Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0150

    Il-prijoritajiet tal-UE għall-64 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU Rakkomondazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tal- 24 ta’ Marzu 2009 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-64 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU (2009/2000(INI))

    ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 117/1


    It-Tlieta, 24 ta’ Marzu 2009
    Il-prijoritajiet tal-UE għall-64 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU

    P6_TA(2009)0150

    Rakkomondazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-64 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU (2009/2000(INI))

    2010/C 117 E/01

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill minn Alexander Graf Lambsdorff f’isem il-Grupp ALDE dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea għall-64 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-NU (B6-0034/2009),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2008 lill-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-63 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-NU (1),

    wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-UE għat-63 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottati mill-Kunsill fis-16 ta’ Ġunju 2008 (9978/2008),

    wara li kkunsidra s-63 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGA), b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tagħha dwar “Kooperazzjoni bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Interparlamentari (2)”, “Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Użu ta’ Armi Nukleari” (3), “Trattat Komprensiv dwar il-Projbizzjoni ta’ Testijiet Nukleari” (4), “Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta’ Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u Armi Tossiċi u dwar il-Qerda Tagħhom” (5), “Moratorju dwar l-użu tal-piena tal-mewt” (6), “Ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu” (7), “Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea” (8), “Is-Sitwazzjoni ta’ drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran” (9), “Id-Dikkjarazzjoni ta’ Doha dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp: dokument tar-riżultat tal-Konferenza Internazzjonali ta’ Segwitu dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp biex issir Reviżjoni tal-Implimentazzjoni tal-Kunses ta’ Monterrey” (10), “Is-Sitwazzjoni tad-drittijiet tal-Bniedem fil-Myanmar” (11), “Attivitajiet relatati mal-Iżvilupp” (12), “It-Tisħiħ tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin” (13), “Il-Baġit tal-programm għall-bijennju 2008-2009” (14) u “Proponiment ta’ idea ġenerali għall-Baġit tal-programm għall-bijennju 2010-2011” (15),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar l-iżvilupp tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, inkluż l-irwol tal-UE (16),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar prospettivi ta’ żvilupp għall- ħolqien tal-paċi u l-bini ta’ nazzjonijiet f’sitwazzjonijiet wara kunflitt (17),

    wara li kkunsidra r-Regola 114(3) u Regola 90 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0132/2009),

    A.

    billi, erba’ snin wara, l-Istati Membri tan-NU għandhom jiġu mfakkra fl-impenn tagħhom sabiex jiksbu l-miri ambizzjużi stipulati tad-Dokument dwar ir-Riżultati tas-Samit Dinji adottat f’New York fis-16 ta’ Settembru 2005,

    B.

    billi hija biss sistema multilaterali globali, effikaċi u inklussiva li tista’ tindirizza l-għadd ta’ sfidi u theddidiet marbut mill-qrib u li n-nazzjonijiet, is-soċjetajiet u ċ-ċittadini jħabbtu wiċċhom miegħu, bħat-theddid għall-paċi u l-istabiltà, it-theddid għas-sigurtà tal-bniedem, għall-faqar, għall-bidla fil-klima, għas-sigurtà tal-enerġija u l-konsegwenzi tal-kriżi globali ekonomika u finanzjarja,

    C.

    billi fit-63 Assemblea Ġenerali tan-NU ttieħdu deċiżjonijiet importanti fuq għadd ta’ punti li jirrigwardaw l-aġenda tar-riforma, inklużi t-titjib fl-amministrazzjoni tar-riżorsi umani u fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, it-tisħiħ parzjali tad-Dipartiment tal-Affarijiet Politiċi, u t-tnedija tan-negozjati intergovernementali dwar ir-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà,

    D.

    billi, abbażi proposta mit-Tielet Kumitat, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat ġabra ta’ riżoluzzjonijiet importanti fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet soċjali, umanitarji u dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi riżoluzzjonijiet ta’ tliet pajjiżi, kif ukoll il-Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

    E.

    billi, grazzi għall-inizjattiva “Delivering as One” u x-xogħol taż-żewġ kofaċilitaturi, sar progress tanġibbli u prammatiku fil-kisba ta’ xi riformi ta’ Koerenza Sistemika fin-NU; billi jenħtieġ li l-kisbiet jiġu kkonsolidati u li jsir aktar progress fiz-zoni identifikati mit-63 UNGA.

    F.

    billi n-nuqqas ta’ riforma ta’ entitajiet, bħall-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u bħall-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU (ECOSOC), jista’ jirriżulta fil-fatt li raggruppamenti informali bħall-G8 jew il-G20 jippruvaw jieħdu post l-arranġamenti istituzzjonali globali,

    G.

    billi l-Unjoni Ewropea għandha tippromwovi l-fatt li l-prinċipji sodi tagħha huma valuri universali, filwaqt li tagħmel sforzi sabiex tevita l-polarizzazzjoni tal-pożizzjonijiet,

    H.

    billi, min-naħa l-oħra, il-koperazzjoni bejn is-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet tal-UE qatt ma kienu daqshekk mill-qrib u dan jirrifletti l-valuri, il-miri u l-interessi kondiviżi ta’ dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet,

    I.

    billi l-kapaċità operazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam ta’ attivitajiet ta’ paċi u ta’ sigurtà jenħtieġ li tissaħħaħ aktar, u billi l-kooperazzjoni UE/NU fiż-żamma tal-paċi hija kolonna importanti fil-paċi u fis-sigurtà globali,

    J.

    billi jeżisti numru dejjem jikber ta’ fatalitajiet fost il-ħaddiema għaż-żamma tal-paċi tan-NU, u billi għandhom jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex dawn il-ħaddiema jitħarsu,

    K.

    billi l-UE u l-Istati Uniti huma msieħba strateġiċi u huwa fl-interess reċiproku tagħhom li jikkonfrontaw flimkien it-theddidiet u l-isfidi komuni fix-xenarju globali l-ġdid, fuq il-bażi tal-liġi u tal-istituzzjonijiet multilaterali internazzjonali, b’mod partikolari in-NU; billi d-dikjarazzjoni magħmula mir-Rappreżentant Permanenti tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti, Susan Rice, turi dedikazzjoni mġedda biex ikun hemm impenn b’mod kostruttiv man-Nazzjonijiet Uniti,

    L.

    billi l-Unjoni Ewropea indikat, fl-Istqarrija tagħha fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC) tad-19 ta’ Settembru 2008, li l-erba’ elementi li ġejjin u li huma parti mid-dokument tar-riżultat tal-Konferenza ta’ Durban huma inaċċettabbli ('l hekk imsejħa l-“linji l-ħomor tal-UE”): (1) l-għażla ta’ reġjun wieħed partikolari fid-dinja; (2) il-ftuħ mill-ġdid tad-dikjarazzjoni ta’ Durban 2001 billi tiddaħħal projbizzjoni kontra “d-defamazzjoni ta’ reliġjon,” maħsuba biex tirristrinġi l-kelma ħielsa u biex timponi ċ-ċensura eżistenti fil-liġijiet Iżlamiċi ta’ kontra l-ereżiji; (3) it-tfassil ta’ lista ta’ prijorità fost il-vittmi; u (4) il-politiċizzazzjoni u l-polarizzazzjoni tad-diskussjoni,

    M.

    billi fil-kuntest ta’ reċessjoni globali, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jintbagħtu lura għexieren ta’ snin bħala riżultat tal-prezzijiet ta’ oġġetti bażiċi li dejjem qed jorħsu, inqas flussi ta’ investiment, instabilità finanzjarja u nuqqas fi ħlasijiet, u billi l-valur tal-impenji eżistenti ta’ għajnuna mill-UE ser jonqos bi kważi 12 000 dollaru Amerikan fis-sena għaliex dawn l-impenji huma espressi f’persentaġġ tal-PGD tal-Istati Membri,

    1.

    Jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

     

    L-UE fin-NU

    (a)

    biex jipproġetta lilu nnifsu fis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti bħala medjatur onest bejn l-interessi u l-valuri ta’ gruppi msieħba differenti sabiex jippromwovi għarfien komuni u koeżjoni akbar fir-rigward tat-tliet pilastri marbutin flimkien mill-qrib li fuqhom isserraħ in-NU, jiġifieri l-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u d-drittijiet tal-bniedem;

    (b)

    biex ikun żgurat, flimkien mal-Kummissjoni li l-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-aġenda multilaterali jiġu indirizzati sistematikament fid-djalogi bilaterali li l-UE u l-Istati Membri tal-UE jagħmlu ma’ pajjiżi u gruppi reġjonali oħrajn;

    (c)

    biex flimkien mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti jistudja bir-reqqa metodi li jsaħħu l-koperazzjoni taż-żewġ imsieħba, b’appoġġ għall-prijoritajiet komuni tagħhom fin-Nazzjonijiet Uniti;

     

    Paċi u Sigurtà

    (d)

    biex irawwem id-dibattitu mibdi mis-Segretarju Ġenerali, Ban Ki-Moon, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-Responsabiltà ta’ Protezzjoni (R2P), sabiex jikseb kunsens imsaħħaħ dwaru u biex jiġi żviluppat approċċ aktar operazzjonali għal din il-kolonna ewlenija tal-prinċipji tan-NU filwaqt li jirreżisti tentattivi biex jonqos il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha;

    (e)

    biex jiżgura li n-natura preventiva tal-R2P tkun enfasizzata b’mod xieraq fid-dibattitu msemmi hawn fuq u li tingħata attenzjoni xierqa sabiex tingħata għajnuna lil pajjiżi vulnerabbli u mhux stabbli ħalli jiżviluppaw il-kapaċità li jerfgħu responsabiltà bħal din, b’attenzjoni speċifika fuq il-parteċipanti reġjonali bħala l-iktar interlokaturi effettivi f’sitwazzjonijiet mhux stabbli;

    (f)

    biex jiżgura li l-prinċipju tal-R2P jiġi applikat f’każijiet ta’ kriżi fejn l-istat ikkonċernat jonqos milli jipproteġi lill-poplu tiegħu minn ġenoċidju, reati tal-gwerra, tindif etniku u reati kontra l-umanità;

    (g)

    biex jinkoraġġixxi lill-Unjoni Afrikana biex tiżviluppa aktar il-kapaċitajiet tal-immaniġġjar tal-kriżi tagħha u jistieden kemm lill-parteċipanti ewlenin tal-UE u tan-NU biex jappoġġjaw dawn l-isforzi u biex isaħħu l-koperazzjoni mal-Unjoni Afrikana fil-ħolqien tal-paċi u s-sigurtà fil-kontinent Afrikan;

    (h)

    biex iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu l-isforzi neċessarji kollha sabiex in-negozjati dwar il-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali jiġu konklużi;

     

    Drittijiet tal-bniedem

    (i)

    biex b’mod ċar jiffavorixxi li r-riżoluzzjonijiet kollha diskussi u adottati fl-UNGA jkunu konformi mal-prinċipji tal-liġi internazzjonali umanitarja u biex jikkundanna b’mod ċar kull ksur ta’ dan, b’mod partikulari fir-rigward tas-sigurtà u tas-sikurezza tal-ħaddiema tan-NU u ta’ ħaddiema umanitarji oħrajn;

    (j)

    biex jistabbilixxi kuntatt ma’ gruppi reġjunali oħrajn sabiex jippromwovi aktar kuxjenza u għarfien dwar il-prinċipji eżistenti fid-Dikjarazzjoni appoġġjata mill-UE dwar l-orjentazzjoni sesswali u l-identità sesswali approvata mis-66 Stat Membru tan-NU;

    (k)

    biex jitlob lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jinforma lill-65 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-konformità tal-Istati Membri mal-projbizzjoni tal-piena tal-mewt għaż-żgħażagħ, inkluża l-informazzjoni dwar l-għadd ta’ żgħażagħ li wettqu reati li bħalissa huma kkundannati għall-piena tal-mewt, u l-għadd ta’ żgħażagħ li ġew iġġustizzjati f’dawn l-aħħar 5 snin;

    (l)

    biex iniedi dibattitu, qabel ir-reviżjoni tal-2011 tal-HCR, li jenfasizza l-kumplimentarità bejn it-Tielet Kumitat, korp intergovernementali tal-UNGA li għandu sħubija universali, u l-HRC, li l-kompożizzjoni tiegħu hi limitata u li l-mandat tiegħu huwa aktar operazzjonali;

    (m)

    jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw mill-ġdid il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Konferenza ta’ reviżjoni ta’ Durban f’Ġinevra f’April 2009 jekk il-ksur tal-“linji l-ħomor” kollha msemmija fl-abbozz tad-dokument ta’ riżultat tal-20 ta’ Frar 2009 jiġi kkonfermat fin-negozjati sussegwenti fil-preparazzjoni għall-Konferenza;

    (n)

    biex jippromwovi u jappoġġja l-isforzi li jiżguraw li s-sistema ta’ sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti fil-konfront tat-terroriżmu tkun suġġetta għal proċeduri trasparenti u ġusti, b’mod partikulari billi tiġi introdotta proċedura effikaċi ta’ notifika u billi tiġi stabbilita reviżjoni ġudizzjarja indipendenti, li tkun konformi mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej;

    (o)

    biex iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà u lilll-Kumitat tiegħu ta’ Kontra t-Terroriżmu ħalli jikkoperaw mal-korpi relevanti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, sabiex jimmoniterjaw b’mod kontinwu l-konformità mal-obbligazzjonijiet skont id-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u l-liġi tar-refuġjati u dik umanitarja;

    (p)

    biex jinsisti li l-membri kollha tan-NU jirratifikaw l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), bil-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà minn ta’ quddiem, u, fl-isfond tal-konferenza ta’ reviżjoni tal-ICC tal-2009, biex jappoġġja b’mod attiv l-isforzi biex jintlaħaq ftehim dwar id-definizzjoni pendenti tar-reat ta’ aggressjoni u l-kundizzjonijiet li skonthom il-Qorti tista’ teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha, kif stipulat fl-Artikolu 5(2) tal-Istatut ta’ Ruma;

     

    Riforma tan-NU

    (q)

    biex jinkuraġġixxi l-proċess li għadu għaddej ħalli jikseb konsistenza bejn il-progress miksub fil-livell tal-pajjiż fl-implimentazzjoni tar-riforma “Delivering as One” u l-prattiki kummerċjali differenti applikati mill-kwartieri ġenerali tal-aġenziji u l-programmi tan-NU, li sa issa ostakolaw koperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib fil-prattika;

    (r)

    biex jiżviluppa l-koordinazzjoni tal-UE, inkluża l-koordinazzjoni tad-donatur, fir-relazzjonijiet ta’ aġenziji, fondi u programmi tan-NU fil-livell tal-kwartieri ġenerali kif ukoll fil-livell tal-pajjiż, inkluż bil-parteċipazzjoni f’fondi li għandhom aktar minn donatur wieħed u li huma mmexxija min-NU, u biex jestendi wkoll għall-aġenziji u għall-programmi tan-NU id-djalogu mas-Segretarjat tan-NU li diġà huwa stabbilit sew;

     

    Ambjent

    (s)

    biex jippromwovi dibattitu dwar il-Konferenza tal-Partijiet li jmiss għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima (COP15) f’Kopenħagen f’Diċembru 2009 sabiex jinħoloq kunsens dwar l-adozzjoni ta’ ftehima internazzjonali ġdida dwar il-Bidla fil-Klima għall-perjodu ta’ wara l-2012 u biex din il-ftehima tiġbor mumentum warajha; f’dan il-kuntest, biex jiġbor appoġġ għal pakkett finanzjarju u teknoloġiku immirat lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex l-approvazzjoni tagħhom għal ftehima vinkolanti ġdida tiġi faċilitata;

    (t)

    biex japprova l-adozzjoni, mill-UNGA li jmiss, ta’ struttura aktar koerenti għal governanza ambjentali globali, kif propost mill-Kunsill Governattiv/Forum Globali Ministerjali dwar l-Ambjent tal-Programm Ambjentali tan-NU, sistema ta’ governanza li tkun kapaċi tħabbat wiċċha mal-isfidi ferm kbar li għad iridu jiġu;

     

    Governanza globali

    (u)

    biex imexxi d-dibattitu attwali dwar il-governanza globali, inkluża l-governanza ekonomika u finanzjarja, bil-għan li jsaħħaħ il-mandati u jtejjeb il-prattiċi tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u tal-Bank Dinji, filwaqt li fl-istess ħin jerġa’ jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-ECOSOC;

    (v)

    biex juża n-negozjati intergovernamentali li ġejjin dwar ir-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà, abbażi tar-regoli ta’ proċedura tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, bħala opportunità biex issir enfasi fuq punti ta’ konverġenza u biex jinkiseb progress tanġibbli fir-rigward tal-kjarifika tal-kompetenzi tal-Kunsill tas-Sigurtà fir-rigward ta’ korpi oħrajn tan-NU, iż-żieda ta’ membri ġodda permanenti u mhux permanenti – possibbilment fuq bażi temporanja – sabiex itejbu r-rappreżentanza u l-leġittimità tal-Kunsill tas-Sigurtà, u r-reviżjoni ta’ metodi ta’ ħidma tal-Kunsill tas-Sigurtà;

    (w)

    biex jenfasizza li l-Unjoni Ewropea ser tibqa’ timmira fit-tul biex ikollha post fil-Kunsill tas-Sigurtà;

     

    Nonproliferazzjoni u diżarm

    (x)

    biex jippromwovi kundizzjonijiet għas-suċċess tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Partijiet tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) fl-2010, speċjalment billi jendorsja u jippromwovi l-Mudel tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari propost; biex jikseb kunses dwar it-Trattat propost dwar il-Waqfien tal-Użu ta’ Materjal Fissili; biex jaħdem sabiex tinkiseb l-adozzjoni, mill-Konferenza dwar id-Diżarm, ta’ programm sostantiv ta’ ħidma sabiex dik l-entità tibda topera; sabiex jitratta, b’mod multilaterali u bilaterali, mal-Istati Membri tan-NU sabiex jerġgħu iniedu r-ratifika tat-Trattat Kompresniv dwar il-Projbizzjoni tat-Testijiet Nukleari; u, fl-aħħarnett, sabiex iħeġġeġ aktar sforzi lejn it-tnedija ta’ negozjati dwar Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;

     

    Riforma tat-tmexxija

    (y)

    biex jagħmel użu sħiħ mill-importanza finanzjarja li għandu fin-NU sabiex jiżgura li l-baġit għall-2010-2011 jindirizza aħjar il-ħtiġijiet operazzjonali l-aktar bżonjużi ta’ din l-organizzazzjoni, u biex jipprovdu lis-Segretaju Ġenerali tan-NU b’aktar diskrezzjoni fl-allokazzjoni ta’ riżorsi umani skont tali ħtiġijiet u fid-dawl tad-deċiżjonijiet operazzjonali meħuda mill-korpi relevanti tan-NU, b’mod partikulari mill-Kunsill tas-Sigurtà u mill-UNGA;

    (z)

    biex, fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar reviżjoni tal-gradi ta’ evalwazzjoni għall-allokazzjoni tal-ispejjeż tan-Nazzjonijiet Uniti, jistabbilixxi rabta ċara bejn rappreżentazzjoni aħjar fost il-korpi tan-NU u tqassim aktar ġust tal-piż finanzjarju;

    (aa)

    biex jiżviluppa politika tal-persunal tal-UE fin-NU aktar koordinata mill-qrib, bil-għan li tinkisb aktar trasparenza u effikaċja fil-proċeduri ta’ reklutaġġ u biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ jibqgħu biżżejjed attraenti għaċ-ċittadini tal-UE;

     

    L-Għanijiet tal-Iżvilupp għall-Millenju (MDGs)

    (ab)

    biex jeżerċita sens ta’ tmexxija globali biex iqanqal azzjoni internazzjonali għall-kisba tal-wegħidiet tal-MDGs fid-dawl tal-evidenz dejjem tiżdied li d-dinja għadha lura ferm mil-wegħdiet li saru fir-rigward tal-MDGs;

    (ac)

    sabiex jappoġġa l-inizjattiva tal-‘Grupp ta’ Ħidma għall-MDG’ li jimmonitorja l-impenji globali dwar l-għajnuna, il-kummerċ, it-tnaqqis tad-dejn u l-aċċess għal mediċini u teknoloġiji essenzjali;

    (ad)

    sabiex jappella għall-organizzazzjoni, b’urġenza, tal-konferenza ta’ livell għoli tan-NU dwar il-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija u l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp, kif kien miftiehem waqt il-Konferenza ta’ Doha dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret fl-2008;

    (ae)

    sabiex ikompli d-diskussjonijiet dwar l-inizjattiva “Business Call to Action” u l-impenji għall-fondi u għall-appoġġ favur l-isforzi għall-MDG, inklużi kif flimkien ma’ dawn tista’ tiżdied bl-istess rata r-responsabilità min-naħa tas-settur korporattiv;

    (af)

    sabiex, pari passu ma’ dawn l-inizjattivi kollha, jaderixxi mal-prinċipji eżistenti fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna, u mal-Aġenda ta’ Akkra għall-Azzjoni, sabiex tittejjeb il-kwalità u d-distribuzzjoni tal-għajnuna;

    (ag)

    sabiex juża l-okkażjoni tal-64 UNGA sabiex isir rapport dwar il-livell sa fejn intlaħqu l-punti ta’ riferenza stipulati fl-Aġenda tal-UE għall-Azzjoni dwar l-MDGs;

    (ah)

    sabiex jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-kuntratti tal-MDGs u biex tħeġġeġ lid-donaturi l-oħra biex jipprovdu aktar għajnuna min-naħa tagħhom, fis-sura ta’ appoġġ baġitarju, fuq bażi prevedibbli u fit-tul;

     

    L-aħħar Rakkomandazzjonijiet

    (ai)

    biex iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jimxu mal-impenn tagħhom ta’ multilateriżmu effikaċi billi jiżguraw li ssir ir-ratifika sistematika u mgħaġġla tal-konvenzjonijiet u tat-trattati tan-NU;

    (aj)

    biex jappoġġja d-deċiżjoni meħuda mill-UNGA fir-riżoluzzjoni tagħha dwar il-“Koperazzjoni bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Interparlamentari” imsemmija hawn li tipprevedui punt separat dwar il-koperazzjoni bejn l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, il-parlamenti nazzjonali u l-Unjoni Interparlamentari fl-aġenda proviżorja tal-65 UNGA, sakemm it-titolu tal-punt jinkludi ukoll referenza għal “assemblei parlamentari reġjonali”, u jippromwovi dibattitu dwar kif il-membri parlamentari, il-parlamenti nazzjonali u l-assemblei parlamentari reġjonali jista’ jkollhom rwol aktar attiv fin-Nazzjonijiet Uniti;

    *

    * *

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta’ informazzjoni, lill-Kummissjoni.


    (1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0339.

    (2)  A/RES/63/24.

    (3)  A/RES/63/75.

    (4)  A/RES/63/87.

    (5)  A/RES/63/88.

    (6)  A/RES/63/168.

    (7)  A/RES/63/185.

    (8)  A/RES/63/190.

    (9)  A/RES/63/191.

    (10)  A/RES/63/239.

    (11)  A/RES/63/245.

    (12)  A/RES/63/260.

    (13)  A/RES/63/261.

    (14)  A/RES/63/264 A-C.

    (15)  A/RES/63/266.

    (16)  Testi adottati, P6_TA(2009)0021.

    (17)  Testi adottati, P6_TA(2008)0639.


    Top