Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0151

    Sena wara Liżbona: is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta’ Marzu 2009 dwar sena wara Liżbona: is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni (2008/2318(INI))

    ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 7–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 117/7


    It-Tlieta, 24 ta’ Marzu 2009
    Sena wara Liżbona: is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni

    P6_TA(2009)0151

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar sena wara Liżbona: is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni (2008/2318(INI))

    2010/C 117 E/02

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE (“Strateġija Konġunta”) u l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni (2008-2010) għall-implimentazzjoni tas-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika u l-UE, adottat mill-UE u l-kapijiet ta’ Stati u gvernijiet Afrikani fil-laqgħa f’Liżbona fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2007,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “Sena wara Liżbona: Is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni” (COM(2008)0617),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar “Sena wara Liżbona: Is-sħubija bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni”,

    wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar il-Progress tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE u l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni tagħha (2008-2010) adottat mit-Trojka Ministerjali bejn l-Afrika u l-UE f’Addis Ababa, fl-Etjopja, fil-21 ta’ Novembru 2008,

    wara li kkunsidra n-nota tas-17 ta’ Diċembru 2008 mill-kumitat ad hoc tal-Parlament Pan-Afrikan għar-relazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u mid-delegazzjoni ad-hoc tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Parlament Pan-Afrikan lill-Presidenzi fil-kariga tal-Unjoni Afrikana (UA) u l-UE, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjonijiet tal-UA dwar ir-rwol tal-Parlament Pan-Afrikan u l-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-Istrateġija Konġunta,

    wara li kkunisidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar strateġija għall-iżvilupp fl-Afrika (2),

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Kotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (3), kif emendat bil-Ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Sħubija, iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (4) (il-“Ftehim ta’ Kotonou”),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 għat-twaqqif ta’ strument ta’ finanzjament għall-koperazzjoni dwar l-iżvilupp (5),

    wara li kkunsidra Artikoli 177 sa 181 tat-Trattat li jistabbilixxi l-KE,

    wara li kkunsidra Regola 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0079/2009),

    A.

    billi l-għan tal-qirda tal-faqar għandu jibqa’ verament fil-qalba tal-Istrateġija Konġunta,

    B.

    billi nofs il-popolazzjoni tal-Afrika għadha tgħix fil-faqar u billi l-Afrika hija l-uniku kontinent li mhuwiex qed jagħmel progress lejn l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs), b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar, il-mortalità tat-tfal, is-saħħa tal-omm u l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS u l-malarja,

    C.

    billi l-Istrateġija Konġunta timmira li tmur “lilhinn mill-iżvilupp”, “lilhinn mill-Afrika” u “lilhinn mill-istituzzjonijiet” biex tkopri firxa akbar ta’ kwistjonijiet Afrikani u globali milli kopriet fil-passat, bħall-enerġija, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà, u biex tinvolvi spettru usa’ ta’ atturi li mhumiex istituzzjonali,

    D.

    billi matul l-aħħar sena ġie stabbilit ħafna mill-arkitettura istituzzjonali u mill-metodi innovattivi ta’ ħidma tal-Istrateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE iżda fil-fatt ftit inkiseb progress reali,

    E.

    billi, minkejja li, fl-Istrateġija Konġunta, kien hemm rikonoxximent espliċitu tar-rwol fundamentali tal-Parlament Pan-Afrikan u l-Parlament Ewropew “biex jirrevedu l-progress u jipprovdu gwida politika għas-sħubija”, dawn għadiridu jiġu nvoluti b’ xi mod strutturali u sinifikattiv fil-ħolqien, l-adattament u s-sorveljanza tal-Istrateġija Konġunta,

    F.

    billi kien hemm involviment minimu min-naħa tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, b’mod partikolari min-naħa tal-Afrika, fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta,

    G.

    billi kien hemm ftit finanzjament ġdid disponibbli biex tiġi implimentata l-Istrateġija Konġunta u, tabilħaqq, is-sorsi relevanti ta’ finanzjament kienu diġà programmati kompletament qabel ma l-Istrateġija Konġunta ġiet adottata,

    H.

    billi jekk il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) jidħol fil-Baġit tal-UE, kif talab il-Parlament kemm-il darba, dan jippermetti aktar koerenza politika u monitoraġġ parlamentari tal-infiq għall-iżvilupp,

    I.

    billi s-sehem tal-Afrika fil-kummerċ globali qiegħed jonqos u l-Afrika qiegħda titħalla barra mill-opportunitajiet li qiegħda toffri l-globalizzazzjoni,

    J.

    billi l-ħruġ ta’ kapital mill-pajjiż, speċjalment dak illegali qed iwassal biex l-ekonomiji Afrikani jitilfu biljuni ta’ euro fis-sena, filwaqt li “t-telf tal-imħuħ” (“brain drain”) qed iċaħħad lill-kontinent minn ħafna mill-kapaċità intellettwali essenzjali għall-iżvilupp futur tiegħu,

    K.

    billi l-produzzjoni tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel fl-Afrika ma tantx baqgħu jitqiesu bħala prijoritajiet politiċi u kienu mċaħħda mill-investiment f’dawn l-aħħar għaxar snin, b’konsegwenzi potenzjalment diżastrużi, kif deher ċar fil-kriżi riċenti dwar il-prezzijiet tal-ikel,

    L.

    billi l-Afrika mhijiex rappreżentata biżżejjed fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-fora multilaterali li jiddeċiedu dwar ħafna mill-kwistjonijiet li jaffettwaw il-futur tal-kontinent,

    M.

    billi r-relazzjoni li ilha teżisti żmien bejn l-UE u l-Afrika tikseb sinifikat ġdid bid-dehra fix-xena tad-donaturi mhux tradizzjonali li aġendi u prijoritajiet tagħhom għall-Afrika jippreżentaw riskji u sfidi ġodda,

    N.

    billi huwa importanti li jinstabu sinerġiji u jiġi evitat kull xkiel bejn l-istituzzjonijiet tal-Istrateġija Konġunta u dawk tar-relazzjonijiet diġà eżistenti, bħal pereżempju l-Ftehim ta’ Kotonou, l-Istrateġija Ewro-Mediterranja u s-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika t’Isfel u l-UE,

    O.

    billi r-reviżjoni tal-2009 tal-Ftehim Kotonou se tfittex li tiċċara r-relazzjoni futura tal-ACP mal-UA,

    P.

    billi l-livelli ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-għanijiet u l-azzjonijiet tal-Istrateġija Konġunta huma baxxi ħafna u billi – l-aktar fl-Afrika – is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika u l-UE u l-adeżjoni fiha huma direttament marbuta mal-kapaċità tal-Istrateġija Konġunta li twassal għal riżultati immedjati u tanġibbli li jistgħu jtejbu l-livell tal-ħajja tan-nies Afrikani,

    Q.

    billi l-isħubija għandha tqis li, għalkemm “sħubija bejn partijiet ugwali” tfisser li l-UE u l-UA huma indaqs f’termini ta’ parteċipazzjoni fid-diskussjoni u fl-istipular tal-politika, għandha tindirizza wkoll ir-realtà ċara li ż-żewġ kontinenti u l-istituzzjonijiet tagħhom għadhom ’il bogħod ħafna milli jkunu indaqs f’termini ta’ żvilupp istituzzjonali, kapaċità ta’ deċiżjoni u riżorsi,

    It-twaqqif ta’ qafas UE u l-Afrika

    1.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon li, sena wara l-adozzjoni ta’ Strateġija Konġunta, il-komponenti ewlwnin tal-qafas istituzzjonali għall-implimentazzjoni tagħha fl-aħħar jinsabu f’posthom u bdew jiffunzjonaw, sostnuti minn Pjan ta’ Azzjoni li jrendi u li jimxi skont skeda, u li jidher li sar xi progress lejn l-implimentazzjoni ta’ Strateġija Konġunta u s-sħubijiet tematiċi tagħha; madanakollu, jesprimi dispjaċir li sal-aħħar tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni, xi sħubijiet għadhom fil-proċess li jiddefinixxu metodi ta’ ħidma u għadhom ma stabilixxewx x’ser irendu, l-iskedi u l-allokazzjonijiet baġitarji;

    2.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-UE u l-UA ltaqgħu iżjed ta’ spiss matul l-ewwel sena wara l-iffirmar tal-Istrateġija Konġunta, minn qatt qabel;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjonijiet u l-Istati Membri tal-UE u l-UA biex ilestu bħala prijorità din l-arkitettura istituzzjonali billi jiġu żviluppati l-komponenti parlamentari, tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali li għandhom imexxu u jsostnu l-proċess billi jagħtuh trasparenza u leġittimità demokratika;

    4.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif tat-timijiet ta’ implimentazzjoni tal-UE bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri interessati, mhux biss għax l-iffinanzjar tal-Istrateġija Konġunta tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq kontribuzzjonijiet minn Stati Membri, iżda wkoll għaliex is-sehem dirett tal-Istati Membri jikkontribwixxi għal aktar għarfien, kontinwità u sostenibbiltà tal-azzjonijiet previsti fil-Pjan ta’ Azzjoni;

    5.

    Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-Istrateġija Konġunta biex jikkonċentraw bis-sħiħ fuq ir-riżultati meħtieġa, billi l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni ser idum biss għal anqas minn tliet snin (2008-2010);

    L-Irwol tal-Parlamenti

    6.

    Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Kummissjonijiet tal-UA biex jieħdu passi attivi ħalli jinvolvu lill-Parlament Ewropew u l-Parlament Pan-Afrikan fl-implimentazzjoni fis-sorveljanza u fil-provvediment ta’ gwida politika għall-Istrateġija Konġunta, f’konformità mal-istejtus tagħhom bħala komponenti prinċipali tal-binja istituzzjonali;

    7.

    Jenfasizza l-irwol tal-korpi interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti Afrikani – bħall-Assemblea Parlamentari ACP-UE (JPA) u l-Assemblea Parlamentari Ewromediterranja – fit-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà, l-governanza u demokrazija tajba, kif ukoll bħala pjattaformi effikaċi għall-koperazzjoni u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ tħassib komuni;

    8.

    Jinnota l-fatt li l-11-il laqgħa tat-Trojka Ministerjali bejn l-Afrika u l-UE approvat l-ewwel rapport ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta u l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni tagħha, li għalih il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ssemmiet hawn fuq tikkostitwixxi l-kontribuzzjoni tal-UE;

    9.

    Jiddispjaċih madankollu li dan ir-rapport ġie mfassal mingħajr ebda konsultazzjoni ta’ jew kontribuzzjoni formali mill-Parlament Ewropew jew mill-Parlament Pan-Afrikan;

    10.

    Jipproponi li l-Presidenti tal-Parlamenti Pan-Afrikan u Ewropew sistematikament jattendu u jindirizzaw il-Laqgħat Għolja UE-Afrika biex jippreżentaw il-konklużjonijiet ta’ dawk il-Parlamenti dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u suġġerimenti għall-orjentazzjonijiet futuri tal-istrateġija konġunta;

    11.

    Jitlob li, eżatt qabel it-Trojka Ministerjali tar-Rebbiegħa, il-membri tat-Trojka Ministerjali jipparteċipaw fi skambju ta’ opinjonijiet mar-rappreżentatnti tal-entitajiet kompetenti mill-Parlament Pan-Afrikan u mill-Parlament Ewropew, li matulu il-Parlamenti jistgħu jippreżentaw is-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar l-aħħar rapport annwali konġunt dwar il-progress; jissuġġerixxi li d-diskussjoni tas-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlamenti tkun fuq l-aġenda tal-laqgħa tat-Trojka; jistenna li r-rapport annwali konġunt sussegwenti - adottat waqt it-Trojka Ministerjali tal-Ħarifa - għandu jindika kif dawn is-suġġerimtni u r-rakkomandazzjonijiet ikunu tqiesu; jitlob li r-rappreżentanti Parlamentari jiltaqgħu ukoll mal-Ministri tat-Trojka waqt li kun għaddejja l-laqgħa tat-Trojka fil-Ħarifa;

    12.

    Jikkunsidra li l-Parlament Pan-Afrikan u dak Ewropew għandhom jipparteċipaw f’livell xieraq kemm fil-gruppi konġunti ta’ esperti u kemm fil-grupp ta’ ħidma bejn l-UA u l-UE;

    13.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ħolqot programm ta’ sostenn ta’ EUR 55 miljun fi ħdan id-9 EDF biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UA; jinsisti għal darb’oħra li parti minn dan il-baġit għandha tkun disponibbli biex jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u operazzjonali tal-Parlament Pan-Afrikan u jistieden lill-Kummissjonijiet biex ifasslu pjanijiet ta’ azzjoni għall-użu ta’ dawn il-baġits f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament Pan-Afrikan u b’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew;

    14.

    Jirrakkomanda li dik il-parti tal-baġit allokata għall-Parlament Pan-Afrikan tkun amministrata direttament mill-Parlament Pan-Afrikan, ladarba l-Parlament ikun kiseb il-kapaċità amministattiva meħtieġa biex jagħmel dan u jkun issodisfa r-rekwiżiti li jinsabu fir-regolament finanzjajru tal-KE (b’mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu) (6) biex il-Kummissjoni tkun tista’ timplimenta l-baġit permezz ta’ maniġment ċentralizzat indirett;

    15.

    Jistieden lill-UE u l-Kummissjonijiet tal-UA biex jissimplifikaw il-proċeduri biex jiġi żgurat djalogu dirett u effiċjenti bejn il-Parlamenti biex ma jkunx imxekkel b’dewmien inaċċettabbli, meta wieħed jikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tal-proċedura tagħhom;

    16.

    Jitlob għal darb’oħra għat-tfassil tal-baġit tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u, fl-istess waqt, jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Parlament Ewropew u Pan-Afrikan informati matul l-istadji kollha tal-proċess tal-baġit;

    Is-soċjetà ċivili u atturi li mhumiex Stati

    17.

    Jemmen li jekk l-Istrateġija Konġunta trid tkun “sħubija ġenwina b’bażi wiesgħa, u ċċentrata fuq firxa ġmielha ta’ nies”, din għandha tinvolvi b’mod effettiv lis-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u tiffaċilita l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-ħidma tal-korpi implimentattivi tagħha;

    18.

    Jesprimi dispjaċir li, billi l-Pjan ta’ Azzjoni jindika li kull wieħed mill-Isħubijiet bejn l-Afrika u l-UE huwa miftuħ għal firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet, enfasi kbira qed issir fuq l-azzjonijiet tal-istat; jenfasizza li l-kontribut u l-involviment tal-parlamenti u atturi mhux statali, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, awtoritajiet lokali u atturi oħra mhux statali fil-proċess jeħtieġ li jiżdiedu u jiġu ċċarati aktar;

    19.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Kunsill Afrikan għall-Ekonomija, is-Soċjetà u l-Kultura (ECOSOCC) bħala mezz li jibni sħubija bejn il-gvernijiet Afrikani u s-soċjetà ċivili; madankollu jinsab mħasseb dwar il-livell baxx ta’ involviment min-naħa tas-soċjetà ċivili Afrikana fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta u jitlob li jkun hemm sforzi immedjati, b’mod partikolari min-naħa tal-Afrika, biex issawwar, f’koperazzjoni mill-viċin ma’ partijiet interessati, proċeduri għall-identifikazzjoni, ippjanar u involviment effettiv tal-atturi rappreżentattivi Afrikani li mhumiex tal-istat;

    20.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa għodod xierqa għall-bini tal-kapaċità għall-organizzazzjonjiet tas-soċjetà ċivili Afrikani speċifikatament immirati għat-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jaħdmu għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta;

    Sħubiji

    21.

    Jinnota li l-Istrateġija Konġunta għandha tindirizza wkoll kwistjonijiet li, għalkemm formalment jappartjenu għal qafas istituzzjonali differenti, għandhom influwenza profonda fuq il-futur tal-Afrika u li jibnu r-relazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti, bħal pereżempju l-ftehim ta’ sħubija ekonomika (EPAs) u r-relazzjoni bejn il-gruppi reġjonali tal-EPA u gruppi oħra reġjonali eżistenti fl-Afrika (li jinkludu l-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali), it-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta’ Kotonou, l-Istrateġija Ewro-Mediterranja, is-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika t’Isfel u l-UE u r-relazzjoni tal-Afrika ma’ atturi globali ġodda bħaċ-Ċina u l-Brażil;

    22.

    Jemmen l-iżvilupp sostenibbli ekonomiku, soċjali u ambjentali jista’ jseħħ biss f’pajjiżi li joffru garanziji ta’ paċi, demokrazija u drittijiet tal-bniedem;

    23.

    Jappella lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-parti Afrikana biex jiżguraw koerenza bejn din l-istrategija u politiki oħrajn li jista’ jkollhom impatt ħażin fuq il-promozzjoni ta’ sħubija strateġika ġdida bejn l-UE u l-Afrika, b’mod partikolari politiki kummerċjali, ambjentali, dwar l-immigrazzjoni u l-agrikultura; jenfasizza li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Afrika għandu jkopri dawn il-kwistjonijiet;

    24.

    Jisħaq li, biex jingħeleb b’mod effettiv il-faqar, li għandu jibqa’ fil-qalba tal-istrateġija konġunta, is-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea għandha tgħin biex tistimula żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, tattira investiment barrani, tippromwovi kummerċ internazzjonali ġust u tikkontribwixxi biex jinħolqu l-kundizzjonijiet li bihom il-pajjiżi Afrikani jkunu jistgħu jieħdu posthom bil-mod fl-ekonomija globali;

    Paċi u sigurtà

    25.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar fir-rigward tal-isħubija għall-paċi u s-sigurtà; jinnota d-djalogu politiku bejn l-UA u l-UE dwar sitwazzjonijiet ta’ kriżi fl-Afrika u lillhinn minnha; jisħaq li dan id-djalogu jeħtieġ jindirizza l-kwistjonijiet kollha dwar il-paċi u s-sigurtà mill-prevenzjoni ta’ xi kunflitt u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt għar-rikostruzzjoni ta’ wara l-kunflitt u t-twaqqif tal-paċi, li jinkludi djalogu profond dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-Responsabiltà ta’ Protezzjoni;

    26.

    Jitlob li tiġi allokata l-prijorità li tixraq għall-implimentazzjoni tal-qafas Afrikan għall-paċi u s-sigurtà; jisħaq għal darb’oħra li l-EDF mhuwiex sors adegwat ta’ finanzjament għar-riforniment futur tal-Faċilità Afrikana ta’ Sostenn għall-Paċi; huwa tal-fehma li l-infiq tal-EDF għandu jkun f’konformità mal-kriterji għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp li jħaddan il-Kumitat ta’ Assistenza għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika (OECD/DAC) ; itenni t-talba tiegħu għall-soluzzjoni definittiva għall-finanzjament tal-Faċilità Afrikana ta’ Sostenn għall-Paċi;

    27.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif, f’Settembru 2008 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon, ta’ Panel UA-NU ta’ persuni distinti biex jidentifikaw modi kif il-komunità internazzjonali tista’ tappoġġja l-operazzjonijiet ta’ żamma tal-paċi tal-UA taħt il-mandat tan-NU;

    Governanza u drittijiet tal-bniedem

    28.

    Jirrimarka li l-kunċett ta’ governanza għandu jkun bħala kejl ta’ kemm qed tiffunzjona tajjeb is-soċjetà, permezz tal-liġi u l-ordni, ir-rispett u l-promozzjoni attiva tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħolqien tal-ġid u d-distribuzzjoni trasparenti u ġusta tal-ġid u servizzi essenzjali tas-saħħa u s-servizzi soċjali; jisħaq li l-atturi esterni m’għandhomx jevalwaw il-governanza biss fuq il-kriterji imposti li ġejjin minn barra iżda minflok għandhom jevalwawhom fuq standards u valuri li jinqasmu b’mod reċiproku;

    29.

    Jisħaq dwar l-importanza ta’ demokrazija sostenibbli inklużi governanza tajba u elezzjonijiet demokratiċi li jridu jinkludu sostenn għall-bini tal-kapaċità parlamentari, u l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali fid-djalogu politiku;

    30.

    Jisħaq li l-governanza għandha titjieb fuq iż-żewġ naħat: mhux biss hija prijorità fl-Afrika iżda anke fuq in-naħa Ewropea li għandha ttejjeb il-governanza u r-responsabilità fir-rigward tal-impenji għal għajnuna u koordinazzjoni aħjar bejn id-donaturi bl-għan li jiġu kkunsidrati aktar is-sitwazzjonijiet fejn l-għajnuna tiġi miċħuda (“aid orphans”); jisħaq li l-parlamenti nazzjonali u kontinentali, atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali għandhom rwol importanti f’dan il-qasam;

    31.

    Isejjaħ għal aktar appoġġ għal inizjattivi eżistenti Afrikani, bħal ma huwa l-Mekkaniżmu tal-evalwazzjoni mill-Pari Afrikan (APRM), li sa issa kien l-aktar sforz serju tal-pajjiżi Afrikani biex itejbu l-governanza fil-kontinent, u l-istrumenti varji stabbiliti mill-UA, li se jżidu s-sjieda Afrikana tal-proċess;

    32.

    Juri tħassib serju li l-“profili ta’ governanza” żviluppati mill-Kummissjoni għal kull pajjiż tal-ACP, li se jiggwidaw l-ipprogrammar għall–għajnuna għall-iżvilupp fir-rigward tal-ammont ta’ 2 700 miljun euro bħala fondi addizzjonali fi ħdan l-10 EDF, tħejjew mingħajr ebda element parteċipatorju; jinnota li l-eliġibbiltà għal fondi addizzjonali ta’ pajjiżi benefiċjarji ġiet iġġudikata skont sett ta’ kriterji li minnhom wieħed biss minnhom marbut direttament ma’ l-MDGs; juri l-biża’ li l-“profili” tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jkissru l-proċess tal-APRM; jappella lill-Kummissjoni Ewropea tikkonsulta u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi bl-għan li jiġi żgurat li jiġu allokati għal inizjattivi ta’ governanza, biex jappoġġjaw l-aġenda tal-UA dwar l-governanza u l-proċess APRM;

    33.

    Jitlob li d-djalogu skont is-sħubija tal-governanza u d-drittijiet tal-bniedem biex tiġi indirizzata l-impunità għall-abbużi li jsiru mid-drittijiet tal-bniedem, billi jħares lejn l-aqwa prattika skont il-liġi nazzjonali jew internazzjonali, li jinkludi x-xogħol tal-qrati internazzjonali kontra l-kriminlaità mwaqqfa fi Sierra Leone u fir-Rwanda;

    Kummerċ, żvilupp ekonomiku u integrazzjoni reġjonali

    34.

    Jikkunsidra, fir-rigward tas-sħubija dwar l-integrazzjoni kummerċjali u reġjonali, li bis-saħħa ta’ kundizzjonijiet tajba, iż-żieda fil-kummerċ hija mezz essenzjali għat-tkabbir ekonomiku, bil-kundizzjoni li l-politiki dwar il-kummerċ ikunu koerenti mal-għanijiet tal-iżvilupp; jilqa’ b’sodisfazzjon għalhekk l-għanijiet ta’ din is-sħubija biex tiġi appoġġjata l-integrazzjoni reġjonali Afrikana u jissaħħu l-kapaċitajiet kummerċjali tal-kontinent;

    35.

    Iħares ’il quddiem lejn konklużjoni rapida tar-Round ta’ Żvilupp ta’ Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO), iżda jinsisti li dan irid jibqa’ essenzjalment “round ta’ żvilupp”, li jiffavorixxi l-integrazzjoni tan-nazzjonijiet Afrikani fl-ekonomija globali, li effettivament inaqqas sussidji agrikoli ta’ tgħawwiġ tal-kummerċ u jwassal għall-abolizzjoni tas-sussidju fuq l-esportazzjoni agrikola;

    36.

    Jemmen li l-UE għandha tgħin l-istati Afrikani biex jiżguraw li l-agrikoltura tagħhom tkun kapaċi ssostni lilha nnifisha u biex is-servizzi essenzjali u l-industriji domestiċi vulnerabbli isiru aktar dinamiċi;

    37.

    Jinsisti li l-aħħar EPAs iffirmati ma’ stati Afrikani għandhom iservu l-ewwel u qabel kollox bħala għodda għall-iżvilupp li jirrispettaw il-kapaċitajiet differenti ta’ diversi benefiċjarji u l-livelli ta’ żvilupp;

    38.

    Jenfasizza l-fatt li l-ftehim ta’ sħubija ekonomika EPAs għandhom jippromwovu aktar milli jdgħajfu l-integrazzjoni reġjonali tal-Afrika; jappoġġja l-isforzi tal-UA biex jissaħħu l-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali bħala l-blokki fundamentali għall-bini tal-integrazzjoni reġjonali tal-kontinent;

    39.

    Jinsisti li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jonoraw l-impenn tagħhom biex sas-sena 2010 jipprovdu mill-inqas EUR 2 000 miljun kull sena għall-“għajnuna għall-kummerċ” ġenwina, l-akbar sehem għandu jkun għall-Afrika; jappella għall-istipular u l-forniment f’waqthom tas-sehem mir-riżorsi tal-għajnuna għall-kummerċ; jisħaq li dawn il-fondi għandhom ikunu riżorsi addizzjonali u mhux sempliċiment iffinanzjar tal-EDF mogħti dehra ġdida;

    40.

    Jistieden lis-sħubija biex tindirizza l-aġenda usa tal-għajnuna għall-kummerċ, li tinkludi l-iżvilupp tal-infrastrutturi, il-promozzjoni tal-iżvilupp u r-regolazzjoni aħjar inklużi regoli ta’ oriġini li jkunu aktar sempliċi u faċli għall-utent;

    41.

    Jistieden lis-sħubija ukoll biex tindirizza aspetti ekonomiċi li għalkemm mhumiex neċessarjament relatati mal-kummerċ, għandhom konsegwenzi importanti għall-ekonomiji tal-Afrika, bħal pereżempju il-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex jinżamm il-ħruġ ta’ kapital illiċitu u biex jiġi promoss ir-regolament internazzjonali ta’ postijiet li joffru kenn finanzjarju;

    42.

    Jistieden lill-Istrateġija Konġunta biex tirrikonoxxi u tappoġġja r-rwol tal-migranti u dijaspori favur l-iżvilupp tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, billi tiffaċilita l-investimenti tagħhom f’dawn il-pajjiżi u billi tnaqqas l-ispiża tat-trasferimenti;

    Kwistjonijiet ta’ żvilupp ewlenin

    43.

    Jinsisti, fir-rigward tas-sħubijia dwar l-għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDG), li anki permezz ta’ aktar għajnuna u ta’ għajnuna aħjar tkun diffiċli li dawn l-għanijiet jintlaħqu, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex iwettqu l-impenji tagħhom li reġgħu ssemmew riċentement fil-Konferenza dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp f’Doha, kif ukoll fil-Forum ta’ Livell Għoli li sar f’Akkra dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont ta’ għajnuna li qed joffru, il-koerenza politika, is-sjieda u t-tqassim tax-xogħol bejn id-donaturi;

    44.

    Jinnota li s-saħħa bażika u l-edukazzjoni primarja u sekondarja huma katalizzaturi kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDG); konsegwentement jinkoraġixxi lill-pajjiżi Afrikani biex iqisu dawn l-oqsma bħala waħda mill-prijoritjiet ewlenin tal-istrateġiji tagħhom biex inaqqsu l-faqar; jappella lill-isħubija biex tippromwovi żvilupp bħal dan, waqt li tikkunsidra l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tonfoq tal-anqas 20 % tal-baġit ta’ għajnuna tal-Komunità f’dawn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni li testendi dan l-impenn lill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp ; ifakkar li l-isforzi kollha f’dan ir-rigward għandhom jinkludu l-persuni b’diżabbiltà; jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultat tal-ewwel laqgħa tal-Grupp Konġunt ta’ Esperti u jitlob lill-partijiet interessati biex jiżguraw li jsir progress fis-sena li ġejja;

    45.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni urġenti biex twettaq l-impenji tagħha fil-qasam tas-saħħa fir-rigward tal-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta’ Jannar 2009 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar “L-Għajnuna tal-KE għall-Iżvilupp tas-Servizzi tas-Saħħa fl-Afrika Sub-Saħarjana”; jenfassiza l-importanza taż-żieda fl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea lis-settur tas-saħħa fl-Afrika Sub-Saħarjana matul l-għaxar reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-10 EDF biex tappoġġja l-impenn għall-għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDG) fis-saħħa;

    46.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal- UE u l-UA biex jagħtu aktar importanza lis-sigurtà tal-ikel u s-sovranità fl-ikel fl-Afrika u biex jappoġġjaw l-produttività u l-kompetittività tal-agrikoltura Afrikana, b’mod partikolari l-produzzjoni tal-ikel għas-swieq lokali, u l-promozzjoni ta’ “żoni ambjentali” madwar l-ibliet;

    47.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu fid-dibattiti tagħhom, fil- u lil hinn mill-Istrateġija konġunta, il-kwistjoni tad-distribuzzjoni ġusta tal-ġid li tirriżulta mill-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali; jinsisti li d-dħul nazzjonali mir-riżorsi naturali għandu jiġi allokat, bħala kwistjoni ta’ prijorità, b’aktar ekwità biex jissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet tagħhom, partikolarment fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-konservazzjoni tar-riżorsi naturali u l-ambjent, u b’hekk jgħin fil-kisba tal-MDGs;

    48.

    Juri tħassib li l-perjodu reċenti ta’ tkabbir rekord fl-Afrika se jitreġġa’ lura bit-tnaqqis ekonomiku dinji, u jisħaq li l-kontinent jista’ jintefa’ lura b’għexieren ta’ snin bħala riżultat tal-prezzijiet neżlin tal-kommoditajiet, inqas influss ta’ investimenti, instabbiltà finanzjarja u tnaqqis fit-trasferiment ta’ fondi;

    Aspetti oħra tal-istrateġija

    49.

    Ifakkar, fir-rigward tal-bidla fil-klima, li l-pajjiżi żviluppati huma primarjament responsabbli għall-bidla fil-klima, waqt li din tħalli impatt negattiv l-aktar fuq pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jinsiti, għalhekk, li jinħtieġu fondi ġodda jekk il-pajjiżi Afrikani jridu jevitaw li jiġu sfurzati jħallsu prezz sproporzjonat għall-adattazzjoni u għat-tnaqqis tal-effetti tal-bidla fil-klima; barra minn hekk, jappoġġja d-dikjarazzjoni konġunta UE-Afrika dwar bidla fil-klima ppreżentata fil-Konferenza dwar Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Bidla fil-Klima tan-NU, f’Poznan f’Diċembru 2008;

    50.

    Jitlob, fil-kuntest tas-sħubija għall-migrazzjoni u l-impjiegi, soluzzjoni ġusta u prattika għat-telf tal-imħuħ (“brain drain”), li ċċaħħad ħafna nazzjonijiet Afrikani ta’ għadd kbir ta’ ħaddiema b’kompetenzi professjonali, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa;

    51.

    Jappella biex l-iskema ġdida ta’ “karta blu” tal-UE tiskoraġġixxi t-telf ta’ ħaddiema tas-sengħa mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’setturi fejn dawn il-pajjiżi għandhom nuqqas ta’ ħaddiema, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni;

    52.

    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tuża s-sħubija bejn l-UE u l-Afrika biex tgħin lill-pajjiżi Afrikani japplikaw il-flessibiltajiet previsti fid-Dikjarazzjoni ta’ Doħa dwar id-Drittijiet ta’ Proprjeta’ Intelletwali relatati mal-kummerċ (TRIPS) u s-saħħa pubblika, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal mediċini essenzjali li jkunu finanzjarment aċċessibbli fl-Afrika;

    53.

    Jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat, f’dak li jirrigwardja sħubija fix-xjenza u t-teknoloġija, biex jimmiraw li jsolvu d-distakk diġitali billi jżidu l-koperazzjoni dwar l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, partikolarment fit-telefonija u l-Internet;

    54.

    Jistenna li l-Istrateġija Konġunta tieħu passi speċifiċi biex jitjiebu l-opportunitajiet għan-nisa, it-tfal u l-persuni b’diżabbiltà fl-Afrika, għax dawn il-gruppi jiffaċċjaw diffikultajiet serji ħafna fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    55.

    Jisħaq li, jekk l-Istrateġija Konġunta għandha tmur “lilhinn mill-Afrika”, b’iktar koperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika fi ħdan entitajiet internazzjonali u f’negozjati multilaterali dwar kwistjonijiet ewlenin bħal mhuma l-kummerċ, id-drittijiet tal-bniedem jew il-bidla fil-klima, l-UE u l-Afrika għandhom jaħdmu biex joħolqu istituzzjonijiet internazzjonali aktar demokratiċi u aktar rappreżentattivi, bħall-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u d-WTO, u biex jiġi żgurat li l-Afrika, fl-aħħar, tkun tista’ jkollha influwenza skont id-daqs u l-istatus tagħha;

    56.

    Jistieden għal darb’oħra lill-istituzzjonijiet tal-UE biex joħolqu strument finanzjarju speċifiku għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta u jiċċentralizzaw l-għejun eżistenti kollha ta’ ffinanzjar, b’mod ċar, prevedibbli u programmabbli; jesprimi dubju dwar sa liema punt l-Istrateġija Konġunta se tkun kapaċi tilħaq l-ambizzjonijiet kbar tagħha jew toffri valur miżjud ġenwin mingħajr ebda ffinanzjar ġdid jew mingħajr ebda pprogrammar mill-ġdid tal-finanzjament eżistenti;

    57.

    Jappella lill-gvernijiet fl-UE u l-Afrika biex iwasslu b’mod aktar effettiv u sistematiku lill-popli tagħhom l-azzjonijiet u l-kisbiet tal-Istrateġija Konġunta u biex jaħdmu biex iwessgħu aktar l-irrappurtar tal-media;

    Inħarsu ’l quddiem

    58.

    Jinsab ħerqan għal involviment validu tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament Pan-Afrika, wara l-esperjenza tal-Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Afrika f’Liżbona fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2007, bħala parti mill-preparazzjoni għat-tielet Laqgħa Għolja bejn l-Afrika u l-UE fl-2010 u l-partiċipazzjoni attiva tagħhom fil-Laqgħa Għolja innifisha;

    59.

    Jistieden lill-Kummissjonijiet u lill-Presidenzi tal-UE u tal-UA biex jiftiehmu dwar il-proposti msemmija hawn fuq immirati lejn it-titjib tas-sehem parlamentari fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Istrateġija Konġunta;

    60.

    Għandu l-ħsieb li fil-Parlament Ewropew jiġġenera l-koordinazjoni u s-sinerġija meħtieġa bejn l-entitajiet kollha tiegħu biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-Istrateġija Konġunta; jirrepeti, f’dan ir-rigward, li għandu l-ħsieb li jittrasforma d-delegazzjoni ad-hoc għar-relazzjonijiet mal-Parlament Pan-Afrikan f’delegazzjoni interparlamentari kompluta;

    *

    * *

    61.

    Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Kulturali tal-UA, lill-Kummissjoni tal-UA, lill-Kunsill Eżekuttiv tal-UA, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Kunsill tal-Ministri tal-ACP u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-ACP u l-UE.


    (1)  ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 633.

    (2)  ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 475.

    (3)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

    (4)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

    (5)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

    (6)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


    Top