EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0152

Il-kuntratti MDG Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' Marzu 2009 dwar il-kuntratti MDG (2008/2128(INI))

ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 15–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 117/15


It-Tlieta, 24 ta’ Marzu 2009
Il-kuntratti MDG

P6_TA(2009)0152

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-kuntratti MDG (2008/2128(INI))

2010/C 117 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Settembru 2000 li permezz tagħha l-komunità internazzjonali impenjat ruħha li tilħaq l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) sabiex jitnaqqas bin-nofs il-faqar fid-dinja sal-2015, u li ġiet imtennija f' bosta konferenzi tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment fil-Konferenza ta' Monterrey dwar il-finanzjament tal-iżvilupp,

wara li kkunsidra l-impenji li ħadu l-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u 16 ta' Marzu 2002,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-MDGs - Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu (1),

wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp tal-Unjoni Ewropea, “Il-Konsensus Ewropew” (2), iffirmata fl-20 ta' Diċembru 2005,

wara li kkunsidra l-“pakkett ta' MDGs” tal-Kummissjoni tal-2005,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ntitolata “Li tħaffef il-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp - Finanzjament għall-Iżvilupp u Effettività tal-Għajnuna” (COM(2005)0133),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni ntitolat: “Iż-Żamma tal-wegħdiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-finanzjament għall-iżvilupp” (COM(2007)0164),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “L-għajnuna tal-UE: Inwassluha aktar, b’mod aħjar u aktar malajr” (COM(2006)0087),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar segwitu għall-konferenza ta' Monterrey tal-2002 dwar il-finanzjament għall-iżvilupp (3),

wara li kkunsidra r-riżultati u d-dokument finali dwar is-segwitu għall-Konferenza Internazzjonali dwar il-finanzjament għall-iżvilupp sabiex issir evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kunsens ta' Monterrey (Doha, Qatar, 29 ta' Novembru - 2 ta' Diċembru 2008) (4),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar segwitu għad-dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp (5),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2007 ntitolat “Il-kuntratt tal-MDGs - strateġija għal għajnuna baġitarja għal terminu aktar fit-tul u aktar prevedibbli”,

wara li kkunsidra s-sħubija strateġika ġdida bejn l-Afrika u l-UE,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika (6),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Pariġi tat-2 ta' Marzu 2005 dwar l-effikaċja tal-għajnuna u l-konklużjonijiet tal-forum ta' livell għoli f'Accra, li sar mit-2 sal-4 ta' Settembru 2008, dwar segwitu għal din id-dikjarazzjoni,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar l-effikaċja tal-għajnuna u l-korruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (7),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar l-imwiet fit-tqala fl-ambitu tal-laqgħa ta' livell għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-MDGs tal-25 ta' Settembru 2008 (8),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni ntitolat “The Aid Delivery Methods. Guidelines of the Programming, Design & Management of General Budget Support” (9),

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Cotonou tat-23 ta' Ġunju 2000, u b'mod partikulari l-Artikolu 58 wara r-reviżjoni tal-2005, li jelenka l-istituzzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament,

wara li kkunsidra l-pariri għal prattika tajba tal-OECD dwar l-għajnuna baġitarja, fid-dokument tiegħu ntitolat' “L-armonizzazzjoni tal-għajnuna biex tissaħħaħ l-effikaċja” (10),

wara li kkunsidra r-Rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 2/2005 dwar l-għajnuniet baġitarji tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-pajjiżi tal-ACP: l-amministrazzjoni mill-Kummissjoni tat-taqsima “riforma tal-finanzi pubbliċi, flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni (11),

wara li kkunsidra r-Rapport speċjali Nru. 10/2008 tal-Qorti tal-Awdituri dwar “l-Għajnuna għall-Iżvilupp mogħtija mill-KE għas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika 'l Isfel mis-Saħara”, flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra r-rapport “Evalwazzjoni Ġenerali tal-aAppoġġ Baġitarju Ġenerali - Rapport Sintetiku”, ippublikat f'Mejju 2006 (12),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-16 ta' Frar 2006 dwar il-mekkaniżmi ġodda ta' finanzjament għall-iżvilupp fl-ambitu tal-MDGs (13),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, iffirmata mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0085/2009),

A.

billi meta assoċjat ruħha mad-Dikjarazzjoni għall-Iżvilupp tal-Millennju tal-2000, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha, flimkien mal-komunità internazzjonali kollha, li tnaqqas bin-nofs il-faqar estrem fid-dinja sal-2015 billi tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq it-tmien MDGs,

B.

billi l-istimi l-ġodda jgħoddu madwar 1.4 biljun persuna li tgħix taħt il-limitu tal-faqar, li huwa ta' 1.25 dollaru Amerikan kuljum, u dan l-ammont ta' persuni huwa ekwivalenti għal aktar minn wieħed minn kull erbgħa tal-popolazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

C

billi jikkunsidra l-impenji l-ġodda meħuda fl-2007 mill-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewopea bl-għan li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jagħmlu tajjeb għad-dewmien biex jiġu milħuqa dawn l-objettivi,

D.

billi n-nuqqas ta' aċċess għall-kura tas-saħħa u għas-servizzi bażiċi jikkawża l-mewt ta' miljuni ta' nies u jipperpetwa ċ-ċiklu tal-faqar, filwaqt li l-aċċess għal din il-kura u għal edukazzjoni bażika jikkostitwixxi dritt tal-bniedem li l-gverniijiet għandhom ir-responsabbiltà li jiżgurawh u jimplimentawh,

E.

billi jikkunsidra il-possibilità għall-kuntratti tal-MDGs li jikkonstitwixxu għodda fost l-oħrajn bil-għan li jiffaċċjaw l-isfidi li hemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba l-kriżi dinjija tal-ikel, b'mod partikulari fis-settur tal-agrikoltura,

F.

billi minkejja d-diversi sforzi li setgħu jagħmlu s'issa, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw m'għandhomx ir-riżorsi neċessarji biex jilqgħu għall-isfidi li qed jiffaċċjaw rigward is-saħħa u l-edukazzjoni, u billi għalhekk jirriżulta li hemm il-ħtieġa indispensabbli ta' għajnuna esterna,

G.

billi l-Parlament Ewropew qed jitħeġġeġ jikkonċedi l-kwittanza relattiva fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF),

H.

billi l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li żżid b'mod sinifikanti l-użu tal-għajnuna baġitarja matul l-għaxar EDF sabiex ittejjeb l-effikaċja tal-għajnuna tagħha u biex tilħaq l-għanijiet li ffissat,

I.

billi l-għalliema u l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħalissa qed jaħdmu f'kundizzjonijiet lamentabbli, u li madwar żewġ miljuni għalliem u aktar minn erba' miljun ħaddiem tal-kura tas-saħħa huma meħtieġa biex jintlaħqu l-MDGs, u li livelli adegwati ta' għajnuna, f'forma ta' għajnuna baġitarja fil-kuntest tal-kuntratt MDG, jistgħu jippermetttu li dawn jingħataw impjieg u taħriġ,

J.

billi n-nuqqas rikorrenti ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa u ta' għalliema mar għall-agħar minħabba t-telf tal-aħjar imħuħ organizzat mill-pajjiżi sinjuri,

K.

billi l-Unjoni għandha l-intenzjoni li tkompli żżid l-infiq tagħha fil-qasam tal-għajnuna baġitarja, l-aktar billi żżid b'mod sinifikanti l-għajnuna baġitarja settorjali għas-saħħa u l-edukazzjoni, b'mod partikolari fil-pajjiżi Afrikani,

L.

billi l-kuntratti tal-MDGs jiffissaw riżultati konkreti li jridu jintlaħqu għall-MDGs fil-qasam tas-saħħa u tal-edukazzjoni bażika, filwaqt li setturi oħrajn prijoritarji jistgħu wkoll jiġu ffissati minn kuntratti tal-MDGs,

M.

billi, skont il-pożizzjoni uffiċjali tal-Parlament dwar l-għajnuna għall-iżvilupp, kif murija fil-paragrafu 6 fir-Riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tas-16 ta' Frar 2006 dwar l-istrumenti ġodda finanzjarji għall-iżvilupp tal-Għanijiet tal-Millennju, hija li żieda fil-kwantità trid timxi id f'id ma' żieda fil-kwalità, fi kliem ieħor, l-effettività tal-għajnuna trid tittejjeb permezz tal-koordinazzjoni, tal-kumplimentarjetà u tal-koerenza, kif ukoll billi jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet tal-għajnuna, billi jittejbu l-prevedibiltà u s-sostenibilità tal-mekkaniżmi għall-għajnuna, billi jiżdiedu l-veloċità u l-forniment tal-għajnuna, billi jkomplu jinħallu l-irbit mal-għajnuna, billi jinstabu soluzzjonijiet għal piżijiet ta' djun insostenibbli, billi jiġu promossi sistemi ta' gvernar tajjeb u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u billi tiżdied il-kapaċità għall-assorbiment għal dawk li jirċievu l-għajnuna”,

N.

billi fluss prevedibbli ta' għajnuna u fil-medda twila ta' żmien jista' jikkontribwixxi direttament u effettivament għall-implimentazzjoni konkreta tal-istrateġiji għall-eliminazzjoni tal-faqar definiti fl-MDGs,

O.

billi minkejja l-impenji tagħhom meħuda f'Monterrey (2002), fi Gleneagles (2005), f'Pariġi (2005) u f'Accra (2008) biex jittejbu l-kwantità u l-kwalità tal-għajnuna għall-iżvilupp, ħafna Stati Membri tal-Unjoni għadhom mhux qed jagħtu l-għajnuna kollha li wiegħdu li se jagħtu, u billi meta din tingħata, parti minn din l-għajnuna tidher mhux biżżejjed,

P.

billi jidher li fi 30 % tal-każi, hemm dewmien fil-ħlas tal-għajnuna baġitarja mogħtija mill-Kummissjoni minħabba l-piż eċċessiv tal-proċeduri amministrattivi tagħha,

Q.

billi n-nuqqas ta' previżjoni tal-għajnuna baġitarja b'mod partikulari ġej min-natura annwali tal-maġġoranza tal-kondizzjonijiet li għandhom x' jaqsmu mal-għoti ta' din l-għajnuna, u li dan in-nuqqas ta' prevedibilità jwassal xi drabi lill-pajjiżi benefiċjarji biex jonfqu l-għajnuna qabel ma din tingħata b'mod effettiv, u mingħajr ma jkunu jafu biċ-ċert li din se tingħata,

R.

billi dan in-nuqqas ta' prevedibilità tal-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp jikkonċerna wkoll lill-pajjiżi benefiċjarji li juru ċerta sigurtà legali u ambjent regolatorju stabbli,

S.

billi l-Kummissjoni hija l-ewwel donatur multilaterali ta' għajnuna għall-iżvilupp, billi hija waħda mill-ewwel donaturi li jagħtu għajnuna baġitarja, u billi hija għandha aktar u aktar rikors għal dan it-tip ta' għajnuna li kkonċerna wieħed minn kull ħamsa tal-għajnuniet li tat f'dawn l-aħħar snin,

T.

billi, għalkemm l-għajnuna baġitarja diġà tikkonstitwixxi wieħed mill-istrumenti li jippermettu t-titjib fl-għajnuna tal-Unjoni, din tista' tapprofitta billi tkun iktar prevedibbli u billi tingħata għal żmien itwal,

U.

billi l-għajnuna baġitarja attwali li tipprovdi l-Kummissoni hija ġeneralment ipprogrammata għal perjodu ta' tliet snin jew, fil-każ ta' ċerti aġenziji, għal sena,

V.

billi l-proposta ta' kuntratt tal-MDGs m'għandhiex implikazzjonijiet baġitarji u billi kuntratt tal-MDG mhuwiex strument ġdid imma mod ta' implimentazzjoni ta' strumenti eżistenti,

W.

billi fis-sitwazzjoni attwali, l-istejtus tad-dokument tal-Kummissjoni dwar il-kuntratti tal-MDGs mhuwiex ċar,

X.

billi l-Kummissjoni llum tqis li wasal il-mument li jiġi implimentat il-kunċett ta' kuntratt marbut ma' riżultati tanġibbli rigward l-MDGs, minflokk il-verifika annwali tal-kundizzjonalitajiet tradizzjonali ta' kull donatur,

Y.

billi t-termini tal-kuntratt jinvolvu impenn finanzjarju li jiżgura aktar prevedibilità min-naħa tal-pajjiż donatur, bi tpattija għal impenn aktar qawwi min-naħa tal-pajjiż benefiċjarju f'dawk li huma riżultati konkreti mistennija,

Z.

billi l-Kummissjoni tipprevedi li tikkonkludi l-ewwel sensiela ta' kuntratti tal-MDGs għal perjodu ta' sitt snin, jiġifieri sa tmien l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp,

AA.

billi l-proposta tal-Kummissjoni li tikkonkludi kuntratti għal tul ta' żmien ta' 6 snin tmur lil hinn mit-tendenza preżenti ta' donaturi oħra fil-livell dinji,

AB.

billi jikkunsidra it-talba magħmula mill-Kummissjoni lill-Istati Membri biex ikun hemm kofinanzjament tal-Kuntratti tal-MDGs li jmorru mal-kontribuzzjonijiet addizzjonali tal-EDF fuq bażi volontarja,

AC.

billi l-kuntratti tal-MDGs joħorġu mill-istrument ta' għajnuna baġitarja ġenerali mħejji fuq il-bażi ta' kriterji stabbiliti fil-Ftehim ta' Cotonou, ma jeħtieġu l-ebda modifika li tikkonċerna d-deċiżjonijiet fir-rigward tal-programmi li qed isiru u d-differenzi fil-modalitajiet ta' implimentazzjoni tal-għajnuna baġitarja ġenerali, billi l-kuntratti tal-MDGs ma jimplikawx il-kostituzzjoni ta' strument finanzjarju ġdid, u għaldaqstant jibqgħu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna baġitarja li jinstabu fil-ftehim tal-Cotonou, u wara li kkunsidra li bl-istess mod li l-kuntratti tal-MDGs għadhom kompatibbli mal-linji gwida interni li ġew finalizzati reċentement f'dak li jikkonċerna l-għajnuna baġitarja ġenerali,

AD.

billi l-kriterji ta' eliġibilità għall-kuntratti tal-MDGs jinkludu l-osservanza tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt,

AE.

billi għajnuna baġitarja effikaċi għandha tkun tista' tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li jiffinanzjaw l-istrateġiji u l-programmi konkreti proprji tagħhom għat-titjib tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni,

AF.

billi l-Kummissjoni ma żammitx l-impenji tagħha li tinkludi b'mod sistematiku lill-parlamentari u lir-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-djalogi tagħha mal-gvernijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u billi, minbarra dan, illum huwa magħruf sewwa li f'ġieh l-effikaċja, l-iżvilupp irid ikun totalment f'idejn il-gvernijiet kif wkoll il-parlamenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

AG.

billi l-Kummissjoni kienet ipprevediet li l-pajjiżi eliġibbli kellhom ikunu dawk il-pajjiżi li jkunu kisbu riżultati sodisfaċenti fil-livell makro-ekonomiku u tal-ġestjoni tal-baġit fl-implimentazzjoni tal-għajnuna baġitarja, u billi f'dan, il-Kummissjoni tiddistingwi ruħha minn oħrajn li jipprovdu għajnuna baġitarja, bħall-IMF u l-Bank Dinji, li jorbtu bosta kundizzjonijiet mal-għajnuna tagħhom, b'kuntradizzjoni mal-prinċipju tal-approprjazzjoni mill-pajjiż benefiċjarju,

AH.

billi bosta pajjiżi li għandhom bżonn urġenti ta' aktar għajnuna u ta' għajnuna aktar effikaċi sabiex iħaffu l-progess tagħhom lejn l-MDGs, ma jilħqux il-kriterji definiti attwalment mill-Kummissjoni sabiex jikkonkludu kuntratt tal-MDGs,

AI.

billi fil-forma attwali tagħhom, il-kuntratti tal-MDGs huma maħsuba biss għall-pajjiżi tal-Afrika, l-Karibew u l-Paċifiku,

AJ.

billi l-għajnuna baġitarja tal-Kummissjoni qed tbati minn nuqqas serju ta' trasparenza u ta' approprjazzjoni mill-pajjiżi fqar, u li l-ftehim ta' finanzjament rarament ikunu disponibbli għall-pubbliku,

AK.

billi l-prinċipju fundamentali tal-għajnuna għall-iżvilupp huwa li tingħata għajnuna lil min l-aktar ikollu bżonnha u fejn din tista' tkun l-iktar utli,

AL.

billi jitqies, pereżempju, li f'dak li jikkonċerna l-Burkina Faso, ħadd ma kien jaf bin-negozjati attwali ta' kuntratti tal-MDGs bejn il-Burkina Faso u l-Kummissjoni, u billi l-ebda informazzjoni mhi disponibbli attwalment f'dan ir-rigward fil-websajt tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-Burkina Faso,

AM.

billi fil-kunsens Ewropew għall-iżvilupp, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tadotta approċċ ibbażat fuq ir-riżultati u l-użu ta' indikaturi tar-rendiment,

AN.

billi kkunsidra l-ħtieġa tal-Kummissjoni li tkompli torbot l-għajnuna baġitarja tagħha mar-riżultati li jinkisbu fil-pajjiżi benefiċjarji fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u fil-qasam tal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa,

AO.

billi fil-qasam tal-għajnuna baġitarja, diġà ġew konklużi xi ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Burkina Faso (2005 - 2008), l-Etjopja (2003 - 2006), il-Ghana (2007-2009), il-Kenja (2004 - 2006), Madagaskar (2005 - 2007), il-Malawi (2006 - 2008), Mali (2003 - 2007), il-Możambik (2006 - 2008), it-Tanżanija (2006 - 2008), l-Uganda (2005 - 2007) u ż-Żambja (2007 - 2008),

AP.

billi hemm 650 miljun persuna b'diżabilità, li fosthom 80 % jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u li wieħed minn kull ħamsa jgħix f'faqar estrem; billi jikkunsidra li dawn jiffurmaw wieħed mill-aktar gruppi importanti ta' persuni esklużi u fqar, li qed jaffaċjaw ħafna tipi ta' diskriminazzjoni u li rarament ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa,

AQ.

billi skont l-obbligi ġenerali, u b'mod partikulari l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabiltà msemmija hawn fuq, il-firmatarji ta' din il-Konvenzjoni huma obbligati li jieħdu kont tad-diżabilità fil-koperazzjoni għall-iżvilupp,

AR.

billi l-MDGs mhux se jintlaħqu sal-2015 mingħajr ma tingħata l-konsiderazzjoni dovuta lill-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità,

AS.

billi jikkunsidra r-rapport tat-22 ta' Novembru 2008 dwar l-implimentazzjoni tas-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE, u b'mod partikulari l-paragrafu 37 tiegħu, li jenfasizza n-nuqqas evidenti ta' teħid ta' azzjonijiet favur il-persuni b'diżabilità fl-isforzi li jimmiraw biex jintlaħqu l-MDGs,

Għanijiet tal-Millennju - Koperazzjoni għall-iżvilupp

1.

Jerġa' jisħaq li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tkun ibbażata fuq il-bżonnijiet u r-riżultati u li l-politika tal-għajnuna għall-iżvilupp għandha tkun imfassla bi sħubija mal-pajjiżi benefiċjarji;

2.

Itenni li, sabiex jintlaħqu l-MDGs, il-pajjiżi donaturi għandhom jirrispettaw l-impenji kollha tagħhom u jtejbu l-kwalità tal-għajnuna li jipprovdu;

3.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati mekkaniżmi ġodda għal għajnuna li tkun aktar prevedibbli u anqas volatili;

4

Ifakkar fl-objettiv tad-Dikjarazzjoni ta' Abuja, li ġie ffissat għal 15 % tal-baġit nazzjonali allokat għas-settur tas-saħħa, u l-objettivi tal-Kampanja dinjija għall-edukazzjoni, ffissat għal 20 % tal-baġit nazzjonali allokat għas-settur tal-edukazzjoni;

Setturi ta' prijorità

5.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli torbot l-għajnuna tagħha fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, u b'mod partikulari tal-kura bażika tas-saħħa u tal-edukazzjoni primarja, mar-riżultati miksuba f'dawn is-setturi, partikolarment fis-setturi tal-kura bażika tas-saħħa u tal-edukazzjoni primarja; jitlobha wkoll biex tippreċiża l-importanza li se tingħata lir-rendiment li jirriżulta f'dawn is-setturi fir-rigward ta' għadd ta' indikaturi aktar komplet, u kif se tevalwa l-progress li jsir f'dawn l-oqsma;

Effikaċja tal-għajnuna - Stabilità u prevedibilità

6.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-prevedibilità tal-għajnuna baġitarja permezz ta' implimentazzjoni ta' kuntratti tal-MDGs u bl-estensjoni tal-prinċipji li joħorgu minn dawn il-kuntrattti għall għadd akbar ta' pajjiżi, kif ukoll bl-għanjuna settorjali;

7.

Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jitnaqqas b'mod sinifikanti d-dewmien inutli kkawżat mill-piż eċċessiv tal-proċeduri amministrattivi tagħha;

8.

Jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżidu l-infiq tagħhom fil-qasam tas-saħħa bi 15 % tal-baġit nazzjonali, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tad-Dikjarazzjoni ta' Abuja, u li jżidu l-infiq tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni b'20 % tal-baġit nazzjonali, kif previst mill-kampanja dinjija għall-edukazzjoni;

Għajnuna baġitarja

9.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm livelli għoljin ta' nfiq permezz ta' għajnuna baġitarja, filwaqt li timmira li żżid b'mod sinifikanti l-għajnuna baġitarja fis-setturi soċjali tal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, u sabiex iżżid l-għajnuna baġitarja settorjali f'reġjuni oħrajn;

Kuntratti tal-MDGs

10.

Jinnota b'interess li l-proposta ta' kuntratti tal-MDGs tal-Kummissjoni tiżgura livell minimu garantit ta' għajnuna (70 % tal-impenn totali) għall-pajjiżi eliġibbli;

11.

Jesprimi madankollu d-diżappunt tiegħu dwar il-fatt li d-dokument dwar il-kuntratti tal-MDGs ma jispeċifika l-ebda kalendarju għall-implimentazzjoni ta' dawn il-kuntratti, li ġew maħsuba prinċipalment biex jinfirxu tul il-perjodu ta' sitt snin tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi kalendarju preċiż;

12.

Jinnota li l-kuntratt tal-MDGs għandu l-iskop prinċipali li jikkontribwixxi għal aktar effikaċja tal-għajnuna u sabiex iħaffef il-progress għat-twettiq tal-MDGs fil-pajjiżi li l-aktar għandhom bżonnhom;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tadotta komunikazzjoni li tifformalizza l-inizjattiva tal-kuntratti tal-MDGs u sabiex testendi din l-inizjattiva għall-pajjiżi li mhumiex tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku li jissodisfaw il-kriterji ta' eleġibilità;

Il-parlamenti u s-soċjetà ċivili - Approprjazzjoni - Trasparenza

14.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi benefiċjarji sabiex jiżguraw l-involviment tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili tagħhom, inklużi l-organizzazzjonijet tal-persuni b'diżabilità, fl-istadji kollha tad-djalogu dwar l-għajnuna baġitarja, inklużi t-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programm stabbilit fil-kuntratti tal-MDGs;

15.

Jenfasizza li d-donaturi, aktar milli jimponu kundizzjonijiet unilaterali stretti għall-benefiċjarji, għandhom jippruvaw jippromwovu governanza tajba, id-demokrazija u l-istabilità fil-pajjiżi benefiċjarji permezz ta' kriterji trasparenti stabbiliti fi sħubija ma' dawn il-pajjiżi;

16.

Jikkunsidra li, fl-interess tal-promozzjoni tat-trasparenza, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' flus tal-parti varjabbli tal-għajnuna għandhom ikunu bbażati fuq il-riżultati, peress li dan jinkoraġġixxi lid-donaturi u lill-benefiċjarji biex janalizzaw l-impatt reali tal-flus minfuqa, u jżid it-trasparenza fl-użu tal-fondi pubbliċi;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja perjodikament ir-riżultati ta' dawn il-programmi u sabiex taqsam dawn ir-riżultati mal-Parlament;

18.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni taħdem sabiex isaħħaħ id-djalogu bejn id-donaturi u l-benefiċjarji, b'mod speċjali sabiex jiġu determinati l-ħtiġijiet reali u l-oqsma li fihom hija meħtieġa l-għajnuna;

19.

Jitlob li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku u l-UE jkollha rwol aktar attiv fid-definizzjoni tal-prijoritajiet, fin-neġozjati tal-kuntratti tal-MDGs, kif ukoll fl-istadji l-oħra kollha tal-proċess;

Kriterji tal-għażla - Kreattività u flessibilità

20.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex torbot l-għajnuna baġitarja tagħha mar-riżultati li jinkisbu fl-oqsma tal-governanza tajba u tat-trasparenza, iżda wkoll fid-difiża u fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari tal-ifqar u l-aktar marġinalizzati, bħalma huma l-persuni b'diżabilità, il-minoranzi, in-nisa u t-tfal, u sabiex tieħu ħsieb li l-għajnuna baġitarja ma tintefaqx f'setturi oħra li mhumiex definiti fil-kuntratt tal-MDGs;

21.

Jafferma mill-ġdid li l-programmi indikattivi nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti b'kollaborazzjoni mal-parlamenti tal-pajjiżi kkonċernati, tal-Assemblea Parlamentari Konġunta u tas-soċjetà ċivili;

22.

Josserva li l-proposta dwar il-kuntratti tal-MDGs ma ssemmix liema pajjiżi se jkunu kkonċernati fl-ewwel round tal-kuntratti tal-MDGs; u josserva li, fil-forma attwali tagħhom, il-kuntratti tal-MDGs huma mmirati biss lejn il-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku;

23.

Jiddeplora l-fatt li l-politika għall-għajnuna baġitarja tal-Unjoni favur pajjiżi li qed jiżviluppaw qed tkun dejjem aktar soġġetta għall-kundizzjonijiet imposti mill-Fond Monetarju Internazzjonali sabiex tinkiseb l-għajnuna għall-iżvilupp tal-Unjoni; jikkunsidra, barra minn hekk, li din il-kundizzjonalità tikkontradixxi l-politika tal-pajjiżi benefiċjarji f'dak li jikkonċerna l-prinċipju tal-approprjazzjoni;

24.

Jenfasizza l-ħtieġa li jinstabu approċċi oħrajn għal għajnuna baġitarja għall-pajjiżi li mhumiex eliġibbli għall-kuntratti tal-MDGs, u b'mod partikulari għall-pajjiżi li jinsabu f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità; jisħaq fuq il-punt evidenti li l-pajjiżi li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta' fraġilità mhumiex kapaċi jissodisfaw il-kriterji attwali ta' eliġibilità;

25.

Jirrakkomanda li l-kuntratti tal-MDGs jitqegħdu wkoll għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi li huma koperti mill-Istrument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp;

26.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tispjega b'mod ċar kif hi pprevediet li l-kuntratti proposti tal-MDGs jistgħu jingħaqdu ma' modi oħra ta' tqassim ta' għajnuna;

27.

Iwissi dwar il-periklu li jsir rikors indiskrimat u b'mod eċċessiv għal kuntratti tal-MDGs hekk li dawn jistgħu jitqiesu bħala l-uniku mod ta' tqassim ta' għajnuna reali effikaċi, u jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex tagħżel mekkaniżmi għat-tqassim tal-għajnuna li jkunu l-aktar adatti għal kull sitwazzjoni individwali;

28.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-kapaċità tal-parlamenti tal-pajjiżi benefiċjarji biex jiġu involuti fil-proċess baġitarju u l-kapaċità tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili sabiex jimpenjaw ruħhom fit-tfassil ta' politiki nazzjonali billi tforni aktar appoġġ finanzjarju u billi tinsisti fuq din il-parteċipazzjoni fid-djalogi politiċi ma' dawn il-pajjiżi benefiċjarji u billi tikkonċentra fuq indikaturi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi li jkollhom l-iskop li jtejbu r-responsabilizzazzjoni tal-gvernijiet lejn iċ-ċittadini tagħhom;

Evalwazzjoni - Indikaturi ta' rendiment

29.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, b'kollaborazzjoni mal-pajjiżi msieħba, iżżid ma' kull proposta ta' kuntratt tal-MDGs indikaturi tar-rendiment li jagħmluha possibbli li ssir evalwazzjoni tal-progress li jsir fl-implimentazzjoni ta' dawn il-kuntratti, filwaqt li dawn l-indikaturi għandhom ukoll jevalwaw l-inklużjoni tal-persuni u tat-tfal b'diżabilità;

Il-kwistjoni tas-sessi

30.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-Kummissjoni għandha b'mod imperattiv tkompli torbot l-għajnuna baġitarja tagħha mar-riżultati li jridu jinkisbu mill-pajjiżi benefiċjarji rigward il-kunsiderazzjoni li trid tingħata lid-dimensjoni tas-sessi fil-kwistjoni tal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa, u jitlob li l-indikaturi ta' rendiment tissaħħaħ f'dan il-qasam fil-kuntratti tal-MDGs, u li jiġu estiżi għal oqsma oħra bħalma huma d-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità; jitlobha biex issaħħaħ l-indikaturi ta' prestazzjoni fir-rigward tas-sessi relatati mal-għajnuna baġitarja, billi jiġu estiżi għal oqsma oħra bħalma huma: id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità kif ukoll id-drittijiet tan-nisa, u partikolarment il-promozzjoni tal-aċċess tan-nisa kollha għal informazzjoni u għal servizzi ta' saħħa sesswali u riproduttiva globali, it-titjib tal-aċċess u t-tisħiħ tal-użu tal-metodi ta' ppjanar familjari, il-promozzjoni qawwija tal-edukazzjoni u tal-emanċipazzjoni tan-nisa, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza bejn is-sessi;

*

* *

31.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Kunsill ACP, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi ACP.


(1)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 232.

(2)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(3)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0420.

(4)  A/Conf.212/L.1/Rev1 tad-9 ta' Diċembru 2008.

(5)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0237.

(6)  ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 633.

(7)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 316.

(8)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0406.

(9)  Ippubblikat bl-Ingliż f'Jannar 2007 mill-Kummissjoni AIDCO - DEV - RELEX.

(10)  DAC Reference Document, Volume 2, 2006.

(11)  ĠU C 249, 7.10.2005, p. 1.

(12)  IDD and Associates, Mejju 2006.

(13)  ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 396.


Top