Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0171

Proposta emendata għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali

/* KUMM/2009/0171 finali */

52009PC0171

Proposta emendata għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali /* KUMM/2009/0171 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.4.2009

KUMM(2009)171 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali (2007-2013)

Proposta emendata għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali (2007-2013)

Il-finanzjament ta' proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (proposta emendata)

Fil-proposta tagħha tal-10 ta' Diċembru 2008 dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju għall-"Iffinanzjar tal-proġetti trans-Ewropej għall-interkonnessjonijiet tal-enerġija u tal-infrastruttura tal-broadband fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku"[1], il-Kummissjoni pproponiet li l-limiti massimi annwali tal-qafas finanzjarju għall-approprijazzjonijiet għall-impenji taħt l-intestatura 1A minn EUR 3 000 miljun għall-2009 għal EUR 2 000 miljun għall-2010. Din iż-żieda kellu jpatti għaliha t-tnaqqis fil-limiti massimi annwali għall-approprijazzjonijiet għall-impenji taħt l-intestatura 2 bi EUR 3 500 miljun għall-2008 u b’EUR 1 500 miljun għall-2009, skont il-punt 23, it-tieni paragrafu, tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba tas-17 ta' Mejju 2006 (FII)[2].

Fid-dawl tal-ewwel diskussjonijiet tal-proposta ta' hawn fuq mal-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni ssottomettiet pakkett ta' proposti fit-28 ta' Jannar 2009 bil-għan li tistabbilixxi bażi legali għall-investiment ikkonċernat[3]. Dawn il-proposti implikaw l-ewwel aġġustament tal-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-MFF. L-ammont taż-żieda fil-limiti massimi għall-intestatura 1A għall-proġetti ffinanzjati fil-qasam tal-enerġija jkun limitat għal EUR 3 500 miljun. U EUR 1 500 miljun jkunu disponibbli taħt l-intestatura 2 biex ikun żviluppat l-internet broadband fiż-żoni rurali u biex jissaħħu operazzjonijiet relatati mal-"isfidi ġodda" ddefiniti fil-kuntest tar-riforma ta' żmien medju tal-Politika Agrikola Komuni ("il-Kontroll tas-Saħħa") u jkunu implimentati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

Wara diskussjonijiet ulterjuri l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu fil-laqgħa tat-tliet partijiet tat-2 ta' April 2009 li jiffinanzjaw il-pakkett kif ġej[4]:

1. Il-pakkett, li għandu l-għan li jipprovdi stimolu addizzjonali għall-ekonomija u għat-titjib tas-sigurtà tal-enerġija, jammonta għal EUR 5 000 miljun bil-prezzijiet attwali.

2. EUR 3 980 miljun se jsiru disponibbli għall-finanzjament ta' proġetti dwar l-enerġija taħt l-intestatura 1A tal-qafas finanzjarju. EUR 2 000 miljun fl-2009 u EUR 1 980 miljun fl-2010

3. Barra minn dan, EUR 1 020 miljun se jsiru disponibbli taħt l-intestatura 2 għall-iżvilupp tal-internet broadband fiż-żoni rurali u għat-tisħiħ tal-operazzjonijiet relatati mal-"isifidi ġodda" ddefiniti fil-kuntest tal-Kontroll tas-Saħħa.

4. Il-finanzjament tal-ammont totali ta' EUR 5 000 miljun se jkun assigurat kemm jista' jkun malajr.

5. Il-limitu massimu tal-2009 tal-intestatura 1A se jkun miżjud b'ammont ta' EUR 2 000 miljun, li se jpatti għalih it-tnaqqis tal-limitu massimu tal-2009 tal-intestatura 2 bl-istess ammont skont il-punti 21, sa 23 tal-FII. Barra minn dan, se jkunu miżjuda EUR 600 miljun għall-iżvilupp rurali fil-baġit tal-2009 għall-iffinanzjar tal-internet broadband u t-tisħiħ tal-operazzjonijiet relatati mal-"isifidi ġodda". Għalhekk il-qafas multiannwali se jkun rivedut u fl-istess ħin il-baġit tal-2009 se jkun emendat fuq il-bażi tal-proposta emendata tal-Kummissjoni u Abbozz Preliminari li Jemenda l-Baġit għall-baġit tal-2009.

6. L-iffinanzjar tal-ammont li baqa' (EUR 2 400 miljun) se jkun assikurat permezz ta' mekkaniżmu ta' kumpens waqt il-konċiljazzjoni tal-proċedura tal-baġit tal-2010 peremzz tal-użu tal-meżżi baġitarji previsti fil-qafas leġiżlattiv, li għandu jkun lest, jekk meħtieġ, l-iktar tard waqt il-konċiljazzjoni tal-proċedura tal-baġit tal-2011.

7. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni se jeżaminaw is-sorsi kollha disponibbli li jistgħu jipprovdu għall-kumpens tal-fondi.

8. Qabel ikun ikkunsidrat l-użu tal-ammont disponibbli taħt l-Intestatura 2, EUR 420 miljun se jkunu impenjati biex jiffinanzjaw l-internet broadband u biex isaħħu l-operazzjonijiet relatati mal-"isfidi ġodda" ddefiniti fil-kuntest tal-Kontroll tas-Saħħa tal-2010.

9. Sabiex ikun ikkumpensat l-ammont ta' EUR 1 980 miljun, se jkunu użati l-marġini li baqa' taħt il-limiti massimi tal-2009 u l-marġini disponibbli tal-2010 (f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali) u, jekk meħtieġ, kull disponibbiltà finanzjarja oħra, inklużi l-marġini disponibbli għall-2011. Il-mekkaniżmu ta' kumpens se jkun bla ħsara għall-pakketti finanzjarji tal-programmi kodeċiżi u l-proċedura baġitarja annwali.

10. Il-limitu massimu kumplessiv tal-qafas finanzjarju tal-2007-2013 mhux se jinqabeż.

Il-proposta emendata attwali tkopri r-reviżjoni tal-qafas finanzjarju tal-2007-2013 previst bħala parti mill-ewwel pass tal-ftehim ta' hawn fuq bejn it-tliet istituzzjonijet.

Il-marġini attwali tal-intestatura 2 għas-sena 2009 jammonta għal EUR 3 517 miljun. B'kunsiderazzjoni tas-EUR 600 miljun proposti biex jintużaw taħt l-intestatura 2 għall-infrastruttura tal-broadband u l-"isfidi l-ġodda" taħt il-Kontroll tas-Saħħa, flimkien mat-tnaqqis mistenni tal-limiti massimi ta' EUR 2 000 miljun, dan iħalli marġini ta' iktar minn EUR 900 miljun disponibbli taħt il-limiti massimi tal-intestura 2 fl-2009. Dan huwa kkunsidrat bħala biżżejjed biex ilaħħaq ma' avvenimenti mhux mistennija fis-settur agrikolu. F'kull każ, il-Kummissjoni intrabtet li tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tiżgura li d-deċiżjonijiet meħuda dwar in-nefqa tal-PAK u l-iffinanzjar tagħha, inkluż il-ftehim dwar il-Verifika tas-Saħħa, ikunu rispettati.

F'termini ta' approprijazzjonijiet għall-ħlasijiet, il-punt 23, ir-raba' paragrafu, tal-FII jirrikjedi wkoll li kwalunkwe reviżjoni għandha tħalli relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet. Il-limiti massimi annwali għall-approprijazzjonijiet għall-ħlasijiet għandhom bżonn ikunu mibdula fuq il-bażi tal-profili tal-ħlasijiet previsti għall-impenji addizzjonali taħt l-intestatura 1A u t-tnaqqis tal-ħlasijiet li jikkorrispondu għat-tnaqqis fl-approprijazzjonijiet għall-impenji għall-intestatura 2 fl-2009 (EUR 2 000 miljun).

Ebda żieda fil-limiti massimi tal-ħlasijiet mhi prevista fir-rigward tal-EUR 1 020 miljun għall-iżvilupp tal-internet broadband fiż-żoni rurali u għat-tisħiħ tal-operazzjonijiet relatati mal-"isfidi ġodda" tal-Kontroll tas-Saħħa.

It-tabella t’hawn taħt tiġbor fil-qosor il-bidliet proposti lil-limiti massimi tal-approprijazzjonijiet għall-impenji u l-ħlasijiet fil-qafas finanzjarju. L-ammonti huma espressi fil-prezzijiet attwali.

[pic]

Kumplessivament, ir-reviżjoni għandha tkun newtrali f'termini tal-limiti massimi globali tal-approprijazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet espressi fil-prezzijiet attwali.

Il-bidliet ta' hawn fuq jirriżultaw fit-tabella tal-qafas finanzjarju bil-prezzijiet attwali ta' hawn taħt, li tinkorpora l-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għall-2010 f'konformità mal-movimenti tad-DGN magħmula skont il-Punt 16 tal-FII[5].

Id-deċiżjoni formali dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju għandha tirreferi għat-tabella bażika miftehma fil-FII, li hi espressa fil-prezzijiet kostanti tal-2004. L-ammonti fil-valuri kurrenti għandhom għalhekk ikunu konvertiti fil-prezzijiet tal-2004 permezz ta’ deflatur fiss ta’ 2% kull sena, skont il-Punt 16 tal-FII.

[pic]

Proposta emendata għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali

IL-PARLAMENT EWROPEW U IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod[6], u partikolarment għall-Punti 21, 22, l-ewwel u t-tieni subparagrafi, u 23 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [7],

Billi:

(1) Fil-laqgħa tat-tliet partijiet tat-2 ta' April 2009, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar l-iffinanzjar, fil-qafas tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku għall-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi u s-solidarjetà fl-enerġija, ta' proġetti fil-qasam tal-enerġija u l-internet broadband u kif ukoll għat-tisħiħ tal-operazzjonijiet relatati mal-"isfidi ġodda" ddefiniti fil-kuntest tar-riforma ta' żmien medju tal-Politika Agrikola Komuni ("il-Kontroll tas-Saħħa")[8]. L-iffinanzjar jeħtieġ, bħala l-ewwel pass, reviżjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007 – 2013 skont il-Punti 21, 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali, sabiex jgħolli l-limitu massimu għas-sena 2009 għall-approprijazzjonijiet għall-impenji taħt is-sottointestatura 1A b'ammont ta' EUR 2 000 miljun bil-prezzijiet attwali.

(2) Iż-żieda fil-limitu massimu tas-sottointestatura 1A se tkun ibbilanċjata totalment bit-tnaqqis tal-limitu massimu għall-approprijazzjonjiet għall-impenji taħt l-intestatura 2 għas-sena 2009 b’ EUR 2 000 miljun.

(3) Sabiex tinżamm relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet, il-limiti annwali għall-ħlasijiet tal-approprjazzjonijiet ser jiġu aġġustati. L-aġġustament ser ikun newtrali.

(4) L-Anness I tal-Ftehim Interistizzuzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba għandu għalhekk jiġi emendat[9],

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

L-Anness I tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod huwa ssostitwit mill-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

[pic]

[1] COM(2008) 859 finali/2.

[2] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[3] Komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni "Ninvestu illum għall-Ewropea ta' għada, COM(2009) 36 finali. – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' għajnuna għall-irkupru ekonomiku billi tagħti għajnuna finanzjarja Komunitarja lil proġetti fil-qasam tal-enerġija: COM (2009) 35 finali. – Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew Għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2006/493/KE li tistabbilixxi l-ammont ta' appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2007 u l-31 ta' Diċembru 2013, l-analiżi annwali tiegħu u l-ammont minimu li jingħata lir-reġjuni eleġibbli skont l-Objettiv ta' Konverġenza: COM(2009) 38 finali.

[4] Il-ftehm jieħu l-forma ta' Dikjarazzjoni mehmuża mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba. Il-proġetti eliġibbli għall-appoġġ Komunitarju huma identifikati fl-atti leġiżlattivi kkonċernati.

[5] Komunkazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għall-2010 f'konformità mal-movimenti tad-DGN, COM(2009) finali tal-1.4. 2009.

[6] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[7] COM(2008) 859 finali/2, kif emendat minn COM(2009) … finali.

[8] COM(2008) 800.

[9] Għal dan il-għan, iċ-ċifri li jirriżultaw mill-ftehim imsemmi hawn fuq huma maqluba għall-prezzijiet tal-2004.

Top