Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0190

    Responsabbilità soċjali ta' impriżi li huma sottokuntratturi fil-katini ta' produzzjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 26 ta' Marzu 2009 dwar ir-responsabbilità soċjali ta' impriżi li huma sottokuntratturi fil-katini ta' produzzjoni (2008/2249(INI))

    ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 176–180 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 117/176


    Il-Ħamis, 26 ta’ Marzu 2009
    Responsabbilità soċjali ta' impriżi li huma sottokuntratturi fil-katini ta' produzzjoni

    P6_TA(2009)0190

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2009 dwar ir-responsabbilità soċjali ta' impriżi li huma sottokuntratturi fil-katini ta' produzzjoni (2008/2249(INI))

    2010/C 117 E/29

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 39, 49, 50 u 137 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta' Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' tagħrif ta’ konsultazzjoni għall-impjegati (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (2),

    wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (COM(2007)0249),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema (3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni tas-servizzi (4),

    wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-OECD għall-intrapriżi multinazzjonali,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tripartitika tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol dwar il-prinċipji li jikkonċernaw l-intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2005 dwar id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar ir-responsabbilità soċjali korporattiva: sħubija ġdida (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-immodernizzar tal-liġi tax-xogħol biex tiffaċċja l-isfidi tas-seklu 21 (9),

    wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Ottubru 2004 fil-Kawża C-60/03 Wolff & Müller  (10),

    wara li kkunsidra l-istudju “ir-Responsabbilità fil-proċessi tas-sottokuntrattar fis-settur Ewropew tal-Kostruzzjoni” magħmul mill-Fundazzjoni Ewropea għat-titjib tal-Għajxien u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0065/2009),

    A.

    billi s-sottokuntrattar jista' jitqies bħala parti integrali mill-attività ekonomika,

    B.

    billi r-rata bla preċedent ta' attività ekonomika fl-aħħar kwart tas-seklu kellha rwol prinċipali biex tgħolli l-livelli tal-impjiegi f’ħafna mill-ekonomiji tal-Unjoni Ewropea u billi dan l-iżvilupp ibbenefikaw minnu impriżi kbar u żgħar u inkorragixxa wkoll l-intraprenditorjat,

    C.

    billi l-globalizzazzjoni u bħala konsegwenza ż-żieda fil-kompetizzjoni qed iġibu bidliet fil-mod kif l-impriżi qed jorganizzaw lilhom infushom, inkluż id-delegar ta' attivitajiet mhux strateġiċi, il-ħolqien tan-netwerks u ż-żieda li wieħed jirrikorri għas-sottokuntrattar,

    D.

    billi, bħala riżultat, il-kumplessità tar-rabtiet bejn il-kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji tagħhom u bejn kuntratturi ewlenin u s-sottokuntratturi tagħhom jagħmluha aktar diffiċli biex wieħed jipperċepixxi b'mod ċar l-istrutturi diversi, l-operazzjonijiet u l-politiki kif ukoll ir-responsabiltajiet tad-diversi parteċipanti fil-katina tal-produzzjoni,

    E.

    billi dawn il-bidliet kellhom konsegwenzi fit-tul għar-relazzjonijiet tax-xogħol u xi drabi jagħmluha diffiċli biex wieħed jiddetermina b'mod ċar il-parti tal-liġi li tapplika għar-relazzjonijiet bejn id-diversi elementi ta' katina ta' produzzjoni, u billi bħala konsegwenza l-prezzijiet u l-allokazzjoni tax-xogħol m'għadhomx irregolati mill-qafas regolatorju tal-industrija,

    F.

    billi l-proċess ta' produzzjoni f'diversi industriji llum jieħu l-forma ta' katina frammentata ta' produzzjoni li saret iktar twila u wiesgħa, katina li tikkostitwixxi katina loġistika (kemm orizzontali kif ukoll vertikali), kif ukoll katina ta' valuri ta' natura ekonomika u produttiva fejn speċjalitajiet jew ħidmiet waħdanin sikwit ikunu “esternalizzati” għal impriżi żgħar jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom, u billi l-effett fuq il-kontabilità tal-kumpanija huwa dak ta' sostituzzjoni ta' spejjeż diretti għax-xogħol bis-sottokuntrattar, b'servizzi jew spejjeż għall-fornituri bbażati fuq fatturi jew “kuntratti kummerċjali għas-servizzi”,

    G.

    billi s-sottokuntratturi ta' spiss jitpoġġew f'pożizzjoni ta' kompetizzjoni bejniethom u billi, għalhekk, l-impjegati kemm ta' min joħroġ is-sejħa għall-offerti kif ukoll tas-sottokuntratturi jitqiegħdu taħt pressjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom,

    H.

    billi l-Parlament diġà enfasizza l-problemi assoċjati ma' dawk li taparsi jaħdmu għal rashom u billi din il-problema hija wkoll evidenti fil-każ tas-sottokuntratturi,

    I.

    billi s-sottokuntrattar u l-għoti ta' kuntratti 'l-barra lill-impriżi legalment indipendenti ma jwassalx għall-indipendenza, u l-kumpaniji f'livell iktar 'l-isfel fil-katina tal-valuri, bl-eċċezzjoni tas-sottokuntratturi speċjalizzati f'teknoloġija avvanzata jew attivitajiet sofistikati oħra, sikwit ma jkunux f'pożizzjoni li jaġixxu f'kundizzjonijiet indaqs mal-kuntratturi l-kbar,

    J.

    billi, għalkemm is-sottokuntrattar għandu ħafna aspetti pożittivi u ppermetta li jkun hemm kapaċità miżjuda tal-produzzjoni, qed jiġġenera wkoll xi żbilanċi ekonomiċi u soċjali fost il-ħaddiema u jista' joħloq tellieqa mhux l-aktar attraenti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, li hija kwistjoni ta' tħassib,

    K.

    billi s-sottokuntrattar jista' jsir ukoll purament minn intermedjarji, kumpaniji li jħaddmu n-nies jew aġenzija tax-xogħol temporanju, pereżempju, li xi kultant joperaw bħala kumpaniji hekk imsejħa letterbox, u billi f'ħafna każi kuntratt wieħed biss jingħata jew il-ħaddiema jkunu impjegati biss għal dak l-iskop speċifiku; billi tali prattiki jenfasizzaw in-natura li qed tinbidel b'rapidità tal-industrija tal-kostruzzjoni u ta' setturi oħra li fihom ir-relazzjonijiet ta' impjieg huma ħafna drabi prekarji,

    L.

    billi, f' kuntest transkonfinali, il-problemi marbuta ma' din is-sitwazzjoni prekarja huma komposti meta, pereżempju, il-ħaddiema jiġu stazzjonati fi Stat Membru terz,

    M.

    billi r-relazzjonijiet tal-impjieg fis-settur tal-kostruzzjoni ġew definiti mill-ġdid u, fl-istess ħin, naqqsu r-responsabbilità soċjali diretta tal-“kuntrattur prinċipali”, għaliex ix-xogħol ġie esterjorizzat bl-użu tas-sottokuntratturi u l-aġenziji tal-impjiegi, filwaqt jagħmlu l-provvista ta' xogħol irħis, u ħafna drabi bla sengħa parti integrali ta' livell aktar baxx ta' sottokuntrattar,

    N.

    billi xi setturi, b'mod partikulari s-settur tal-kostruzzjoni, kienu vulnerabbli b'mod partikolari għall-abbużi fil-katini tas-sottokuntrattar tagħhom li ħafna drabi kienu jkunu kkumplikati,

    O.

    billi għandu jkun żgurat li l-prinċipju fundamentali ta' paga indaqs għal xogħol indaqs fl-istess post tax-xogħol japplika għall-impjegati kollha, ikunu x'ikunu l-istatus u n-natura tal-kuntratti tagħhom, u li dan jiġi infurzat,

    1.

    Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi u dawk kollha interessati biex jagħmlu ħilithom kollha biex iżidu l-livell ta' għarfien fost il-ħaddiema dwar id-drittijiet tagħhom skont id-diversi strumenti (bħal-liġi tax-xogħol, il-ftehimiet kollettivi, il-kodiċi ta' kondotta) li jirregolaw ir-relazzjoni tal-impjieg tagħhom u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-impriżi fejn jaħdmu u r-relazzjonijiet kuntrattwali fil-katini tas-sottokuntrattar;

    2.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-għarfien tal-prattiki tajbin, il-linji gwida u l-istandards eżistenti u l-prattiki ta' responsabbilità soċjali fost l-impriżi, kemm jekk huma kuntratturi prinċipali kif ukoll sottokuntratturi;

    3.

    Jerġa' jtenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni li tagħmel proposta dwar l-applikazzjoni tal-aġenda dwar ix-xogħol deċenti lill-impjegati fl-impriżi ta' sottokuntrattar u, b'mod partikulari, dwar il-konformità mal-istandards prinċipali tax-xogħol, id-drittijiet soċjali, it-taħriġ tal-impjegati u t-trattament ugwali;

    4.

    Jenfasizza l-importanza li jiġu sottokuntrattati impriżi fil-katini tal-produzzjoni li jużaw teknoloġiji ġodda sabiex itejbu l-kwalità kemm tal-produzzjoni u kemm tal-impjiegi;

    5.

    Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali biex jadottaw jew jiżviluppaw aktar dispożizzjonijiet legali li jeskludu mill-akkwist pubbliku impriżi, meta dawn ikunu nstabu li kisru l-liġi tax-xogħol, il-ftehimiet kollettivi jew il-kodiċi ta' kondotta;

    6.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-qafas legali transnazzjonali, li dwaru qablu intrapriżi individwali, multinazzjonali u l-federazzjonijiet sindikalisti globali, iddisinjat biex jipproteġi l-istandards tax-xogħol f'impriżi multinazzjonali u sottokuntratturi tagħhom u l-affiljati tagħhom f'pajjiżi differenti u li jiddefinixxi l-istatus tal-ħaddiem dipendenti u jipprovdi protezzjoni soċjali irrispettivament mill-kundizzjonijiet tax-xogħol speċifiċi;

    7.

    Jieħu nota tal-sentenza fil-Kawża Wolff & Müller, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-iskema tar-responsabbilità nazzjonali Ġermaniża ma kisritx il-liġi Komunitarja imma minflok kienet intenzjonata li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati barra l-pajjiż;

    8.

    Jinnota r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika fuq il-Green Paper tal-Kummissjoni “Li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21” (COM(2006)0708); iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tieħu l-passi meħtieġa biex tiċċara d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet involuti fil-katini tas-sottokuntrattar biex tevita li ċċaħħad lill-ħaddiema mill-kapaċità tagħhom li jagħmlu użu effettiv mid-drittijiet tagħhom;

    9.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li tmien Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja) irreaġixxew għall-problemi konnessi mad-dmirijiet tas-sottokuntratturi bħal dawk li jħaddmu billi stabbilixxew skemi nazzjonali ta' responsabbilità; jinkoraġġixxi Stati Membri oħra biex jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' skemi simili; jenfasizza l-fatt, madankollu, li l-implimemtazzjoni tar-regoli fi proċessi transkonfinali ta' sottokuntrattar hija partikolarment diffiċli meta l-Istati Membri jkollhom sistemi differenti fis-seħħ;

    10.

    Jenfasizza li l-istudju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol jiddikjara li kamp ta' applikazzjoni dejjaq tar-responsabilità, bħar-restrizzjoni għal element wieħed mill-katina, hija waħda mir-raġunijiet għalfejn l-arranġamenti mhumiex effettivi;

    11.

    Jenfasizza l-isfidi partikulari ffaċċati minn negozji żgħar; jistieden lil min ifassal il-politika biex jiżviluppa l-istrumenti adatti biex titqajjem kuxjenza fost negozji żgħar;

    12.

    Ifakkar lil dawk kollha interessati, li fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2006 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni biex tirregola ir-responsabbilità konġunta u solidali ta' impriżi ġenerali jew prinċipali, biex jittrattaw abbużi fis-sottokuntrattar u l-esternalizzar ta' ħaddiema transkonfinali, u biex iwaqqfu suq intern kompetittiv u trasparenti għall-kumpaniji kollha;

    13.

    Itenni mill-ġdid il-messaġġ tiegħu billi jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi strument legali Komunitarju ċar li jintroduċi responsabbilità konġunta u solidali fil-livell Komunitarju, filwaqt li jirrispetta s-sistemi legali differenti fl-Istati Membri u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi evalwazzjoni tal-impatt dwar il-valur miżjud u l-fattibilità ta' strument Komunitarju dwar il-katina ta' responsabilità bħala mezz kif tiżdied it-trasparenza fil-proċessi ta' sottokuntrattar u biex ikun żgurat infurzar aħjar tal-liġi Komunitarja u nazzjonali; jenfasizza li studju bħal dan għandu jkun transsettorjali;

    15.

    Huwa konvint li strument Komunitarju dwar ir-responsabbilta' fil-katina tal-produzzjoni jkun ta' benefiċċju mhux biss għall-impjegati, imma wkoll għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, min iħaddem u b'mod partikolari l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju fil-ġlieda tagħhom kontra l-ekonomija klandestina (grey economy), għaliex regoli ċari u trasparenti tal-Komunità jistgħu jwaddbu l-barra mis-suq operaturi dubjużi, u b'hekk tissaħħaħ il-funzjoni tas-suq intern;

    16.

    Jinnota li l-miżuri kollha li jinfurmaw lill-impjegati dwar id-drittijiet tagħhom u jappoġġawhom fl-eżerċizzju tagħhom jagħtu kontribut vitali għat-trawwim tar-responsabilità soċjali korporattiva; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw, bħala kwistjoni ta' prinċipju, li l-impjegati jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom; f'dan ir-rigward, iqis li l-imsieħba soċjali għandhom responsabilità partikulari f'dak ir-rigward;

    17.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha biex tippromwovi aktar koperazzjoni u koordinament aħjar bejn il-korpi amministrattivi nazzjonali, l-ispettorati, l-aġenziji governattivi tal-infurzar, l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali u l-awtoritajiet tat-taxxa; jitlob, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jintroduċu proċeduri ta' spezzjoni aktar iebsa u biex jiffavorixxu rabtiet aktar mill-qrib bejn l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol, b'hekk ikun hemm aktar possibilità ta' żieda fil-koperazzjoni msaħħa u l-koordinament bejniethom; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa standards ta' kwalità għall-ispettorati tax-xogħol u biex twettaq studju dwar il-fattibilità tal-arranġamenti possibbli biex ikun stabbilit netwerk Komunitarju ta' spettorati tax-xogħol;

    18.

    Jenfasizza l-bżonn li jkunu promossi inċentivi għall-kumpaniji biex jagħmlu kull sforz raġonevoli fi spirtu ta' rieda tajba biex jeliminaw il-ksur tal-liġi tax-xogħol mis-sottokuntratturi, bħas-sistemi ta' ċertifikazzjoni u l-kodiċi ta' kondotta, inkluż ir-rappurtar lill-awtoritajiet u t-terminazzjoni ta' kuntratt ma' sottokuntrattur li jidħol fi prattika illegali biex tiġi evitata l-possibilità li jinżammu responsabbli b'mod konġunt u solidali għal dak il-ksur;

    19.

    Jistieden liż-żewġ naħat tal-industrija biex ikunu minn ta' quddiem fil-promozzjoni tas-sottokuntrattar koperattiv għall-ħidmiet speċifiċi ta' darba min-naħa l-waħda, u għar-restrizzjoni tal-multiplikazzjoni tas-sottokuntrattar min-naħa l-oħra, u jilqa' l-iżvilupp ta' ftehimiet ta' qafas li jiddefinixxu r-responsabilità soċjali fil-katina bħala element komplimentari għar-regolazzjoni meħtieġa;

    20.

    Javża kontra l-konflitti u l-irduppjar, id-duplikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-kodiċi ta' kondotta u fil-liġi tax-xogħol, il-kodiċi ta' kondotta, l-istandards u l-linji gwida adottati mill-awtoritajiet pubbliċi u ftehimiet kollettivi fis-seħħ; jenfasizza, għal din ir-raġuni, il-bżonn li l-impriżi jsegwu, bħala prijorità, il-kodiċi ta' kondotta, l-istandards u l-linji gwida imfassla fil-livell tal-organizzazzjonijiet supranazzjonali (OECD, ILO), il-livell nazzjonali u l-livell settorjali;

    21.

    Ifakkar lil dawk kollha interessati, u b'mod partikolari lil dawk li jħaddmu, dwar l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-partiċipazzjoni tal-ħaddiema, b'mod speċjali dawk stabbiliti fl-istrumenti Komunitarji u strumenti legali nazzjonali;

    22.

    Jipproponi li l-possibilità tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja familjari max-xogħol tkun imħarsa bil-liġi fil-livell nazzjonali għall-impjegati ta' impriżi ta' sottokuntrattar fil-katini ta' produzzjoni u li d-direttivi dwar il-maternità u l-liv tal-ġenituri jkunu implimentati b'mod effettiv;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura konformità effikaċi mad-Direttiva 96/71/KE, inkluż, jekk huwa neċessarju, l-intoduzzjoni ta' proċeduri ta' ksur; jistieden, barra minn hekk, kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri immirati biex itejbu l-aċċess għall-informazzjoni għall-ħaddiema stazzjonati, jirrinfurzaw il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri, inkluża l-kjarifikazzjoni tal-irwol tal-uffiċċju ta' kuntatt tal-Istati Membri, u li jsolvu problemi ta' infurzar transkonfinali li jfixkel l-implimentazzjoni effikaċi tad-Direttiva;

    24.

    Jenfasizza li jistgħu jittieħdu miżuri iktar effettivi kontra l-konsegwenzi soċjali negattivi potenzjali tas-sottokuntrattar billi jittejjeb id-djalogu soċjali bejn l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u l-unjonijiet sindikali;

    25.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 254, 30.9.1994, p. 64.

    (2)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

    (3)  ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 452.

    (4)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 411.

    (5)  ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 65.

    (6)  ĠU C 301E, 13.12.2007, p. 45.

    (7)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.

    (8)  Testi adottati, P6_TA(2008)0466.

    (9)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 401.

    (10)  Kawża C-60/03 Wolff & Müller [2004] ECR I-9553.


    Top