftehim jistabbilixxi wkoll prinċipji għall-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, is-salvagwardji soċjali u t-trasparenza, għall-impatti ta’ monitoraġġ u r-rappurtaġġ.

Il-Ftehim jistabbilixxi limitu ta’ żmien u l-proċeduri għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar. Peress li l-Ghana ser ittejjeb u ser tiddiżinja mill-ġdid is-sistema tagħha ta’ ġestjoni tal-informazzjoni, ser tintroduċi kontrolli aktar komprensivi għall-kumpaniji li jfornu, u ser tistabbilixxi verifiki indipendenti għall-konformità legali, is-sistemi l-ġodda għandhom jieħdu diversi snin biex jiġu żviluppati u ppruvati u biex tinbena l-kapaċità tal-gvern, tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat għall-kompiti previsti. L-iskema ta’ liċenzjar għall-ILFGK hi mistennija li tibda taħdem kollha kemm hi sa tmiem is-sena 2010. L-iskema ta’ liċenzjar ser tkun ivvalutata kontra kriterji ddefiniti qabel ma l-UE tibda taċċetta l-liċenzji għall-ILFGK Il-passi u l-proċess għal dan huma ddefiniti fil-Ftehim u fl-Annessi.

2009/0126 (ACC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ tisħib voluntarju bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ghana dwar l-infurzar tal-liġi għall-foresti, il-governanza u l-kummerċ fi prodotti tal-injam lejn il-Komunità

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 133 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 300 (2), l-ewwel sottoparagrafu u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) F’Mejju 2003, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi għall-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ (ILFGK)[5] li talbet għall-miżuri biex jiġi indirizzat il-qtugħ illegali tas-siġar permezz ta’ żvilupp ta’ ftehim volontarju ta’ partenarjat ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni kienu adottati f’Ottubru 2003[6] u l-Parlament għadda mozzjoni f’Jannar 2004[7]

(2) Fil-5 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda n-negozjati dwar ftehimiet ta’ partenarjat biex jiġi implimentat pjan ta' azzjoni tal-UE għall-infurzar tal-liġi għall-foresti, il-governanza u l-kummerċ (ILFGK).

(3) Fl-20 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 li jistabbilixxi skema ta’ liċenzjar għall-ILFGK għall-importazzjoni tal-injam fil-Komunità Ewropea minn pajjiżi li magħhom il-Komunità tkun ikkonkludiet Ftehimiet Volontarji ta’ Partenarjat[8].

(4) In-negozjati mar-Repubblika tal-Ghana ġew konklużi, u l-ftehim ta’ tisħib voluntarju bejn ir-Repubblika tal-Ghana u l-Komunità Ewropea dwar l-infurzar tal-liġi għall-foresti, il-governanza u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam fil-Komunità (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim") beda fit-3 ta’ Settembru 2008.

(5) Għaldaqstant huwa fl-interess tal-Komunità illi tapprova dan il-Ftehim,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ghana dwar l-infurzar tal-liġi għall-foresti, il-governanza u l-kummerċ fi prodotti tal-injam fil-Komunità hi b’hekk approvat f’isem il-Komunità.

2. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Komunità għandha tiġi rrapreżentata minn rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Mekkaniżmu Konġunt ta’ Monitoraġġ u ta’ Reviżjoni stabbilit minn dan il-Ftehim skont l-Artikolu 19 tiegħu.

Artikolu 3

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Ftehim, il-Kummissjoni hija awtorizzata, skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament 2173/2005, biex tikkonkludi l-istrumenti meħtieġa biex jiġu emendati l-Annessi tal-ftehim.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar l-persuna li għandha d-dritt li tiffirma l-Ftehim sabiex tesprimi l-kunsens tal-Komunita li tkun b’hekk marbuta[9].

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […]

[1] COM (2003) 251

[2] ĠU C268, 7.11.2003

[3] ĠU L347, 30.12.2005

[4] Dokument ristrett tal-Kunsill 15102/05

[5] COM (2003) 251

[6] ĠU C268, 7.11.2003

[7] Dokument tal-Parlament 7014/04.

[8] ĠU L347, 30.12.2005

[9] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Top