This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009PC0183
Proposal for a Council Decision amending Council Decision 2007/250/EC authorising the United Kingdom to introduce a special measure derogating from Article 193 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax (only the English version is authentic)
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE li tawtorizza lir-Renju Unit jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE li tawtorizza lir-Renju Unit jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)
/* KUMM/2009/0183 finali */
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE li tawtorizza lir-Renju Unit jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika) /* KUMM/2009/0183 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 21.4.2009 KUMM(2009) 183 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE li tawtorizza lir-Renju Unit jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika) (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1] (minn hawn ’il quddiem: 'id-Direttiva tal-VAT'), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew iwaqqaf milli jseħħu ċerti forom ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa. Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-28 ta’ Lulju 2008, ir-Renju Unit talab awtorizzazzjoni biex jestendi miżura ta' deroga, mogħtija qabel mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE tas-16 ta' April 2007[2]. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bl-ittra tas-17 ta' Marzu 2009 bit-talba magħmula mir-Renju Unit. Permezz tal-ittra tal-20 ta' Marzu 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba bil-mod stabbilit hawn taħt. Taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE, ir-Renju Unit kien awtorizzat, sat-30 ta' April 2009, biex japplika mekkaniżmu ta' ħlas invertit (reverse charge) fir-rigward ta' ċerti provvisti fejn l-ammont taxxabbli kien daqs jew iktar minn GBP 5 000, tal-mowbajls u mezzi b’ċirkuwit integrat. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuna taxxabbli, li għaliha kienu magħmula l-provvisti tal-oġġetti, saret responsabbli biex tħallas il-VAT fuq il-provvista. Ir-riżultat ta' dan hu li l-fornitur tal-oġġetti ma jitlobx il-VAT lill-klijent tiegħu safejn il-klijent jikkwalifika bħala persuna taxxabbli għall-iskopijiet tal-VAT. Tali klijent, sakemm għandu dritt sħiħ ta' tnaqqis, għandu jiddikjara u jnaqqas il-VAT li jikkorespondi għall-provvista; b'hekk iwassal għal nuqqas ta' ħlas effettiv tal-VAT lit-Teżor. Għalhekk ikun il-bejjiegħ bl-imnut, li jipprovdi lil klijenti mhux taxxabbli, li għandu fil-prattika jħallas l-ammont sħiħ tal-VAT lit-Teżor. Din is-sitwazzjoni hi derogata mis-sistema ġenerali tal-ħlas imqassam tal-VAT fejn kull persuna taxxabbli (li għandha dritt għal tnaqqis) fil-katina tħallas parti tal-ammont totali tal-VAT lit-Teżor li tammonta għad-differenza bejn l-ammont tal-VAT irċevut mill-klijent u l-ammont tal-VAT imħallas lill-fornitur tiegħu. Din id-deroga kienet mitluba mir-Renju Unit sabiex jitratta l-frodi tat-taxxa tal-fornituri li, taħt ir-reġim normali, jitolbu l-VAT imbagħad jisparixxu mingħajr ma jagħtu kont tal-VAT dovut, iżda jħallu lill-klijent b'fattura valida għal tnaqqis. Dan żviluppa f'Missing Trader Intra-Community fraud (MTIC) (Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes), li jabbuża s-sistema tal-VAT tal-provvisti eżenti fl-Istat Membru tat-tluq għall-klijenti taxxabbli fi Stat Membru ieħor, u anke fi frodi tat-tip karużell fejn l-oġġetti jiċċirkulaw numru ta' drabi bejn l-Istati Membri. Hu f'dan l-isfond, u wara li ġiet murija s-serjetà storika tal-problema fir-Renju Unit, li kienet mogħtija deroga biex tkun applikata proċedura ta' ħlas invertit fil-limitu stabbilit ta' GBP 5 000 u għal numru limitat ta' prodotti, li huma l-iktar soġġetti għall-frodi, f'tentattiv li jitneħħew il-possibbiltajiet ta' frodi għall-negozjanti nieqsa potenzjali peress li l-ebda VAT ma jkun mitlub. Madankollu, id-deroga, maħsuba biex tipprevjeni ċerti tipi ta' evażjoni tat-taxxa jew frodi u li wasslet għal iktar piż ta' konformità, kienet soġġetta għal diversi kundizzjonijiet u kienet mogħtija biss għal perjodu qasir, għaliex, skont it-tmien premessa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE, ma setgħax ikun aċertat b'ċertezza li l-għanijiet tal-miżuri ser ikunu mwettqa. Tqajmu kwistjonijiet rigward l-impatt possibbli tal-miżura fuq il-frodi jekk din tkun trasferuta għall-prodotti oħrajn jew għal-livell tal-bejgħ bl-imnut. F'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tal-Kunsill obbligat lir-Renju Unit biex jintroduċa obbligi ta' kontroll u ta' rappurtaġġ xierqa sabiex jiżgura li l-informazzjoni meħtieġa tkun disponibbli, u jinforma l-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri speċifiċi u dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni globali. Kien hemm ukoll dubji dwar l-effett tal-miżura fuq it-trasferiment possibbli tal-frodi lejn Stati Membri oħra u għalhekk tat-tħaddim tas-sistema tal-VAT fis-suq intern. Dan l-impatt kellu jkun valutat b'mod xieraq. F'dan il-kuntest, ir-Renju Unit kien ukoll mitlub biex jissottometti rapport sal-31 ta' Marzu 2009 lill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni globali tal-operazzjoni tal-miżuri kkonċernati u b'mod partikolari fir-rigward tal-effiċjenza tal-miżura u kwalunkwe evidenza ta' trasferiment tal-evażjoni tat-taxxa għall-prodotti oħrajn jew għal-livell tal-bejgħ bl-imnut. Madankollu, fiż-żmien tat-talba għal tiġdid tad-deroga, ir-Renju Unit ma kienx f'pożizzjoni li jipprovdi l-informazzjoni u l-ġustifikazzjoni meħtieġa, u b'mod partikolari ma setgħax jispeċifika sa liem punt id-deroga setgħet waslet għal tnaqqis fuq in-negozjant nieqes jew frodi tat-tip karużel fir-rigward tal-prodotti koperti mid-deroga. Fil-fatt, kien diġà ġie osservat tnaqqis sostanzjali ta' tali frodi qabel ma kien introdott il-ħlas invertit. Sa issa kienet ukoll nieqsa evalwazzjoni sostanzjali ta' trasferiment possibbli għas-settur tal-bejgħ bl-imnut jew għal Stati Membri oħrajn, filwaqt li fl-istess ħin huwa magħruf, li d-data tal-għeluq għar-Renju Unit biex jissottometti r-rapport kienet stabbilita għall-31 ta' Marzu 2009. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rapport għandu jsir disponibbli għall-Istati Membri oħrajn kollha. Ir-Renju Unit argumenta li jeħtieġ iktar żmien biex ikun fil-pożizzjoni li tippermetti valutazzjoni aħjar tal-miżura fir-rigward tas-suċċess tal-ġlieda kontra l-MTIC u l-frodi tat-tip karużel li tmur lil hinn mill-argument teoretiku li hu diġà stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri possibbli biex tinbidel is-sistema tal-VAT biex tiġi miġġielda l-frodi[3]. Ir-Renju Unit ma pproponiex kriterji ta' evalwazzjoni li jsostnu tali dikjarazzjoni. Madankollu, wieħed għandu jinnota li fil-proposta oriġinali tad-deroga preċedenti[4], il-Kummissjoni pproponiet id-data ta' tmiem tal-31 ta' Diċembru 2009 iżda l-Kunsill, ansjuż li jnaqqas il-perjodu ta' applikazzjoni tad-deroga minħabba l-possibbiltà ta' impatt negattiv, fl-aħħar qablu b'mod unanimu dwar id-data ta' tmiem tat-30 ta' April 2009. Sabiex il-Kummissjoni tipprovdi lir-Renju Unit b'opportunità finali sabiex it-talba tiegħu tkun iġġustifikata b'mod aħjar biex id-deroga attwali tkun estiża fuq perjodu itwal, hi kienet bi ħsiebha li ttenni l-proposta orġinali u b'hekk tipproponi estensjoni tal-miżura sal-31 ta' Diċembru 2009. Madankollu, il-Kunsill tal-ECOFIN tal-10 ta' Marzu 2009 laħaq ftehim politiku biex jestendi d-deroga attwali anke lil hinn mit-tmiem ta' din is-sena u fl-aħħar qablu fuq estensjoni ta' sentejn sat-30 ta' April 2011. Din l-estensjoni m'għandhiex tinftiehem bħala bażi għal iktar estensjoni tal-miżura li inkella, bi żmien, issir kważi permanenti. Madankollu, il-Kummissjoni hi lesta li teżamina l-possibbiltà li tħalli proġett pilota fuq użu mmirat simili tal-mekkaniżmu ta' ħlas invertit minn kwalunkwe Stat Membru interessat, inkluż ir-Renju Unit, fuq il-bażi ta' proposta leġiżlattiva biex temenda d-Direttiva tal-VAT f'dan ir-rigward. Minħabba l-inċertezza tal-effetti tal-miżura, id-deroga tagħha minn wieħed mill-prinċipji fundamentali tas-sistema tal-VAT, li hu l-ħlas imqassam, il-ħolqien ta' bażi legali speċifika għall-proġett pilota bħal dan jidher li hu l-unika triq 'il quddiem possibbli f'perjodu ta' żmien medju u b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri possibbli biex tinbidel is-sistema tal-VAT kontra l-frodi[5]. Bi kriterji ta' evalwazzjoni definiti minn qabel, tali proġett pilota jista' jipproduċi l-valutazzjoni li sa issa hi nieqsa dwar l-bżonn u l-proporzjonalità ta' applikazzjoni tal-ħlas invertit mmirata għas-settur. Madankollu, minħabba l-elezzjonijiet li ġejjin għall-Parlament Ewropew, mhuwiex possibbli li tali proposta tkun adottata mill-Kunsill qabel it-tmiem tal-2009, u dan jista' jħalli lakuna legali għall-applikazzjoni tal-miżura mir-Renju Unit. Dawn iċ-ċirkustanzi fattwali eċċezzjonali ħafna jipprovdu iktar raġunijiet għall-estensjoni tad-data tal-għeluq sat-30 ta' April 2011, ħlief jekk il-proposta imsemmija qabel għal Direttiva tkun adottata qabel. 2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Ma kienx hemm ħtieġa għall-konsultazzjoni jew espert estern. L-estensjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE għandha l-għan li tiġġieled l-evażjoni u l-frodi tal-VAT u x'aktarx ikollha impatt pożittiv fuq l-irċevuti tal-VAT fir-Renju Unit. Madankollu, fil-perjodu preċedenti tal-applikazzjoni tad-deroga, ir-Renju Unit ma setgħax juri b'mod ċar li l-frodi kienu eliminati jew imnaqqsa minħabba d-deroga. L-estensjoni għal żmien qasir għandu jippermetti ġustifikazzjoni xierqa għat-talba ta' estensjoni. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Id-Deċiżjoni temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE li tawtorizza lir-Renju Unit jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-użu ta' mekkaniżmu ta' ħlas invertit għall-provvisti domestiċi tal-mowbajls u mezzi b'ċirkuwit integrat. Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT. Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu. Minħabba l-limitu strett fiż-żmien, il-miżura speċjali tidher li hi proporzjonata mal-għan segwit. Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-uniku strument xieraq peress li tista' tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali. 4. IMPLIKAZZJONI BAġITARJA Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit Komunitarju. 5. IKTAR INFORMAZZJONI Il-proposta temenda l-klawżola ta' estinzjoni inkluża fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE li tawtorizza lir-Renju Unit jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika) IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[7], Billi: (1) F'ittra rreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-28 ta' Lulju 2008, ir-Renju Unit talab awtorizzazzjoni biex ikompli l-applikazzjoni tal-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa u provdut preċedentement mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE tas-16 ta' April 2007[8]. (2) Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra bl-ittra tas-17 ta' Marzu 2009 bit-talba magħmula mir-Renju Unit. Permezz tal-ittra tal-20 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tivvaluta t-talba. (3) Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE hi l-persuna taxxabbli li tipprovdi l-oġġetti. Madankollu, il-miżura ta' deroga attwali ppermetiet lir-Renju Unit biex japplika, taħt ċerti kundizzjonijiet, mekkaniżmu ta' ħlas invertit li jimplika li r-responsabbiltà tal-ħlas tal-VAT ġie trasferut għall-persuna taxxabbli li għaliha kienu magħmula l-provvisti fir-rigward ta' ċerti provvisti ta' mowbaljs u mezzi b'ċirkuwit integrat, sakemm l-ammont taxxabbli tal-provvista jkun indaqs jew iktar minn GBP 5 000. (4) L-għan ta' dik il-miżura ta' deroga kien li titratta ċerti forom aggressivi ta' evażjoni tat-taxxa, u b'mod partikolari, titratta skemi tat-tip "karużel" fejn oġġetti kienu pprovduti diversi drabi mingħajr ma jkun imħallas l-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa iżda jħallu lill-klijenti b'fattura valida għal tnaqqis. L-applikazzjoni tal-ħlas invertit, mingħajr il-ħlas attwali tal-VAT mill-klijenti lill-fornitur, kieku tneħħi l-possibbiltà ta' dik il-forma ta' evażjoni tat-taxxa. (5) Peress, li meta d-deroga kienet proposta ma setgħax ikun aċertat li l-għanijiet ikunu miksuba u li ma jkunx hemm impatt negattiv, kien permess biss perjodu qasir għall-applikazzjoni tad-deroga. F'dan il-kuntest, ma kienx stabbilit mir-Renju Unit jekk l-arranġament attwali ppermettix b'mod effettiv il-prevenzjoni ta' dawn il-forom ta' evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, ir-Renju Unit għandu problemi bl-obbligu li jevalwa l-operazzjoni globali tal-miżura, b'mod partikolari t-trasferiment possibbli tal-evażjoni tat-taxxa għall-prodotti oħrajn jew għal-livell tal-bejgħ bl-imnut u l-impatt tiegħu fuq it-tħaddim tas-suq intern. (6) Il-Kummissjoni tifhem li r-Renju Unit għadu mhuwiex f'pożizzjoni li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa u li jeħtieġ iktar żmien biex jiġġustifika t-talba tiegħu għal estensjoni tad-deroga inizjali fuq perjodu itwal. (7) Fil-proposta oriġinali tagħha għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE[9], il-Kummissjoni pproponiet id-data tal-għeluq tal-31 ta' Diċembru 2009, li kienet mibdula mill-Kunsill għat-30 ta' April 2009, u għalhekk issiba aċċetabbli li l-miżura tkun estiża sa dik id-data. Madankollu, il-Kunsill tal-ECOFIN tal-10 ta' Marzu 2009 qabel li d-deroga tar-Renju Unit għandha tkun estiża għal sentejn. (8) Minħabba s-serjetà ċara tal-frodi tal-VAT fir-Renju Unit, kif attestat mill-informazzjoni sottomessa mir-Renju Unit bl-applikazzjoni inizjali tagħhom, il-miżura tibqa' proporzjonata peress li l-estensjoni fi żmien hi limitata għall-perjodu raġonevoli u mingħajr ma jifforma la l-bażi għall-miżura globali għal sistema ġeneralizzata ta' ħlas invertit lanqas il-bidu ta' applikazzjoni iktar permanenti ta' din id-deroga. (9) Wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri possibbli biex tinbidel is-sistema tal-VAT biex tiġi miġġielda l-frodi[10] u minħabba li tali miżuri, fil-prattika, jistgħu jinkludu miżura simili fil-forma ta' proposta tal-Kummissjoni biex tbiddel id-Direttiva 2006/112/KE biex tintroduċi proġett pilota disponibbli għall-Istati Membri kollha, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi jekk din il-miżura tidħol fis-seħħ qabel id-data ta' tmiem prevista ta' din id-deroga. (10) Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi Komunitarji proprji li jakkumulaw mill-VAT ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/250/KE hu mibdul b’dan li ġej: Din id-Deċiżjoni ser tiskadi fit-30 ta' April 2011 jew fid-data ta' emenda tad-Direttiva 2006/112/KE, li tippermetti li tali miżura fil-forma ta' proġett pilota, tidħol fis-seħħ. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1 [2] ĠU L 109, 26.4.2007, p. 42 [3] COM (2008) 109 finali, 22.2.2008. [4] COM (2006) 555 finali, 28.9.2006. [5] COM(2008)7109 finali, 22.2.2008 [6] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1 [7] ĠU C , , p. . [8] ĠU L 109, 26.4.2007, p. 42 [9] COM (2006) 555 finali, 28.9.2006. [10] COM(2008)7109 finali, 22.2.2008