Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0094

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq it-Tagħmir Mobbli li jirrigwarda Materji Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007

/* KUMM/2009/0094 finali */

52009PC0094

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq it-Tagħmir Mobbli li jirrigwarda Materji Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 /* KUMM/2009/0094 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.3.2009

KUMM(2009) 94 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq it-Tagħmir Mobbli li jirrigwarda Materji Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. għan tal-proposta preżenti

Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Komunità tiffirma l-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq it-Tagħmir Mobbli li jirrigwarda Materji Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji (minn hawn ’il quddiem "Il-Protokoll dwar il-Ferroviji" jew "il-Protokoll tal-Lussemburgu") adottat waqt Konferenza Diplomatika li saret taħt l-awspiċi konġunta tal-Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata (UNIDROIT) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għat-Trasport bil-Ferroviji (OTIF) fil-Lussemburgu bejn it-12 u t-23 ta’ Frar 2007. Ħadu sehem fil-Konferenza Diplomatika 42 Stat u 11-il Organizzazzjoni Internazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea ħadet seħem fin-negozjati għall-Komunità Ewropea fuq il-bażi tad-direttivi tal-Kunsill adottati fit-28 ta’ Frar 2003. Żewġ Stati Membri, il-Lussemburgu u l-Italja ffirmaw il-Protokoll fi tmiem il-Konferenza.

2. l-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Protokoll dwar il-Ferroviji

2.1. Ambitu

Il-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli (minn hawn ’il quddiem "il-Konvenzjoni ta’ Cape Town" jew "il-Konvenzjoni") u l-Protokoll dwar Materji Speċifiċi għat-Tagħmir tal-Ajruplani (minn hawn ’il quddiem "il-Protokoll dwar l-Ajruplani") kienu adottati waqt Konferenza Diplomatika li saret f’Cape Town mid-29 ta’ Ottubru sas-16 ta’ Novembru 2001.

Il-Konvenzjoni tistipula regoli uniformi għall-kostituzzjoni u l-effetti ta’ granzija internazzjonali (ftehim ta’ sigurtà, ftehim dwar ir-riżervi tat-titoli jew ftehim dwar il-kiri) f’ċerti kategoriji ta’ tagħmir mobbli stabbilit fil-Protokolli, marbutin mal-kategoriji segwenti: l-ajruplani, il-vetturi ferrovjarji u l-assi tal-ispazju.

L-istrument jikkonsisti fil-Konvenzjoni bażika li tistipula regoli legali applikabbli għall-kategoriji kollha ta’ tagħmir mobbli u numru ta’ Protokolli speċifiċi li għandhom regoli speċjali marbuta ma’ tipi partikolari ta’ tagħmir.

Dawn il-Protokolli jistgħu jemendaw il-Konvenzjoni fejn il-fatturi speċifiċi tas-settur rilevanti jkunu jeħtieġu hekk. Għaldaqstant huwa l-Protokoll u mhux il-Konvenzjoni li jorbot fir-rigward ta’ kull kategorija ta’ tagħmir mobbli. L-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni jvarjaw skont ma’ liema Protokoll jaderixxu. Il-Konvenzjoni tista’ tiġi applikata għal kategorija ta’ tagħmir mobbli biss meta l-Protokoll rilevanti jidħol fis-seħħ , u biss għal dawk il-Partijiet li jkunu ffirmawh. Iżda l-Konvenzjoni u l-Protokoll għandhom jinqraw flimkien bħala strument uniku.

Il-Konvenzjoni tapplika meta d-debitur ikun jinsab fi Stat kontraenti (l-Artikolu 3) peress li d-diversi protokolli jipprovdu għal kriterji ta’ kollegament speċifiċi (jiġifieri l-Istat tar-Reġistrazzjoni). Il-garanzija stabbilita mill-Konvenzjoni (l-Artikolu 1 u 2) tikkonċerna l-assi registrati, kif wkoll id-dritttijiet u l-proċeduri assoċjati, u l-protokoll rilevanti jista’ jipprovdi li l-Konvenzjoni tiġi applikata biex jinbiegħu l-assi (l-Artikolu 41 tal-Konvenzjoni). Il-Konvenzjoni ssaħħaħ id-drittijiet tal-benefiċjarji ta’ din il-garanzija in rem unifikata fuq l-assi tat-tagħmir mobbli jekk id-debitur jonqos mill-obbligi tiegħu (l-Artikoli 8 sa 15). Il-Konvenzjoni fl-aħħar nett tistabbilixxi sistema internazzjonali għall-kredituri biex jirreġistraw il-garanziji fuq id-diversi kategoriji tal-assi fit-tagħmir mobbli (l-Artikoli 16 sa 26), billi tagħti prijorità lill-garanziji reġistrati tal-kreditur (l-Artikolu 29).

Il-Protokoll dwar il-Ferroviji jiffissa ċerti regoli li jikkonċernaw il-prijorità u l-infurzar tal-garanziji internazzjonali reġistrati għal ċerti tipi ta’ kredituri li jiffinanzjaw vetturi ferrovjarji – jiġifieri l-garanti ta’ dritt, il-bejjiegħ b’riżerva jew il-kerrej. Barra minn hekk il-Protokoll jipprovdi għall-rimedji speċifiċi għall-kredituri (l-Artikolu VII) u tliet alternattivi għal rimedji dwar l-insolvenza tad-debitur (l-Artikolu IX). Taħt il-Kapitol III reġistru internazzjonali għandu jkun aċċessibbli permezz tal-internet u għandha titwaqqaf Awtorità ta’ Sorveljanza. Fl-aħħar nett l-Artikolu XXV jawtorizza taħt ċerti kundizzjonijiet lill-Istati Kontraenti biex jagħmlu dikjarazzjonijiet biex jeskludu mill-portata tal-Protokoll il-materjal marbut mas-servizz pubbliku.

2.2. Għanijiet tal-Protokoll dwar il-Ferroviji

Dan l-istrument hu intiż biex jiffaċilita l-finanzjament tal-vetturi ferrovjarji b’valur għoli billi joħloq garanzija soda internazzjonali għall-kredituri (bejjiegħa bi kreditu u istituzzjonijiet li jissupplixxu kreditu għal dan il-bejgħ) li jagħtihom prijorità "assoluta" fuq dawn l-assi f’reġistru internazzjonali.

Dan l-istrument, li fih ħafna msieħba kbar fil-kummerċ tal-Komunità jiffurmaw parti, aktarx li jkun ta’ benefiċċju kbir għall-industrija Ewropea tal-ferroviji, għall-banek u l-Gvernijiet billi jinkoraġġixxi investiment tal-kapital fis-settur tal-ferroviji u jagħti spinta ħalli jinħoloq suq ġenwin ta’ leasing. Madanakollu, qabel ma tkun tista’ tibenefika minnu, il-Komunità trid tiffirma u tirratifika l-Protokoll dwar il-Ferroviji.

3. Is-Setgħat tal-Komunità

Il-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Protokolli tagħha huma ftehimiet imħallta li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Fl-2002, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ proposti għall-iffirmar u l-konklużjoni mill-Komunità dwar il-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Protokoll dwar l-Ajruplani. F’Lulju 2008, il-Kummissjoni ppreżentat proposta riveduta biss għall-konklużjoni ta’ dawn l-istrumenti internazzjonali, li mhumiex aktar miftuħa għall-iffirmar wara li jidħlu fis-seħħ.

Il-Komunità għandha l-ġurisdizzjoni fuq ċerti materji rregolati mill-Protokoll dwar il-Ferroviji u li jaffettwaw ir-Regolamenti (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar Ġurisdizzjoni u Rikonoxximent u Eżekuzzjoni ta' Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali[1], ir-Regolament (KE) Nru No 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ insolvenza[2] u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I)[3]. Barra minn hekk, hemm leġiżlazzjoni Komunitarja għal materji rregolati mill-Protokoll dwar il-Ferroviji u li jaffettwaw d-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (imfassla mill-ġdid)[4] u r-Regolament (KE) Nru 881/2004 tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi aġenzija Ewropea għall-ferroviji[5]. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Istati Membri ma jistgħux jiffirmaw il-Protokoll dwar il-Ferroviji b’mod indipendenti.

Fit-28 ta’ Frar, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex waqt il-Konferenza Diplomatika fil-Lussemburgu, f’isem il-Komunità tinnegozja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-Ferroviji li jaqgħu taħt is-setgħat esklussiva tal-Komunità u li kellhom effett fuq il-liġi Komunitarja.

L-Artikolu XXII tal-Protokoll dwar il-Ferroviji, jippermetti li "l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika" jkunu jistgħu jiffirmaw, jaċċettaw jew jaċċedu għal dan l-istrument. Għall-fini tal-Protokoll dwar il-Ferroviji, "Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika" għandha tfisser organizzazzjoni li jkollha kompetenza fuq ċerti materji regolati mill-Protokoll u li tista’ tiffirmah. Din id-definizzjoni għandha tippermetti lill-Komunità biex tiffirma dan l-istrument bil-patt li tikseb l-approvazzjoni neċessarja tal-istituzzjonijiet tal-Komunità. Skont l-Artikolu XXII(3) kwalunkwe referenza fil-Protokoll għall "Stat(i) Kontraenti" jew "Partijiet tal-Istati" tapplika wkoll għall-Komunità meta l-kuntest ikun jitlob li jsir dan.

L-Artikolu XXII(2) tal-Protokoll dwar il-Ferroviji jirrikjedi li fil-mument tal-firma, l-aċċettazzjoni jew l-adeżjoni, il-Komunità għandha tagħmel dikjarazzjoni ġenerali li tindika l-oqsma koperti mill-Protokoll dwar il-Ferroviji li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni Komunitarja. Għal dan il-għan abbozzi ta' dikjarazzjonijiet huma mehmuża fl-Anness. It-test ġie mfassal fuq il-bażi tas-setgħat preżenti tal-Komunità mogħtija mir-Regolament (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000, Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 u Nru 593/2008 tas-17 ta’ Ġunju 2008, id-Direttiva 2001/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperbbiltà tas-sistema Ferrovjarja fil-Komunità (imfassla mill-ġdid) u r-Regolament (KE) Nru 881/2004 tad-29 ta’ April 2004.

Minħabba dan kollu, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jadotta d-deċiżjoni stabbilita hawn taħt, waqt li jawtorizza l-iffirmar tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Materji Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji, billi jagħmel id-dikjarazzjoni msemmija hawn fuq, li t-test tagħha hu mehmuż fl-Anness.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq it-Tagħmir Mobbli li jirrigwarda Materji Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra,t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 61 (c) flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[6],

Billi:

(1) Il-Komunità qiegħda taħdem biex toħloq żona ġudizzjarja komuni bbażata fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċizjonijiet ġudizzjarji.

(2) Il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq it-tagħmir mobbli (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Konvenzjoni ta’ Cape Town") dwar materji speċifiċi għall-vetturi ferrovjarji (minn hawn ‘’il quddiem imsejjaħ "il-Protokoll dwar il-Ferroviji"), adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007, jagħti kontribut siewi għar-regolament fuq livell internazzjonali. Hu għalhekk mixtieq li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istrument li jikkonċernaw materji li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza esklussiva tal-Komunità għandhom jiġu applikati mill-aktar fis possibbli.

(3) Il-Kummissjoni nnegozjat il-Protokoll dwar il-Ferroviji f’isem il-Komunità, għall-partijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

(4) L-Artikolu XXII(1) tal-Protokoll dwar il-Ferroviji jipprovdi li l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika, li għandhom kompetenza fuq ċerti materji rregolati mill-Protokoll dwar il-Ferroviji, jistgħu jiffirmaw l-imsemmi Protokoll;

(5) Il-Protokoll jibqa’ miftuħ għall-iffirmar sakemmm dan jidħol fis-seħħ.

(6) Uħud mill-materji rregolati mir-Regolament (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali[7], ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment[8], ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I)[9], id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (Recast)[10] u r-Regolament (KE) Nru 881/2004 tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi aġenzija Ewropea għall-ferroviji[11] huma wkoll ittrattati fil-Protokoll dwar il-Ferroviji.

(7) Il-Komunità għandha kompetenza esklussiva fuq uħud mill-materji rregolati mill-Protokoll dwar il-Ferroviji, filwaqt li l-Istati Membri għandhom kompetenza fuq materji oħra rregolati minn dan l-istrument.

(8) Il-Komunità għandha għalhekk tiffirma l-Protokoll dwar il-Ferroviji. L-Artikolu XXII(2) tal-Protokoll dwar il-Ferroviji jipprovdi li, fil-mument tal-firma, l-aċċettazzjoni jew l-adeżjoni l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika għandha tagħmel dikjarazzjoni li tispeċifika l-materji rregolati mill-imsemmi Protokoll li għalihom l-Istati Membri tagħha jkunu ddelegawlha l-kompetenza.

(9) Ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(10) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessa mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta magħha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Soġġett għall-konklużjoni possibbli f’data aktar tard, l-iffirmar tal-Protokoll għall-Konvenzjonijiet dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq it-Tagħmir Mobbli li jirrigwarda Materji Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007, u għaldaqstant hu approvat f’isem il-Komunità

2. F'din id-Deċiżjoni, "Stat Membru" għandu jfisser l-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill hu għaldaqstant awtorizzat li jaħtar il-persuna(i) li jkollu/ikollhom is-setgħa li jiffirma(w) il-Protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq it-Tagħmir Mobbli li jirrigwarda materji speċifiċi għall-vetturi ferrovjarji, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

Meta tiffirma l-Protokoll dwar il-Ferroviji, il-Komunità għandha tagħmel dikjarazzjoni stabbilita fl-Anness, skont l-Artikolu XXII (2) tal-Protokoll.

It-test ta' dan il-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Dikjarazzjoni skont l-Artikolu XXII(2) dwar il-kompetenza tal-Komunità Ewropea fir-rigward ta’-materji rregolati mill-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Nazzjonali fuq it-Tagħmir Mobbli li jirrigwarda materji speċifiċi għall-vetturi ferrovjarji ("il-Protokoll dwar il-Ferroviji"), adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007, li dwarhom l-Istati Membri ttrasferixxew il-kompetenza tagħhom lill-Komunità.

1. L-Artikolu XXII tal-Protokoll dwar il-Ferroviji jipprovdi li l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li huma ffurmati minn Stati Sovrani u li għandhom kompetenza fuq ċerti materji rregolati mill-Protokoll jistgħu jifffirmaw bil-patt li jagħmlu d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu XXII(2). Il-Komunità ddeċidiet li tiffirma l-Protokoll dwar il-Ferroviji u għalhekk qed tagħmel din id-dikjarazzjoni.

2. Il-Membri attwali tal-Komunità Ewropea huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

3. Madanakollu, din id-dikjarazzjoni ma tapplikax għar-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll u l-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat.

4. Din id-dikjarazzjoni mhux applikabbli fil-każ tat-territorji tal-Istati Membri li fihom it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ma japplikax u hu bla ħsara għal dawn l-atti jew pożizzjonijiet li jistgħu jkunu adottati skont il-Protokoll dwar il-Ferroviji mill-Istati Membri kkonċernati għal u fl-interessi ta' dawk it-territorji.

5. L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea ttrasferixxew il-kompetenza lill-Komunità fir-rigward ta’ materji li jaffettwaw ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent tal-infurzar tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali[12], ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċeduri ta’ insolvenza[13], ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I)[14], id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema tal-Ferroviji fil-Komunità[15] u r-Regolament (KE) Nru 881/2004 tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi aġenzija Ewropea għall-ferroviji[16]

6. Safejn tirrigwarda s-sistema tan-numri tal-vetturi, il-Komunità adottat permezz tad-Deċiżjoni 2006/920/KE (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Awwissu 2006 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ interoperabbiltà marbuta mas-sottosistema tal-operazzjoni tat-traffiku u l-ġestjoni tranż-Ewropea tas-sistema konvenzjonali tal-ferroviji), sistema ta’ numri li tkun xierqa għall-iskop ta’ identifikazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji kif imsemmija fl-Artikolu V (2) tal-Protokoll.

Barra minn hekk, safejn jirrigwarda l-iskambju tad-dejta bejn l-Istati Membri tal-Komunità u r-Reġistru Internazzjonali, il-Komunità għamlet progress konsiderevoli permezz tad-Deċiżjoni 2007/756/KE (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2007 li tadotta speċifikazzjoni komuni tar-reġistru nazzjonali tal-vetturi pprovuta taħt l-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE). B’konformità ma’ dik id-Deċiżjoni KE l-Istati Membri qed jimplimentaw reġistri Nazzjonali tal-vetturi u għandha tkun evitata d-duplikazzjoni tad-dejta fir-reġistru internazzjonali.

7. Il-grad ta’ kompetenza li l-Istati Membri ttrasferixxew lill-Komunità skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità, fin-natura tiegħu, huwa suġġett għal żvilupp kontinwu. Fil-qafas ta’ dak it-Trattat, l-istituzzjonijiet kompetenti jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-grad ta’ kompetenza tal-Komunità. Għaldaqstant, il-Komunità tirriżerva d-dritt li temenda d-dikjarazzjoni preżenti f’dan is-sens, mingħajr ma dan jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ materji rregolati mill-Protokoll dwar il-Ferroviji.

[1] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[2] ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1.

[3] ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

[4] ĠU L 191, 18.07.2008, p. 1.

[5] ĠU L 220, 21.6.2004, p. 3.

[6] ĠU C , , p. .

[7] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar minn …

[8] ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar minn …

[9] ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

[10] ĠU L 191, 18.07.2008, p. 1.

[11] ĠU L 220, 21.6.2004, p. 3.

[12] ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar minn …

[13] ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar minn …

[14] ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

[15] ĠU L 191, 18.07.2008, p. 1.

[16] ĠU L 220, 21.6.2004, p. 3.

Top