EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0178

Ftehim Interim għal Sħubija Ekonomika KE-Stati tal-Paċifiku Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta' Marzu 2009 dwar il-Ftehim Interim għal Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Paċifiku, minn naħa u l-Komunità Ewropea, min-naħa l-oħra

ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 118–123 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 117/118


L-Erbgħa, 25 ta’ Marzu 2009
Ftehim Interim għal Sħubija Ekonomika KE-Stati tal-Paċifiku

P6_TA(2009)0178

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2009 dwar il-Ftehim Interim għal Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Paċifiku, minn naħa u l-Komunità Ewropea, min-naħa l-oħra

2010/C 117 E/20

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li saret f'Cancún (1), tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni tar-Round ta' Doha wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-1 ta' Awwissu 2004 (2), tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-preparamenti għas-Sitt Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong (3), tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt tal-iżvilupp fuq il-Ftehim tas-Sħubija Ekonomika (EPAs) (4), tal-4 ta' April 2006 dwar il-valutazzjoni tar-Round ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong (5), tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: it-tifsil ta' politiki ta' kummerċ biex jimmassimizzaw il-kontribut tal-kummerċ għat-tnaqqis tal-faqar (6), tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda dwar l-Iżvilupp ta' Doha (7) (DDA), tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku (8), tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Ftehim TRIPS u l-aċċess għall-mediċini, tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar il-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku (9), u tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta ta' regolament tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi ġeneralizzati fit-tariffi għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u (KE) Nru 1100/2006 (10),

wara li kkunsidra l-Ftehim interim għal Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa, u l-Komunità Ewropea, min-naħa l-oħra,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u tal-Paċifiku (AKP) min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmata f'Kotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehim ta' Kotonou),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAERC) ta' April 2006, Ottubru 2006, Mejju 2007, Ottubru 2007, Novembru 2007 u Mejju 2008,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehim ta' Partenarjati Ekonomiċi (COM(2007)0635),

wara li kkunsidra l-Ftehim Generali dwar it-Tariffi u l-Kummerc (GATT), b'mod partikolari l-Artikolu XXIV tagħha,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005 f'Ħong Kong,

wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, adottati mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-10 ta' Ottubru 2006,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabilixxi l-Għanijiet tal-Millennju ghall-Izvilupp (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod kollettiv mill-komunità internazzjonali ghall-qerda tal-faqar,

wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Gleneagles, adottata mill-G8 fit-8 ta' Lulju 2005,

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) flimkien mal-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,

A.

billi mill-1 ta' Jannar 2008 r-relazzjoni kummerċjali preċedenti tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi AKP – li kienet tagħti lil dawn tal-aħħar aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE fuq bażi mhux reċiproka – m'għadhiex konformi mar-regoli tad- WTO,

B.

billi l-EPAs huma ftehim kompatibbli mad-WTO mmirat biex jappoġġja l-integrazzjoni reġjonali u jippromwovi l-integrazzjoni gradwali tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomija dinjija, biex b'hekk jisseddaq l-iżvilupp sostenibbli soċjali u ekonomiku tagħhom u jingħata kontribut għall-isforz globali biex jinqered il-faqar fil-pajjiżi tal-AKP,

C.

billi l-EPAs għandhom jintużaw biex tinbena relazzjoni fit-tul li permezz tagħha l-kummerċ jappoġġja l-iżvilupp,

D.

billi l-EPAsInterim huma ftehim dwar kummerċ ta' merkanzija li għandu l-għan li jevita t-tfixkil tal-kummerċ tal-AKP mal-Unjoni Ewropea,

E.

billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika ta' bħalissa tfisser li l-politika kummerċjali se tkun importanti aktar minn qatt qabel għad-dinja li għadha qed tiżviluppa,

F.

billi l-IEPA hija ffukata fuq il-kummerċ fil-merkanzija u l-kompatibilità mad-WTO,

G.

billi r-regoli tad-WTO ma jeħtiġux, u lanqas jimpedixxu, li l-pajjiżi tal-EPA jieħdu impenji ta' liberalizzazzjoni fil-qasam tas-servizzi,

H.

billi l-impatt fuq il-pajjiżi u r-reġjun tal-impenji inklużi fil-ftehim jista' jkun sostanzjali ħafna,

I.

billi mill-14+1 (Timor tal-Lvant) Stati AKP tal-Paċifiku s'issa l-Papwa Ginea Ġdida u r-Reppublika tal-Gżejjer Fiġi biss, inizjalaw l-IEPA,

J.

billi l-IEPA x'aktarx tista' tinfluwenza l-ambitu u l-kontenut tal-ftehim futuri li jsiru bejn il-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi u sħab kummerċjali oħra u l-pożizzjoni tar-reġjun fin-negozjati,

K.

billi hemm kompetizzjoni limitata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati tal-Paċifiku minħabba li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjoni mill-UE tikkonsisti minn prodotti li l-Istati tal-Paċifiku ma jipproduċux imma li sikwit ikunu jeħtiġuhom jew għall-konsum dirett jew bħala ħtiġijiet għall-industrija domestika,

L.

billi fil-qagħda politika attwali l-Gżejjer Fiġi qegħdin jitmexxew minn gvern militari, kull EPA sħih għandu jiddependi minn pjan direzzjonali miftiehem li jwassal għal elezzjonijiet demokratiċi kif approvat mill-gruppi politiċi rilevanti kollha fil-Fiġi,

M.

billi l-Kunsill talab biex id-demokrazija terġa' tistabbilixxi ruħha mill-ġdid b'mod urġenti u sħiħ, kif ukoll biex it-tmexxija ċivili terġa' lura mill-aktar fis,

N.

billi l-grupp reġjonali tal-Paċifiku tal-pajjiżi AKP huwa magħmul minn 14-il stat li huma gżejjer imbegħdin minn xulxin ġeografikament u Timor tal-Lvant, b'popolazzjoni totali bejniethom ta' inqas minn 8 miljun persuna; billi iktar minn kwalunkwe reġjun ieħor, l-Istati tal-Paċifiku jvarjaw ħafna fid-daqs u l-karatteristiċi, bl-ikbar wieħed, il-Papwa Ginea Ġdida tliet elef darba ikbar mill-iżgħar, Niue,

O.

billi s-sajd u l-attivitajiet u l-industriji marbuta miegħu juru l-akbar potenzjal għaż-żieda fl-esportazzjoni għall-ġejjieni,

P.

billi regoli ġodda dwar il-kummerċ iridu jkunu akkumpanjati b'iktar appoġġ għall-għajnuna relatata mal-kummerċ,

Q.

billi l-għan tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ huwa li tkun appoġġjata l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kummerċjali ġodda,

R.

billi ġew negozjati regoli tal-oriġini mtejba, ġodda u aktar flessibbli, bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-AKP li se jwasslu għal benefiċċji konsiderevoli jekk jiġu implimentati kif jixraq u b'kunsiderazzjoni xierqa għal-livelli ta' kapaċità mnaqqsa tagħhom,

S.

billi l-kalendarju għan-negozjati li għaddejjin bħalissa mill-Ftehim Interim għall- EPA sħih bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati tal-Paċifiku, jimxu fuq il-bażi li l-ftehim se jkun konkluż sa tmiem l-2009,

1.

Jenfasizza li ftehim bħal dawn ma jistgħux jitqiesu bħala sodisfaċenti sakemm ma jiksbux tliet għanijiet: joffru lill-pajjiżi tal-AKP appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli, jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ dinji u jsaħħu l-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni;

2.

Jenfasizza li l-għan ewlieni ta' dan il-ftehima hu li jsir kontribut permezz tal-għanijiet tal-iżvilupp, it-tnaqqis tal-faqar u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem għall-kisba tal-Għanijiet tal-Iżvilupp għall-Millennju; u biex jintlaħqu dawn l-objettivi: li jiġi offrut l-appoġġ lill-pajjiżi tal-ACP għall-iżvilupp sostenibbli, hekk li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ dinji, li jissaħħaħ il-proċess ta' reġjonalizzazzjoni, li jingħata ħajja mill-ġdid lill-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-ACP u li titħeġġeġ id-diversifikazzjoni ekonomika tal-pajjiżi tal-ACP;

3.

Jenfasizza li biex ikun hemm ħarsien mill-konsegwenzi potenzjali negattivi tal-ftuħ tal-ekonomiji tal-Istati tal-Paċifiku, għandu jingħata appoġġ mill-Unjoni Ewropea sabiex jinġiebu benefiċċji reali permezz ta' preferenzi kummerċjali, u l-bini tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

4.

Jemmen li kwalunkwe EPA trid tippromwovi u żżid il-kummerċ, it-tkabbir ekonomiku, l-integrazzjoni reġjonali, id-diversifikazzjoni ekonomika u t-tnaqqis tal-faqar;

5.

Iħeġġeġ lill-partijiet fin-negozjati biex itemmu n-negozjati kif ippjanat matul l-2009; jinkoraġġixxi lill-partijiet biex jieħdu kull miżura sabiex ikunu jistgħu jiffinalizzaw l-EPA komprensiva bejn il-pajjiżi AKP u l-Unjoni Ewropea qabel tmiem l-2009, kif ippjanat;

6.

Jirrikonoxxi l-importanza u l-benefiċċji li jintlaħqu ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tal-AKP tagħha li jkunu konformi mad-WTO, għaliex mingħajr ftehim bħal dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali u l-iżvilupp tagħhom ikunu mfixkla bil-kbir; dan ġie muri fil-benefiċċji għall-esportaturi tat-tkabbir fil-kummerċ fl-Unjoni Ewropea wara l-iskadenza fil-31 ta' Diċembru 2007 tat-trattament preferenzjali tat-tariffi previst fil- Ftehim ta’ Kotonou;

7.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Unjoni Ewropea qed toffri lill-pajjiżi AKP aċċess sħiħ għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-maġġoranza tal-prodotti, biex jappoġġa l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-pajjiżi tal-AKP u l-Unjoni Ewropea;

8.

Jenfasizza li l-iffirmar tal-IEPA huwa pass neċessarju lejn it-tkabbir sostenibbli f'dan ir-reġjun kollu kemm hu, u jenfasizza l-importanza ta' negozjati kontinwi lejn ftehim komprensiv li jinkoraġġixxi iktar kummerċ, investiment u integrazzjoni reġjonali;

9.

Jirrikonoxxi l-istabbiliment ta’ perjodi ta’ tranżizzjoni fl-IEPA għal intrapriżi żgħar u medji (SMEs) sabiex ikunu jistgħu jadattaw għal bidliet stipulati mill-ftehim, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati tal-Paċifiku kkonċernati biex ikomplu jappoġġjaw l-interessi tal-SMEs fin-negozjati tagħhom lejn EPA komprensiva;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tagħmilx pressjoni fuq l-Istati tal-Paċifiku biex jaċċettaw impenji ta' liberalizzazzjoni fis-servizzi u f'dawk imsejħa bħala l-“kwistjonijiet ta' Singapor”;

11.

Iħeġġeġ lill-pajjiżi AKP biex ikomplu l-proċess ta' liberalizzazzjoni, biex jestendu riformi bħal dawn lil hinn mill-kummerċ u l-merkanzija, sabiex tiżdied il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tas-servizzi;

12.

Jitlob li jitlesta u jibda jitħaddem qafas regolatorju b’saħħtu fil-każ li jkun hemm negozjati dwar servizzi biex ikun żgurat li jkun hemm provvista universali ta’ servizzi u li servizzi pubbliċi essenzjali jinżammu barra mill-qafas tan-negozjar;

13.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tipprovdi aktar għajnuna xierqa lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-AKP u lis-settur privat sabiex tkun faċilitata t-tranżizzjoni tal-ekonomiji wara l-iffirmar tal-IEPA;

14.

Iħeġġeġ lill-pajjiżi rilevanti biex jipprovdu informazzjoni ċara u trasparenti dwar is-sitwazzjoni ekonomika u politika u l-iżvilupp f'dawn il-pajjiżi sabiex tittejjeb il-koperazzjoni mal-Kummissjoni;

15.

Iħeġġeġ lin-negozjaturi ta' kull EPA finali biex ikun hemm immaniġġjar trasparenti tar-riżorsi naturali u li jkunu spjegati l-aħjar prattiki meħtieġa sabiex il-pajjiżi rilevanti jkunu jistgħu jiksbu l-akbar dħul possibbli minn dawn ir-riżorsi;

16.

Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ intrareġjonali u l-ħtieġa ta' iktar rabtiet kummerċjali fir-reġjun sabiex ikun żgurat it-tkabbir sostenibbli fir-reġjun; jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni u l-qbil bejn l-entitajiet reġjonali differenti;

17.

Jinkoraġġixxi iktar tnaqqis fit-tariffi bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-gruppi reġjonali, li llum jammontaw għal bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-kummerċ, sabiex ikunu inkoraġġiti l-kummerċ bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, it-tkabbir ekonomiku u l-integrazzjoni reġjonali;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kulma tista' sabiex terġa' tibda n-negozjati dwar id-DDA u sabiex tiżgura li l-ftehim ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikomplu jippromwovu l-iżvilupp fil-pajjiżi l-fqar;

19.

Huwa konvint li l-EPAs sħaħ għandhom ikunu kumplementari għall-ftehim dwar id-DDA u mhux alternattiva għall-pajjiżi AKP;

20.

Jirrispetta l-ħtieġa għal kapitolu dwar id-difiża tal-kummerċ b'salvagwardji bilaterali; jistieden liż-żewġ naħat biex jevitaw użu mhux meħtieġ ta' dawn is-salvagwardji u lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tan-negozjati kontinwi bil-għan li tintlaħaq EPA komprensiva, taċetta li jkun hemm reviżjoni tas-salvagwardji li jinsabu fl-EPA interim sabiex ikun hemm garanzija ta' użu xieraq, trasparenti u mgħaġġel, sakemm jiġu sodisfati l-kriterji għall-applikazzjoni tagħhom;

21.

Jappoġġja l-esklużjonijiet ta' linji ta' tariffi miftiehma li jiffukaw fuq prodotti tal-biedja u xi prodotti tal-biedja pproċessati minħabba li huma msejsa prinċipalment fuq il-ħtieġa li jiġu protetti l-industriji ġodda jew il-prodotti sensittivi f'dawn il-pajjiżi;

22.

Jitlob proċedura rapida ta' ratifikazzjoni sabiex il-benefiċċji tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika Interim ikunu għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi msieħba mingħajr dewmien żejjed;

23.

Ifakkar li, waqt li l-ftehim interim tista' titqies bħala l-ewwel pass fil-proċess, f'termini legali din hija ftehim internazzjonali kompletament indipendenti li tista' ma twassalx awtomatikament la lejn EPA finali u lanqas għall-firma min-naħa tal-firmatarji inizjali kollha tal-EPA komprensiva;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti l-ogħla flessibilità fin-negozjati li qed jissuktaw kif imsemmi fil-konklużjonijiet tal-GAGRC dwar din il-kwistjoni f'Mejju u f'Novembru 2008;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis talbiet li saru mill-Istati tal-Paċifiku biex tkun negozjata mill-ġdid l-EPA finali għal uħud mill-kwistjonijiet kontroversjali fl-EPA interim li huma jixtiequ jemendaw jew jirtiraw;

26.

Jirrimarka li l-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi kienu l-uniċi membri tar-reġjun tal-Paċifiku li s'issa kkonkludew il-ftehim, bil-membri l-oħra tal-grupp tar-reġjun Paċifiku, minħabba l-livelli iktar baxxi ta' kummerċ fil-merkanzija mal-Unjoni Ewropea min-naħa tagħhom, jagħżlu li ma jiffirmawx;

27.

Ifakkar li suq reġjonali ġenwin huwa bażi essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-EPA u li l-integrazzjoni u l-koperazzjoni reġjonali huma essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Istati Paċifiċi;

28.

Jenfasizza li hemm bżonn li jkun żgurat li l-IEPA ma tnaqqasx kemm l-interessi politiċi u kemm is-sentiment pubbliku rigward l-integrazzjoni ekonomika fil-Paċifiku;

29.

Jenfasizza għalhekk li l-implimentazzjoni tal-IEPA u n-negozjati għal EPA finali jridu jikkunsidraw kif dovut il-proċessi ta' integrazzjoni fir-reġjun Paċifiku;

30.

Jirrakkomanda approċċ flessibbli, ażimetriku u prammatiku fin-negozjati li għaddejjin bħalissa għal EPA finali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, partikolarment biex tqis it-talbiet tal-Istati tal-Paċifiku rigward l-aspetti tal-iżvilupp tal-ftehim; jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward il-Konklużjonijiet tal-GAERC ta' Mejju 2008;

31.

Ifakkar li l-ftehim jista' jkollu wkoll implikazzjonijiet għar-relazzjonijiet bejn ir-reġjun Paċifiku u l-eqreb u l-ikbar sħab kummerċjali tiegħu, l-Awstralja u n-New Zealand u li jrid ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim attwali ma jkunux ta' tfixkil għall-ftehim kummerċjali futuri ma' dawn il-pajjiżi;

32.

Jirrkonoxxi li kapitlu ta' koperazzjoni fl-iżvilupp iddaħħal fl-EPA komprensiva li jkopri l-koperazzjoni fil-kummerċ tal-merkanzija, il-kompetittività fil-forniment, infrastruttura ta' titjib fil-kummerċ, il-kummerċ fis-servizzi, kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ, il-bini ta' kapaċità istituzzjonali, u aġġustamenti fiskali; jistieden liż-żewġ naħat biex iżommu l-impenn miftiehem tagħhom li jikkonkludu n-negozjati dwar il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku biss meta jkun inbena livell ta' kapaċità adegwat;

33.

Ifakkar li l-EPA għandha tappoġġa l-objettivi, il-politiki u l-prijoritajiet ta' żvilupp tal-Istati tal-Paċifiku, mhux biss fl-istruttura u l-kontenut, iżda wkoll fil-mod u l-ispirtu tal-implimentazzjoni tagħha;

34.

Jindika li l-EPA għandha tikkontribwixxi għall-ksib tal-MDGs;

35.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-Unjoni Ewropea tapplika b’mod selettiv il-prinċipju tal-Pajjiżi l-Aktar Favorit (MFN) għall-gruppi sottoreġjonali kollha tal-AKP;

36.

Ifakkar fl-adozzjoni f'Ottubru 2007, tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, bl-impenn li l-għajnuna kollettiva tal-UE relatata mal-kummerċ tiżdied għal EUR 2 bijun (EUR 2 000 000 000) fis-sena sal-2010 (EUR 1 biljun mill-Komunità, EUR 1 biljun mill-Istati Membri); jinsisti li r-reġjun Paċifiku għandu jirċievi sehem xieraq u ġust;

37.

Jitlob li jkun deċiż u pprovdut minn kmieni s-sehem tar-riżorsi ta’ Għajnuna għall-Kummerċ; jenfasizza li dawn il-fondi għandhom ikunu riżorsi addizzjonali u mhux biss fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp ippreżentati f'pakket ġdid; li għandhom jikkonformaw mal-prijoritajiet tal-Papwa Ginea Ġdida u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi u li l-għoti tagħhom isir f'waqtu, b'mod prevedibbli u skont l-iskedi ta' twettiq tal-pjanijiet strateġiċi ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali;ifakkar li l-EPA għandha tappoġġja l-objettivi, il-politiki u l-prijoritajiet ta' żvilupp tal-Istati AKP, mhux biss fl-istruttura u l-kontenut, iżda wkoll fil-mod u l-ispirtu tal-implimentazzjoni tagħha;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-impenji li ttieħdu mill-Kunsill f'Settembru 2007 dwar il-Ftehim dwar Aspetti li Għandhom x'Jaqsmu mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (TRIPS) u l-aċċess għall-mediċini, sabiex ma tinnegozjax dispożizzjonijiet TRIPS-plus relatati mal-farmaċewtika li jaffettwaw is-saħħa pubblika u l-aċċess għall-mediċini fl-EPA sħiħa, sabiex toqgħod lura milli titlob l-adeżjoni mat-Trattat ta’ Koperazzjoni dwar il-Privattivi jew mat-Trattat tal-Liġi dwar il-Privattivi jew l-aċċettazzjoni tal-obbligi marbuta magħhom, u biex toqgħod lura wkoll milli tinkorpora t-termini tad-Direttiva 2004/48/KE (11) u biex ma tintroduċix fl-EPA sħiħa regoli bħall-protezzjoni ta' bażi ta' data mhux originali;

39.

Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għal EPA finali bejn il-Komunità Ewropea u reġjun tal-Paċifiku inkluż il-qasam prinċipali tan-negozjati għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jkopri mhux biss l-artefatti teknoloġiċi tal-Punent, imma wkoll il-bijodiversità u l-għarfien tradizzjonali;

40.

Jitlob li jkun hemm mekkaniżmi xierqa u trasparenti ta' monitoraġġ - bi rwol u influwenza ċara - biex ikun segwit l-impatt tal-EPAs, b'żieda fis-sjieda tal-AKP u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati;

41.

Jikkunsidra importanti li fl-implimentazzjoni ta’ EPAs, għandha tkun stabbilita sistema ta’ monitoraġġ ċara, koordinata mill-kumitat parlamentari relevanti bl-involviment ta' Membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp, li tiżgura bilanċ bejn iż-żamma tal-irwol ewlieni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-konsistenza ġenerali fil-politiki għall-iżvilupp u kummerċjali; dan il-kumitat parlamentari għandu jopera b’mod flessibbli u għandu jikkoordina b’mod attiv mal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (JPA); jikkunsidra li dan il-monitoraġġ għandu jibda wara l-adozzjoni ta’ kull IEPA;

42.

Jenfasizza b'mod partikolari tal-parlamenti tal-AKP u l-parteċipazzjoni ta' atturi mhuxtal-istat fil-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-EPAs u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiggarantixxi l-involviment tagħhom fil-proċeduri ta' negozjati li għaddejjin; dan jirrikjedi aġenda ċara bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP ibbażata fuq approċċ parteċipattiv;

43.

Jisħaq li l-EPA finali għandha tinkludi klawsola ta’ reviżjoni u evalwazzjoni globali tal-impatt, li għandha ssir fi żmien perjodu ta' bejn tlieta u ħames snin wara l-iffirmar tal-ftehim sabiex jiġi determinat l-impatt soċjo-ekonomiku, inklużi l-ispejjeż u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni; jitlob li l-Parlament Ewropew u l-Parlamenti tal-Istati tal-Paċifiku għandhom ikunu involuti f'kull reviżjoni tal-ftehim;

44.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-AKP, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.


(1)  ĠU C 77 E, 26.3.2004, p. 393.

(2)  ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 397.

(3)  ĠU C 285 E, 22.11.2006, p.126.

(4)  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.

(5)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.

(6)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.

(7)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 244.

(8)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.

(9)  ĠU C 323 E, 18.12.2008, p.361.

(10)  Testi adottati, P6_TA(2008)0252.

(11)  Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004, dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p.45).


Top