Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0169

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri

/* KUMM/2009/0169 finali - CNS 2009/0053 */

52009PC0169

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri /* KUMM/2009/0169 finali - CNS 2009/0053 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 8.4.2009

KUMM(2009) 169 finali

2009/0053 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri

2009/0053 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, imressqa wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[3],

Billi:

(1) L-iskop u l-intensità tal-kriżi finanzjarja internazzjonali taffettwa d-domanda potenzjali għal assistenza finanzjarja Komunitarja fuq medda medja ta' żmien fl-Istati Membri 'l barra miż-żona euro u titlob għal żieda konsiderevoli fil-limitu stipulat fir-Regolament (KE) Nru 332/2002[4] għall-ammont pendenti ta' self li jista' jingħata lilhom, minn EUR 25 biljun għal EUR 50 biljun.

(2) Fid-dawl tal-esperjenza riċenti fit-tħaddim tal-assistenza finanzjarja fuq il-medda medja ta' żmien, ix-xogħol u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati bl-implimentazzjoni tar-Regolament għandhom ikunu kkjarifikati. Barra minn dan, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' assistenza finanzjarja għandhom ikunu stipulati f'memorandum ta' spjegazzjoni li jrid ikun innegozjat bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

(3) Ir-regoli li jistabbilixxu xi aspetti tal-amministrazzjoni finanzjarja tal-assistenza finanzjarja Komunitarja għandhom ikunu kkjarifikati. Għal raġunijiet operazzjonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun mitlub ipoġġi l-assistenza finanzjarja mogħtija f'kont speċjali mal-Bank Ċentrali Nazzjonali u li jittrasferixxi l-ammonti dovuti f'kont mal-Bank Ċentrali Ewropew ftit ġranet qabel id-data tal-għeluq tagħhom.

(4) L-amministrazzjoni soda tal-assistenza finanzjarja Komunitarja mogħtija hija ta' importanza kbira ħafna. Għaldaqstant, il-possibbiltà li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi jagħmlu kontrolli meta dawn iqisu neċessarju hija stipulata fil-ftehim eżistenti tas-self u għandha tkun stipulata f'dan ir-Regolament.

(5) Dan ir-Regolament għandu japplika immedjatament għal kull ftehim ġdid ta' self u għal kull ftehim ta' self eżistenti jekk u meta jkun rivedut.

(6) Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 huwa emendat kif ġej:

1. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) jinbidel b’dan li ġej:

"L-ammont pendenti ta' self li jista’ jingħata lill-Istati Membri skont din il-faċilità għandu jkun limitat għal EUR 50 biljun ta' kapital."

2. L-Artikolu 3(2), jinbidel b'dan li ġej:

"L-Istat Membru kkonċernat għandu jiddiskuti l-valutazzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji tiegħu mal-Kummissjoni u jissottometti abbozz ta' programm ta' aġġustament. Il-Kunsill, wara li jeżamina s-sitwazzjoni fl-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja għall-medda medja ta' żmien u l-programm ta' aġġustament ippreżentat bħala sostenn tal-applikazzjoni tiegħu, irid jiddeċiedi, bħala regola, waqt l-istess laqgħa:

(a) jekk jagħtix is-self jew faċilita' xierqa ta' ffinanzjar, l-ammont u t-tul medju tiegħu;

(b) il-kundizzjonijiet ta' politika ekonomika li huma marbutin mal-assistenza finanzjarja fuq medda medja ta' żmien bil-għan li terġa' tiġi stabbilita jew li tkun żgurata sitwazzjoni sostenibbli fil-bilanċ tal-pagamenti;

(c) il-metodi tekniċi kif jinħarġu l-flus tas-self jew tal-faċilita' tal-iffinanzjar, ir-rilaxx jew il-ġbid ta liema, bħala regola, għandhom isiru permezz ta' rati suċċessivi, u r-rilaxx ta' kull rata għandu jkun suġġett għall-verifika tar-riżultati miksuba fit-twettiq tal-programm skont l-għanijiet iffissati.".

3. Jiddaħħal l-Artikolu 3a li ġej:

"Artikolu 3a

Il-Kummissjoni u l-Istati Membru kkonċernat għandhom jiftiehmu dwar memorandum ta' spjegazzjoni li jelenka fid-dettall il-kundizzjonijiet stipulati mill-Kunsill."

4. L-Artikolu 5 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1.Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex f'intervalli regolari tivverifika, flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, li l-politika ekonomika tal-Istat Membru li jkun se jirċievi self Komunitarju taqbel mal-programm ta' aġġustament u ma' kull kundizzjoni oħra stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 3. Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jpoġġi kull tagħrif meħtieġ għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u jikkoopera bis-sħiħ magħha. Fuq il-bażi tas-sejbiet ta' din il-verifika, il-Kummissjoni, wara li l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkun ta l-opinjoni tiegħu, għandha tiddeċiedi dwar il-ħruġ ta' aktar rati.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar kull aġġustamenti li jkun meħtieġ għall-kundizzjonijiet inizjali tal-politika ekonomika."

5. Fl-Artikolu 7 jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

"5. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiftħu kont speċjali mal-Bank Ċentrali Nazzjonali għall-amministrazzjoni tal-assistenza Komunitarja fuq medda medja ta' żmien li jkunu rċevew. L-Istat Membru kkonċernat għandu jittrasferixxi l-kapital u l-interessi pagabbli skont is-self f'kont mal-Bank Ċentrali Ewropew sebat ijiem TARGET2[5] qabel id-dati tal-għeluq rispettivi."

6. Jiddaħħal l-Artikolu 9a li ġej:

"Artikolu 9a

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha d-dritt li tagħmel kull kontroll jew valutazzjoni finanzjarja li hija tqis neċessarja fir-rigward tal-amministrazzjoni ta' din l-assistenza. Il-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi, għandu jkollha d-dritt tibgħat l-uffiċjali tagħha jew rappreżentanti awtorizzati minnha biex jesegwixxu kontrolli tekniċi jew finanzjarji jew il-valutazzjonijiet li hija tqis neċessarji fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-assistenza finanzjarja Komunitarja fuq medda medja ta' żmien.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C , , p. .

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.

[5] Kif definit fil-Linji Gwida ECB/2007/2 tas-26 ta' April 2007 dwar is-sistema Express Awtomatika Trans-Ewropea għat-Trasferiment f'Ħin Reali ta' Ħlas Gross (Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system - TARGET2) (ĠU L 237, 8.9.2007, p. 1).

Top