EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0179

Ftehima Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-KE-SADC EPA Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta' Marzu 2009 dwar il-Ftehima Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati SADC EPA, min-naħa l-oħra

ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 124–128 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 117/124


L-Erbgħa, 25 ta’ Marzu 2009
Ftehima Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-KE-SADC EPA

P6_TA(2009)0179

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2009 dwar il-Ftehima Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati SADC EPA, min-naħa l-oħra

2010/C 117 E/21

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Cancún (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni taċ-Ċiklu ta' Doha wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-1 ta' Awwissu 2004 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar it-tħejjijiet għas-Sitt Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Ħong Kong (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar l-impatt tal-iżvilupp ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs) (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-4 ta’ April 2006 dwar l-evalwazzjoni taċ-Ċiklu ta’ Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Ħong Kong (5),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: il-politiki tal-kummerċ imfassla biex iżidu kemm jista' jkun il-kontribuzzjoni tal-kummerċ sabiex jitnaqqas il-faqar (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar Ftehim dwar Sħubija Ekonomika (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar Ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku (9),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li tapplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u (KE) Nru 1100/2006 (10),

wara li kkunsidra l-Ftehima Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati SADC (il-Komunità għall-Iżvilupp tal-Afrikana tan-Nofsinhar) u l-IStati tal-EPA, min-naħa l-oħra,

wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), minn naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAERC) ta' April 2006, Ottubru 2006, Mejju 2007, Ottubru 2007, Novembru 2007 u Mejju 2008,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku (COM(2007)0635),

wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerc (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV tagħha,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) konġuntement mal-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi mill-1 ta' Jannar 2008 r-relazzjoni kummerċjali preċedenti tal-Unjoni Ewropea mal-AKP – li kienet tagħti lil dawn tal-aħħar aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE fuq bażi mhux reċiproka – m'għadhiex konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO),

B.

billi l-EPAs huma ftehimiet kompatibbli mad-WTO mmirati biex jappoġġjaw l-integrazzjoni reġjonali u jippromwovu l-integrazzjoni gradwali tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomija dinjija, u b'hekk jisseddaq l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħhom u jikkontribwixxi għall-isforz globali fid-direzzjoni tal-qerda tal-faqar fil-pajjiżi tal-AKP,

C.

billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika kurrenti tfisser li l-politika kummerċjali se tkun importanti aktar minn qatt qabel għad-dinja li qed tiżviluppa,

D.

billi s-sistemi preċedenti ta' kummerċ preferenzjali ma kkontribwewx lejn it-titjib deċiżiv tas-sitwazzjoni ekonomika f'dawn il-pajjiżi,

E.

billi l-EPAs interim (IEPAs) huma ftehimiet dwar il-kummerċ ta' merkanzija li għandhom l-għan li jevitaw it-tfixkil tal-kummerċ tal-AKP mal-Komunità Ewropea; billi dawn il-ftehimiet jinkludu numru ta' dispożizzjonijiet kontenzjużi,

F.

billi l-Unjoni Ewropea toffri lill-pajjiżi tal-AKP ħielsa mill-kwota ta' 100 % u aċċess bla dazju għas-swieq tal-UE b'perjodi ta' tranżizzjoni għar-ross (2010) u z-zokkor (2015),

G.

billi kien ippruvat li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, imfassla tajjeb, tista’ tippromwovi d-diversità fis-swieq, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp,

H.

billi l-klawsola tal-Iktar Nazzjon Preferut, li tistabbilixxi tariffa normali u mhux diskriminatorja fuq il-merkanzija importata, ġiet imfittxa minn xi stati tal-AKP fin-negozjati tal-EPA, sabiex jiżguraw li l-esportaturi kollha jkunu trattati tajjeb bħala l-esportatur l-aktar preferut,

I.

billi hemm kompetizzjoni limitata bejn l-ekonomiji tal-UE u dawk tal-APK peress li l-esportazzjoni tal-UE tikkonsisti prinċipalment f'oġġetti li l-pajjiżi tal-AKP ma jipproduċux però li għandhom bżonnhom jew għall-konsum dirett jew bħala dħul għall-industrija domestika; billi dan mhuwiex il-każ rigward il-kummerċ fi prodotti agrikoli fejn is-sussidji tal-UE għall-esportazzjoni jirrappreżentaw ostaklu serju għall-produtturi tal-AKP fis-setturi tal-agrikoltura, tat-trobbija tal-bhejjem u tal-prodotti tal-ħalib, billi jfixklu u sikwit jeqirdu s-swieq kemm lokali kif ukoll reġjonali, u għalhekk l-UE għandha twaqqaf kull xorta ta' sussidju għall-esportazzjoni bla dewmien,

J.

billi ġew negozjati regoli ta' oriġini ġodda u mtejba, li jikkonċernaw b'mod speċjali t-tessuti, il-ħwejjeġ, is-sajd u xi prodotti agrikoli bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati tas-SADC, u dawn potenzjalment jistgħu jipprovdu benefiċċji konsiderevoli lill-istati tas-SADC jekk ikunu implimentati kif xieraq u bil-kunsiderazzjoni dovuta għal-livelli ta' kapaċità mnaqqsa tagħhom; u billi għandu jkun enfasizzat li, jekk l-EPAs jinkoraġġixxu kumulazzjoni reġjonali u jippromwovu l-investiment, huma meħtieġa regoli ta' oriġini simplifikati u mtejba biex l-intrapriżi fil-pajjiżi tal-AKP ikunu jistgħu jiżviluppaw esportazzjoni pproċessata u biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tas-suq il-ġdid disponibbli skont l-EPAs,

1.

Jafferma mill-ġdid il-fehma tiegħu li l-EPAs għandhom jitmexxew mill-bżonnijiet tal-pajjiżi tal-AKP u għandhom jitfasslu b’tali mod biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-AKP u l-UE, biex jippromwovu l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni ekonomika tal-AKP, kif ukoll l-integrazzjoni reġjonali, it-tnaqqis tal-faqar, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u b’hekk b’mod ġenerali l-ksib tal-objettivi ta’ żvilupp tal-millenju;

2.

Jenfasizza li biex tkun garantita protezzjoni mill-konsegwenzi negattivi potenzjali tal-ftuħ tal-ekonomiji tar-reġjun tas-SADC, għandu jingħata appoġġ mill-Unjoni Ewropea sabiex jinġiebu benefiċċji reali permezz ta' preferenzi kummerċjali u sabiex jinbena l-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

3.

Jirrikonoxxi l-benefiċċji li kellu l-bidu tal-IEPA għall-esportaturi billi żamm l-istatus quo għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea wara li skadew fil-31 ta' Diċembru 2007 it-tariffi preferenzjali tal-Ftehima ta' Cotonou, u b'hekk evita l-ħsara li setgħet saret lill-esportaturi tal-AKP li kieku kienu obbligati li joperaw skont sistemi kummerċjali anqas favorevoli;

4.

Jilqa' l-fatt li l-Komunità Ewropea qed toffri aċċess sħiħ lill-pajjiżi tal-AKP għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-prodotti tagħhom biex tappoġġja l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-pajjiżi tal-AKP u l-Unjoni Ewropea;

5.

Jilqa' l-konklużjonijiet tal-GAERC ta' Mejju, Ġunju u Novembru 2008 li jenfasizzaw il-bżonn għall-appoġġ lill-proċessi eżistenti ta' integrazzjoni reġjonali u l-promozzjoni tal-iżvilupp, u jitlob lill-Kummissjoni biex tirrispetta dan il-mandat waqt in-negozjati; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza li jiġi evitat ix-xoljiment tal-Unjoni tal-Kummerċ tal-Afrika t'Isfel (SACU);

6.

Jenfasizza li l-iffirmar tal-IEPA huwa pass neċessarju lejn it-tkabbir sostenibbli fir-reġjuni u f'dawn ir-reġjuni bħala entità waħda, u jenfasizza l-importanza ta' negozjati kontinwi lejn ftehima sħiħa li jinkoraġġixxi iktar kummerċ, investiment u integrazzjoni reġjonali;

7.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi iktar għajnuna tat-tip adegwat, kemm lill-awtoritajiet fil-pajjiżi tal-AKP, kif ukoll lis-settur privat sabiex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni tal-ekonomiji wara l-iffirmar tal-IEPA;

8.

Iqis li l-ftehima interim attwali ma tagħti la spazju u lanqas attenzjoni speċifikament għall-kwistjonijiet tas-sovranità tal-ikel u d-dritt tal-ikel u ma tiffavorixxix strumenti ta' politika agrikola u kummerċjali li jagħmluha possibbli li s-suq jiġi regolarizzat u li tiġi protetta l-agrikoltura tal-familja sostenibbli; jenfasizza li dawn is-suġġetti għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tan-negozjati sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-politika kummerċjali u l-politiki l-oħra kollha tal-UE ikunu konsistenti fir-rigward tal-prinċipji tas-sovranità tal-ikel u d-dritt għall-ikel;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiċċaraw kif fil-fatt issir id-distribuzzjoni tal-fondi madwar ir-reġjun tal-AKP li ġejjin mill-infiq prijoritarju mwiegħed fil-kuntest tal-baġit imkabbar tal-Għajnuna għall-Kummerċ; ifakkar fl-adozzjoni, f'Ottubru 2007, tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, bl-impenn li l-għajnuna kollettiva tal-UE relatata mal-kummerċ tiżdied għal EUR 2 biljun (2 000 000 000) fis-sena sal-2010 (EUR 1 biljun mill-Komunità, EUR 1 biljun mill-Istati Membri); jinsisti li r-reġjun tas-SADC għandu jirċievi sehem xieraq u ġust;

10.

Jitlob li jkun deċiż u pprovdut minn kmieni s-sehem tar-riżorsi tal-Għajnuna għall-Kummerċ; jenfasizza li dawn il-fondi għandhom jirrappreżentaw riżorsi addizzjonali u mhux biss fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) ippreżentat f'pakket ġdid, li għandhom jikkonformaw mal-prijoritajiet tal-Istati tas-SADC u li l-għoti tagħhom isir f'waqtu, b'mod prevedibbli u skont l-iskedi ta' twettiq tal-pjanijiet strateġiċi ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali; jopponi kull xorta ta’ kundizzjonament b’rabta mal-EPAs, fil-kwistjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna Ewropea u jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi li l-aċċess għall-fondi tal-Għaxar FEI jinżamm separat mir-riżultati u r-ritmu tan-negozjati;

11.

Iħeġġeġ lin-negozjaturi ta' kull EPA sħiħa biex jiggarantixxu l-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u biex iħejju profil tal-aħjar prattiki meħtieġa biex il-pajjiżi tal-AKP jagħmlu kemm jistgħu qliegħ minn riżorsi bħal dawn;

12.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-kumpaniji transnazzjonali bbażati fl-UE b'faċilitajiet ta' produzzjoni fil-pajjiżi tal-ACP jikkonformaw ma' standards ewlenin tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol, mal-pattijiet soċjali u ambjentali u mal-ftehimiet internazzjonali biex jintlaħaq bilanċ madwar id-dinja bejn it-tkabbir ekonomiku u standards soċjali u ambjentali ogħla;

13.

Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ intrareġjonali u l-ħtieġa ta' iktar rabtiet kummerċjali fir-reġjun sabiex ikun żgurat it-tkabbir sostenibbli fir-reġjun; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u l-qbil bejn l-entitajiet reġjonali differenti; jistieden lill-Kummissjoni biex ma timminax id-dimensjoni reġjonali;

14.

Iqis importanti li fl-implimentazzjoni ta’ EPAs, għandha tkun stabbilita sistema ta’ monitoraġġ ċara, koordinata mill-kumitat parlamentari relevanti bl-involviment ta' membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp, li tiżgura bilanċ bejn iż-żamma tal-irwol ewlieni tal-Kumitat tal-Kummerċ Internazzjonali u l-konsistenza ġenerali fil-politiki għall-iżvilupp u kummerċjali; dan il-kumitat parlamentari għandu jopera b’mod flessibbli u għandu jikkoordina b’mod attiv mal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE; iqis li dan il-monitoraġġ għandu jibda wara l-adozzjoni ta’ kull IEPA;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kull ma tista' sabiex terġa' tibda n-negozjati dwar l-Aġenda dwar l-Iżvilupp ta’ Doħa u sabiex tiżgura li l-ftehimiet ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikomplu jippromwovu l-iżvilupp f'pajjiżi foqra;

16.

Huwa konvint li l-EPAs sħaħ għandhom ikunu kumplimentari għal ftehima dwar l-Aġenda dwar l-Iżvilupp ta’ Doha u mhux jitqies bħala alternattiva;

17.

Jirrispetta l-ħtieġa għal, u l-importanza ta’, kapitolu dwar id-difiża tal-kummerċ b'salvagwardji bilaterali; jistieden liż-żewġ partijiet biex jevitaw abbuż ta' dawn is-salvagwardji u lill-Kummissjoni biex taċċetta, fil-qafas tan-negozjati kontinwi għall-konklużjoni ta' EPA komprensiva, reviżjoni tas-salvagwardji li jinsabu fl-EPA interim sabiex ikun hemm garanzija ta' utilizzazzjoni xierqa, trasparenti u ta' malajr sakemm ikunu ntlaħqu l-kriterji għall-applikazzjoni tagħhom;

18.

Jappoġġa l-esklużjonijiet miftiehma ta' linji ta' tariffi li jiffukaw fuq prodotti agrikoli u xi prodotti agrikoli pproċessati ladarba dawn huma msejsa primarjament fuq il-ħtieġa tal-ħarsien ta' industriji ġodda jew prodotti sensittivi f'dawn il-pajjiżi;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni biex turi flessibilità meta tindirizza t-tħassib sostantiv ewlieni tal-Angola, tan-Namibja u tal-Afrika t'Isfel dwar kwistjonijiet bħal ma hi l-klawsola MFN, kif ukoll taxxi fuq l-esportazzjoni u l-protezzjoni għall-industrija li għadha tibda;

20.

Jinkoraġġixxi lill-partijiet negozjanti biex ikollhom approċċ flessibbli, asimetriku u pragmatiku għan-negozjati li għaddejjin bħalissa għal EPA reġjonali sodisfaċjenti għaż-żewġ partijiet, mingħajr ma jagħmlu skadenzi mhux realistiċi u billi jagħmluha possibbli għall-pajjiżi tal-SADC li jinnegozjaw mill-ġdid kwalunwe dispożizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ litiġju li jkunu jixtiequ jemendaw jew ineħħu;

21.

Jinnota b’approvazzjoni l-progress li sar matul in-negozjati tekniċi ta’ Marzu 2009 f’Swakopmund, in-Namibia, u jilqa’ l-aċċettazzjoni tal-Kummissjoni tal-fatt li l-kwistjonijiet ta’ litiġju għandhom jiġu indirizzati qabel l-iffirmar tal-IEPA; jitlob li l-kwistjonijiet pendenti, bħall-klawsola MFN, id-definizzjoni legali tal-partijiet u l-kwistjonijiet tal-aċċess residwu agrikolu għas-suq, jissolvew b'tali mod li jippermetti lill-membri kollha tal-grupp SADC EPA li jiffirmaw l-IEPA;

22.

Jirrikonoxxi li kapitolu dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp iddaħħal fl-IEPA tal-UE -SADC li jkopri l-kooperazzjoni fil-kummerċ fi prodotti, il-kompetittività min-naħa tal-fornituri, l-infrastruttura li tgħin in-negozju, il-kummerċ fis-servizzi, kwistjonijiet marbuta man-negozju, il-bini tal-kapaċità istituzzjonali, u l-aġġustamenti fiskali; jistieden liż-żewġ naħat biex iżommu l-impenn miftiehem tagħhom li jikkonkludu n-negozjati dwar il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku biss meta jkun inbena livell ta' kapaċità adegwat; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkoopera mill-qrid mal-Istati tal-SADC biex jissodisfaw l-objettivi msemmija f’dan il-kapitolu dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

23.

Jenfasizza li kwalunke EPA sħiħa trid tinkludi dispożizzjonijiet dwar definizzjoni aċċettata b’mod konġunt ta’ tmexxija tajba, trasparenza fl-uffiċċji politiċi, u d-drittijiet tal-bniedem, bi qbil mal-Artikoli 11b, 96 u 97 tal-Ftehima ta’ Cotonou, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi għall-gruppi l-aktar vulnerabbli bħal ma huma l-bdiewa lokali u n-nisa;

24.

Jiġbed l-attenzjoni li l-kalendarju għan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar it-tranżizzjoni minn EPA interim għal waħda finali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SADC huwa bbażat fuq l-fehma li l-ftehima se tkun konkluża sa tmiem l-2009; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tagħmilx pressjoni mhux xierqa fuq il-pajjiżi tas-SADC biex jaċċettaw impenji ta' liberalizzazzjoni u obbligi regolatorji fis-servizzi u l-hekk imsejħa “kwistjonijiet ta' Singapor”;

25.

Jitlob li jiġi applikat qafas regolatorju b’saħħtu fil-każ li jkun hemm negozjati dwar servizzi biex ikun żgurat li jkun hemm provvista universali ta’ servizzi;

26.

Jappoġġa l-isforzi taż-żewġ naħat biex jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva tal-Afrika t'Isfel matul il-proċess ta' nnegozjar; jirrikonoxxi li l-involviment tal-Afrika t'Isfel huwa fundamentali biex tkun promossa l-koerenza ekonomika, l-integrazzjoni reġjonali u l-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet kummċerjali u ta' investiment bejn ir-reġjun u l-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm u tiżviluppa din l-assoċjazzjoni fin-negozjati ta' EPA komprensiva u sħiħa;

27.

Jinnota l-intenzjoni tar-reġjun tas-SADC li jipparteċipa fil-ħolqien ta' Zona ta' Kummerċ Ħieles ġdida mar-reġjun tal-Komunità Afrikana tal-Lvant (EAC) u s-Suq Komuni għall-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (COMESA); jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi l-iżviluppi sabiex tiżgura kompatibilità sħiħa tal-EPA;

28.

Jilqa' l-inklużjoni ta' klawsola ta' reviżjoni fi ħdan l-IEPA tal-UE-SADC li tafferma li għandha ssir reviżjoni komprensiva tal-Ftehima mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tal-iffirmar, u sussegwentement f'intervalli ta' ħames snin, inkluża analiżi tal-ispejjeż u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-obbligi kummerċjali; jekk ikun hemm bżonn, iridu jsiru l-emendi għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehima u l-aġġustamenti għall-applikazzjoni tagħhom, fir-rigward ta’ u b'konformità mar-regoli ta' proċedura tad-WTO;

29.

Iħeġġeġ lill-partijiet fin-negozjati biex itemmu n-negozjati għal EPA sħiħa kif ippjanat matul l-2009;

30.

Jinsisti li l-Parlament jrid ikun informat u involut b’mod sħiħ matul fil-proċess tranżitorju tan-negozjati; jixtieq li dan isir permezz ta’ trialogu informali attiv mal-Kunsill u l-Kummissjoni; jitlob lill-Kunsill biex jirreferi din il-kwistjoni lill-Parlament malajr kemm jista’ jkun;

31.

Jisħaq l-aktar dwar il-funzjoni kruċjali tal-parlamenti tal-AKP u tal-atturi mhux tal-istat fil-monitoraġġ u l-eżekuzzjoni ta’ EPAs u jitlob lill-Kummissjoni li tiggarantixxi l-involviment tagħhom fil-proċeduri tan-negozjati li jinsabu għaddejjin bħalissa; dan jitlob li jkun hemm aġenda ċara bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP imsejsa fuq approċċ parteċipattiv;

32.

Jagħti istruzzjoni lill-President biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi AKP, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.


(1)  ĠU C 77 E, 26.3.2004, p. 393.

(2)  ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 397.

(3)  ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 126.

(4)  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.

(5)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.

(6)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.

(7)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 244.

(8)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.

(9)  ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 361.

(10)  Testi adottati, P6_TA(2008)0252.


Top