Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0038

    It-tieni analiżi strateġika tal-politika dwar l-Enerġija Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 3 ta' Frar 2009 dwar it-tieni analiżi strateġika tal-politika dwar l-Enerġija (2008/2239(INI))

    ĠU C 67E, 18.3.2010, p. 16–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 67/16


    It-tieni analiżi strateġika tal-politika dwar l-Enerġija

    P6_TA(2009)0038

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar it-tieni analiżi strateġika tal-politika dwar l-Enerġija (2008/2239(INI))

    (2010/C 67 E/04)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija – Pjan ta' azzjoni tal-UE għas-sigurtà u s-solidarjetà tal-enerġija” (COM(2008)0781) (“il-Komunikazzjoni dwar it-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija”),

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “Lejn network Ewropew ta' enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva” (COM(2008)0782),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-programm relatat man-networks trans-Ewropej tal-enerġija matul il-perjodu 2002-2006 (COM(2008)0770),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 dwar id-Direttiva 2004/67/KE tal-Kunsill tas-26 ta' April 2004 li għandha x'taqsam mal-miżuri biex tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali (COM(2008)0769),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 għal Direttiva tal-Kunsill li tobbliga lill-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta' ħażniet taż-żejt mhux raffinat u/jew ta' prodotti taż-żejt (COM(2008)0775),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “L-effiċjenza fl-enerġija: il-kisba tal-mira ta' 20%” (COM(2008)0772),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ta-13 ta' Novembru 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (tfassil mill-ġdid) (COM(2008)0780),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (tfassil mill-ġdid) (COM(2008)0778),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza tal-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra (COM(2008)0779),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurta' nukleari (COM(2008)0790),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “L-Ewropa tista' tiffranka aktar enerġija permezz tal-ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku” (COM(2008)0771),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “Enerġija mir-Riħ Lil hinn mix-Xtut: Azzjoni meħtieġa biex twassal għall-Għanijiet tal-Politika dwar l-Enerġija għall-2020 u aktar 'il quddiem” (COM(2008)0768),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “Aġġornament tal-Programm Nukleari Illustrattiv fil-kuntest tat-tieni Analiżi Strateġika tal-Enerġija” (COM(2008)0776),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 bit-titlu 'Il-Limitazzjoni tal-Bidla Klimatika Globali għal 2 gradi Celsius: It-triq “il quddiem għall-2020 u wara” (COM(2007)0002),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 bit-titlu “20 għal darbtejn sal-2020: L-opportunità dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa” (COM(2008)0030),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (COM(2008)0019),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 bit-titlu “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku” (COM(2008)0800),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2006 dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi orjentazzjonijiet relatati man-networks trans-Ewropej tal-enerġija u li tirrevoka d-Deċiżjoni 96/391/KE u d-Deċiżjoni 1229/2003/KE (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2007 dwar l-Evalwazzjoni tal-Euratom: 50 sena ta' politika ta' enerġija nukleari Ewropea (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2007 dwar l-Istrateġija għal enerġija rinnovabbli fl-Ewropa (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar Lejn politika barranija Ewropea komuni fis-settur tal-enerġija (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar is-Sorsi ta' enerġija konvenzjonali u t-teknoloġiji tal-enerġija (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2008 dwar il-Pjan ta' azzjoni għall-effiċjenza fl-enerġija: it-twettiq tal-potenzjal (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2008 dwar il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-teknoloġija tal-enerġija (8),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/54/KE dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku (9),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/55/KE dwar regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (10),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-network għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku (11),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1775/2005 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks tat-trasport tal-gassijiet naturali (12),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (13),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-appoġġ għal turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili (14),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0013/2009),

    A.

    billi kull politika Ewopea dwar l-enerġija trid timxi fuq tliet għanijiet prinċipali u tal-istess importanza b'mod integru, jiġifieri s-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, li tinkludi impenn qawwi għall-miri tal-UE stess u l-implimentazzjoni tagħhom, u l-kompetittività,

    B.

    billi tinħtieġ bidla sħiħa fil-mudell tal-politika dwar l-enerġija biex jinkisbu t-tliet għanijiet ewlenin, u li fl-istess ħin twassal għal soluzzjoni li tieħu kont tal-kwisjonijiet soċjali, ambjentali, ekonomiċi, u dawk relatati mal-impjieg,

    C.

    billi d-dipendenza tal-UE minn sorsi tal-enerġija konvenzjonali u minn għadd limitat ta' produtturi tal-enerġija tippreżenta riskju serju għall-istabilità, il-prosperità u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija,

    D.

    billi ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija għandu jkollha sehem ewlieni fit-tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija, fiż-żieda tal-kompetittività u fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,

    E.

    billi llum id-domanda tal-UE għall-enerġija għadha qiegħda tiżdied fil-parti l-kbira tas-setturi, u minħabba f'hekk il-potenzjal tal-effiċjenza tal-enerġija fil-biċċa l-kbira għad mhux qiegħed jiġi sfruttat,

    F.

    billi llum l-UE timporta 50% tal-enerġija li tikkonsma u dan il-proporzjon jista' jilħaq is-70% sal-2030,

    G.

    billi r-riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-UE jikbru minħabba n-nuqqas ta' viżjoni għal ekonomija bbażata fuq il-moderazzjoni fil-politika dwar l-enerġija u l-livell baxx tal-investiment, b'mod partikulari fil-livelli lokali u reġjonali li qegħdin iwasslu biex, fis-setturi kollha tal-enerġija u f'dawk marbutin magħha, il-kapaċitajiet jiġġebbdu sal-limiti tagħhom, jew ma jkunux biżżejjed, u għalhekk il-faċilitajiet li jiġġeneraw l-elettriku jeħtieġ li jiġu rinnovati minn issa sal-2030 b'investiment li hu stmat li jiswa EUR 900 biljun,

    H.

    billi n-nuqqas fil-livell tal-prezzijiet taż-żejt u tal-gass għandu effett negattiv fuq l-investimenti ppjanati, u b'hekk jinħtieġ l-appoġġ għall-proġetti ewlenin kollha tal-infrastruttura li jikkontribwixxu għall-importazzjoni ta' ammonti sinifikanti ta' gass fl-Ewropa, filwaqt li jkunu diversifikati s-sorsi, ir-rotot u jkunu evitati r-riskji ta' tranżitu,

    I.

    billi l-kriżi ekonomika preżenti qiegħda tkompli tostakola l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija,

    J.

    billi minkejja li x-xenarju tal-Kummissjoni jipprevedi n-nuqqas fid-domanda ta' sorsi konvenzjonali fl-għoxrin sena li ġejjin, l-Ewropa jeħtiġilha tappoġġja l-investimenti ppjanati kollha fl-infrastruttura ġdida għall-importazzjoni tal-enerġija; dan għandu jiggarantixxi tranżizzjoni sikura għas-sistema ta' enerġija Ewropea ġdida li mistennija tkun qiegħda taħdem sal-2020,

    K.

    billi mill-2030, sabiex jitnaqqas ir-riskju ewlieni tal-iskarsezza tal-enerġija mill-fjuwils fossili, l-UE se jkollha tkun żviluppat u pprogrammat teknoloġiji ġodda tal-enerġija li jkunu kompetittivi, sostenibbli u b'livell ta' CO2 baxx, filwaqt li tkun naqqset b'mod sinifikanti l-konsum tagħha tal-enerġija,

    L.

    billi l-UE għandha bżonn urġenti li tiżviluppa investimenti f'networks ewlenin u li tiffinalizza s-suq intern tal-enerġija, u billi inizjattivi għall-futur, bħall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni Ewropea u l-istabbiliment ta' network Ewropew uniku tal-gass, għandhom ikunu inkoraġġuti,

    M.

    billi s-settur tal-enerġija u l-investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija għandhom bżonn qafas regolatorju stabbli u koperazzjoni iktar mill-qrib bejn ir-regolaturi nazzjonali,

    N.

    billi l-iżvilupp tan-networks tal-enerġija huwa essenzjali għat-titjib tas-sigurtà tal-provvista, li għandha tkun minn ta' quddiem fost il-prijoritajiet tal-politika tal-enerġija Ewropea,

    O.

    billi s-setturi tal-elettriku u l-gass jeħtiġilhom qafas regolatorju li jkun stabbli u prevedibbli, u jkun meħtieġ li l-Aġenzija għall-Koperazzjoni bejn ir-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”) jingħatawlha setgħat qawwija biex tkun tista' tagħti l-kontribut tagħha għall-armonizzazzjoni tal-oqfsa regolatorji nazzjonali u biex tiġi evitata l-inċertezza li tista' toħroġ mill-proċeduri tal-komitoloġija,

    P.

    billi biex ikun hemm kontribut għas-sigurtà tal-għanijiet tal-provvista, ir-riżorsi indiġeni tal-enerġija konvenzjonali tal-UE għandhom jiġu sfruttati fi Stati Membri fejn ikunu disponibbli f'konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali nazzjonali u Komunitarja,

    1.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw din l-Analiżi Strateġika tal-Enerġija bħala l-bażi għall-implimentazzjoni ta' politika tal-enerġija għall-Ewropa u li tistabbilixxi pjan ta' azzjoni ambizzjuż għal bejn l-2010 u l-2012;

    2.

    Jerġa' jikkonferma l-għan tripplu stabbilit għall-2020 ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'20%, u bi 30% fil-każ ta' ftehim internazzjonali, ta' tnaqqis fil-konsum tal-enerġija b'mill-inqas 20% u l-kisba ta' mill-inqas 20% ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum aħħari tal-enerġija; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex isiru l-ekonomija bl-ikbar effiċjenza fl-enerġija sabiex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-kisba tal-għan tal-klima ta' 2°C; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'mill-anqas 80% sal-2050; jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji xenarji possibbli ta' enerġija, b'konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati, li juru l-modi li bihom dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu u li jistabbilixxu l-ipoteżijiet tekniċi u ekonomiċi li jkunu msejsa fuqhom;

    3.

    Jemmen bis-sħiħ li t-tnaqqis tal-konsum tal- enerġija huwa l-prijorità assoluta bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta' żvilupp sostenibbli, innovazzjoni, ħolqien ta' impjiegi u kompetittività u huwa wkoll mod effettiv ħafna u mhux għoli biex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija;

    4.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-objettiv ta' frankar enerġetiku ta' 20% sal-2020 jorbot legalment fuq l-Istati Membri u sabiex jipproponu u jimplimentaw miżuri konsistenti biex jiżguraw li dan jintlaħaq;

    5.

    Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jadottaw bħala għanijiet it-titjib ta' 35% fl-effiċjenza tal-enerġija u s-sehem ta' 60% ta' enerġija rinnovabbli sal-2050;

    6.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-investimenti ppjanati kollha fl-infrastruttura ġdida ta' importazzjoni ta' enerġija u t-teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli sabiex tilqa' għat-tnaqqis fil-livell tal-prezzijiet taż-żejt u tal-gass li għandu effett negattiv fuq l-investimenti ppjanati;

    Politika Ewropea dwar l-Enerġija

    7.

    Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tar-riskji dejjem jiżdiedu li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea f'termini ta' sigurtà tal-enerġija, biex jesprimu ruħhom b'vuċi waħda; jinnota li l-prattiki attwali tagħhom xejn m'huma adattati għal din l-aspirazzjoni; jikkunsidra li hu indispensabbli, fl-interess tas-sigurtà tal-provvista, is-solidarjetà u l-effiċjenza tan-negozjati u bil-ħsieb li jiġi stabbilit qafas regolatorju internazzjonali, li l-Kummissjoni tipproponi lill-Parlament u lill-Kunsill it-tħejjija ta' politika Ewropea tal-enerġija li tosserva b'mod xieraq il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri: ir-relazzjonijiet internazzjonali, l-effiċjenza tal-enerġija, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, it-tkomplija tal-iżvilupp tas-suq intern, in-negozjar tat-trattati internazzjonali, il-prospettivi u d-djalogu mal-produtturi u l-pajjiżi ta' tranżitu, ir-riċerka fis-settur tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' vuċi unika Ewropea li tindirizza lill-produtturi ta' pajjiżi terzi permezz tal-iżvilupp ta' interdipendenza li tkun ta' benefiċċju reċiproku u biex tappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċità ta' kummerċ tal-kumpaniji tal-UE iktar milli dak ta' kumpaniji tal-istat ta' pajjiżi terzi;

    9.

    Jikkunsidra li s-solidarjetà dwar l-enerġija għandha ssir preokkupazzjoni Ewropea kbira fil-livell Ewropew, reġjonali u bilaterali, u jikkunsidra li l-ħsara li ssir għall-provvista tal-enerġija fi Stat Membru tagħmel ħsara lill-UE kollha kemm hi;

    10.

    Jisħaq fuq l-importanza ta' inizjattivi lokali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; japprova miżuri li jippromwovu l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, bħall-programmi ta' finanzjament li jagħmlu sehem mill-politika ta' koeżjoni jew it-tassazzjoni ħadra, jew il-kontribut tal-“Patt tas-Sindki”, u jappoġġja f'dan ir-rigward l-idea ta' “Patt tal-Gżejjer” għat-tixrid tal-aħjar prattiki u l-iżvilupp ta' komunitajiet u bliet li jużaw enerġija effiċjenti ħafna u rinnovabbli;

    11.

    Jemmen li politika tal-enerġija Ewropea xierqa għandha tkun fondata fuq taħlita ta' enerġija bbilanċjata bbażata fuq l-użu ta' enerġija bla karbonju u l-fjuwils fossili bl-aktar emissjonijiet baxxi u fuq teknoloġiji ġodda li jnaqqsu b'mod drastiku l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra minn fjuwils fossili solidi;

    12.

    Jemmen li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji nazzjonali biex jittrattaw il-kwestjoni tal-faqar enerġetiku fit-territorju tagħhom;

    13.

    Jikkunsidra li t-taqsim tax-xogħol bejn l-intrapriżi u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi, fejn l-intrapriżi jieħdu responsabbiltà għas-sigurtà tal-provvista, għandu siwi bil-provi u għalhekk fil-prinċipju għandu jinżamm; jistieden lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet politiċi, minħabba li kulma jmur l-ambjent globali qiegħed isir aktar diffiċli, biex fil-futur jadottaw iktar miżuri li jakkumpanjaw operazzjonijiet tal-kummerċ;

    14.

    Ifakkar fl-impenji li ntrabtu bihom l-Istati Membri meta ffirmaw it-Trattat ta' Liżbona għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għall-ipprattikar tas-solidarjetà fi żminijiet ta' kriżi tal-enerġija;

    15.

    Jikkunsidra li r-ratifika tat-Trattat ta' Liżbona se tkompli ssaħħaħ l-isforzi kollha biex tiġi stabbilita politika komuni Ewropea dwar l-enerġija;

    Sigurtà tal-provvista

    16.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan ta' azzjoni għas-sigurtà tal-enerġija u s-solidarjetà tal-UE;

    Promozzjoni ta' infrastrutturi meħtieġa biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-UE

    17.

    Jinnota dewmien kbir fit-twettiq tan-networks prijoritarji u ta' interess Ewropew tat-trasport u tal-enerġija; jenfasizza li din id-dgħjufija fl-investiment tnaqqas il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tagħmel mod li fis-setturi kollha tal-enerġija, il-kapaċitajiet ikunu mġebbda sal-limiti tagħhom jew ma jkunux biżżejjed; jinnota wkoll li l-industrija ma taħtix għal kollox għal dan u jitlob biex l-Istati Membri jinvolvu aktar liċ-ċittadini tagħhom, b'mod partikolari billi jgħarrfuhom dwar il-ħtiġijiet ta' infrastruttura ġdida u proġetti ta' ġenerazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jagħmlu dak kollu li jistgħu fl-oqsma tagħhom tat-teħid ta' deċiżjonijiet biex iħaffu l-investiment;

    18.

    Jinnota li l-mewġa l-ġdida ta' investiment għandha tkun waħda li tħares 'il quddiem sabiex tqis il-bidliet li qed iseħħu ta' kif qed tiġi kkunsmata u prodotta l-enerġija u li s-sistemi deċentralizzati tal-enerġija għandhom ikunu akkumpanjati minn riżorsi kbar ta' enerġija li tiġġedded;

    19.

    Jinnota li l-Kunsill Ewropew stabbilixxa mira ta' 10% għall-kisba ta' kapaċità ta' interkonnessjoni tal-gass u tal-elettriku bejn l-Istati Membri;

    20.

    Jilqa' b'mod pożittiv l-idea li jiżdiedu l-finanzjamenti Ewropej sabiex jinkoraġġixxu l-investimenti fin-networks; jinnota b'interess il-proposta tal-Kummissjoni biex talloka - skont il-qafas tal-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku tal-2008 - EUR 5 biljun ta' baġits tal-2008/2009 li ma ntefqux, b'mod partikolari rigward il-konnessjonijiet ġodda tal-enerġija; jitlob li ijkun involut bis-sħiħ fil-proċess ta' deċiżjoni dwar il-lista finali tal-proġetti; jikkunsidra li l-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jkollu sehem iktar prominenti fl-għoti ta' fondi għall-effiċjenza tal-enerġija, għall-enerġiji rinnovabbli u għal proġetti R&D;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu b'mod attiv biex iżidu l-għadd ta' operaturi fis-suq tal-enerġija u b'mod partikolari biex jadottaw miżuri biex jippromwovu l-produzzjoni tal-enerġija minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u d-dħul tagħhom fis-suq;

    22.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet tal-elettriku u l-gass fl-Ewropa ċentrali u tax-Xlokk, fuq l-assi mit-tramuntana għan-nofsinhar, filwaqt li jfakkar li n-networks fir-reġjun tal-Baħar Baltiku għandhom ikunu żviluppati u integrati fin-network tal-Ewropa tal-Punent; jisħaq fuq il-bżonn ta' attenzjoni speċjali għall-iżvilupp ta' Pjan ta' Interkonnessjoni għall-Baltiku li jkopri l-gass, l-elettriku u l-ħażna fl-2009; jappoġġja wkoll il-bini ta' interkonnessjonijiet mal-gżejjer, ma' żoni mbiegħda u oħrajn iżolati fl-Unjoni Ewropea;

    23.

    Iħeġġeġ, għall-istess raġunijiet, l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet mal-Ewropa tal-Lbiċ, b'mod speċjali mill-Peniżola Iberika għat-tramuntana ta' Franza;

    24.

    Ifakkar li konnessjonijiet transkonfinali diġà jeżistu bejn diversi pajjiżi; josserva li inizjattivi reġjonali bħall-Forum Pentalaterali ħolqu soluzzjonijiet prattiċi li jistgħu jintużaw u li jkabbru l-integrazzjoni tas-suq intern; jinkoraġġixxi lil dawk responsabbli għal dawn l-inizjattivi biex ikomplu bix-xogħol ta' fejda tagħhom;

    25.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri adegwati sabiex tinkoraġġixxi l-interkonnessjoni u l-iżvilupp tan-networks tal-elettriku biex tippermetti l-integrazzjoni ottimizzata u l-ibbilanċjar tal-produzzjoni varjabbli ta' enerġija rinnovabbli fuq l-art u 'l barra minnha;

    26.

    Jilqa' l-proposta biex jitressaq pjan għal network barra mix-xtut fil-Baħar tat-Tramuntana sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tal-enerġija tar-riħ tiegħu; jilqa' f'dan ir-rigward ukoll il-ħolqien ta' network Ewropew kbir ta' distribuzzjoni billi jgħaqqad l-infrastrutturi tan-network tal-Baħar tat-Tramuntana, tal-Mediterran u tar-reġjuni Baltiċi;

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm regolamentazzjoni xierqa u biex jippermettu l-aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastruttura l-ġdida, pereżempju, għan-network li jinsab 'il barra mix-xtut fil-Baħar tat-Tramuntana;

    28.

    Jemmen li l-UE għandha b'mod sostanzjali u kemm jista' jkun malajr tissokta żżid id-diversifikazzjoni u s-sigurtà fil-għejun enerġetiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Presidenza Ċeka jippreżentaw pjan ġdid ta' diversifikazzjoni ambizzjuż u li jipprevedi l-ħtiġijiet tal-futur għall-Kunsill Ewropew li ġej;

    29.

    Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal proġetti għad-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot tal-provvista, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' kuritur tal-gass fin-nofsinhar li jinkludi n-Nabucco, l-Interkonnettur tal-Gass bejn it-Turkija, il-Greċja u l-Italja (TGI), u l-proġetti tal-Flussi tan-Nofsinhar (South Stream); jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir ħidma mal-pajjiżi kkonċernati, b'mod partikolari fir-reġjun tal-Baħar Kaspju; jikkunsidra ta' importanza kbira li għal żmien fit-tul, meta l-kundizzjonijiet politiċi jippermettu dan, provvisti minn pajjiżi oħra fir-reġjun, bħall-Użbekistan u l-Iran, għandhom jirrappreżentaw sors sinifikanti ieħor ta' provvista għall-Unjoni Ewropea;

    30.

    Jesprimi wkoll l-appoġġ tiegħu għall-interkonnessjoni sħiħa tal-Algerija, Spanja, Franza u l-kontinent Ewropew bil-proġett MEDGAZ li l-Kummissjoni tqis bħala proġett ta' interess Ewropew fil-Pjan Prijoritarju ta' Interkonnessjoni sabiex jiġu diversifikati aktar ir-rotot ta' dħul tal-gass fl-Ewropa;

    31.

    Huwa favur, minħabba n-nuqqas fil-produzzjoni tal-gass naturali domestiku u l-bidla fit-taħlita tal-enerġija f'ħafna Stati Membri, li l-proġetti kollha kurrenti ta' infrastruttura tal-gass naturali u l-elettriku jiġu implimentati bil-ħeffa sabiex jiġi żgurat li d-domanda xorta tkun tista' tintlaħaq fil-futur;

    32.

    Jikkunsidra li r-relazzjonijiet u s-sħubijiet mal-fornituri ewlenin tal-enerġija, mal-pajjiżi ta' tranżitu u l-pajjiżi li jikkonsmaw huma importanti u għandhom jiġu approfonditi; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, li l-approfondiment ta' dawk ir-relazzjonijiet u s-sħubijiet m'għandhom fl-ebda ċirkostanza jsiru għad-detriment tal-valuri li huma s-sisien tal-UE rigward, b'mod partikolari, l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-iżvilupp tal-fiduċja u rabtiet iktar fondi u li jorbtu legalment bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi produtturi u ta' tranżitu għandhom jimxu id f'id mal-promozzjoni u l-osservanza tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; jitlob sabiex jiġu żviluppati u adottati politiki u miżuri konkreti għal dawn l-għanijiet;

    33.

    F'dan ir-rigward jitlob biex issir ftehima trilaterali bejn l-UE, ir-Russja u l-Ukraina dwar it-tranżitu tal-gass mir-Russia għall-UE sabiex tkun garantita s-sigurtà tal-provvista fis-snin li ġejjin;

    34.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-isforzi tagħha ħalli tinstab soluzzjoni għal għadd ta' kwistjonijiet miħtuħa li għadhom mhux solvuti dwar il-kundizzjonijiet għat-tranżitu tal-gass naturali mit-Turkija permezz tal-pipeline tal-gass tan-Nabucco;

    35.

    Jikkunsidra li kapaċità suffiċjenti ta' gass naturali likwifikat (LNG) li tikkonsisti f'faċilitajiet ta' likwifikazzjoni fil-pajjiżi ta' produzzjoni u t-terminals tal-LNG u l-gassifikazzjoni mill-ġdid fuq il-vapuri fl-UE għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri kollha, jew direttament jew permezz ta' Stati Membri oħra fuq il-bażi tal-mekkaniżmu ta' solidarjetà; jikkunsidra li t-terminals il-ġodda tal-LNG għandhom ikunu kkunsidrati bħala proġetti ta' interess Ewropew minħabba l-kontribuzzjoni ewlenija tagħhom għad-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista;

    36.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti l-appoġġ totali tagħha għall-investimenti fil-kostruzzjoni ta' faċilitajiet strateġiċi ta' ħażna tal-gass, bħala element importanti tas-sigurtà tal-enerġija Ewropea;

    37.

    Jemmen li l-kapaċità tar-raffinar taż-żejt tirrappreżenta fattur importanti addizzjonali fil-garanzija tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE; jinnota li għalhekk huwa importanti li jittejjeb il-livell ta' trasparenza tal-bilanċ bejn id-domanda u l-provvista għall-kapaċità ta' raffinar neċessarja sabiex taqdi l-bżonnijiet tal-UE, b'mod partikolari minħabba t-tħassib rigward il-potenzjal disponibbli tad-diżil fil-futur;

    38.

    Ifittex, skont il-prinċipju tas-solidarjetà Ewropea fl-enerġija, li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista u tal-enerġija għar-reġjun tal-Baltiku fil-kundizzjonijiet ta' reċessjoni ekonomika;

    Is-suq intern tal-enerġija

    39.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu linji ta' gwida strateġiċi maħsuba biex ikunu applikati għal żmien twil, filwaqt li jinkoraġġixxu l-impriżi industrijali privati biex jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tagħhom, f'bilanċ bejn il-mekkaniżmi tas-suq u r-regolamentazzjoni;

    40.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-ħolqien ta' qafas legali ċar u stabbli billi, qabel it-tmiem tal-leġiżlatura Parlamentar fl-2009i, jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar il-pakkett leġiżlattiv dwar is-suq intern tal-enerġija; jappoġġja t-twaqqif ta' Aġenzija indipendenti, kif previst fil-proposta tal-Kummissjoni msemmija aktar 'il fuq, għal regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija, b'setgħat qawwija u indipendenti, li jinkludu setgħat marbuta mas-sigurtà tal-provvista u n-networks; jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni tat-tielet pakkett tal-enerġija, b'mod partikolari biex jibdew jikkoperaw bejniethom sabiex jippromwovu s-solidarjetà reġjonali u bilaterali għall-iskop tas-salvagwardja tal-provvisti sikuri fis-suq intern;

    41.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw investimenti ta' networks ewlenin u biex jiffinalizzaw is-suq intern tal-enerġija permezz ta' xi inizjattivi li jħarsu 'l quddiem, bħall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni Ewropea u l-istabbiliment tan-network uniku tal-gass Ewropew;

    42.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq 'il quddiem għal-2020 l-għan li jiġi żviluppat u li jitlesta network tal-elettriku interkonness “smart” bħala ingredjent importanti biex jintlaħqu l-miri tal-2020;

    43.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoperaw flimkien għat-tfassil ta' pjan strateġiku Ewropew sabiex l-investimenti meħtieġa jiġu pprogrammati b'mod pluriennali, biex jissodisfaw il-ħtiġijiet futuri tal-produzzjoni tal-elettriku, abbażi ta' studji tal-perspettivi tal-bżonnijiet tal-enerġija fuq medda ta' żmien medju; jemmen li pjan indikattiv pluriennali għandu jkun magħmul ukoll fis-settur tal-gass sabiex jipprovdi perspettiva ġenerali ta' rekwiżiti ta' investiment fil-livell Ewropew;

    44.

    Jistieden lill-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti biex jikkonsultaw u jikkoordinaw pjanijiet futuri għal investimenti ta' infrastruttura transkonfinali (pereżempju, networks, pajpijiet, impjanti tal-enerġija) mal-partijiet rilevanti fil-pajjiżi kollha li jistgħu jkunu affettwati minn investimenti ppjanati biex jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli; jikkunsidra li l-istabbiliment ta' Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Infrastruttura fil-livell Ewropew jgħin dan l-isforz ta' koordinazzjoni u jista' jissupplimenta l-iżvilupp ta' pjan ta' żvilupp ta' 10 snin għal network, kif propost fil-pakkett tas-suq intern tal-enerġija;

    45.

    Jenfasizza li l-finalizzazzjoni tas-suq intern tal-enerġija se tirnexxi biss jekk jitneħħew l-ostakli għall-investiment u jinbnew il-konnessjonijiet fiżiċi li jorbtu lill-Istati Membri ma' network tal-enerġija wieħed komuni, u jekk is-suq fl-aħħar mill-aħħar jagħmilha possibbli li tiġi evitata l-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija u biex jiġi żgurat suq ġust għall-ġeneraturi kollha u l-konnessjoni tan-networks, l-aċċess u l-integrazzjoni tal-produtturi u t-teknoloġiji l-ġodda tal-enerġija; jenfasizza li d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li ġiet riveduta dan l-aħħar u li tistabbilixxi skema għall-iskambju tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fi ħdan il-Komunità (15) tipprovdi, b'mod komprensiv u prevedibbli, evalwazzjoni tas-CO2;

    Ir-relazzjonijiet esterni tal-enerġija

    46.

    Jilqa' l-Komunikazzjoni dwar it-tieni Analiżi Strateġika tal-Enerġija, u b'mod partikolari l-proposti tagħha rigward il-politika dwar l-enerġija esterna, li b'mod ġenerali jikkonformaw mar-Riżoluzzjoni tas-26 ta' Settembru 2007 msemmija aktar 'il fuq; jesprimi d-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta' proposti dettaljati u jenfasizza għal darb'oħra l-bżonn għal intensifikazzjoni ulterjuri tal-isforzi tal-UE biex tiġi żviluppata politika barranija Ewropea komuni koerenti u effikaċi għall-enerġija, b'fokus imġedded għall-pajjiżi li jipproduċu l-enerġija;

    47.

    Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-inklużjoni tal-hekk-imsejħa “klawżola ta' sigurtà enerġetika” fil-kummerċ, l-assoċjazzjoni, u s-sħubija kif ukoll fil-ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi u ta' tranżitu, li toħloq kodiċi ta' kondotta u projbizzjoni ta' tħarbit minħabba tilwim kummerċjali, u li jittieħdu miżuri espliċitament ta' delineament f'każ ta' tħarbit unilaterali, jew ta' xi bidla fil-pattijiet tal-kuntratt jew fil-pattijiet tal-provvista ta' xi ħadd mis-sħab;

    48.

    Ifakkar li l-UE, anke bl-għajnuna ta' pjanijiet ambizzjużi u implimentati b'mod rigoruż għall-effiċjenza u l-ekonomija fl-enerġija, x'aktarx li dejjem se tkun tiddependi għal tul ta' żmien medju minn pajjiżi terzi għall-provvista ta' fjuwils fossili; jitlob għalhekk li d-djalogu mal-pajjiżi produtturi, ta' tranżitu u pajjiżi oħra konsumaturi jissaħħaħ, u b'mod aktar ġenerali, li titjieb il-koperazzjoni fil-livell internazzjonali biex tiżdied it-trasparenza fis-swieq dinjija tal-enerġija u tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli;

    49.

    Jinnota l-importanza ta' kuntratti ta' provvista għal żmien twil għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet fit-tul ibbażati fuq il-fiduċja bejn stati li jagħmlu l-estrazzjonijiet u l-pajjiżi li jixtru u biex jiġi garantit l-investiment neċessarju fis-setturi tal-fażijiet kollha tal-produzzjoni;

    50.

    Jistieden lill-UE biex tikkopera mal-pajjiżi tar-reġjun tal-Mediterran u tal-Afrika ta' Fuq, minħabba l-potenzjal kbir tagħhom fir-rigward tar-riżorsi tal-enerġija u l-opportunitajiet kbar ta' żvilupp għall-Afrika; jemmen, b'mod partikolari, li l-użu tal-enerġija mix-xemx u r-riħ għandu jkun riċerkat u inkoraġġut; jitlob, għalhekk, li l-għanijiet komuni għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija jkunu inklużi fil-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran;

    51.

    Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tikkopera mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani minħabba l-potenzal sinifikanti tagħhom fir-riżorsi tal-enerġija;

    52.

    Jappoġġja l-intenzjoni li tiġi nnegozjata ftehim ġdida fuq skala wiesgħa li tieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni tal-1997 mar-Russja, li tkun tinkludi Kapitolu dwar l-Enerġija, li jkun jirrispetta fis-sħiħ il-prinċipji tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-protokolli tranżitorji tiegħu; jinnota li r-Russja ffirmat u l-Ukraina rratifikat it-Trattat tal-Karta tal-Enerġija; ifakkar li fiha, fost l-oħrajn, mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni ta' tilwim li jipprovdi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim ngħidu aħna fil-każ ta' tilwim ta' tranżitu jew ta' kummerċ bejn il-partijiet rispettivi tat-Trattat;

    53.

    Jenfasizza l-bżonn li l-Ukraina tkun inkluża fl-arranġamenti Ewropej għal djalogu kontinwu mar-Russja, minħabba s-sehem ewlieni tagħha bħala pajjiż ta' tranżitu;

    54.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista,biex tikkunsidra l-estenzjoni tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ewropa tax-Xlokk għal pajjiżi terzi oħra u l-ħolqien ta' swieq reġjonali tal-enerġija ġodda ma' pajjiżi ġirien skont il-mudell tal-Komunità tal-Enerġija tal-Ewropa tax-Xlokk inkluż per eżempju, bħall-Komunità tal-Enerġija Ewro-Mediterranja;

    55.

    Jenfasizza l-bżonn li t-Turkija tkun inkluża fil-arranġamenti Ewropej għal djalogu kontinwu mar-reġjun Kaspjan–Kawkasu minħabba l-irwol prinċipali li jista' jkollha t-Turkija bħala pajjiż ta' tranżitu; itenni fl-istess ħin l-impenji tat-Turkija bħala pajjiż kandidat għall-allinjament mal-acquis communautaire;

    56.

    Jenfasizza l-importanza ġeopolitika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed għas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni u għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija tagħha;

    57.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jirrinforzaw ir-relazzjonijiet li jirrigwardaw l-enerġija mal-pajjiżi tal-Amerika Latina fil-kuntest ta' ftehim ta' kooperazzjoni eżistenti u futuri;

    58.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw l-euro bħala għodda ta' strutturazzjoni tar-relazzjonijiet finanzjarji internazzjonali sabiex jitnaqqsu l-varjazzjonijiet li ġejjin mill-fatturar tax-xiri taż-żejt u tal-gass; jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tistħarreġ il-kwistjoni tal-investiment barrani fis-settur Ewropew tal-enerġija permezz tal-applikazzjoni tal-klawsola ta' reċiproċità; infatti jemmen li sakemm ir-reċiproċità rigward aċċess għas-swieq ma tkunx garantita, l-Unjoni Ewropea għandha, kif ipproponew il-Parlament u l-Kummissjoni, tapplika klawsola effettiva għall-pajjiżi terzi rigward l-akkwist ta' sistema ta' trażmissjoni jew ta' operatur ta' sistema ta' trażmissjoni;

    59.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza modi differenti li bihom l-instabilità tal-prezzijiet taż-żejt u tal-gass tista' tkun imnaqqsa; jinnota b'mod partikolari l-irwol tat-trasparenza u l-kapaċità suffiċjenti ta' produzzjoni ta' riżerva kif ukoll l-effett katalitiku tal-ispekulazzjoni finanzjarja fuq il-formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq; jiċħad l-użu ta' stokks strateġiċi taż-żejt biex jitnaqqas iċ-ċaqliq fil-prezzijiet għal raġunijiet ekonomiċi;

    60.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex jiġu żgurati mezzi ta' provvista, speċjalment dawk marittimi;

    61.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jidentifikaw l-aqwa prattiki fuq livell internazzjonali u biex iżidu l-koperazzjoni teknoloġika ma' dawn il-pajjiżi biex jissaħħu l-għerf u l-esperjenza f'dan il-qasam; b'mod partikolari, jistieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-koperazzjoni teknoloġika tagħhom mal-Ġappun, liema ekonomijia hija totalment dipendenti fuq l-importazzjoni tal-enerġija u li żviluppat waħda mis-sistemi ta' enerġija l-aktar effiċjenti fid-dinja;

    62.

    Jinnota li l-ammont dejjem jikber ta' enerġija li ċ-Ċina qiegħda tikkonsma u l-emissjonijiet taċ-Ċina ta' gassijiet b'effett ta' serra jirrappreżentaw sfida enormi għall-miri ambjentali u għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jitlob għal koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u ċ-Ċina għall-promozzjoni tat-trasferiment ta' teknoloġija b'użu baxx tal-karbonju, b'mod partikolari l-effiċjenza tal-enerġija u l-għejun rinnovabbli; jenfasizza l-importanza kruċjali tal-iżvilupp u l-użu tal-qbid u l-ħażna tal-karbonju (CCS) fiċ-Ċina, minħabba l-importanza tal-faħam għall-ekonomija tagħha;

    63.

    Jinnota l-importanza tad-djalogu dwar l-enerġija bejn l-UE u l-OPEC u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tintensifika d-djalogu dwar l-enerġija man-Norveġja;

    Modi ta' rispons għall-kriżijiet billi jkunu mmaniġġjati l-ħażniet taż-żejt u tal-gass

    64.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva 2006/67/KE tal-24 ta' Lulju 2006 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta' żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (verżjoni kodifikata) (16) u jipproponi l-pubblikazzjoni tad-data ta' kull ġimgħa u mhux aktar ta' kull xahar, sabiex tingħata viżibiltà lis-suq u biex tiġi evitata reazzjoni sproporzjonata għas-sitwazzjoni fl-Amerika;

    65.

    Jinnota l-falliment tal-Istati Membri li juru solidarjetà għal dak li għandu x'jaqsam mal-ammont jiżdied ta' gass disponibbli għall-Istati Membri affettwati matul il-kriżi reċenti tal-gass bejn l-Ukraina u r-Russja; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkrejaw mekkaniżmu ta' solidarjetà skont it-Trattat ta' Liżbona, li għandu jippermetti lill-UE taġixxi effiċjentement, malajr, u koerentement f'sitwazzjonijiet ta' kriżi maħluqin mit-tħarbit tal-provvista, mill-ħsara lill-infrastruttura kritika jew kull ġrajja oħra;

    66.

    Jilqa b'sodisfazzjon, fid-dawl tal-kriżi riċenti msemmija hawn fuq li kkawżat tbatija fit-territorju tal-Unjoni, il-ħsieb tal-Kummissjoni li ttejjeb il-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE tas-26 ta' April 2004 rigward miżuri biex tkun salvagwardjata s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali (17) u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi emendi għal din id-Direttiva qabel tmiem l-2009 skont il-linji proposti fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2008)0769 imsemmija hawn fuq;

    67.

    Jenfasizza li l-elementi ewlenin tar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE għandhom jinkludu pjanijiet ta' azzjoni ta' emerġenza kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE, mandatorji u effettivi, li fost ħwejjeġ oħra jiddefinixxu dikjarazzjoni komuni ta' sitwazzjoni ta' emerġenza, l-allokazzjoni ta' provvisti disponibbli u l-kapaċità tal-infrastruttura fost l-Istati milquta, bl-użu ta' kull mezz possibbli, inklużi, fost l-oħrajn, il-kuntratti interrompibbli, il-qlib minn fjuwil għal ieħor, it-tneħħija tal-ħżin, il-flessibilitajiet tal-provvista, ngħidu aħna; id-dispaċċ ikkoordinat, l-attivazzjoni ta' miżuri ta' emerġenza fi stati li ma jkunux milquta jew li jkunu milquta inqas sabiex jiżdied l-ammont ta' gass disponibbli għas-swieq milquta; jidhirlu li hija ħaġa essenzjali li jittejjeb il-funzjonament tas-suq permezz tat-trasparenza u li tiżdied id-disponibilità tal-gass fis-suq; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiżviluppaw ħażniet ta' gass b'kapaċità ta' rilaxx ta' malajr;

    68.

    Jipproponi li t-teknoloġiji tal-informazzjoni għandhom ikunu użati aħjar għall-qtugħ totali jew parzjali f'każ ta' kriżi u jikkunsidra, għal dan il-għan, li taħt il-kontroll tar-regolatur, tista' tiddaħal sistema li tkun kapaċi tnaqqas il-konsum fuq deċiżjoni kollettiva;

    Effiċjenza tal-enerġija

    69.

    Jikkunsidra li t-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija b'mill-inqas 20% sal-2020 huwa prijorità fil-kontribut għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli u ta' kompetittività u huwa wkoll l-aktar mezz effettiv u ta' spiża effiċjenti ta' kif tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw immedjatament mira għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li tkun torbothom bil-liġi ta' mhux inqas minn 20% sa l-2020; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u biex jagħmlu aċċessibbli informazzjoni prattika dwar is-soluzzjonijiet ta' effiċjenza tal-enerġija li jridu jiġu adottati kif ukoll biex jippromwovu l-edukazzjoni dwar l-enerġija u programmi ta' taħriġ dwar l-enerġija fl-iskejjel u l-universitajiet fl-Unjoni kollha;

    70.

    Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni u infurzar f'waqthom u b'mod strett tal-leġiżlazzjoni dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mill-Istati Membri u l-Kummissjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu adottati miżuri mandatorji għall-kuntratti pubbliċi fil-livelli ta' Komunità u nazzjonali sabiex tiġi stimulata d-domanda għal prodotti u servizzi innovattivi li se jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; jitlob għalhekk għal approċċ ambizzjuz fil-leġiżlazzjoni li ġejja dalwaqt rigward l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (b'mod partikulari fis-setturi tal-bini, tal-industrija u tat-trasport u fir-rigward tal-ippjanar urban u tal-apparat elettriku domestiku;

    71.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li tosserva mill-qrib il-progress tas-sħana u l-enerġija kkombinati flimkien (CHP), u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta aktar miżuri ta' appoġġ bħala parti mill-eżami mill-ġdid tal-pjan ta' azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-2009; ifakkar lill-Kummissjoni li l-iffrankar fuq l-enerġija primarja, l-effiċjenza fl-infiq tal-flus u s-sigurtà tal-provvista huma l-għanijiet prinċipali tal-proċess tas-CHP, tkun xi tkun it-teknoloġija li tintuża; jikkunsidra li għandu jitħalla f'idejn is-suq biex jiżviluppa u jagħżel it-teknoloġiji l-aktar effettivi; huwa favur l-iżvilupp ta' strateġija ta' promozzjoni u ffinanzjar għal infrastruttura bħal m'huma n-networks ta' tisħin u tkessiħ li jużaw riżorsi lokali bħall-enerġija ġeotermali u s-sħana koġenerata, pereżempju;

    72.

    Jappoġġja s-sħubija internazzjonali għall-koperazzjoni fir-rigward tal-effiċjenza tal-enerġija, biex ikunu promossi standards aktar uniformi u biex ikunu inkoraġġiti objettivi dinjija ambizzjużi;

    73.

    Jitlob għal użu aktar effiċjenti taż-żejt, speċjalment fil-qasam tat-trasport, li hu s-settur prinċipali li fih jintuża dan il-fjuwil; jitlob li jiġu adottati objettivi ambizzjużi għal perjodu ta' żmien medju (għall-2020) għall-effiċjenza tal-vetturi fl-użu tal-enerġija, filwaqt li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ifittxu teknoloġiji alternattivi tal-fjuwils u tal-propulsjoni, per eżempju magni tal-elettriku, għat-trasport tal-merkanzija u ta' passiġġieri individwali, speċjalment fiz-zoni urbani; jikkunsidra li jekk jirnexxilna naslu għal bidla sinifikanti fil-mod ta' kif jintuża t-trasport lejn għażliet li huma aktar favur l-ambjent, pereżempju minn trasport privat individwali bit-triq għal trasport pubbliku, għandu jkun parti ċentrali mill-istrateġija tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fis-settur tat-trasport;

    74.

    Jikkunsidra li approċċ li jkun “minn ta' quddiem” għall-vetturi mill-industrija tal-karozzi Ewropea jkun jgħin biex jintrebħu lura swieq internazzjonali, b'mod partikolari minn produtturi Ażjatiċi;

    75.

    Jiddispjaċih li t-trasport bil-ferrovija jgħoddu biss għal 10% tat-trasport tal-merkanzija Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mit-trasport ferrovjarju u dak bl-ilmijiet navigabbli; jitlob għal sforzi aktar determinati biex tiġi stabbilita l-aħjar taħlita ta' trasport bil-ferrovija, l-ilma u t-toroq;

    76.

    Jenfasizza l-importanza li tiġi adottata t-taħlita meħtieġa ta' miżuri ta' politika sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kemm tal-apparat elettriku domestiku eżistenti kif ukoll ta' dak ġdid;

    Użu aħjar tar-riżorsi indiġeni u tal-aqwa teknoloġiji tal-UE

    77.

    Jaħseb li l-enerġiji rinnovabbli, bħar-riħ, il-bijogass, l-enerġija solari, mill-ilma, mill-bijomassa, dik ġeotermali u riżorsi marittimi, huma s-sorsi potenzjali l-aktar importanti tal-enerġija disponibbli għall-Unjoni Ewropea, li tista' tikkontribbwixxi għall-istabbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija u għall-ġlieda kontra d-dipendenza dejjem akbar fuq l-enerġetija, u jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva li titressaq Komunikazzjoni dwar it-tneħħija għal kollox tal-ostakli li jfixklu l-enerġija rinnovabbli; jenfasizza f'dan il-kuntest li kull inizjattiva ġdida m'għandhiex twassal biex proġetti eżistenti jiġu posposti;

    78.

    Jikkunsidra li l-esplojtazzjoni tar-riżorsi fossili indiġeni, b'mod partikolari z-zoni ta' gass naturali fuq l-art kif ukoll fil-baħar, tista' tagħti kontribut biex tiżdied l-indipendenza tal-Ewropa fl-enerġija u għandha tiġi żviluppata fejn hi disponibbli, f'konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali nazzjonali u Ewropea; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsibu l-bilanċ regolatorju ġust bejn is-salvagwardji tal-ambjent u l-opportunitajiet għall-produzzjoni fit-territorju tal-Unjoni kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar;

    79.

    Ifakkar li, minħabba n-natura dejjem għaddejja tas-sorsi rinnovabbli, huwa essenzjali li tizdied il-kapaċità għall-interkonnessjoni fil-livell ta' Komunità filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil dawk l-Istati Membri u r-reġjuni li huma l-aktar iżolati fi ħdan is-suq tal-enerġija tal-Unjoni, bl-intenzjoni li l-Istati Membri jiġu pprovduti l-mezzi li jeħtieġu biex jilħqu l-mira ta' 20% ta' enerġija rinnovabbli sa l-2020;

    80.

    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jirrivoluzzjonaw ir-relazzjonijiet ta' bejn is-settur tal-bini u dak tal-enerġija permezz ta' pjan li jimmira li l-bjut tal-istallazzjonijiet agrikoli jintramaw bi strumenti għall-enerġija rinnovabbli bħal m'huma l-pannelli solari; Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jipprovdu inċentivi lokali għall-użu ta' żjut użati u ta' riżorsi sostenibbli ta' bijomassa lokali, filwaqt li jiżguraw bilanċ xieraq bejn uċuh tar-raba' għall-enerġija u uċuh tar-raba' għall-ikel;

    81.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament li jindika x'inhuma l-ostakli u l-istandards tekniċi li qed iżommu lill-SMEs milli jinvestu fil-produzzjoni tal-enerġija u l-użu li dawn qed jagħmlu min-networks eżistenti għad-distribuzzjoni tal-enerġija prodotta b'dan il-mod;

    82.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-prijorità mogħtija lir-riċerka u l-iżvilupp fil-ħżin tal-elettriku, l-interkonnessjoni bbażata fuq l-ICT ta' faċilitajiet ta' ġenerazzjoni distribwita (“impjanti tal-enerġija virtwali”), is-sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti (smart grids) u ż-żieda fil-kapaċità tal-infrastruttura biex tkun tista' ssir il-konnessjoni prijoritarja tal-enerġiji rinnovabbli;

    83.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi mill-ġdid il-politika Ewropea ta' sostenn għall-iżvilupp billi tintegra pilastru ġdid tal-enerġija; jikkunsidra f'dan il-kuntest li l-proġetti ta' impjanti solari fit-Tramuntana tal-Afrika jridu jkunu intenzjonati l-ewwel u qabel kollox biex jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali;

    84.

    Ifakkar li kemm il-linjit u kemm il-faħam jibqgħu element tranżizzjonali importanti fit-taħlita enerġetika u fis-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, minħabba riservi domestiċi kbar, bħala alternattiva għaż-żejt u għall-gass; Jisħaq madankollu li l-emissjonijiet ta' CO2 tiegħu huma ogħla minn sorsi primarji oħra ta' enerġija; Jitlob għalhekk li jsir tnaqqis ta' emissjonijiet bħal dawn permezz tal-modernizzazzjoni tal-power stations permezz tat-teknoloġiji tas-CCS u jistieden f'dak il-kuntest lill-Kummissjoni beix tikkunsidra l-possibilitajiet finanzjarji kollha biex tibni it-tnax-il proġett ta' dimostrazzjoni sal-2015;

    85.

    Jagħraf li t-taħlit tal-bijomassa għall-ħruq f'power stations moderni li jaħarqu l-faħam diġà qed jilħaq effiċjenza ta' 45%, u li jistgħu jilħqu livelli ta' effiċjenza ta' saħansitra 90% bl-użu tas-CHP; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu inċentivi għaż-żieda fit-taħlit ta' fjuwils bijoġeniċi f'power stations li jaħarqu l-fjuwils fossili;

    86.

    Jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li skontha, hu importanti li jinżamm il-kontribut tal-enerġija nukleari fit-taħlita tas-sorsi tal-enerġija, u li minħabba dan għandu jiġi promoss bla dewmien it-twaqqif ta' qafas ekonomiku u regolatorju armonizzat li jiffaċilita t-teħid tad-deċiżjonijiet ta' investiment meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' direzzjoni speċifiku għall-investimenti nukleari; jikkunsidra li hu imperattiv li jinbeda dibattitu fi ħdan is-soċjetà, mingħajr ma jsir ġudizzju minn qabel tar-riżultat, dwar l-użu sikur ta' din il-għajn ta' enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, bħala parti integrali mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, l-adozzjoni mill-pajjiżi ġirien tal-acquis communautaire għas-sigurtà nukleari kull darba li jkun ippjanat impjant nukleari ġdid jew ikun immodernizzat impjant antik f'dawn il-pajjiżi;

    87.

    Ifakkar l-importanza tal-enerġija nukleari, li tiġi prodotta fi 15 mis-27 Stat Membru u li tiġi wżata minn għadd jerġa' akbar, u li tipprovdi għal madwar terz tad-domanda għall-elettriku fl-Unjoni Ewropea; ifakkar ukoll fis-sitt reatturi ġodda li qed jinbnew bħalissa f'erba' Stati Membri;

    88.

    Jenfasizza li l-kompetittività tal-enerġija nukleari, li fil-parti l-kbira tagħha ma tiġix affettwata mit-tibdil fil-prezzijiet tal-fjuwil minħabba l-proporzjon żgħir tal-ispejjeż tal-ġenerazzjoni li l-fjuwil, l-uranju, jirrappreżenta;

    89.

    Jenfasizza li l-industrija nukleari Ewropea tinsab quddiem nett fid-dinja fit-teknoloġiji kollha taċ-ċikli nukleari, speċjalment l-arrikkiment, li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni;

    90.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni ta' appoġġ li ġeneralment tieħu l-Kummissjoni fir-rigward tal-enerġija nukleari; jinnota, iżda, li ma tindirizzax b'mod adegwat il-kwistjoni ta' kif fl-aħħar niddisponu mill-iskart radjuattiv, minkejja l-importanza kbira ta' dan f'għajnejn il-pubbliku; jitlob lill-Istati Membri kkonċernati jżidu l-isforzi tagħhom biex isolvu l-problema tar-rimi finali ta' kull tip ta' skart radjuattiv, iżda speċjalment ta' skart li huwa radjuattiv ħafna;

    91.

    Jikkunsidra li huwa essenzjali li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu assigurati li, fl-Unjoni, l-enerġija nukleari hija użata b'mod sikur u trasparenti, u fil-livell ta' sikurezza l-aktar għoli possibbli teknoloġikament b'mod partikulari f'dak li jirrgwarda l-immaniġġjar tal-iskart nukleari; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuqgħal direttiva li twaqqaf qafas Komunitarju għas-sigurtà nukleari; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw mudelli u proċeduri flimkien mal-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika biex l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari jiġi miżmum milli jwassal għall-proliferazzjoni tal-armi nukleari;

    92.

    Jenfasizza li la fil-Programm Nukleari Illustrattiv rivedut tagħha u lanqas fir-reviżjoni strateġika, il-Kummissjoni m'eżaminat l-iżvilupp tat-teknoloġija nukleari sal-2050, kif issuġġerit fid-dokument ta' referenza tal-Pjattaforma għat-Teknoloġija għall-Enerġija Nukleari Sostenibbli, kif ukoll l-importanza mogħtija lill-proġett ITER ta' fużjoni kontrollata;

    Lejn l-2050

    93.

    Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippjanaw politika Ewropea tal-enerġija li tippermetti konverżjoni massiva lejn teknoloġiji tal-enerġija li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija u li għandhom emissjoni baxxa ta' karbonju biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-konsum tal-enerġija; jenfasizza li jekk l-effiċjenza tal-enerġija u l-ekonomiji tal-enerġija jibqgħu prijorità, kif ukoll il-kontinwazzjoni għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, se jkun possibbli li jintlaħqu l-ħtiġijiet għall-enerġija minn sorsi b'emissjonijiet baxxi sal-2050;

    94.

    Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li t-tranżizzjoni li qed titmexxa fid-direzzjoni ta' sistema ta' enerġija effiċjenti ħafna se timplika approċċ sistematiku bbażat fuq is-sinerġiji bejn setturi differenti; jenfasizza l-importanza ċentrali li l-miżuri kollha jiġu evalwati abbażi tal-kontribuzzjoni tagħhom biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas- CO2; jemmen li għal dan il-għan l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet lokali integrati għandhom ikunu prijorità;

    95.

    Jikkunsidra l-isfidi globali u Ewropej fuq tul ta' żmien tal-enerġija u tal-bidla fil-klima bħala opportunità unika biex joħorġu mudelli ta' negozju ġodda fl-ekonomija kollha sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-intraprenditorija ambjentali;

    96.

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji tal-fattibilità ta' proġetti ta' żvilupp ta' pjattaformi tar-riħ fil-Baħar tat-Tramuntana kif ukoll tal-proġett ta' bini ta' impjanti solari fl-Afrika;

    97.

    japprova, fil-qafas tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġiji tal-Enerġija, it-tfassil ta' aġenda politika għall-2030 u ta' pjan tar-rotta għall-politika tal-enerġija fl-2050; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tevalwa x-xejriet fil-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija skont diversi xenarji, fid-dawl tal-iżvilupp tad-domanda għall-enerġija, tar-riżorsi potenzjali ta' enerġija, tal-impatt ambjentali, tal-prezz ikkalkolat tal-enerġija u tas-CO2;

    98.

    Jitlob lill-Kummisjoni biex tiżgura li l-pjan direzzjonali jagħmel possibbli l-orjentament tar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-enerġija kif ukoll tal-edukazzjoni sabiex jitnaqqas il-prezz tal-enerġija rinnovabbli u tal-ħżin tal-enerġija, u biex ikun żgurat is-suċċess tar-reatturi nukleari tar-raba' ġenerazzjoni tas-CCS u b'mod partikulari li tinstab alternattiva għaż-żejt għat-trasport, filwaqt li tenfasizza l-enerġija solari li hi riżorsa infinita;

    99.

    Ifakkar il-ħtieġa li tiġi imħeġġa, b'mod kontinwu, ir-riċerka fuq it-transmutazzjoni tal-iskart nukleari u l-fużjoni nukleari bħala għajn ta' enerġija wara medda ta' żmien twila ħafna;

    *

    * *

    100.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 114.

    (2)  ĠU C 76 E, 27.3.2008, p. 114.

    (3)  ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 82.

    (4)  ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 206.

    (5)  ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 424.

    (6)  Testi adottati, P6_TA(2008)0033.

    (7)  Testi adottati, P6_TA(2008)0096.

    (8)  Testi adottati, P6_TA(2008)0354.

    (9)  Testi adottati, P6_TA(2008)0294.

    (10)  Testi adottati, P6_TA(2008)0347.

    (11)  Testi adottati, P6_TA(2008)0295.

    (12)  Testi adottati, P6_TA(2008)0346.

    (13)  Testi adottati, P6_TA(2008)0296.

    (14)  Testi adottati, P6_TA(2008)0545.

    (15)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    (16)  ĠU L 217, 8.8.2006, p. 8.

    (17)  ĠU L 127, 29.4.2004, p. 92.


    Top