Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0060

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew fit-Tajlandja, u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fil-Malasja

/* KUMM/2009/0060 finali */

52009PC0060

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew fit-Tajlandja, u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fil-Malasja /* KUMM/2009/0060 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.2.2009

KUMM(2009) 60 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew fit-Tajlandja, u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fil-Malasja

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-kuntest tal-proposta |

110 | Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96[1] dwar protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005[2] ('ir-Regolament bażiku') fil-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċerti xkejjer u boroż tal-plastika li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ('RPĊ') u t-Tajlandja. |

120 | Kuntest ġenerali Din il-proposta hi magħmula fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hi r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

139 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006[3], li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) u fit-Tajlandja. Kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 1356/2007[4]. Proposta għal għoti ta' trattament ta' produttur ġdid li jesporta lil produtturi ġodda li jesportaw lejn il-Komunità. |

141 | Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

Konsultazzjoni ma’ partijiet interessati u stima tal-impatt |

Il-konsultazzjoni ma’ partijiet interessati |

219 | L-applikanti li kkooperaw u l-industrija tal-Komunità ġew mgħarrfa bis-sejbiet tal-istħarriġ u kellhom l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom. |

Ġbir u użu ta' għarfien espert |

229 | Ma kienx hemm ħtieġa għal għarfien espert estern. |

230 | Valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta hi r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jaħsibx għal valutazzjoni tal-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati. |

Elementi legali tal-proposta |

305 | Sommarju tal-azzjoni proposta Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ('RPĊ') u fit-Tajlandja. Matul l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping (l-'investigazzjoni oriġinali'), minħabba l-għadd kbir ta' esportaturi/produtturi tal-prodott ikkonċernat fir-RPĊ u t-Tajlandja, ġie magħżul kampjun ta' produtturi li jesportaw. Rati individwali tad-dazju li jvarjaw minn 4.8 % għal 14.3 % ġew imposti fuq il-kumpaniji magħżula fil-kampjun fir-RPĊ u t-Tajlandja. Il-kumpaniji li kkooperaw u li ma kienux inklużi fil-kampjun ġew mogħtija rata tad-dazju ta' 8.4 % għar-RPĊ u 7.9 % għat-Tajlandja. Rati ta' dazju residwu ta' 28.8 % għar-RPĊ u 14.3 % għat-Tajlandja kienu imposti fuq il-kumpaniji l-oħra kollha. L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006 jagħti l-possibbiltà lil kull produttur li jesporta Ċiniż jew Tajlandiż li jissodisfa l-kriterji stipulati f'dak l-Artikolu biex jirċievi l-istess trattament bħall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun ('trattament ta’ produttur ġdid li jesporta' jew 'NEPT'). Seba' applikanti (ħames Ċiniżi u żewġ Tajlandiżi) talbu l-NEPT. Tliet kumpaniji Ċiniżi biss ipprovdew xhieda li kienet meqjusa suffiċjenti biex ikun emendat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 billi jiġu miżjuda l-ismijiet tagħhom fil-lista tal-kumpaniji suġġetti għar-rata medja tad-dazju ta' piż ta' 8.4 %. L-applikazzjonijiet tal-kumpaniji l-oħra ġew irrifjutati għar-raġunijiet li ġejjin: Żewġ kumpaniji Ċiniżi ma rrispondewx il-formola tal-applikazzjoni jew il-kwestjonarju; kumpanija waħda Tajlandiża pprovdiet informazzjoni qarrieqa; kif ukoll kumpanija oħra Tajlandiża esportat il-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk qed jiġi propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament li għandu jkun ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali mill-aktar fis possibbli. |

310 | Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u l-Artiklu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006. |

329 | Prinċipju ta' sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Prinċipju ta' proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja. |

331 | Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 tal-25 ta' Settembru 2006 li jimponi dazju tal-anti-dumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw fir-RPĊ u fit-Tajlandja ma jħalli l-ebda ambitu għal deċiżjoni nazzjonali. L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini hu minimizzat u proporzjonali għall-għan tal-proposta mhix applikabbli. |

332 |

Għażla ta' strumenti |

341 | Strumenti proposti: regolament. |

342 | Mezzi oħra ma jkunux adegwat għar-raġuni(jiet) li ġejja/in Ir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq ma jipprevedix alternattivi oħra. |

Implikazzjoni baġitarja |

409 | Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew fit-Tajlandja, u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fil-Malasja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/1996 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ('ir-Regolament bażiku')[5],

Wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006[6] tal-25 ta’ Settembru 2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fit-Tajlandja, u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fil-Malasja,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA TA' QABEL

(1) Bir-Regolament (KE) Nru 1425/2006 il-Kunsill impona dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet lejn il-Komunità ta' ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3923 21 00 (kodiċi TARIC 3923 21 00 20), ex 3923 29 10 (kodiċi TARIC 3923 29 10 20) u ex 3923 29 90 (kodiċi TARIC 3923 29 90 20), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) u t-Tajlandja. Billi hemm numru kbir ta' produtturi li jesportaw li kkooperaw fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping ('l-investigazzjoni oriġinali'), intgħażel kampjun ta' produtturi Ċiniżi u Tajlandiżi li jesportaw u rati individwali tad-dazju li jvarjaw minn 4.8 % għal 14.3 % ġew imposti fuq il-kumpaniji inklużi fil-kampjun, waqt li kumpaniji oħra li kkooperaw imma mhux inklużi fil-kampjun ingħataw rata ta' dazju ta' 8.4 % għar-RPĊ u 7.9 % għat-Tajlandja. Ġew imposti rati ta' dazju ta' 28.8 % għar-RPĊ u 14.3 % għat-Tajlandja fuq kumpaniji li jew ma ddikjarawx ruħhom inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(2) L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 jistipula li, fir-RPĊ jew fit-Tajlandja, fejn xi produttur ġdid li jesporta jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li

- ma esportax lejn il-Komunità l-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) ta' dak ir-Regolament matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (l-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005) ('il-perjodu tal-investigazzjoni') (l-ewwel kriterju);

- mhux relatat ma' xi wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ jew fit-Tajlandja li huma suġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti minn dan ir-Regolament (it-tieni kriterju); kif ukoll

- fil-fatt esporta lejn il-Komunità l-prodotti kkonċernati wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikattiva lejn il-Komunità (it-tielet kriterju);

mela l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament jista' jiġi emendat billi tingħata lill-produttur ġdid li jesporta r-rata ta' dazju applikabbli lill-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri 8.4 % għall-kumpaniji Ċiniżi u 7.9 % għall-kumpaniji Tajlandiżi.

B. TALBIET TAL-PRODUTTURI ĠODDA LI JESPORTAW

(3) Seba' kumpaniji (ħames Ċiniżi u żewġ Tajlandiżi) applikaw biex jingħataw l-istess trattament bħall-kumpaniji li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali li ma kinux inklużi fil-kampjun ("trattament ta' produttur ġdid li jesporta").

(4) Sar eżami biex jiġi stabbilit jekk is-seba' kumpaniji jissodisfawx il-kriterji biex jingħataw trattament ta' produttur ġdid li jesporta kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006.

(5) Intbagħtet formola ta' applikazzjoni lis-seba' applikanti kollha kemm huma li ntalbu wkoll jipprovdu xhieda biex juru li jissodisfaw it-tliet kriterji msemmija hawn fuq.

(6) Żewġ kumpaniji Ċiniżi li talbu trattament ta' produttur ġdid li jesporta ma pprovdewx l-informazzjoni mitluba. Għalhekk ma kienx possibbli li jiġi vverfikat jekk dawn il-kumpaniji jissodisfawx il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006, u t-talba tagħhom kellha tiġi rrifjutata.

(7) Kumpanija waħda Tajlandiża pprovdiet informazzjoni qarrieqa u għalhekk it-talba tagħha ġiet irrifjutata.

(8) Kumpanija oħra Tajlandiża esportat il-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Għalhekk ma ssodisfatx l-ewwel kriterju u t-talba tagħha ġiet irrifjutata.

(9) Ix-xhieda pprovduta mit-tliet produtturi Ċiniżi l-oħra li jesportaw hija meqjusa suffiċjenti biex turi li huma jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 u għalhekk jistgħu jingħataw ir-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (8.4 % għal kumpaniji Ċiniżi) u b'konsegwenza ta' dan isimhom jiġi miżjud fil-lista tal-produtturi li jesportaw fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006.

(10) L-applikanti kollha u l-industrija Komunitarja ġew infurmati bis-sejbiet tal-istħarriġ u kellhom l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom.

(11) L-argumenti u s-sottomissjonijiet kollha magħmula mill-partijiet interessati ġew analizzati u meħuda sewwa inkonsiderazzjoni fejn meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpaniji li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista ta' produtturi miċ-Ċina elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006:

Kumpanija | Belt |

Huiyang Kanlun Polyethylene Manufacture Factory | Huizhou |

Bao Xiang Plastic Bag Manufacturing (Shenzhen) Co., Ltd | Shenzhen |

Quanzhou Polywin Packaging Co. Ltd | Nanan |

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Gurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il- […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

[2] ĠU L 340, 23.11.2005, p. 17.

[3] ĠU L 270, 29.09.2006, p. 4.

[4] ĠU L 304, 22.11.2007, p. 5.

[5] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

[6] ĠU L 270, 29.09.2006, p. 4.

Top