Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IG0728(02)

Inizjattiva tal-Isvezja u ta' Spanja bl-iskop li tiġi adottata deċiżjoni gwarniċ tal-Kunsill fuq Akkreditazzjoni tal-attivitajiet tal-Laboratorji Forensiċi

ĠU C 174, 28.7.2009, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/7


Inizjattiva tal-Isvezja u ta' Spanja bl-iskop li tiġi adottata deċiżjoni gwarniċ tal-Kunsill fuq Akkreditazzjoni tal-attivitajiet tal-Laboratorji Forensiċi

2009/C 174/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 30(1)(a) u (c), l-Artikolu 31 u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tal-Isvezja u r-Renju ta' Spanja,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea għamlitu bħala l-għan tagħha li żżomm u tiżviluppa l-Unjoni bħala spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; għandu jiġi pprovdut livell għoli ta' sigurtà permezz ta' azzjoni komuni fost l-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali.

(2)

Dak l-għan għandu jinkiseb bil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità permezz ta' koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri, waqt li jiġu rispettati l-prinċipji u r-regoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt li fuqhom l-Unjoni hi mibnija u li huma komuni fl-Istati Membri.

(3)

L-iskambju ta' informazzjoni u intelligence dwar il-kriminalità u attivitajiet kriminali huwa kruċjali sabiex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom il-possibbiltà li jipprevjenu, jikxfu u jinvestigaw il-kriminalità u attivitajiet kriminali. Azzjoni komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija skont l-Artikolu 30(1)(a) tat-Trattat u azzjoni komuni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali skont l-Artikolu 31(1)(a) tat-Trattat jimplikaw il-ħtieġa ta' tiġi pproċessata informazzjoni rilevanti li għandha tkun suġġetta għal dispożizzjonijiet adatti dwar il-protezzjoni tad-data personali.

(4)

L-iskambju intensifikat ta' informazzjoni rigward l-evidenza forensika u l-użu akbar ta' evidenza minn Stat Membru wieħed fil-proċessi ġudizzjarji ta' ieħor, jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kwalità tad hija għolja biżżejjed.

(5)

Informazzjoni li toriġina minn proċessi forensiċi fi Stat Membru wieħed tista' attwalment tkun assoċjata ma' livell ta' inċertezza fi Stat Membru ieħor fir-rigward ta' kif element ikun ġie ttrattat, x'metodi ntużaw u kif ir-riżultati ġew interpretati.

(6)

Huwa partikolarment importanti li tiġi salvagwardjata l-kwalità tal-informazzjoni skambjata meta din tkun relatata ma' personali sensittiva bħal profili tad-DNA u marki tas-swaba'.

(7)

Skont l-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (2), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-integrità tal-profili tad-DNA li jkunu saru disponibbli jew intbagħtu biex jitqabblu lil Stati Membri oħrajn u sabiex jiżguraw li dawn il-miżuri jikkonformaw mal-istandards internazzjonali, bħall-Istandard Internazzjonali EN ISO/IEC 17025 – Rekwiżiti Ġenerali għall-kompetenza ta' laboratorji tal-ittestjar u l-ikkalibrar.

(8)

Il-profili tad-DNA u l-marki tas-swaba' ma jintużawx biss fi proċedimenti kriminali iżda huma wkoll kruċjali għall-identifikazzjoni tal-vittmi, fost l-oħrajn wara diżastri.

(9)

L-akkreditament ta' proċessi forensiċi huwa pass importanti lejn skambju aktar sikur u aktar effettiv ta' evidenza xjentifika ġewwa l-Unjoni. L-akkreditament joffri l-garanziji meħtieġa li l-attivitajiet tal-laboratorji jitwettqu skont l-istandards internazzjonali rilevanti, bħall-Istandard Internazzjonali EN ISO/IEC 17025 – Rekwiżiti Ġenerali għall-kompetenza ta' laboratorji tal-ittestjar u l-ikkalibrar u l-ikkalibrar, kif ukoll linji gwida applikabbli u rilevanti.

(10)

L-akkreditament jingħata minn korp nazzjonali ta' akkreditament li jkollu kompetenza esklussiva biex jivvaluta jekk laboratorju jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti minn standards armonizzati. Korp ta' akkreditament jikseb l-awtorità tiegħu mill-Istat. Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti (3) fih dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kompetenza tal-korpi nazzjonali ta' akkreditament.

(11)

In-nuqqas ta' ftehim għall-applikazzjoni ta' standard komuni ta' akkreditament għall-analiżi ta' evidenza xjentifika huwa difett li ser ikollu jiġi rimedjat; il-Kunsill għalhekk iqis li huwa meħtieġ li jiġi adottat strument legalment vinkolanti dwar l-akkreditament tal-attivitajiet tal-laboratorji forensiċi għall-fornituri forensiċi kollha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

Artikolu 1

Għan

1.   L-għan ta' din id-Deċiżjoni Qafas huwa li jiġi żgurat li r-riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji ta' Stat Membru wieħed jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għar-riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor.

2.   Dan l-għan jinkiseb billi jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-laboratorji jiġu akkreditati minn korp ta' akkreditament bħala li huma jikkonformaw mal-Istandard Internazzjonali EN ISO/IEC 17025 – Rekwiżiti Ġenerali għall-kompetenza ta' laboratorji tal-ittestjar u l-ikkalibrar.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-attivitajiet tal-laboratorji relatati ma':

(a)

DNA; u

(b)

marki tas-swaba'.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni-Qafas:

(a)

“attività tal-laboratorju” tfisser kwalunkwe miżura li tittieħed meta evidenza forensika tkun qed tiġi ttrattata, żviluppata, analizzata jew interpretata bil-ħsieb li jingħataw opinjonijiet esperti jew li tiġi skambjata evidenza forensika;

(b)

“korp ta' akkreditament” tfisser l-uniku korp fi Stat Membru li jwettaq akkreditament b'awtorità mogħtija minn dak l-Istat.

Artikolu 4

Akkreditament

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tal-laboratorji tagħhom jiġu akkreditati minn korp ta' akkreditament li huma jikkonformaw mal-Istandard Internazzjonali EN ISO/IEC 17025 – Rekwiżiti Ġenerali għall-kompetenza ta' laboratorji tal-ittestjar u l-ikkalibrar.

Artikolu 5

Rikonoxximent reċiproku tar-riżultati

Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-riżultati tal-attivitajiet ta' akkreditament tal-laboratorji mwettqin fi Stati Membri oħrajn jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għar-riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji akkreditati nazzjonali.

Artikolu 6

Spejjeż

1.   Kull Stat Membru għandu jerfa' l-ispejjeż li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni Qafas.

2.   Il-Kummissjoni hija mħeġġa tikkunsidra appoġġ finanzjarju għal proġetti nazzjonali u transnazzjonali relatati, fost l-oħrajn għall-iskambju ta' esperjenza, id-disseminazzjoni ta' kompetenzi u l-ittestjar tal-profiċjenza.

Artikolu 7

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas qabel l-1 ta' Jannar 2012.

2.   Qabel l-1 ta' Lulju 2012, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skont din id-Deċiżjoni Qafas.

3.   Abbażi ta' dak it-test u ta' informazzjoni oħra pprovduta mill-Istati Membri fuq talba, il-Kummissjoni għandha, qabel l-1 ta’ Jannar 2014, tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas.

4.   Sa tmiem l-2014, il-Kunsill għandu jivvaluta safejn l-Istati Membri jkunu kkonformaw ma' din id-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Opinjoni ta'... (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12.

(3)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.


Top